EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008R1006

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 tad- 29 ta' Settembru 2008 dwar l-awtorizzazzjonijiet għall-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tas-sajd tal-Komunità barra mill-ilmijiet tal-Komunità u l-aċċess ta' bastimenti ta' pajjiżi terzi għall-ilmijiet tal-Komunità, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93 u (KE) Nru 1627/94 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 3317/94

ĠU L 286, 29.10.2008, p. 33–44 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 16/01/2018; Imħassar b' 32017R2403

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/1006/oj

29.10.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 286/33


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1006/2008

tad-29 ta' Settembru 2008

dwar l-awtorizzazzjonijiet għall-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tas-sajd tal-Komunità barra mill-ilmijiet tal-Komunità u l-aċċess ta' bastimenti ta' pajjiżi terzi għall-ilmijiet tal-Komunità, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93 u (KE) Nru 1627/94 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 3317/94

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3317/94 tat-22 ta' Diċembru 1994 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali rigward l-awtorizzazzjoni tas-sajd fl-ilmijiet ta' kull pajjiż terz taħt kull ftehim tas-sajd (1) jistabbilixxi l-proċedura għall-awtorizzazzjoni ta' attivitajiet tas-sajd minn bastimenti tas-sajd tal-Komunità fl-ilmijiet taħt il-ġurisdizzjoni ta' pajjiżi terzi, skond l-istrumenti ta' ftehim tas-sajd konklużi bejn il-Komunità u pajjiżi terzi. Il-proċedura stabbilita f'dak ir-Regolament m'għadhiex titqies li taqdi l-ħtiġijiet fir-rigward ta' l-obbligi internazzjonali li joħorġu mill-istrumenti ta' ftehim bilaterali u multilaterali dwar is-sajd u l-konvenzjonijiet adottati fil-qafas ta' organizzazzjonijiet regjonali tal-ġestjoni tas-sajd (RFMO) jew arranġamenti simili. Barra minn hekk, ir-Regolament m'għadux biżżejjed biex jinqdew l-għanijiet tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS), partikolarment fir-rigward tas-sajd sostenibbli u tal-kontroll.

(2)

B'segwitu għall-Pjan ta' Azzjoni 2006-08 għas-simplifikar u t-titjib tal-Politika Komuni tas-Sajd, ippreżentat fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament tat-8 ta' Diċembru 2005, u t-tibdil fiċ-ċirkostanzi għas-sajd barra l-ilmijiet tal-Komunità mill-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 3317/94, u sabiex ikun hemm konformità ma' l-obbligi internazzjonali, huwa meħtieġ li tiġi introdotta sistema Komunitarja ġenerali għall-awtorizzazzjoni ta' l-attivitajiet kollha tas-sajd minn bastimenti tas-sajd tal-Komunità barra mill-ilmijiet tal-Komunità. Barra minn hekk, ir-regoli ta' aċċess għall-bastimenti tas-sajd li jtajjru l-bandiera ta' pajjiż terz għall-ilmijiet Komunitarji, kif attwalment stabbilit fi strumenti ġuridiċi differenti oħra, għandhom jiġu definiti mill-ġdid u, sa fejn xieraq, armonizzati mar-regoli applikabbli għall-bastimenti tas-sajd tal-Komunità.

(3)

Bastimenti tas-sajd tal-Komunità għandhom jitħallew jidħlu f'attivitajiet tas-sajd barra mill-ilmijiet Komunitarji biss wara li jiġu awtorizzati mill-awtorità kompetenti responsabbli għall-awtorizzazzjoni ta' l-attivitajiet tas-sajd ikkonċernati, bħall-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz li jkunu qed isiru l-attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tiegħi, l-awtorità kompetenti għall-awtorizzazzjoni ta' attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet internazzjonali koperti b'dispożizzjonijiet adottati fil-qafas ta' RFMO jew arranġament simili, jew, fil-każ ta' attivatjiet tas-sajd fl-ibħra internazzjonali mhux regolati b'ebda ftehim, l-awtoritàjiet kompetenti ta' l-Istati Membri mingħajr preġudizzju għall-leġislazzjoni Komunitarja dwar attivitajiet tas-sajd fl-ibħra internazzjonali.

(4)

Huwa importanti li jiġu definiti b'mod ċar ir-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni u ta' l-Istati Membri fir-rigward tal-proċeduri għall-awtorizzazzjoni ta' attivitajiet tas-sajd ta' bastimenti tas-sajd tal-Komunità barra mill-ilmijiet Komunitarji. F'dan ir-rigward il-Kummissjoni għandha tkun f'pożizzjoni li tiżgura li l-obbligi internazzjonali u d-dispożizzjonijiet tal-PKS jitħarsu, li t-talbiet għal trasmissjoni ta' applikazzjonijiet tlestew u li ġew trasmessi skond l-iskadenzi stabbiliti taħt l-istrumenti ta' ftehim ikkonernati.

(5)

Il-bastimenti tas-sajd tal-Komunità għandhom jiġu kkunsidrati eliġibbli għall-awtorizzazzjoni għal kwalukwe attività tas-sajd barra mill-ilmijiet tal-Komunità biss kemm-il darba jiġu sodisfatti numru ta' kriterji relatati ma' l-obbligi internazzjonali li daħlet għalihom il-Komunità kif ukoll ir-regoli u l-għanijiet tal-PKS.

(6)

Fejn il-proċedura tal-Kunsill għall-adozzjoni ta' deċiżjoni dwar l-applikazzjoni proviżorja ta' protokoll ġdid għal ftehim bilaterali dwar is-sajd ma' pajjiż terz li jalloka l-opportunitajiet tas-sajd bejn l-Istati Membri ma jistax jiġi finalizzat qabel id-data ta' din l-applikazzjoni proviżorja l-Kummissjoni għandha titħalla, fuq bażi temporanja, sabiex tiġi evitata kwalunkwe interruzzjoni ta' l-attivitajiet tas-sajd minn bastimenti tal-Komunità, tittrasmetti lill-pajjiż terz applikazzjonijiet għal awtorizzazzjonijiet tas-sajd fis-sitt xhur wara l-iskadenza tal-protokoll preċedenti.

(7)

Sabiex jiġi żġurat li l-opportunitajiet tas-sajd disponibbli għall-Komunità taħt l-istrumenti ta' Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd jiġu użati sa l-aħħar, huwa meħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa biex talloka mill-ġdid fuq bażi temporanja l-opportunitajiet tas-sajd mhux użati minn Stat Membru wieħed għal Stat Membru ieħor, mingħajr ma taffettwa l-allokazzjoni jew l-iskambju ta' l-opportunitajiet tas-sajd fost l-Istati Membri taħt il-Protokoll in kwistjoni.

