Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008R0685

    Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 685/2008 tas- 17 ta’ Lulju 2008 li jħassar il-miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament (KE) Nru 85/2006 dwar importazzjonijiet ta’ salamun ta’ trobbija li joriġina fin-Norveġja

    ĠU L 192, 19.7.2008, p. 5–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/685/oj

    19.7.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 192/5


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 685/2008

    tas-17 ta’ Lulju 2008

    li jħassar il-miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament (KE) Nru 85/2006 dwar importazzjonijiet ta’ salamun ta’ trobbija li joriġina fin-Norveġja

    IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 9 u 11(3) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta ppreżentata mill-Kummissjoni wara li ġie kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv,

    Billi:

    A.   PROĊEDURA

    1.   Miżuri fis-seħħ

    (1)

    Il-Kunsill, wara investigazzjoni anti-dumping (l-“investigazzjoni oriġinali”), bir-Regolament (KE) Nru 85/2006 (2) impona dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tas-salamun ta’ trobbija li joriġinaw fin-Norveġja. Id-dazju definittiv kien impost f’forma ta’ prezz minimu ta’ importazzjoni (“MIP”).

    2.   Talba għal reviżjoni u bidu

    (2)

    Fl-20 ta’ Frar 2007, il-Kummissjoni rċeviet talba għal reviżjoni interim parzjali mressqa mill-Istati Membri li ġejjin: l-Italja, il-Litwanja, il-Polonja, il-Portugall u Spanja (“l-applikanti”) skond l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku.

    (3)

    L-applikanti pprovdew evidenza prima facie li l-bażi li fuqha kienu stabbiliti l-miżuri nbidlet u li dawn il-bidliet huma ta’ natura permanenti. L-applikanti allegaw u pprovdew evidenza prima facie li turi li paragun bejn valur normali kostrutt u l-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni jwasslu għal tnaqqis tad-dumping b’mod sinifikanti taħt il-livell tal-miżuri attwali. Għalhekk, l-impożizzjoni kontinwa ta’ miżuri fil-livelli preżenti ma għadhiex meħtieġa sabiex jiġi bbilanċjat id-dumping. Din l-evidenza tqieset suffiċjenti biex jiġi ġġustifikat bidu ta’ proċediment.

    (4)

    Għalhekk, skond dan, wara li kien ikkonsultat il-Kumitat Konsultattiv, il-Kummissjoni fil-21 ta’ April 2007 bdiet, permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea  (3), reviżjoni interim parzjali ta’ miżuri anti-dumping fis-seħħ fuq importazzjonijiet ta’ salamun ta’ trobbija li joriġina fin-Norveġja skond l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku (l-“avviż ta’ bidu”).

    (5)

    Din ir-reviżjoni kienet limitata fl-ambitu għall-aspetti ta’ dumping bl-għan li tivvaluta l-ħtieġa għat-tkomplija, it-tneħħija jew l-emenda tal-miżuri attwali.

    3.   Partijiet ikkonċernati mill-proċedura

    (6)

    Il-Kummissjoni uffiċjalment tat il-parir lill-esportaturi/produtturi magħrufin kollha fin-Norveġja, lin-negozjanti, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet magħrufin li huma kkonċernati, u lir-rappreżentanti tar-Renju tan-Norveġja, dwar il-bidu tal-proċediment. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jressqu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu seduta fil-limitu taż-żmien stipulat fl-avviż ta’ bidu.

    4.   Teħid ta’ kampjuni

    (7)

    It-Taqsima 5(a) ta’ l-avviż ta’ bidu indikat li l-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tapplika t-teħid ta’ kampjuni skond l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku. B’rispons għat-talba skond it-Taqsima 5(a)(i) ta’ l-avviż ta’ bidu, 267 kumpanija pprovdew l-informazzjoni mitluba fil-limitu taż-żmien speċifikat. Minn dawn, 169 kienu produtturi esportaturi ta’ salamun ta’ trobbija. Saru esportazzjonijiet jew b’mod dirett inkella b’mod indirett permezz ta’ negozjanti relatati u indipendenti.

    (8)

    Minħabba n-numru kbir ta’ kumpaniji involuti, kien deċiż li jsir użu mid-dispożizzjonijiet għal teħid ta’ kampjuni u, għal dan l-għan, intgħażel kampjun ta’ kumpaniji produtturi, bl-akbar volumi ta’ esportazzjoni lejn il-Komunità (produtturi esportaturi), b’konsultazzjoni mar-rappreżentanti ta’ l-industrija Norveġiża. Ir-rappreżentanti ta’ l-industrija Norveġiża pproponew li jiġu inklużi fil-kampjun (i) kumpanija produttriċi li ma kinitx tesporta waħedha iżda biss permezz ta’ negozjati mhux relatati fin-Norveġja u (ii) żewġ esportaturi iżda mhux produtturi tal-prodott ikkonċernat. Dan ma setax ikun aċċettat minħabba li safejn il-kumpanija produttriċi hi kkonċernata ma kienx hemm garanziji suffiċjenti li bejgħ esportat lejn il-Komunità permezz ta’ negozjanti mhux relatati seta’ tassew jiġi identifikat. Fil-każ ta’ l-esportaturi li ma jipproduċux il-prodott tagħhom ta’ salamun, ebda valur normali ma seta’ jiġi stabbilit u għalhekk ebda dazju ma seta jiġi ddeterminat għal dawn il-kumpaniji.

