Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008R0737

    Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 737/2008 tat- 28 ta’ Lulju 2008 li jaħtar il-laboratorji Komunitarji ta’ referenza għall-mard tal-krustaċji, ir-rabja u t-tuberkolożi ta’ l-ifrat, li jistipula responsabbiltajiet u ħidmiet supplementari għal-laboratorji ta’ referenza Komunitarja għar-rabja u t-tuberkolożi ta’ l-ifrat u li jemenda l-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    ĠU L 201, 30.7.2008, p. 29–32 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/737/oj

    30.7.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 201/29


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 737/2008

    tat-28 ta’ Lulju 2008

    li jaħtar il-laboratorji Komunitarji ta’ referenza għall-mard tal-krustaċji, ir-rabja u t-tuberkolożi ta’ l-ifrat, li jistipula responsabbiltajiet u ħidmiet supplementari għal-laboratorji ta’ referenza Komunitarja għar-rabja u t-tuberkolożi ta’ l-ifrat u li jemenda l-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifika tal-konformità mal-liġi ta’ l-għalf u l-ikel, mas-saħħa ta’ l-annimali u mar-regoli dwar il-benessri ta’ l-annimali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 32(5) tiegħu,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE ta’ l-24 ta’ Ottubru 2006 dwar il-ħtiġijiet tas-saħħa ta’ l-annimali għall-annimali ta’ l-akkwakultura u l-prodotti tagħhom, u dwar il-prevenzjoni u l-kontroll ta’ ċertu mard f'annimali akkwatiċi (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 55(1) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 jistabbilixxi l-ħidmiet, id-dmirijiet u r-rekwiżiti ġenerali għal-Laboratorji ta’ Referenza tal-Komunità għall-ikel u l-għalf u għas-saħħa ta’ l-annimali. Il-laboratorji ta’ referenza tal-Komunità għas-saħħa ta’ l-annimali u għall-annimali ħajjin huma mniżżla fil-Parti II ta’ l-Anness VII ta’ dak ir-Regolament.

    (2)

    Id-Direttiva 2006/88/KE dwar il-ħtiġijiet tas-saħħa ta’ l-annimali għat-tqegħid tagħhom fis-suq, u l-importazzjoni u t-transitu mal-Komunità ta’ annimali ta’ l-akkwakultura u l-prodotti tagħhom, u ċerti miżuri ta’ prevenzjoni u kontroll minimi ta’ ċertu mard f'dawk l-annimali. Skond din id-Direttiva, il-laboratorji Komunitarji ta’ referenza għall-mard ta’ annimali akkwatiċi għandhom jikkonformaw mal-funzjonijiet u mad-dmirijiet stipulati fil-Parti I ta’ l-Anness VI tagħha.

    (3)

    Wara tmiem il-proċedura ta’ l-għażla għal sejħa għal ħatra, is-Centre for Environment, Fisheries & Aquaculture Science (Cefas), Weymouth Laboratory, ir-Renju Unit, għandu jinħatar bħala l-laboratorju Komunitarju ta’ referenza għall-mard tal-krustaċji.

    (4)

    Wara tmiem il-proċedura ta’ l-għażla għal sejħa għal ħatra, il-Laboratoire d’études sur la rage et la pathologie des animaux sauvages ta’ l-Agence Française de Sécurité Sanitaire des Aliments (AFSSA) għandu jinħatar bħala laboratorju Komunitarju ta’ referenza għar-rabja.

    (5)

    Wara tmiem il-proċedura ta’ l-għażla għal sejħa għal ħatra, il-Laboratorio de Vigilancia Veterinaria (VISAVET) tal-Facultad de Veterinaria, Universidad Complutense de Madrid, Madrid, Spanja, għandu jinħatar bħala laboratorju Komunitarju ta’ referenza għat-tuberkolożi ta’ l-ifrat.

    (6)

    Il-laboratorju Komunitarju ta’ referenza għall-mard tal-krustaċji, ir-rabja u t-tuberkolożi ta’ l-ifrat għandhom jinħatru għal perjodu ta’ bidu ta’ ħames snin mill-1 ta’ Lulju 2008 sabiex jippermetti evalwazzjoni tar-rendiment u l-konformità tagħhom.