(8)

L-istrumenti ta' Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd huma dawk l-istrumenti ta' ftehim kif imsemmija fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta' Lulju 2004 u li, meta ġew konklużi jew applikati proviżorjament, ġew deskritti bħala tali mill-Kunsill.

(9)

Id-dispożizzjonijiet dwar il-kontroll ta' l-użu ta' l-opportunitajiet tas-sajd allokati lil bastimenti tas-sajd tal-Komunità barra mill-ilmijiet Komunitarji u ta' l-opportunitajiet tas-sajd allokati lil bastimenti tas-sajd ta' pajjiżi terzi fl-ilmijiet Komunitarji għandhom jiġu armonizzati u għandhom jippermettu azzjoni f'waqtha biex Stati Membri u terzi pajjiżi ma jitħallewx jisbqu dawk l-opportunitajiet.

(10)

Għall-prosekuzzjoni konsistenti u effikaċi tal-ksur, għandha tkun ipprovduta l-possibbiltà li jsir użu sħiħ tar-rapporti ta' spezzjoni u sorveljanza mfassla mill-ispetturi tal-Kummissjoni, mill-ispetturi tal-Komunità, mill-ispetturi ta' l-Istati Membri u ta' pajjiżi terzi.

(11)

Id-data kollha relatata ma' l-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tas-sajd tal-Komunità barra mill-ilmijiet tal-Komunità skond strumenti ta' ftehim dwar is-sajd, għandha tkun aġġornata u, sa fejn hu xieraq, aċċessibbli għall-Istati Membri u l-pajjiżi terzi konċernati. Għal dan il-għan, huwa meħtieġ li tiġi stabbilita sistema ta' informazzjoni Komunitarja għall-awtorizzazzjoni tas-sajd.

(12)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' l-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (2). Dawk ir-regoli jistgħu wkoll jipprevedu eżenzjonijiet mill-obbligi stabbiliti f'dan ir-Regolament meta dawk l-obbligi joħolqu piż sproporzjonat meta mqabbel ma' l-importanza ekonomika ta' l-attività u, għal raġunijiet ta' effiċjenza, tali eżenzjonijiet għandhom jiġu adottati permezz tal-proċedura ta' ġestjoni stabbilita fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(13)

Ir-Regolament (KE) Nru 3317/94 kif ukoll id-dispożizzjonijiet relatati ma' l-aċċess ta' bastimenti tas-sajd ta' terzi pajjiżi għall-ilmijiet tal-Komunità stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1627/94 tas-27 ta' Ġunju 1994 li jniżżel ċerti dispożizzjonijiet rigward permessi speċjali tas-sajd (3) u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2847/93 tat-12 ta' Ottubru 1993 li jistabbilixxi sistema ta' kontroll li tapplika għall-politika tas-sajd komuni (4), għandhom jitħassru.

ADDOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Kamp ta'applikazzjoni u għanijiet

Dan ir-Regolament jistabbilixxi dispożizzjonijiet rigward:

(a)

l-awtorizzazzjoni għall-bastimenti tas-sajd tal-Komunità biex jieħdu sehem f'dawn l-attivitajiet tas-sajd:

(i)

fl-ilmijiet li huma taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni ta' pajjiż terz fil-qafas ta' ftehim tas-sajd konkluż bejn il-Komunità u dak il-pajjiż, jew

(ii)

li jaqgħu fl-ambitu ta' miżuri ta' konservazzjoni u ġestjoni adottati fil-qafas ta' organizzazzjoni reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd jew arranġament simili li tagħhom il-Komunità hija parti kontraenti jew Parti kooperanti mhux kontraenti, minn hawn ’il quddiem imsejħa “RFMO”, jew

(iii)

barra mill-ilmijiet tal-Komunità li ma jaqgħux fl-ambitu ta' ftehim tas-sajd jew ta' RFMO;

(b)

l-awtorizzazzjoni għal bastimenti tas-sajd ta' pajjiż terz biex jieħdu sehem f'attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-Komunità;

u l-obbligi tar-rappurtar relatati ma' l-attivitajiet awtorizzati.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament:

(a)

“ftehim” tfisser ftehim dwar is-sajd konkluż jew li għalih ġiet adottata deċiżjoni ta' applikazzjoni proviżorja f'konformità ma' l-Artikolu 300 tat-Trattat;

(b)

“organizzazzjoni reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd” tfisser organizzazzjoni reġjonali jew subreġjonali jew arranġament simili b'kompetenza, kif rikonoxxut taħt il-liġi internazzjonali, biex jistabbilixxi miżuri ta' konservazzjoni u mmaniġġjar għal riżorsi ħajjin tal-baħar taħt ir-responsabbiltà tagħha bis-saħħa tal-konvenzjoni jew il-ftehim li jistabbilixxiha;

(ċ)

“attivitajiet tas-sajd“ tfisser il-qbid, iż-żamma abbord, l-ipproċessar u t-trasferiment ta' ħut;

(d)

“bastiment tas-sajd tal-Komunità” tfisser bastiment tas-sajd tal-Komunità kif imsemmi fl-Artikolu 3(d) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 ta' l-20 ta' Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni dwar is-Sajd (5);

(e)

“reġistru tal-flotta tal-Komunità” tfisser ir-reġistru tal-flotta tas-sajd tal-Komunità kif imsemmi fl-Artikolu 15(3) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002;

(f)

“opportunità tas-sajd” tfisser l-opportunità tas-sajd kif definita fl-Artikolu 3(q) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002;

(g)

“awtorità awtorizzanti” tfisser l-awtorità responsabbli għall-awtorizzazzjoni ta' attivitajiet ta' sajd ta' bastimenti tas-sajd tal-Komunità taħt ftehim jew l-awtorizzazzjoni għal bastimenti tas-sajd ta' pajjiżi terzi fl-ilmijiet tal-Komunità;

(h)

“awtorizzazzjoni tas-sajd” tfisser id-dritt ta' parteċipazzjoni f'attivitajiet tas-sajd matul perijodu speċifiku, f'żona speċifika jew għal sajda partikolari;

(i)

“sforz tas-sajd” tfisser l-isforz tas-sajd kif definit fl-Artikolu 3(h) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002;

(j)

“trasmissjoni elettronika” tfisser it-trasferiment tad-data f'format elettroniku, bil-kontenut, format u protokoll stabbiliti mill-Kummissjoni jew maqbula mill-partijiet għal ftehim;

(k)

“kategorija tas-sajd” tfisser suddiviżjoni tal-flotta abbażi ta' kriterji bħal, b'mod partikolari, it-tip partikolari ta' bastiment, it-tip ta' attivitajiet tas-sajd u t-tagħmir tas-sajd użat;

(l)