    (9)

    Skond l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku, il-kampjun magħżul kopra l-volum ta’ esportazzjonijiet l-aktar rappreżentattivi possibbli li b’mod raġononevoli seta’ jiġi investigat fiż-żmien disponibbli. Il-produtturi esportaturi magħżulin fl-aħħar kampjun irrappreżentaw kważi 60 % tal-volum irrapportat tal-prodott ikkonċernat esportat lejn il-Komunità.

    (10)

    Fejn għandhom x’jaqsmu l-importaturi, u sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk it-teħid tal-kampjuni hux neċessarju, it-Taqsima 5(a)(ii) ta’ l-avviż ta’ bidu talbet lill-importaturi fil-Komunità biex jissottomettu l-informazzjoni speċifikata f’din it-taqsima. Fil-Komunità erba’ importaturi biss wieġbu għall-formola tat-teħid ta’ kampjuni. Minħabba l-għadd baxx ta’ importaturi li kkooperaw, ebda teħid ta’ kampjuni ma kien neċessarju f’dan il-każ.

    (11)

    Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha li qieset meħtieġa għad-determinazzjoni tad-dumping. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni stiednet il-partijiet kollha magħrufin li huma kkonċernati u l-partijiet l-oħrajn kollha li għarrfu lilhom infushom fil-limitu taż-żmien stabbilit fl-avviż ta’ bidu biex jikkooperaw f’dan il-proċediment u biex jimlew il-kwestjonarji rilevanti. F’dan ir-rigward, 267 produttur u esportatur fin-Norveġja, ir-rappreżentanti tal-produtturi tas-salamun tal-Komunità u l-Gvernijiet ta’ l-Irlanda u l-Iskozja kkooperaw mal-Kummissjoni u tgħarrfu l-opinjonijiet tagħhom. Barra minn hekk, erba’ importaturi u sitt produtturi esportaturi kampjuni Norveġiżi ssottomettew it-tweġibiet sħaħ tal-kwestjonarju fil-limitu ta’ żmien stipulat.

    (12)

    Il-Kummissjoni wettqet verifiki fil-bini tal-kumpaniji li ġejjin:

    (a)

    mportaturi/proċessuri/utenti

    Laschinger GmbH, Bischofmais, il-Ġermanja

    Gottfried Friedrichs KG (GmbH & Co.), Hamburg, il-Ġermanja

    Rodé Vis B.V., Urk, l-Olanda

    Hätälä Oy, Oulu, il-Finlandja

    (b)

    Produtturi esportaturi fin-Norveġja (Livell ta’ grupp)

    Marine Harvest AS, Bergen, in-Norveġja

    Hallvard Leroy AS, Bergen, in-Norveġja

    (13)

    L-akbar żewġ produtturi esportaturi Norveġiżi, jiġifieri Marine Harvest AS u Hallvard Leroy AS irrappreżentaw aktar minn 44 % tal-produzzjoni totali rrapportata mill-produtturi Norveġiżi li kkooperaw u 45 % ta’ l-esportazzjonijiet Norveġiżi lill-Komunità.

    (14)

    L-informazzjoni mogħtija mill-erba’ kumpaniji l-oħra magħżula għall-kampjun kienet soġġetta għal analiżi teoretika profonda u nstab li l-ispejjeż ta’ produzzjoni tagħhom u l-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni ġeneralment kienu konformi ma’ dawk tal-kumpaniji li saritilhom żjara.

    (15)

    Il-partijiet interessati kollha li talbu hekk u li wrew li kien hemm raġunijiet partikolari għaliex għandhom jinstemgħu, ingћataw seduta ta’ smigħ.

    5.   Perjodu ta’ investigazzjoni

    (16)

    L-investigazzjoni tad-dumping kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2006 sal-31 ta’ Diċembru 2006 (“il-perjodu ta’ l-investigazzjoni tar-reviżjoni” jew “PIR”).

    B.   PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

    1.   Prodott ikkonċernat

    (17)

    Il-prodott eżaminat hu l-istess bħal dak ta’ l-investigazzjoni oriġinali, jiġifieri salamun ta’ trobbija (aktar milli dak li jgħix fl-ambjent naturali), kemm bix-xewk jew mingħajru, frisk, imkessaħ jew iffriżat li joriġina fin-Norveġja (“il-prodott ikkonċernat”). Id-definizzjoni tinkludi prodotti oħra ta’ ħut ta’ trobbija bħat-trota (salamun) kbira, il-bijomassa (salamun ħaj) kif ukoll is-salamun li jgħix fi stat naturali u tipi oħra pproċessati bħas-salamun affumikat.

    (18)

    Il-prodott attwalment hu kklassifikat fil-kodiċijiet tan-NM ex 0302 12 00, ex 0303 11 00, ex 0303 19 00, ex 0303 22 00, ex 0304 19 13 u ex 0304 29 13 li jikkorrispondu mal-preżentazzjonijiet differenti tal-prodott (ħut frisk jew imkessaħ, frisk jew bla xewk imkessaħ, ħut iffriżat u ħut bla xewk iffriżat).