    (7)

    Barra mill-funzjonijiet u l-ħidmiet ġenerali stipulati fl-Artikolu 32(2) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004, ċerti responsabbiltajiet u ħidmiet speċifiċi marbuta mal-karatteristiċi ta’ l-aġenti li jikkawżaw il-marda għandhom jitwettqu fuq livell Komunitarju biex jiżguraw koordinazzjoni aħjar. Għalhekk, dawn ir-responsabbiltajiet u ħidmiet speċifiċi supplementari għandhom jiġu stipulati f'dan ir-Regolament għal-laboratorji Komunitarji ta’ referenza għar-rabja u t-t-tuberkolożi ta’ l-ifrat.

    (8)

    Il-Parti II ta’ l-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 għandha għalhekk tiġi emendata skond dan.

    (9)

    Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Is-Centre for Environment, Fisheries & Aquaculture Science (Cefas), Weymouth Laboratory, ir-Renju Unit, hu hawnhekk maħtur bħala l-laboratorju Komunitarju ta’ referenza għall-mard tal-krustaċji mill-1 ta’ Lulju 2008 sat-30 ta’ Ġunju 2013.

    Artikolu 2

    Il-Laboratoire d’études sur la rage et la pathologie des animaux sauvages ta’ l-Agence Française de Sécurité Sanitaire des Aliments (AFSSA), Nancy, Franza, hu hawnhekk maħtur bħala l-laboratorju Komunitarju ta’ referenza għar-rabja mill-1 ta’ Lulju 2008 sat-30 ta’ Ġunju 2013.

    Ċerti responsabbiltajiet u ħidmiet għal dak il-laboratorji huma stipulati fl-Anness I.

    Artikolu 3

    Il-Laboratorio de Vigilancia Veterinaria (VISAVET), Facultad de Veterinaria, Universidad Complutense de Madrid, Madrid, Spanja, hu hawnhekk maħtur bħala l-laboratorju Komunitarju ta’ referenza għat-tuberkolożi ta’ l-ifrat mill-1 ta’ Lulju 2008 sat-30 ta’ Ġunju 2013.

    Ċerti responsabbiltajiet u ħidmiet għal dak il-laboratorji huma stipulati fl-Anness II.

    Artikolu 4

    Fil-Parti II ta’ l-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 882/2004, jiżdiedu l-punti 15, 16 u 17 li ġejjin:

    “15.

    Laboratorju ta’ Referenza Komunitarju għall-mard tal-kurstaċji

    Centre for Environment, Fisheries & Aquaculture Science (Cefas)

    Weymouth Laboratory

    The Nothe

    Barrack Road

    Weymouth

    Dorset DT4 8UB

    United Kingdom

    16.

    Laboratorju ta’ Referenza Komunitarju għar-rabja

    AFSSA – Laboratoire d’études sur la rage et la pathologie des animaux sauvages, Nancy, France

    54220 Malzéville

    France

    17.

    Laboratorju ta’ Referenza Komunitarju għat-tuberkolożi ta’ l-ifrat

    VISAVET – Laboratorio de vigilancia veterinaria, Facultad de Veterinaria, Universidad Complutense de Madrid

    Avda. Puerta de Hierro, s/n. Ciudad Universitaria

    28040 Madrid

    Spain”

    Artikolu 5

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin ġurnata wara dik tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 28 ta’ Lulju 2008.

    Għall-Kummissjoni

    Androulla VASSILIOU

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1; il-verżjoni kkoreġuta: ĠU L 191, 28.5.2004, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 301/2008 (ĠU L 97, 9.4.2008, p. 85).

    (2)  ĠU L 328, 24.11.2006, p. 14. Id-Direttiva kif emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/53/KE (ĠU L 117, 1.5.2008, p. 27).


    ANNESS I

    ĊERTI RESPONSABBILTAJIET U ĦIDMIET TAL-LABORATORJU KOMUNITARJU TA’ REFERENZA GĦAR-RABJA

    Barra mill-funzjonijiet u l-ħidmiet ġenerali tal-laboratorji Komunitarji ta’ referenza fis-settur tas-saħħa ta’ l-annimali skond l-Artikolu 32(2) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004, il-laboratorju Komunitarju ta’ referenza għar-rabja se jkollu r-responsabbiltajiet u l-ħidmiet stipulati fil-punti 1 sa 5.