“ksur serju” tfisser ksur serju kif definit fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1447/1999 ta' l-24 ta' Ġunju 1999 li jistabbilixxi lista tal-modi ta' mġieba li jiksru serjament ir-regoli tal-politika komuni tas-sajd (6), jew ksur serju jew vjolazzjoni serja taħt il-ftehim ikkonċernat;

(m)

“lista IUU” tfisser il-lista ta' bastimenti tas-sajd li jieħdu sehem f'sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux regolat u identifikati fil-qafas ta' RFMO jew mill-Kummissjoni taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta' Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (7);

(n)

“sistema Komunitarja ta' informazzjoni dwar l-awtorizzazzjoni tas-sajd” tfisser is-sistema ta' informazzjoni stabbilita mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 12;

(o)

“bastiment tas-sajd ta' pajjiż terz” tfisser bastiment:

li, jkunu xi jkunu d-dimensjonijiet tiegħu, jintuża primarjament jew sekondarjament sabiex jieħu prodotti tas-sajd,

li, anke jekk ma jintużax biex jaqbad il-ħut bil-mezzi tiegħu proprji, jieħu l-prodotti tas-sajd minn bastimenti oħra bi trasbord, jew

li fuqu l-prodotti tas-sajd huma soġġetti għal wieħed jew aktar minn dawn il-proċessi qabel jiġu konfezzjonati: dissossament jew tqattigħ, tqaxxir, ikkapuljar, iffriżar u/jew ipproċessar,

u li jtajjar il-bandiera ta', u/jew huwa irreġistrat fi, pajjiż terz.

KAPITOLU II

ATTIVITAJIET TAS-SAJD MINN BASTIMENTI TAS-SAJD TAL-KOMUNITÀ BARRA MILL-ILMIJIET TAL-KOMUNITÀ

TAQSIMA I

Dispożizzjonjiet ġenerali

Artikolu 3

Dispożizzjoni ġenerali

Huma biss bastimenti tas-sajd tal-Komunità li għalihom inħarġet awtorizzazzjoni tas-sajd f'konformità ma' dan ir-Regolament li għandhom ikunu intitolati jieħdu sehem f'attivitajiet tas-sajd barra mill-ilmijiet tal-Komunità.

TAQSIMA II

Awtorizzazzjonijiet għal attivitajiet tas-sajd fil-qafas ta' strumenti ta' ftehim

Artikolu 4

Preżentazzjoni ta' applikazzjonijiet

1.   Mill-anqas ħamest ijiem ta' xogħol qabel l-iskadenza għat-trasmissjoni ta' applikazzjonijiet stabbiliti fil-ftehim ikkonċernat jew, fin-nuqqas ta' skadenza fil-ftehim, mill-anqas skond l-arranġament stabbilit fil-ftehim u mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet speċifiċi li jinsabu fil-leġislazzjoni Komunitarja, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni, permezz ta' trasmissjoni elettronika, l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjonijiet tas-sajd għall-flottot tas-sajd ikkonċernati.

2.   L-applikazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandu jkun fihom in-numru ta' l-identifikazzjoni fir-reġistru tal-flotta tal-Komunità u l-kodiċi internazzjonali tas-sinjal tar-radju tal-bastiment u kwalunkwe data oħra meħtieġa taħt il-ftehim ikkonċernat, jew stabbilita skond il-proċeduri msemmija fl-Artikolu 27(2).

Artikolu 5

Kriteriji ta' eliġibbiltà

1.   L-Istati Membri għandhom jippreżentaw biss lill-Kummissjoni applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni għas-sajd għal bastimenti tas-sajd li jtajjru l-bandiera tagħhom:

(a)

li diġà qed iwettqu attivitajiet tas-sajd u li, matul it-12-il xahar ta' qabel ta' attivitajiet tas-sajd taħt il-ftehim ikkonċernat jew, fil-każ ta' ftehim ġdid, taħt il-ftehim li ppreċedih, fejn xieraq, issodisfaw il-kondizzjonijiet taħt il-ftehim għal dak il-perijodu;

(b)

li matul it-12-il xahar qabel l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni għas-sajd, kienu soġġetti għal proċedimenti ta' sanzjoni għal ksur serju jew kienu kkunsidrati suspettati b'tali ksur skond il-liġi nazzjonali ta' l-Istat Membru u/jew fejn is-sid tal-bastiment inbidel u s-sid il-ġdid jipprovdi garanziji li l-kondizzjonijiet ser jiġu sodisfatti;

(ċ)

li mhumiex inklużi f'lista IUU;

(d)

li għalihom id-data li tinsab fir-reġistru tal-flotta tal-Komunità u fis-sistema Komunitarja ta' informazzjoni dwar l-awtorizzazzjoni tas-sajd hija kompleta u preċiża;

(e)

li għandhom liċenzja tas-sajd kif imsemmija fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1281/2005 tat-3 ta' Awwissu 2005 dwar l-immaniġġjar tal-liċenzji tas-sajd u l-informazzjoni minima li tinsab fihom (8);

(f)

li għalihom id-data meħtieġa taħt il-ftehim ikkonċernat hija disponibbli u aċċessibbli għall-awtorità awtorizzanti; u

(g)

li għalihom l-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni tas-sajd huma f'konformità mal-ftehim ikkonċernat u dan ir-Regolament.

2.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjonijiet tas-sajd li għalihom jitlob it-trasmissjoni huma fil-limiti ta' l-opportunitajiet tas-sajd disponibbli għal dak l-Istat Membru taħt il-ftehim ikkonċernat.

Artikolu 6

Trasmissjoni ta' l-applikazzjonijiet

1.   Il-Kummissjoni għandha tittrasmetti l-applikazzjonijiet lill-awtorità awtorizzanti kkonċernata fi żmien ħamest ijiem ta' xogħol wara li tirċievi t-talba mill-Istat Membru u f'konformità ma' dan l-Artikolu.

2.   Il-Kummissjoni għandha teżamina t-talbiet għat-trasmissjoni ta' l-applikazzjonijiet, filwaqt li tieħu kont ta':

(a)

l-opportunitajiet tas-sajd allokati lil kull Stat Membru mill-Kunsill abbażi ta' l-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002 jew l-Artikolu 37 tat-Trattat; u

(b)

il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-ftehim ikkonċernat u f'dan ir-Regolament.

3.   Il-Kummissjoni għandha tivverifika li:

(a)

il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5 jiġu sodisfatti; u

(b)

li l-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjonijiet tas-sajd li għalihom intalbet trasmissjoni mill-Istat Membru ikkonċernat huma proporzjonati ma' l-opportunitajiet tas-sajd disponibbli taħt il-ftehim ikkonċernat, filwaqt li jittieħed kont ta' l-applikazzjonijiet ta' l-Istati Membri kollha.