    2.   Prodott simili

    (19)

    Kif stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali u kkonfermat b’din l-investigazzjoni, il-prodott ikkonċernat u l-prodott ipproduċut u mibjugħ fis-suq domestiku fin-Norveġja nstabu li kellhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u kellhom l-istess użu. Għalhekk tqiesu bħala prodotti simili fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku. Billi din ir-reviżjoni kienet limitata għad-dumping, ma ntlaħqet ebda konklużjoni rigward il-prodott ipproduċut u mibjugħ mill-industrija Komunitarja fis-suq tal-Komunità.

    C.   DUMPING

    1.   Ġenerali

    (20)

    Il-produtturi Norveġiżi tas-salamun ta’ trobbija kienu qed jagħmlu bejgħ tal-prodott ikkonċernat lill-Komunità jew b’mod dirett, jew inkella permezz ta’ negozjanti relatati jew mhux relatati. Bejgħ identifikat iddestinat biss għas-suq tal-Komunità magħmul b’mod dirett jew permezz ta’ kumpaniji relatti bbażati fin-Norveġja ntuża biex jiġi kkalkulat il-prezz ta’ l-esportazzjoni fil-livell tal-produttur.

    2.   Valur normali

    (21)

    Għad-determinazzjoni tal-valur normali l-Kummissjoni l-ewwel stabbiliet, għal kull wieħed mill-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun, jekk il-bejgħ domestiku totali tas-salamun ta’ trobbija kienx rappreżentattiv b’paragun mal-bejgħ totali ta’ esportazzjoni għall-Komunità. Skond l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku, il-bejgħ domestiku jiġi kkunsidrat rappreżentattiv meta l-volum tal-bejgħ domestiku totali ta’ kull produttur esportatur kien mill-anqas 5 % tal-volum totali tiegħu tal-bejgħ ta’ esportazzjoni lejn il-Komunità.

    (22)

    Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-bejgħ domestiku kienx rappreżentattiv, il-bejgħ lil negożjanti mhux relatati lokalizzati fin-Norveġja u li kellhom liċenzja għall-esportazzjoni matul il-PIR ma tqisx billi d-destinazzjoni finali ta’ dan il-bejgħ ma setax jiġi stabbilit b’ċertezza. Fil-fatt, l-investigazzjoni ndikat li dan il-bejgħ kien fil-parti l-kbira tiegħu ddestinat għall-esportazzjoni lejn swieq ta’ pajjiżi terzi u għalhekk ma sarx għal konsum domestiku.

    (23)

    Il-Kummissjoni sussegwentement identifikat dawk it-tipi ta’ prodotti mibjugħa b’mod domestiku mill-kumpaniji li għandhom bejgħ domestiku rappreżentattiv globali, li kienu identiċi jew direttament komparabbli mat-tipi mibjugħa għall-esportazzjoni lill-Komunità.

    (24)

    Il-bejgħ domestiku ta’ tip ta’ prodott partikolari kien meqjus rappreżentattiv biżżejjed meta l-volum ta’ dak it-tip ta’ prodott mibjugħ fis-suq domestiku lill-konsumaturi indipendenti matul il-perjodu ta’ investigazzjoni kien jirrappreżenta 5 % jew aktar tal-volum totali tat-tip ta’ prodott komparabbli mibjugħ għall-esportazzjoni lill-Komunità.

    (25)

    Kien eżaminat ukoll jekk il-bejgħ domestiku ta’ kull tip ta’ prodott ikkonċernat, mibjugћ lokalment fi kwantitajiet rappreżentattivi, setax jitqies bћala li kien qed jinbiegћ fl-andament ordinarju tal-kummerċ skond l-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku, billi jiġi stabbilit il-proporzjon ta’ bejgћ bi qligħ lill-klijenti indipendenti tat-tip ikkonċernat. Dan sar billi ġie stabbilit il-proporzjon tal-bejgħ domestiku bi qligħ lill-klijenti indipendenti ta’ kull tip ta’ prodott esportat, fis-suq domestiku matul il-perjodu ta’ l-investigazzjoni, kif ġej:

    (26)

    Fejn il-volum tal-bejgħ ta’ tip ta’ prodott, mibjugħ bi prezz nett ta’ bejgħ daqs jew iktar mill-ispiża kkalkulata tal-produzzjoni, irrappreżenta aktar minn 80 % tal-volum tal-bejgħ totali ta’ dan it-tip, u fejn il-prezz medju differenzjat ta’ dak it-tip kien daqs jew iktar mill-ispiża tal-produzzjoni, il-valur normali kien ibbażat fuq il-prezzijiet domestiċi reali. Dan il-prezz kien ikkalkulat bħala l-medja differenzjata tal-prezzijiet tal-bejgħ domestiku kollu ta’ dak it-tip li sar matul il-PIR, irrispettivament minn jekk dan il-bejgħ kienx bi qligħ jew le.

    (27)

    Fejn il-volum tal-bejgħ bi qligħ ta’ tip ta’ prodott irrappreżenta 80 % jew inqas tal-volum totali tal-bejgħ ta’ dak it-tip, jew fejn il-prezz medju bil-piż divrenzjali ta’ dak it-tip kien inqas mill-ispiża tal-produzzjoni, il-valur normali kien ibbażat fuq il-prezz domestiku reali, ikkalkulat bħala l-medja bil-piż divrenzjali tal-bejgħ profitabbli ta’ dak it-tip biss, sakemm dan il-bejgħ kien jirrappreżenta 10 % jew aktar tal-volum tal-bejgħ totali ta’ dak it-tip.