    (1)

    Li jikkoordina, b'konsultazzjoni mal-Kummissjoni, il-metodi użati fl-Istati Membri għad-dijanjosi tar-rabja, b'mod partikolari billi:

    (a)

    jsib it-tip, jaħżen u jipprovdi razez tal-vajrus tar-rabja;

    (b)

    jħejji, jikkontrolla u jforni s-sera standard Internazzjonali u reaġenti oħra ta’ referenza lil-laboratorji nazzjonali ta’ referenza sabiex jiġu standardizzati t-testijiet u r-reaġenti użati fl-Istati Membri;

    (c)

    jivvalida tar-reaġenti ta’ referenza li jinkludu l-antiġeni u s-sera Standard Nazzjonali ppreżentati mil-laboratorji nazzjonali ta’ referenza;

    (d)

    jibni u jżomm bank tas-sera u jiġbor il-vajrus tar-rabja, u jżomm database ta’ razez iżolati mal-Komunità li jinkludu l-ispeċifikazzjoni;

    (e)

    jorganizza testijiet ta’ tqabbil perjodiċi ta’ proċeduri ta’ djanjożi fuq livell Komunitarju u jwettaq testijiet ta’ ħila għal-laboratorji nazzjonali ta’ referenza;

    (f)

    jiġbor u jgħaqqad flimkien fatti magħrufa u tagħrif dwar il-metodi tad-dijanjosi użati u r-riżultati tat-testijiet imwettqa fil-Komunità;

    (g)

    jikkaratterizza vajrus tar-rabja mill-metodi disponibbli l-aktar aġġornati biex jippermetti li tinftiehem aktar l-epidemjoloġija tal-marda;

    (h)

    iżomm aġġornat ma’ l-iżviluppi fis-sorveljanza tar-rabja, l-epidemjoloġija u l-prevenzjoni fid-dinja kollha;

    (i)

    jakkwista għerf sħiħ dwar it-tħejjija u l-użu tal-prodotti ta’ immunoloġija veterinarja użati biex tinqered u tiġi kkontrollata r-rabja inkuża l-valutazzjoni tat-tilqim.

    (2)

    Li jħaffef l-armonizzazzjoni tat-tekniċi mal-Komunità kollha, b'mod partikolari l-ispeċifikazzjoni ta’ metodoloġiji tat-test standard.

    (3)

    Li jorganizza gruppi ta’ ħidma għall-benefiċċju tal-laboratorji Komunitarji ta’ referenza kif miftiehem fil-programm ta’ ħidma u l-baġit annwali msemmi fl-Artikoli 2 sa 4 tar-Regolament (KE) Nru 156/2004 (1), inkluż it-taħriġ ta’ esperti mill-Istati Membri u, kif xieraq, minn pajjiżi terzi, f'metodoloġiji analitiċi ġodda.

    (4)

    Li jipprovdi għajnuna teknika lill-Kummissjoni u, fuq talba tiegħu, jieħu sehem f'fora internazzjonali rigward ir-rabja, li jikkonċernaw b'mod partikolari l-istandardizzazzjoni ta’ metodi ta’ dijanjosi analitiċi u l-implimentazzjoni tagħhom.

    (5)

    Li jwettaq attivitajiet ta’ riċerka u, fejn possibbli, jikkoordina attivitajiet ta’ riċerka diretti lejn kontroll imtejjeb u l-qerda tar-rabja, b'mod partikolari permezz ta':

    (a)

    Twettiq jew kollaborazzjoni mal-laboratorji nazzjonali ta’ referenza fit-twettiq tal-provi ta’ validazzjoni tat-test;

    (b)

    għoti ta’ parir xjentifiku lill-Kummissjoni u l-ġabra ta’ tagħrif u rapporti assoċjati ma’ l-attivitajiet tal-laboratorju Komunitarju ta’ referenza.


    (1)  ĠU L 27, 30.1.2004, p. 5.


    ANNESS II

    ĊERTI RESPONSABBILTAJIET U ĦIDMIET TAL-LABORATORJU KOMUNITARJU TA’ REFERENZA GĦAT-TUBERKOLOŻI TA’ L-IFRAT

    Barra mill-funzjonijiet u l-ħidmiet ġenerali tal-laboratorji Komunitarji ta’ referenza fis-settur tas-saħħa ta’ l-annimali skond l-Artikolu 32(2) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004, il-laboratorju Komunitarju ta’ referenza għat-tuberkolożi ta’ l-ifrat jkollu r-responsabbiltajiet u l-ħidmiet stipulati fil-punti 1 sa 5.