Artikolu 7

Nuqqas ta' trasmissjoni ta' applikazzjonijiet

1.   Il-Kummissjoni m'għandhiex tittrasmetti lill-awtorità awtorizzanti applikazzjonijiet, li għalihom:

(a)

id-data provduta mill-Istat Membru f'konformità ma' l-Artikolu 4(2) ma tkunx kompluta għall-bastiment ikkonċernat;

(b)

l-opportunitajiet tas-sajd ta' l-Istat Membru kkonċernat mhumiex biżżejjed, b'kont meħud ta' l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-ftehim ikkonċernat u ta' l-applikazzjonijiet ippreżentati mill-Istat Membru;

(ċ)

il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-ftehim ikkonċernat u f'dan ir-Regolament ma tħarsux.

2.   Fil-każ ta' nuqqas ta' trasmissjoni ta' applikazzjoni waħda jew aktar, il-Kummissjoni għandha mingħajr dewmien tinforma b'dan lill-Istat Membru kkonċernat, u għandha tiddikjara r-raġunijiet tagħha.

Jekk l-Istat Membru ma jaqbilx mar-raġunijiet iddikjarati mill-Kummissjoni, huwa għandu jittrasmetti lill-Kummissjoni kwalunkwe informazzjoni jew dokumenti li jappoġġaw l-oġġezzjoni tiegħu fi żmien ħamest ijiem ta' xogħol. Il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-applikazzjoni fid-dawl ta' din l-informazzjoni.

Artikolu 8

Informazzjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istat Membru tal-bandiera mingħajr dewmien, permezz ta' trasmissjoni elettronika, bl-awtorizzazzjoni tas-sajd mogħtija mill-awtorità awtorizzanti, jew bid-deċiżjoni mill-awtorità awtorizzanti li ma toħroġx awtorizzazzjoni tas-sajd għal bastiment tas-sajd partikolari.

Fejn meħtieġ taħt, jew skond, ftehim, id-dokumenti stampati mehmuża u oriġinali għandhom jintbagħtu bi trasmissjoni fuq il-karta u/jew b'mezzi elettroniċi.

2.   L-Istati Membri tal-bandiera għandhom immedjatament jinfurmaw lis-sidien tal-bastimenti tas-sajd ikkonċernati bl-informazzjoni riċevuta skond il-paragrafu 1.

3.   Jekk awtorità li tawtorizza tinforma lill-Kummissjoni li ddeċidiet li tissospendi jew tirtira awtorizzazzjoni tas-sajd maħruġa għal bastiment tas-sajd tal-Komunità taħt ftehim, il-Kummissjoni għandha tinforma immedjatament, bi trasmissjoni elettronika, lill-Istat Membru tal-bandiera ta' dak il-bastiment. L-Istat Membru tal-bandiera għandu jittrasmetti immedjatament dik l-informazzjoni lis-sid ta' dak il-bastiment.

4.   Il-Kummissjoni għandha twettaq verifiki biex tistabbilixxi l-kompatibbiltà tad-deċiżjoni li l-awtorizzazzjoni tas-sajd tiġi rrifjutata jew sospiża mal-ftehim ikkonċernat, b'konsultazzjoni ma' l-Istat Membru tal-bandiera u l-awtorità awtorizzanti rilevanti u għandha tinformahom it-tnejn bir-riżultat.

Artikolu 9

Tkomplija ta' l-attivitajiet ta' sajd

1.   Meta:

il-protokoll għal ftehim bilaterali dwar is-sajd ma' pajjiż terz li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd previsti f'dak il-ftehim ikun skada; u

protokoll ġdid ikun ġie inizjalat mill-Kummissjoni iżda għadha ma ġietx adottata deċiżjoni dwar il-konklużjoni tiegħu jew l-applikazzjoni proviżorja tiegħu,

il-Kummissjoni tista”, matul perijodu ta' sitt xhur mid-data ta' l-iskadenza tal-protokoll preċedenti u mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Kunsill li jiddeċiedi dwar il-konklużjoni jew l-applikazzjoni proviżorja tal-protokoll il-ġdid, tittrasmetti l-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni tas-sajd lill-pajjiż terz ikkonċernat skond dan ir-Regolament.

2.   Skond ir-regoli stabbiliti taħt il-ftehim tas-sajd ikkonċernat, il-bastimenti tal-Komunità awtorizzati li jieħdu sehem f'attivitajiet tas-sajd taħt dak il-ftehim jistgħu, fid-data ta' l-iskadenza ta' l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd, ikomplu jistadu taħt il-ftehim għal perijodu massimu ta' sitt xhur wara d-data ta' l-iskadenza, bil-kondizzjoni li l-parir xjentifiku jippermetti dan.

3.   F'dan il-kuntest, il-Kmmissjoni għandha tapplika l-metodu ta' l-allokazzjoni ta' l-opportunitajiet tas-sajd fis-seħħ fil-protokoll preċedenti għall-paragrafu 1, u fil-protokoll eżistenti għall-paragrafu 2.

Artikolu 10

Użu anqas milli maħsub ta' opportunitajiet tas-sajd fil-kuntest ta' l-Istrumenti ta' Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd

1.   Fil-kuntest ta' Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd jekk, abbażi tat-talbiet għat-trasmissjoni ta' l-applikazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4 ta' dan ir-Regolament, jidher li l-għadd ta' l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd jew l-ammont ta' opportunitajiet tas-sajd allokati lill-Komunità taħt ftehim ma ġewx użati totalment, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri kkonċernati u għandha titlobhom jikkonfermaw li m'għamlux użuminn dawk l-opportunitajiet tas-sajd. In-nuqqas ta' tweġiba sa l-iskadenzimill-Kunsill mal-konklużjoni tal-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd, għandu jiġi kkunsidrat bħala konferma li l-bastimenti ta' l-Istat Membru kkonċernat mhux qed jagħmlu użu sħiħ mill-opportunitajiet tas-sajd tagħhom fil-perijodu stabbilit.

2.   Wara l-konferma mill-Istat Membru kkonċernat, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-opportunitajiet tas-sajd totali mhux użati u għandha tagħmel dik il-valutazzjoni disponibbli lill-Istati Membri.

3.   L-Istati Membri li jixtiequ jagħmlu użu mill-opportunitajiet tas-sajd mhux użati msemmija fil-paragrafu 2, għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni lista tal-bastimenti kollha li għalihom bi ħsiebhom jitolbu awtorizzazzjoni tas-sajd, kif ukoll it-talba għat-trasmissjoni ta' l-applikazzjonijiet għal kull wieħed minn dawk il-bastimenti skond l-Artikolu 4.

4.   Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar ir-riallokazzjoni, f'kooperazzjoni mill-qrib ma' l-Istati Membri kkonċernati.