    (28)

    Fejn il-volum tal-bejgħ bi qligħ ta’ kwalunkwe tip ta’ prodott kien jirrappreżenta inqas minn 10 % tal-volum tal-bejgħ totali ta’ dak it-tip, tqies li dan it-tip partikolari nbiegħ fi kwantitajiet żgħar wisq biex il-prezz domestiku jkun jipprovdi bażi xierqa għall-istabbiliment tal-valur normali.

    (29)

    Kull fejn il-prezzijiet domestiċi ta’ tip ta’ prodott partikolari mibjugħ minn produttur esportatur ma setgħux jintużaw sabiex jiġi stabbilit il-valur normali, kellu jiġi applikat metodu ieħor.

    (30)

    L-ewwel, ġie eżaminat jekk il-valur normali setax jiġi stabbilit abbażi ta’ prezzijiet domestiċi ta’ produtturi oħra fin-Norveġja skond l-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku. Billi f’dan il-każ, ebda prezzijiet li wieħed jista’ joqgħod fuqhom ta’ produtturi oħra ma kienu disponibbli, il-valur normali kostrutt intuża skond l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku.

    (31)

    Għalhekk, skond l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni, minflok, ikkalkulat valur normali kostrutt kif ġej. Il-valur normali kien kostrutt billi ġie miżjud ma’ l-ispejjeż tal-manifattura tat-tipi esportati ta’ kull produttur esportatur, aġġustat fejn meħtieġ, ammont raġonevoli għall-bejgħ, għal infiq ġenerali u amministrattiv (“SG&A”) u għal marġni raġonevoli ta’ qligħ.

    (32)

    Fil-każijiet kollha l-infiq għall-bejgħ u dak ġenerali u amministrattiv u l-qligħ kienu stabbiliti skond il-metodi ddefiniti fl-Artikolu 2(6) tar-Regolament bażiku. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni eżaminat jekk l-infiq għall-bejgħ, għall-infiq ġenerali u amministrattiv li sar u l-qligħ magħmul minn kull wieħed mill-produtturi esportaturi kkonċernati fis-suq domestiku kinux jikkostitwixxu data ta’ min joqgħod fuqha.

    (33)

    L-ebda wieħed mis-sitt produtturi esportaturi kkonċernati li għalih il-valur normali kellu jiġi kostrutt ma kellu bejgħ domestiku rappreżentattiv. Għalhekk, il-metodu kif deskritt fl-introduzzjoni ta’ Artikolu 2(6) ma setax jintuża. L-Artikolu 2(6)(a) ma setax jiġi applikat billi ebda wieħed mill-produtturi esportaturi kkonċernati ma kellu bejgħ domestiku rappreżentattiv. Lanqas l-Artikolu 2(6)(b) ma kien applikabbli, minħabba li l-bejgħ tal-kategorija ġenerali tal-prodotti fis-swieq domestiċi nstab li ma sarx bl-andament ordinarju ta’ kummerċ. Gћalhekk, l-infiq għall-bejgħ, u l-ispejjeż ġenerali u amministrattivi ġew stabbiliti skond l-Artikolu 2(6)(c) tar-Regolament bażiku, jiġifieri abbażi ta’ kull metodu ieħor raġonevoli. F’dan ir-rigward, u fl-assenza ta’ kull informazzjoni oħra disponibbli, kien ikkunsidrat li marġni ta’ qligħ ta’ 30 % u l-infiq għall-bejgħ, u l-ispejjeż ġenerali u amministrattivi ta’ 3 % għandhom ikunu raġonevoli meta jitqiesu ċ-ċifri rrapportati mis-sitt produtturi esportaturi matul il-PIR rigward il-bejgħ domestiku tagħhom.

    (34)

    Il-produtturi esportaturi Norveġiżi esprimew dubji dwar l-użu ta’ marġni ta’ qligħ ta’ 30 % filwaqt li stqarrew li dan ma kienx jikkorrispondi ma’ ċifri reali li jirriflettu marġnijiet normali fit-taqsima tal-ħut ta’ trobbija. Madankollu, ma kienx hemm indikazzjoni fil-fajl li l-ammonti għal profitti stabbiliti, kif deskritti hawn fuq, qabżu l-qligħ li normalment isir minn produtturi esportaturi oħra fuq bejgħ ta’ prodotti ta’ l-istess kategorija ġenerali fis-suq domestiku tal-pajjiż ta’ oriġini fl-PIR. Fil-fatt, kif jingħad hawn fuq, il-marġni ta’ qligħ użat kien ibbażat fuq ċifri reali vverifikati. Dan l-argument kellu għalhekk jiġi miċħud.

    3.   Prezz ta’ l-esportazzjoni

    (35)

    Fil-każijiet kollha fejn il-prodott ikkonċernat ġie esportat lil klijenti indipendenti fil-Komunità, il-prezz ta’ esportazzjoni ġie stabbilit skond l-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku, jiġifieri abbażi tal-prezzijiet ta’ esportazzjoni effettivament imħallsa jew dovuti.