    (1)

    Li jikkoordina, b'konsultazzjoni mal-Kummissjoni, il-metodi użati fl-Istati Membri għad-djanjosi tar-rabja, b'mod partikolari billi:

    (a)

    jsib it-tip, jaħżen u jforni razez tal-Mycobacterium sp. li jikkawżaw it-tuberkolożi fl-annimali;

    (b)

    jħejji, jikkontrolla u jforni r-reaġenti ta’ referenza lil-laboratorji nazzjonali ta’ referenza sabiex jiġu standardizzati t-testijiet u r-reaġenti użati fl-Istati Membri;

    (c)

    jivvalida r-reaġenti ta’ referenza li jinkludu l-antiġeni u t-tuberkulini ppreżentati mil-laboratorji nazzjonali ta’ referenza għat-tuberkolożi ta’ l-ifrat;

    (d)

    jibni u jżomm kollezzjoni tal-Mycobacterium sp. li jikkawżaw it-tuberkolożi fl-annimali, u jżomm database ta’ razez iżolati mal-Komunità li jinkludu l-ispeċifikazzjoni;

    (e)

    jorganizza testijiet ta’ tqabbil perjodiċi ta’ proċeduri ta’ djanjożi fuq livell Komunitarju u jwettaq testijiet ta’ ħila għal-laboratorji nazzjonali ta’ referenza;

    (f)

    jiġbor u jgħaqqad flimkien fatti magħrufa u tagħrif dwar il-metodi tad-djanjożi użati u r-riżultati tat-testijiet imwettqa fil-Komunità;

    (g)

    jikkaratterizza l-Mycobacterium sp. li jikkawża t-tuberkolożi fl-annimali permezz tal-metodi disponibbli l-aktar aġġornati biex jippermetti li tinftiehem aktar l-epidemjoloġija tal-marda;

    (h)

    iżomm aġġornat ma’ l-iżviluppi fis-sorveljanza tat-tuberkolożi, l-epidemjoloġija u l-prevenzjoni fid-dinja kollha;

    (i)

    jakkwista għerf sħiħ dwar it-tħejjija u l-użu tal-prodotti ta’ immunoloġija veterinarja użati biex tinqered u tiġi kkontrollata t-tuberkolożi inkuża l-valutazzjoni tat-tilqim.

    (2)

    Li jħaffef l-armonizzazzjoni tat-tekniċi mal-Komunità kollha, b'mod partikolari l-ispeċifikazzjoni ta’ metodoloġiji tat-test standard.

    (3)

    Li jorganizza gruppi ta’ ħidma għall-benefiċċju tal-laboratorji Komunitarji ta’ referenza kif miftiehem fil-programm ta’ ħidma u l-baġit annwali msemmi fl-Artikoli 2 sa 4 tar-Regolament (KE) Nru 156/2004, inkluż it-taħriġ ta’ esperti mill-Istati Membri u, kif xieraq, minn pajjiżi terzi, f'metodoloġiji analitiċi ġodda.

    (4)

    Li jipprovdi għajnuna teknika lill-Kummissjoni u, fuq talba tiegħu, jieħu sehem f'fora internazzjonali rigward id-dijanjożi tat-tuberkolożi ta’ l-ifrat, li jikkonċernaw b'mod partikolari l-istandardizzazzjoni ta’ metodi ta’ dijanjosi analitiċi u l-implimentazzjoni tagħhom.

    (5)

    Li jwettaq attivitajiet ta’ riċerka u, fejn possibbli, jikkoordina attivitajiet ta’ riċerka diretti lejn kontroll imtejjeb u l-qerda tat-tuberkolożi ta’ l-ifrat, b'mod partikolari permezz ta':

    (a)

    twettiq jew kollaborazzjoni mal-laboratorji nazzjonali ta’ referenza fit-twettiq tal-provi ta’ validazzjoni tat-test;

    (b)

    għoti ta’ parir xjentifiku lill-Kummissjoni u l-ġabra ta’ tagħrif u rapporti assoċjati ma’ l-attivitajiet tal-laboratorju Komunitarju ta’ referenza.


    Top