Jekk Stat Membru kkonċernat joġġezzjona għal din ir-riallokazzjoni, il-Kummissjoni għandha, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 27(2), tiddeċiedi dwar ir-riallokazzjoni b'kont meħud tal-kriterji stabbiliti fl-Anness I, u għandha tinnotifika lill-Istati Membri b'dan.

5.   It-trasmissjoni ta' l-applikazzjonijiet skond dan l-Artikolu m'għandha bl-ebda mod taffettwa l-allokazzjoni ta' l-opportunitajiet tas-sajd jew l-iskambju tagħhom bejn l-Istati Membri, skond l-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002.

6.   Il-Kummissjoni m'għandhiex titwaqqaf milli tapplika l-mekkaniżmu msemmi fil-paragrafi 1 sa 4 sakemm jiġu ffinalizzati l-iskadenzi msemmija fil-paragrafu 1.

TAQSIMA III

Attivitajiet tas-sajd li ma jaqgħux fl-ambitu ta' ftehim

Artikolu 11

Dispożizzjonjiet ġenerali

1.   Operatur ta' bastiment tas-sajd tal-Komunità, li bi ħsiebu jwettaq attivitajiet tas-sajd fl-ibħra internazzjonali f'ilmijiet li ma jaqgħux fl-ambitu ta' ftehim jew RFMO, għandu jinforma lill-awtoritàjiet ta' l-Istat Membru tal-bandiera b'tali attivitajiet.

Mingħajr preġudizzju għal-leġislazzjoni Komunitarja dwar l-attivitajiet tas-sajd fl-ibħra internazzjonali l-bastimenti tas-sajd tal-Komunità għandhom ikunu intitolati biex jipparteċipaw f'attivitajiet tas-sajd fl-ibħra internazzjonali f'ilmijiet li ma jaqgħux fl-ambitu ta' ftehim jew RFMO jekk dawn tkun inħarġitilhom awtorizzazzjoni mill-Istat Membru tal-bandiera tagħhom skond id-dispożizzjonijiet nazzjonali.

L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni għaxart ijiem qabel il-bidu ta' l-attivitajiet tas-sajd imsemmijin fl-ewwel subparagrafu bil-bastimenti awtorizzati jistadu skond dak is-subparagrafu, filwaqt li jispeċifikaw l-ispeċi, it-tagħmir tas-sajd, il-perijodu u ż-żona li għalihom tapplika l-awtorizzazzjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprovaw jiksbu informazzjoni dwar kwalunkwe arranġament, bejn iċ-ċittadini tiegħu u pajjiż terz, li jippermettu bastimenti tas-sajd li jtajjru l-bandiera tagħhom li jeħdu sehem f'attivitajiet tas-sajd f'ilmijiet taħt il-ġurisdizzjoni jew fis-sovranità ta' pajjiż terz, u għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b'dan permezz tat-trasmissjoni elettronika ta' lista tal-bastimenti kkonċernati.

3.   Din it-taqsima għandha tapplika biss għall-bastimenti li jeċċedu t-tul totali ta' 24 metru.

TAQSIMA IV

Obbligi ta' rappurtaġġ u għeluq ta' attivitajiet tas-sajd

Artikolu 12

Sistema Komunitarja ta' informazzjoni dwar l-awtorizzazzjoni tas-sajd

1.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi sistema Komunitarja ta' informazzjoni dwar l-awtorizzazzjoni tas-sajd, li fiha data relatata ma' l-awtorizzazzjonijiet maħruġa skond dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi sit web sigur għal dan il-għan.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-data meħtieġa fir-rigward ta' l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd fl-ambitu ta' ftehim jew RFMO tinsab fis-sistema Komunitarja ta' informazzjoni dwar l-awtorizzazzjoni tas-sajd u huma għandhom iżommu din id-data aġġornata f'kull ħin.

Artikolu 13

Rappurtar tal-qabdiet u ta' l-isforz tas-sajd

1.   Il-bastimenti tas-sajd tal-Komunità li għalihom inħarġet awtorizzazzjoni għas-sajd taħt it-Taqsima II jew III għandhom, kull ġimgħa, jittrasmettu lill-awtorità nazzjonali kompetenti tagħhom data dwar il-qabdiet tagħhom u, fejn meħtieġ, l-isforz tas-sajd tagħhom. Din id-data għandha tkun aċċessibbli lill-Kummissjoni fuq talba.

Minkejja l-ewwel subparagrafu, il-bastimenti tas-sajd tal-Komunità li jeċċedu t-tul totali ta' 24 metru għandhom, mill-1 ta' Jannar 2010, jittrasmettu kull ġurnata lill-awtorità nazzjonali kompetenti tagħhom id-data dwar il-qabdiet tagħhom u, fejn meħtieġ, l-isforz tas-sajd tagħhom skond ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1566/2007 tal-21 ta' Diċembru 2007 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1966/2006 dwar ir-reġistrazzjoni u r-rappurtar elettroniku ta' l-attivitajiet tas-sajd u dwar il-mezzi ta' telerilevament (9). Dan għandu japplika wkoll għall-bastimenti tas-sajd tal-Komunità li jeċċedu l-15-il metru f'tul totali.

2.   L-Istati Membri għandhom jiġbru d-data msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u, qabel il-15 ta' kull xahar kalendarju, għandhom jittrasmettu permezz ta' trasmissjoni elettronika lill-Kummissjoni, jew korp maħtur mill-Kummissjoni, data għal kull stokk, grupp ta' stokkijiet jew kategorija tas-sajd, dwar il-kwantitajiet maqbuda, u, fejn meħtieġ taħt ftehim jew regolament li jimplimenta dak il-ftehim, dwar l-isforz tas-sajd magħmul matul ix-xahar preċedenti minn bastimenti li jtajjru l-bandiera ta' dak l-Istat Membru f'ilmijiet li jaqgħu fl-ambitu ta' ftehim u fis-sitt xhur preċedenti għal attivitajiet tas-sajd barra mill-ilmijiet tal-Komunità li ma jaqgħux fl-ambitu ta' ftehim.

3.   Il-Kummissjoni għandha, f'konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 27(2), tiddeċiedi dwar il-format li fih tittrasmetti d-data msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 14

Kontroll tal-qabdiet u ta' l-isforz tas-sajd

Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet fil-Kapitolu V tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002, l-Istati Membri għandhom jiżguraw konformità ma' l-obbligi dwar ir-rappurtar ta' qabdiet u, fejn meħtieġ, ta' l-isforz tas-sajd, kif stabbilit fil-ftehim ikkonċernat.