    (36)

    Fejn il-bejgħ mill-esportazzjoni sar permezz ta’ negozjanti relatati, il-prezz ta’ l-esportazzjoni kien kostrutt, skond l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, abbażi tal-prezz li bih il-prodotti importati nbigħu mill-ġdid għall-ewwel darba lil xerrej indipendenti, aġġustati kif jixraq għall-ispejjeż kollha li nqalgħu bejn l-importazzjoni u l-bejgħ mill-ġdid, kif ukoll marġni raġonevoli għall-infiq għall-bejgħ, u l-ispejjeż ġenerali u amministrattivi u għall-qligħ. F’dan ir-rigward, intużaw l-infiq għall-bejgħ u l-ispejjeż ġenerali u amministrattivi tan-negozjanti relatati matul il-PIR. Fejn jidħol il-profitt, dan kien iddeterminat abbażi ta’ informazzjoni disponibbli, u fl-assenza ta’ kull informazzjoni oħra li wieħed jista’ joqgħod fuqha, li profitt ta’ 2 % kien raġonevoli għal negozjant f’dan is-settur kummerċjali.

    (37)

    Kif ingħad hawn fuq fil-premessa (21), f’każijiet fejn il-bejgħ sar permezz ta’ negozjanti mhux relatati, ma kienx possibbli li tiġi ddeterminata b’ċertezza d-destinazzjoni finali tal-prodott esportat. Għalhekk, ma setax jiġi stabbilit jekk ċertu bejgħ sarx lil klijent fil-Komunità jew f’pajjiż terz ieħor, u għalhekk kien deċiż biex ma jitqiesx il-bejgħ lil negozjanti mhux relatati. L-industrija Komunitarja oġġezzjonat għal dan l-approċċ billi qalet li bejgħ ta’ din ix-xorta kellu jiġi investigat, filwaqt li allegat li s-salamun inbiegħ permezz ta’ negozjanti indipendenti li daħlu fil-Komunità bi prezzijiet taħt l-MIP.

    (38)

    Qed jiġi mfakkar illi, meta jiġi stabbilit il-prezz għall-esportazzjoni, għandu jitqies il-bejgħ lill-ewwel klijent indipendenti skond l-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku u li għalhekk, fil-kuntest tad-determinazzjoni ta’ dumping, il-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid mill-ewwel klijenti indipendenti huma rrilevanti. Dan l-argument kellu għalhekk jiġi miċħud.

    4.   Paragun

    (39)

    Il-paragun bejn il-valur normali u l-prezz għall-esportazzjoni sar abbażi ta’ kif dawn joħorġu mill-fabbrika.

    (40)

    Sabiex jiġi żgurat paragun ġust bejn il-valur normali u l-prezz ta’ esportazzjoni, saret konċessjoni xierqa fil-forma ta’ aġġustamenti għad-differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabbiltà tal-prezzijiet skond l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Fil-każijiet kollha, fejn instab li kienu raġonevoli, preċiżi u appoġġati b’evidenza vverifikata, kienu awtorizzati aġġustamenti xierqa. Abbażi ta’ dan, saru konċessjonijiet għal differenzi fl-iskonti, it-tnaqqis, it-trasport, l-assigurazzjoni, l-ipproċessar ta’ l-ordni, it-tagħbija u l-ispejjeż anċillari, l-ippakkjar u d-dazji ta’ kreditu u ta’ importazzjoni.

    5.   Dumping

    5.1   Il-Kumpaniji tal-kampjun

    (41)

    Għall-produtturi esportaturi li kienu inklużi fil-kampjun, ġie kkalkulat marġni individwali ta’ dumping. Għal dawn il-kumpaniji, il-koeffiċjent medju tal-valur normali ta’ kull tip tal-prodott ikkonċernat li ġie esportat lejn il-Komunità tqabbel mal-koeffiċjent medju tal-prezz ta’ l-esportazzjonijiet tat-tip korrispondenti tal-prodott ikkonċernat, kif stipulat fl-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku.

    5.2   Il-Kumpaniji mhux inklużi fil-kampjun

    (42)

    Rigward dawk il-produtturi esportaturi li kkooperaw iżda li ma kinux inklużi fil-kampjun, instab li, għall-biċċa l-kbira tal-bejgħ tagħhom, il-prezzijiet ta’ esportazzjoni tagħhom kienu ġeneralment konformi ma’ dawk ta’ l-esportaturi tal-kampjun. Fin-nuqqas ta’ kull informazzjoni li tindika l-kuntrarju ta’ dan, kien ikkunsidrat li r-riżultati tat-teħid tal-kampjuni huma rappreżentattivi għall-esportaturi l-oħra kollha.

    5.3   Il-Kumpaniji li ma kkooperawx

    (43)

    Meta jitqies il-livell għoli ta’ kooperazzjoni, jiġifieri kważi 100 %, kien konkluż li l-marġnijiet ta’ dumping misjuba għall-produtturi esportaturi tal-kampjun li kkooperaw kienu rappreżentattivi għan-Norveġja.

    5.4   Il-marġnijiet tad-dumping

    (44)

    Abbażi ta’ li ntqal hawn fuq, il-marġnijiet ta’ dumping espressi bħala perċentwali tal-prezz nett tas-CIF ħieles fil-fruntiera Komunitarja, id-dazju mhux imħallas hu:

    Marine Harvest AS

    –20,3  %

    Norway Royal Salmon AS

    –5,9  %

    Hallvard Leroy AS

    –13,0  %

    Mainstream Norway AS

    –0,8  %

    Norwell AS

    –0,8  %

    Polar Quality AS

    –2,7  %

    (45)

    Il-marġni tal-medja tal-koeffiċjent tad-dumping għas-sitt kumpaniji kollha hu ta’ - 16,1 %.

    D.   PROBABBILTÀ LI JERĠA’ JKUN HEMM DUMPING

    1.   Ġenerali

    (46)

    Billi d-dumping misjub matul il-PIR kien de minimis, kien aktar eżaminat jekk kienx hemm il-probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dumping li kieku kellhom jitneħħew il-miżuri, skond l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, jiġifieri jekk iċ-ċirkostanzi matul il-PIR kienu ta’ natura permanenti. F’dan ir-rigward, l-erba’ aspetti li ġejjin kienu eżaminati b’mod partikolari, i) l-iżvilupp tal-valur normali, ii) l-iżvilupp tal-volumi ta’ esportazzjoni u l-prezzijiet lill-Komunità u lil pajjiżi terzi, iii) il-volumi ta’ produzzjoni u l-kapaċitajiet fin-Norveġja u iv) is-sitwazzjoni ta’ l-industrija Norveġiża.

    2.   L-iżvilupp tal-valur normali

    (47)

    Għall-maġġoranza l-kbira tal-bejgħ ta’ esportazzjoni, (jiġifieri għal 99 %), il-valur normali kien kostrutt skond l-Artikolu 2(3) ta’ Regolament bażiku abbażi ta’ l-ispiża ta’ l-immanifatturar tal-produtturi esportaturi kkonċernati billi żdied ammont għall-infiq għall-bejgħ, u l-ispejjeż ġenerali u amministrattivi u l-qligħ. Għalhekk, kien ikkunsidrat adatt li jiġi eżaminat li l-iżvilupp probabbli ta’ l-ispiża tal-produzzjoni fin-Norveġja bħala sostitut għal prezzijiet domestiċi, biex jiġi ddeterminat l-iżvilupp probabbli tal-valur normali.

    (48)

    L-investigazzjoni wriet li l-istruttura ta’ l-ispiża tal-produtturi esportaturi Norveġiżi baqgħet stabbli matul il-PIR. Fil-fatt, matul il-PIR, l-ispejjeż tal-produzzjoni għal kull unità tal-kumpaniji investigati kellhom medja ta’ 20 għal 25 % taħt l-MIP.

    (49)

    Rigward l-iżvilupp probabbli tagħhom, kienu eżaminati diversi fatturi li influwenzaw il-livell ta’ l-ispejjeż ta’ unità, bħall-ispejjeż għall-għalf, l-ispejjeż tat-tferrigħ, l-impatt tal-proċess ta’ konsolidazzjoni ta’ l-industrija tas-salamun Norveġiż u l-użu mkabbar li aktar ma’ jgħaddi żmien aktar qed jiżdied ta’ teknoloġiji ġodda effiċjenti mil-lat ta’ spejjeż.

    (50)

    Kien ikkunsidrat li l-ispiża għall-għalf li tirrappreżenta 50 sa 60 % ta’ l-ispiża totali hi indikatur li wieħed jista’ joqgħod fuqu rigward l-iżvilupp ta’ l-ispiża totali. Dan kien ikkonfermat ukoll minn analisti ta’ l-industrija speċjalizzati f’dan is-settur. Ċerti partijiet interessati qalu li l-ispejjeż totali kien se jkollhom jiżdiedu wara l-PIR u probabbilment se jiżdiedu aktar, jiġifieri ta’ l-anqas 30 % sa l-aħħar ta’ l-2008 b’paragun mal-bidu tal-PIR prinċipalment minħabba ż-żidiet allegati fil-prezzijiet ta’ l-għalf. Komplew isostnu li għaqda bejn il-valur normali li qed jiżdied ma’ prezzijiet ta’ esportazzjoni li qed jaqgħu se tirriżulta f’rikorrenza ta’ dumping.

    (51)

    Il-partijiet interessati kkonċernati ma ssottomettewx evidenza partikolari li tissostanzja ż-żieda antiċipata allegata għall-ispiża ta’ l-għalf bi 30 %. Analiżi ta’ kif tista’ tiżviluppa l-ispiża tista’, barra minn hekk, ma tikkonfermax dawn l-allegazzjonijiet. B’hekk, b’kuntrast għal dak li ntqal minn dawn il-partijiet interessati, l-investigazzjoni wriet li l-ispejjeż ivverifikati ta’ l-għalf tal-produtturi esportaturi Norveġiżi baqgħu xi ftit jew wisq stabbli matul il-PIR u l-ewwel disa’ xhur ta’ l-2007. B’hekk, it-Tabella (1) fil-premessa (54) turi biss żieda ħafifa għall-ispejjeż ta’ l-għalf bejn l-2006 u l-2007. L-investigazzjoni wriet ukoll li ż-żieda fil-prezz ta’ l-għalf hi prinċipalment marbuta maż-żieda fil-prezzijiet ta’ ċerti komponenti ta’ l-għalf (materja prima) bħalma hu ż-żejt tal-ħut u l-ħut mitħun. Għandu jiġi nnotat li ż-żejt tal-ħut u l-ħut mitħun huma sa ċertu punt sostitwibbli b’materja prima fil-kompożizzjoni ta’ l-għalf għall-ħut bi spiża aktar baxxa bħaż-żjut veġetali u ħxejjex mitħuna. Bħala konsegwenza, il-produtturi ta’ l-għalf normalment jaqilbu l-kompożizzjoni ta’ l-għalf għall-ħut sabiex iżommu l-ispiża ġenerali għall-għalf baxxa kemm jista’ jkun possibbli. Għalhekk hu mistenni li anki jekk in-nefqa ta’ ċerti komponenti ta’ l-għalf ma tiżdiedx, din se tħalli impatt lineari dirett fuq l-ispiża ġenerali għall-għalf, jiġifieri jekk ikun hemm żieda, tali żieda se tkun b’mod sinifikanti b’pass baxx. Għandu wkoll jiġi nnotat li fatturi oħra ta’ spejjeż kif deskritti hawn taħt fil-premessi (52) u (55) sa (63) probabbilment se jkollhom tnaqqis u għalhekk se jkollhom effett kompensatorju fuq iż-żieda potenzjali ta’ l-ispiża għall-għalf.