Artikolu 15

Għeluq tas-sajd

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 26(4) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002 u l-Artikolu 21(3) tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93, meta Stat Membru jikkunsidra li l-opportunitajiet tas-sajd disponibbli tiegħu jitqiesu li ġew eżawriti, hu għandu minnufih jipprojbixxi attivitajiet tas-sajd fiż-żona, fit-tagħmir, fl-stokk jew fil-grupp ta' stokkijiet rispettivi. Din id-dispożizzjoni għandha tapplika mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fil-ftehim ikkonċernat.

2.   Meta l-opportunitajiet tas-sajd disponibbli ta' Stat Membru huma espressi kemm f'termini ta' limiti ta' qabda u ta' sforz, l-Istat Membru għandu jipprojbixxi attivitajiet tas-sajd għaż-żona, it-tagħmir, l-istokk jew il-grupp ta' stokkijiet rispettivi hekk kif waħda minn dawn l-opportunitajiet titqies li ġiet eżawrita. Sabiex jippermettu għal sajd kontinwu ta' opportunitajiet tas-sajd mhux eżawriti li jimmira wkoll l-opportunitajiet tas-sajd eżawriti, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-miżuri tekniċi li mhu ser ikollhom l-ebda impatt negattiv fuq l-opportunitajiet tas-sajd eżawriti. Din id-dispożizzjoni għandha tapplika mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fil-ftehim ikkonċernat.

3.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien bi kwalunkwe projbizzjoni ta' attivitajiet tas-sajd deċiża skond dan l-Artikolu.

4.   Meta l-Kummissjoni ssib li l-opportunitajiet tas-sajd disponibbli għall-Komunità jew għal Stat Membru huma meqjusa bħala eżawriti, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri kkonċernati b'dan u għandha titlob li jipprojbixxu attivitajiet tas-sajd skond il-paragrafi 1, 2 u 3.

5.   Hekk kif l-attivitajiet tas-sajd ikunu pprojbiti skond il-paragrafi 1 jew 2, l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd speċifikati għall-istokk jew il-grupp ta' stokkijiet ikkonċernati għandhom ikunu sospiżi.

Artikolu 16

Sospensjoni ta' awtorizzazzjonijiet tas-sajd

1.   Meta awtorità awtorizzanti taħt ftehim tas-sajd tinnotifika lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni tagħha li tissospendi jew tirtira awtorizzazzjoni tas-sajd fir-rigward ta' bastiment tas-sajd li jtajjar bandiera ta' Stat Membru, il-Kummissjoni għandha minnufih tinforma lill-Istat Membru tal-bandiera b'dan. Il-Kummissjoni għandha twettaq il-verifiki rilevanti, skond il-proċeduri stabbilti taħt il-ftehim ikkonċernat, fejn xieraq, b'konsultazzjoni ma' l-Istat Membru tal-bandiera u ma' l-awtoritàjiet awtorizzanti tal-pajjiż terz ikkonċernat, u għandha tinforma lill-Istat Membru tal-bandiera u, fejn xieraq, lill-awtoritàjiet awtorizzanti tal-pajjiż terz bl-eżitu.

2.   Meta awtorità awtorizzanti ta' stat terz tissospendi awtorizzazzjoni tas-sajd li tkun tat lil bastiment tas-sajd tal-Komunità, l-Istat Membru tal-bandiera għandu jissospendi l-permess tas-sajd taħt il-ftehim għall-perijodu kollu tas-sospensjoni ta' l-awtorizzazzjoni tas-sajd.

Meta l-awtorizzazzjoni tas-sajd tkun irtirata definittivament mill-awtoritàjiet awtorizzanti ta' pajjiż terz, l-Istat Membru tal-bandiera għandu minnufiħ jirtira l-permess tas-sajd mogħti lill-bastiment ikkonċernat taħt il-ftehim ikkonċernat.

3.   Ir-rapporti ta' spezzjoni u ta' sorveljanza mfassla mill-ispetturi tal-Kummissjoni, mill-ispetturi tal-Komunità, mill-ispetturi ta' l-Istati Membri jew mill-ispetturi ta' pajjiż terz, li jkun parti għall-ftehim ikkonċernat, għandhom jikkostitwixxu evidenza ammissibbli fi proċedimenti amministrattivi jew ġuridiċi ta' kwalunkwe Stat Membru. Għall-finijiet ta' l-istabbiliment tal-fatti, dawk ir-rapporti għandhom jiġu trattati bl-istess mod bħal rapporti ta' spezzjoni u sorveljanza ta' l-Istat Membru kkonċernat.

TAQSIMA V

Aċċess għad-data

Artikolu 17

Aċċess għad-data

1.   Mingħajr preġudizzju għall-obbligi taħt id-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali (10), id-data ppreżentata lill-Kummissjoni, jew lil korp maħtur mill-Kummissjoni, minn Stati Membri skond dan il-Kapitolu għandha ssir disponibbli fuq is-sit web sigur konness mas-sistema Komunitarja ta' informazzjoni dwar l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd għall-utenti kollha kkonċernati li huma awtorizzati minn:

(a)

l-Istati Membri;

(b)

il-Kummissjoni, jew korp maħtur mill-Kummissjoni, dwar il-kontroll u l-ispezzjoni.

Id-data aċċessibbli għal dawn il-persuni għandha tkun limitata għad-data li jeħtieġu fl-ambitu tal-proċess ta' l-awtorizzazzjoni tas-sajd u/jew l-attivitajiet tagħhom ta' spezzjoni u għandha tkun soġġetta għar-regoli dwar il-kunfidenzjalità tad-data.

2.   Is-sidien jew l-aġenti tal-bastimenti rreġistrati fis-sistema Komunitarja ta' informazzjoni dwar l-awtorizzazzjoni tas-sajd jistgħu jirċievu kopja elettronika tad-data li tinsab fir-reġistru permezz tat-trasmissjoni ta' talba uffiċjali lill-Kummissjoni permezz ta' l-amministrazzjoni nazzjonali tagħhom.

KAPITOLU III

ATTIVITAJIET TAS-SAJD MINN BASTIMENTI TAS-SAJD TA' PAJJIŻ TERZ FL-ILMIJIET TAL-KOMUNITÀ

Artikolu 18

Dispożizzjonjiet ġenerali

1.   Il-bastimenti tas-sajd ta' pajjiżi terzi huma intitolati li:

(a)

jipparteċipaw f'attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-Komunità bil-kondizzjoni li dawn tkun inħarġitilhom awtorizzazzjoni tas-sajd skond dan il-Kapitolu;

(b)

iqiegħdu fuq l-art, jittrasbordaw f'portijet jew jipproċessaw il-ħut bil-kondizzjoni li dawn tkun inħarġitilhom awtorizzazzjoni minn qabel mill-Istat Membru li fl-ilmijiet tiegħu tkun ser isseħħ l-operazzjoni.