    (52)

    Rigward il-prezzijiet tat-tferrigħ, li jirrappreżentaw madwar 15 % tat-total ta’ l-ispiża tat-trobbija, l-investigazzjoni wriet li l-prezzijiet naqsu kif muri fit-Tabella (1) hawn taħt. Għalkemm hu diffiċli li jkun previst b’mod preċiż l-iżvilupp ta’ l-ispejjeż tat-tferrigħ, it-tendenza ta’ tnaqqis persistenti murija fit-tabella (1) hawn taħt tqieset bħala indikatur li wieħed jista’ joqgħod fuqu li jippermetti b’mod raġonevoli li jiġi konkluż li l-istess tendenzi se jkomplu fil-ġejjieni. Kien x’kien il-każ, l-investigazzjoni ma wrietx, u ħadd mill-partijiet interessati ma qalu li kien hemm, bidla sinifikanti fl-iżviluppi ta’ l-ispejjeż tat-tferrigħ fil-ġejjieni.

    (53)

    Billi kemm l-ispejjeż għat-tferrigħ u għall-għalf jammontaw għal ta’ l-anqas 65 % ta’ l-ispejjeż totali u li ż-żejt tal-ħut u l-ħut mitħun sa ċertu punt huma sostitwibbli b’materja prima bi spiża aktar baxxa fil-kompożizzjoni ta’ l-għalf għall-ħut (ara l-premessa (50)), kien konkluż li l-ispiża totali probabbilment mhix se tiżdied b’mod sinifikanti fil-ġejjieni previst.

    (54)

    It-Tabella (1): L-iżvilupp ta’ l-ispejjeż għall-għalf u t-tferrigħ fi Kroner Norveġiż (għal kull kilo ta’ salamun imnaddaf bir-ras (HOG) (sors:- Kontali Analyse AS (4) (2008)).

    In-Norveġja

    2003

    2004

    2005

    2006

    2007 E

    Għalf

    10,36

    9,41

    8,90

    10,08

    10,65

    Tferrigħ

    2,10

    2,00

    1,94

    1,72

    1,70

    (55)

    Sussegwentement għar-rivelazzjoni, l-industrija Komunitarja oġġezzjonat għas-sejbiet ta’ hawn fuq billi allegat li l-ispejjeż għall-għalf kellhom ikunu allokati skond il-ġenerazzjoni billi l-ispejjeż għall-għalf matul sena partikolari ma kinux jaffettwaw l-ispiża ta’ ħsad f’dik is-sena speċifika iżda l-ispejjeż ta’ ħsad ġejjieni. Inkella, is-sejbiet li jirrigwardaw l-iżvilupp ta’ l-ispejjeż ma kinux se jirriflettu b’mod adatt is-sitwazzjoni attwali. Dan ma kellux jiġi aċċettat minħabba li fl-analiżi kienu wżati l-ispejjeż attwali vverifikati għall-għalf aggregati skond il-ġenerazzjoni.

    (56)

    L-industrija Komunitarja oġġezzjonat ukoll għall-konklużjonijiet li prezzijiet ogħla f’ċerti komponenti ta’ l-għalf jistgħu jiġu kkumpensati b’sostituzzjoni. F’dan ir-rigward intqal li minħabba żieda fil-prezzijiet ta’ komponenti oħra ta’ l-għalf fuq naħa u minħabba impatt negattiv fuq il-kwalità tal-laħam tas-salamun fuq in-naħa l-oħra tali sostituzzjoni kienet limitata. Rigward iż-żieda fl-ispejjeż ta’ komponenti oħra ta’ l-għalf, din ma kinitx appoġġata b’evidenza suffiċjenti u għalhekk ma ġietx meqjusa. Hu magħruf li s-sostituzzjoni ta’ ċerti komponenti ta’ l-għalf hi limitata. Madankollu, kif jingħad fil-premessa (50), instab li s-sostituzzjoni sa ċertu punt hi tassew possibbli. Abbażi ta’ dan kien konkluż li għalkemm l-ispiża għall-għalf tista’ tiżdied fil-ġejjieni, din probabbilment ma kinitx se tiżdied bl-istess proporzjon bħaż-żieda fil-ispejjeż taż-żejt tal-ħut u l-ħut mitħun. L-industrija tal-Komunità ma ssottomettietx evidenza li setgħet tbiddel dawn il-konklużjonijiet.