2.   Il-bastimenti tas-sajd ta' pajjiżi terzi awtorizzati li jieħdu sehem f'attivitajiet tas-sajd taħt ftehim fil-31 ta' Diċembru ta' kwalunkwe sena kalendarja partikolari jistgħu jkomplu jistadu taħt dak il-ftehim mill-1 ta' Jannar tas-sena sussegwenti sakemm il-Kummissjoni tiddeċiedi li toħroġ lil dawk il-bastimenti awtorizzazzjonijiet tas-sajd għal dik is-sena, f'konformità ma' l-Artikolu 20.

Artikolu 19

Trasmissjoni ta' applikazzjonijiet ta' pajjiżi terzi

1.   Il-pajjiż terz ikkonċernat għandu, fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' ftehim li jagħtih l-opporunitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-Komunità, jippreżenta lill-Kummissjoni, permezz ta' trasmissjoni elettronika, lista ta' bastimenti li jtajjru l-bandiera tiegħu u/jew irreġistrati fih li jkollhom il-ħsieb li jagħmlu użu minn dawk l-opportunitajiet tas-sajd.

2.   Sa l-iskadenza stabbilita fil-ftehim ikkonċernat jew mill-Kummissjoni, l-awtoritàjiet kompetenti ta' pajjiż terz għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni, permezz ta' trasmissjoni elettronika, l-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjonijiet tas-sajd għall-bastimenti tas-sajd li jtajjru l-bandiera tagħhom, li jkun fihom il-kodiċi internazzjonali tar-radju tal-bastiment u kwalunkwe data oħra meħtieġa taħt il-ftehim jew deċiża skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 27(2).

Artikolu 20

Ħruġ ta' awtorizzazzjonijiet tas-sajd

1.   Il-Kummissjoni għandha teżamina l-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjonijiet tas-sajd billi tqis l-opportunitajiet tas-sajd mogħtija lill-pajjiż terz u għandha toħroġ awtorizzazzjonijiet tas-sajd skond il-miżuri adottati mill-Kunsill u d-dispożizzjonijiet fil-ftehim ikkonċernat.

2.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-awtoritàjiet kompetenti tal-pajjiż terz u ta' l-Istati Membri bl-awtorizzazzjonijiet tas-sajd li nħarġu.

Artikolu 21

Kriteriji ta' eliġibbiltà

Il-Kummissjoni għandha toħroġ biss awtorizzazzjoni tas-sajd għall-bastimenti tas-sajd ta' pajjiż terz:

(a)

li huma eleġibbli għal awtorizzazzjoni tas-sajd taħt il-ftehim ikkonċernat u, fejn xieraq, ikunu inklużi fil-lista ta' bastimenti notifikati li jwettqu attivitajiet tas-sajd taħt dak il-ftehim;

(b)

li tul il-perijodu preċedenti ta' tnax-il xahar ta' attivitajiet tas-sajd taħt il-ftehim ikkonċernat jew, fil-każ ta' ftehim ġdid, skond il-ftehim li ppreċedih, ikunu, fejn xieraq, issodisfaw il-kondizzjonijiet taħt il-ftehim għal dak il-perijodu;

(ċ)

li matul it-12-il xahar ta' qabel it-talba għall-awtorizzazzjoni tas-sajd, kienu soġġetti għal proċedimenti ta' sanzjoni għal ksur serju jew kienu kkunsidrati suspettati b'tali ksur skond il-liġi nazzjonali ta' l-Istat Membru u/jew fejn is-sid tal-bastiment inbidel u s-sid il-ġdid jipprovdi garanziji li l-kondizzjonijiet ser jiġu sodisfatti;

(d)

li mhumiex inklużi f'lista IUU;

(e)

li għalihom id-data meħtieġa taħt il-ftehim ikkonċernat hija disponibbli; u

(f)

li għalihom l-applikazzjonijiet huma f'konformità mal-ftehim ikkonċernat u dan il-Kapitolu.

Artikolu 22

Obbligi Ġenerali

Il-bastimenti tas-sajd ta' pajjiż terz li għalihom tkun inħarġet awtorizzazzjoni tas-sajd skond dan il-Kapitolu għandhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tal-PKS dwar il-miżuri ta' konservazzjoni u kontroll u dispożizzjonijiet oħra li jirregolaw is-sajd minn bastimenti tas-sajd tal-Komunità fiż-żona tas-sajd li fiha joperaw, u d-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-ftehim ikkonċernat.

Artikolu 23

Kontroll tal-qabdiet u ta' l-isforz tas-sajd

1.   IL-bastimenti tas-sajd ta' pajjiżi terzi li jieħdu sehem f'attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-Komunità għandhom, kull ġimgħa, jittrasmettu lill-awtoritàjiet nazzjonali tagħhom u lill-Kummissjoni, jew lil korp maħtur mill-Kummissjoni, id-data

(a)

meħtieġa taħt il-ftehim ikkonċernat;

(b)

stabbilita mill-Kummissjoni skond il-proċedura stabbilita fil-ftehim ikkonċernat; jew

(ċ)

stabbilita skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 27(2).

Minkejja l-ewwel subparagrafu, il-bastimenti tas-sajd ta' pajjiżi terzi li jeċċedu t-tul totali ta' 24 metru għandhom, mill-1 ta' Jannar 2010, jittrasmettu din id-data elettronikmanet kull ġurnata. Mill-1 ta' Jannar 2011, dan għandu japplika wkoll għall-bastimenti tas-sajd tal-Komunità li jeċċedu tul totali ta' 15-il metru.

2.   Sa fejn huwa meħtieġ taħt il-ftehim ikkonċernat, pajjiżi terzi għandhom jiġbru d-data dwar il-qabdiet trasmessa mill-bastimenti tagħhom skond il-paragrafu 1 u, qabel il-15 ta' kull xahar kalendarju, għandhom jittrasmettu elettronikament lill-Kummissjoni, jew lil korp maħtur mill-Kummissjoni, il-kwantitajiet għal kull stokk, grupp ta' stokkijiet jew kategorija tas-sajd, maqbuda fl-ilmijiet tal-Komunità fix-xahar preċedenti mill-bastimenti kollha li jtajjru l-bandiera tagħhom.

3.   Id-data dwar il-qabdiet imsemmija fil-paragrafu 2 għandha tkun aċċessibbli lil Stat Membru fuq talba u għandha tkun soġġetta għar-regoli li jirregolaw il-kunfidenzjalità tad-data.

Artikolu 24

Għeluq tas-sajd

1.   Meta l-opportunitajiet tas-sajd mogħtija lil pajjiż terz jitqiesu li ġew eżawriti, il-Kummissjoni għandha immedjatament tinforma lill-pajjiż terz ikkonċernat u lill-ispezzjoni kompetenti ta' l-awtoritàjiet ta' l-Istati Membri b'dan. Sabiex ikun jista' jsir sajd kontinwu ta' opportunitajiet tas-sajd mhux eżawriti, li jimmira wkoll l-opportunitajiet eżawriti, il-pajjiż terz għandu jippreżenta lill-Kummissjoni l-miżuri tekniċi li m'huma ser ikollhom ebda impatt negattiv fuq l-opportunitajiet tas-sajd eżawriti. Din id-dispożizzjoni għandha tapplika mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fil-ftehim ikkonċernat.

2.   Mid-data tan-notifika tal-Kummissjoni, l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd maħruġa għal bastimenti li jtajjru l-bandiera ta' dak il-pajjiż għandhom jitqiesu sospiżi għall-attivitajiet tas-sajd ikkonċernati u l-bastimenti m'għandux ikollhom aktar l-awtorizzazzjoni biex jipparteċipaw fl-attivitajiet tas-sajd.

3.   Meta sospensjoni ta' attivitajiet tas-sajd applikabbli skond il-paragrafu 2 tikkonċerna l-attivitajiet kollha li għalihom ikunu ngħataw l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd, dawn l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd għandhom jiġu kkunsidrati revokati.

4.   Il-pajjiż terz għandu jiżgura li l-bastimenti tas-sajd ikkonċernati għandhom jiġu infurmati minnufih li qed jiġi applikat dan l-Artikolu u li huma jieqfu mill-attivitajiet tas-sajd kollha kkonċernati.

5.   Malli l-attivitajiet tas-sajd jiġu pprojbiti skond il-paragrafi 1 jew 2, l-awtoritajiet tas-sajd speċifikati għall-istokk jew grupp ta' stokkijiet ikkonċernati għandhom jiġu sospiżi.

Artikolu 25

Nuqqas ta' konformità mar-regoli rilevanti

1.   Mingħajr preġudizzju għall-proċedimenti legali taħt il-leġislazzjoni nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw minnufih lill-Kummissjoni bi kwalunkwe ksur irreġistrat li jikkonċerna bastiment tas-sajd ta' pajjiż terz fir-rigward ta' l-attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-Komunità taħt il-ftehim ikkonċernat.

2.   Għal perijodu li ma jeċċedix it-12-il xahar, m'għandhom jinħarġu l-ebda liċenzja jew permess speċjali tas-sajd lil kwalunkwe bastiment tas-sajd ta' pajjiż terz li fir-rigward tiegħu l-obbligi stabbiliti taħt il-ftehim ikkonċernat ma ġewx sodisfatti.

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-awtoritàjiet tal-pajjiż terz ikkonċernat l-ismijiet u l-karatteristiċi tal-bastimenti tas-sajd tal-pajjiż terz li mhux ser ikunu awtorizzati jistadu fiż-żona ta' sajd tal-Komunità matul ix-xahar jew ix-xhur suċċessivi bħala konsegwenza ta' ksur tar-regoli rilevanti taħt il-ftehim ikkonċernat.

3.   Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-awtoritàjiet ta' l-ispezzjoni ta' l-Istati Membri bil-miżuri meħuda skond il-paragrafu 2.

KAPITOLU IV

MIŻURI IMPLIMENTATTIVI

Artikolu 26

Regoli dettaljati

Ir-regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament jistgħu jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 27(2). Dawk ir-regoli jistgħu wkoll jipprevedu eżenzjonijiet mill-obbligi stabbiliti f'dan ir-Regolament, meta dawk l-obbligi joħolqu piż disproporzjonat meta mqabbel ma' l-importanza ekonomika ta' l-attività.

Artikolu 27

Proċedura ta' kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat għas-Sajd u l-Akwakultura stabbilit skond l-Artikolu 30 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

Il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun stabbilit għal 20 jum ta' xogħol.

KAPITOLU V

DIŻPOŻIZZJONIJIET KOMUNI U FINALI

Artikolu 28

Obbligi internazzjonali

Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-istrumenti ta' ftehim ikkonċernati u d-dispożizzjonijiet tal-Komunità li jimplimentaw dawk id-dispożizzjonijiet.

Artikolu 29

Tħassir

1.   L-Artikoli 18, 28b, 28c u 28d tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93 għandhom jiġu kkanċellati.

2.   L-Artikoli 3(2), 4(2), 9 u 10 tar-Regolament (KE) Nru 1627/94 għandhom jiġu kkanċellati.

3.   Ir-Regolament (KE) Nru 3317/94 għandu jitħassar.

4.   Ir-referenzi għad-dispożizzjonijiet ikkanċellati għandhom jitqiesu bħala referenzi għad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skond it-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness II.

Artikolu 30

Dħul fis-seħħ

1.   Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

2.   L-Artikolu 18 tar-Regolament (KEE) 2847/93 għandu jkompli japplika sad-dħul fis-seħħ tar-regolament li jistabbilixxi r-regoli dettaljati fl-Artikolu 13 ta' dan ir-Regolament.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 29 ta' Settembru 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

M. BARNIER


(1)  ĠU L 350, 31.12.1994 p. 13.

(2)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(3)  ĠU L 171, 6.7.1994, p. 7.

(4)  ĠU L 261, 20.10.1993, p. 1.

(5)  ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59.

(6)  ĠU L 167, 2.7.1999, p. 5.

(7)  Ara paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(8)  ĠU L 203, 4.8.2005, p. 3.

(9)  ĠU L 340, 22.12.2007, p. 46.

(10)  ĠU L 41, 14.2.2003, p. 26.


ANNESS I

Kriterji għar-riallokazzjoni msemmija fl-Artikolu 10

Għar-riallokazzjoni ta' l-opportunitajiet tas-sajd, il-Kummissjoni għandha tqis, b'mod partikolari, dan li ġej:

id-data ta' kull talba riċevuta;

l-opportunitajiet tas-sajd disponibbli għar-riallokazzjoni;

in-numru ta' talbiet riċevuti;

in-numru ta' l-Istati Membri rikjedenti;

jekk l-opportunitajiet tas-sajd huma kompletament jew parzjalment ibbażati fuq ammonti ta' sforz tas-sajd jew qabdiet, l-isforż tas-sajd mistenni li jkun użat jew il-qabdiet mistennijali jsiru minn kull bastiment ikkonċernat.


ANNESS II

Regolament (KE) Nru 1627/94

Dispożizzjoni korrispondenti f'dan ir-Regolament

Artikolu 3(2)

Kapitolu III

Artikolu 4(2)

Kapitolu III

Artikolu 9

Artikoli 19-21

Artikolu 10

Artikolu 25

Regolament (KEE) Nru 2847/93

Dispożizzjoni korrispondenti f'dan ir-Regolament

Artikolu 18

Artikolu 13

Article 28b

Artikolu 18

Article 28c

Artikolu 22

Article 28d

Artikolu 24


Top