    (57)

    Il-proċess ta’ konsolidazzjoni hu fattur ieħor li jikkontribwixxi għall-istabbilizzazzjoni ta’ l-ispejjeż ta’ produzzjoni. Għandu jiġi nnotat li mis-sena 2000 l-għadd ta’ kumpaniji li pproduċew 80 % tas-salamun mill-Atlantiku fin-Norveġja naqas minn 55 għal 31 fl-2006. Għalkemm is-settur tat-trobbija tal-ħut Norveġiż għad jista’ jitqies bħala fframmentat, il-proċess ta’ konsolidazzjoni għandu effetti pożittivi fuq l-ispejjeż ta’ produzzjoni mhux biss tal-produtturi l-aktar importanti fin-Norveġja, li ntgħażlu fit-teħid tal-kampjun, iżda wkoll għas-settur ġenerali kollu, kif ikkonfermat minn analisti speċjalizzati ta’ l-industrija. Tassew, sinerġiji ġodda, l-integrazzjoni ta’ attivitajiet ta’ produzzjoni u ekonomiji ta’ skala taw il-kapaċità lill-produtturi biex jikkontrollaw iż-żieda fl-ispiża abbażi ta’ kull unità, minkejja ż-żieda importanti tal-volumi ta’ produzzjoni.

    (58)

    It-tendenza ta’ konsolidazzjoni mistennija tkompli fil-ġejjieni, probabbilment ħafna se jkollha impatt ieħor pożittiv fuq l-ispejjeż, minħabba l-ekonomiji ta’ skala.

    (59)

    Finalment, l-introduzzjoni ta’ teknoloġiji ġodda u ta’ tagħmir għall-attivitajiet tat-trobbija tal-ħut ikkontribwixxa għal kontroll fiż-żieda ta’ l-ispejjeż għal kull unità ta’ bażi, minkejja l-fatt li l-volumi tal-produzzjoni żdiedu (ara l-premessa (64) u ta’ warajha).

    (60)

    Sussegwentement għar-rivelazzjoni, l-industrija tal-Komunità kkontestat li l-ispiża tal-produzzjoni kellha tonqos billi sostniet li l-konsolidazzjoni fiha nfisha mhix neċessarjament fattur li jnaqqas l-ispiża. Għalhekk, intqal li, skond l-istatistika Norveġiża, il-kumpaniji żgħar u medji fin-Norveġja se jkunu aktar effiċjenti mill-gruppi l-kbar. Intqal ukoll li l-konklużjoni ta’ tnaqqis fl-ispiża tikkontradixxi s-sejbiet fil-premessa (92) dwar il-konsegwenzi possibbli ta’ tifqigħa ta’ epidemija u ta’ ġabra aktar baxxa milli mistenni għal kull tferrigħ fil-ġejjieni li jkollhom it-tnejn li huma effett ta’ żieda fuq l-ispiża.

    (61)

    Qed jiġi nnotat l-ewwel li l-premessa (92) ma tirriferix għall-konsegwenzi ta’ tifqigħa ta’ epidemija iżda għar-rata normali ta’ mortalità inerenti għall-produzzjoni tas-salamun li ma għandhiex impatt fiha nfisha fuq l-ispiża. It-tieni, il-ġabra baxxa aktar milli mistenni għal kull tferrigħ imsemmija f’din il-premessa mhix minħabba sitwazzjoni eċċezzjonali u mhux ikkunsidrata li hi sinifikanti u għalhekk mingħajr impatt sostanzjali fuq l-ispiża ġenerali. Il-premessa (92) tipprova biss turi li ż-żieda fil-volum tal-produzzjoni ma tistax tiġi tradotta fuq bażi individwali biż-żieda tal-produzzjoni tat-tferrigħ billi fatturi oħra għandhom influwenza wkoll fuq il-volum maħsud, li ma kienx ikkontestat mill-industrija tal-Komunità.

    (62)

    Fejn għandu x’jaqsam l-effett tat-tnaqqis ta’ l-ispiża tal-proċess ta’ konsolidazzjoni, l-industrija tal-Komunità ma ssottomettietx evidenza biex tappoġġa l-oġġezzjoni tagħha. Għalhekk l-argumenti tal-Komunità f’dan ir-rigward kellhom jiġu miċħuda.

    (63)

    Bħala konklużjoni, meta jitqies dak li ntqal hawn fuq, hu kkunsidrat li probabbilment il-valur normali mhux se jiżdied b’mod sinifikanti fil-ġejjieni previst. Anzi, b’mod partikolari minħabba l-proċess li għaddej ta’ konsolidazzjoni, jista’ jitwettaq aktar tnaqqis fl-ispiża minkejja li l-prezzijiet ta’ l-għalf għandhom it-tendenza li jiżdiedu (ara l-premessa (50)). Għalhekk, il-valur normali kostrutt, li hu bbażat fuq l-ispiża ta’ l-immanifatturar hu meqjus li hu ta’ natura permanenti.

    3.   Żvilupp tal-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni u tal-volumi tal-produzzjoni fin-Norveġja

    3.1   L-iżvilupp tal-volum tal-produzzjoni fin-Norveġja u ta’ l-esportazzjonijiet lejn l-UE

    (64)

    Kif qed jintwera fit-Tabella (2) fil-premessa (65), il-produzzjoni Norveġiża tas-salamun żdiedet b’mod stabbli fl-aħħar tliet snin u fl-2007 b’mod partikolari, prinċipalment minħabba kundizzjonijiet bijoloġiċi favorevoli u meta titqabbel ma’ produzzjoni dgħajfa fis-sena 2006. Madankollu, kif qed jintwera fit-Tabella (3) fil-premessa (66) dwar it-total ikkalkulat ta’ konsum fil-Komunità, is-suq tal-Komunità għall-prodott ikkonċernat żdied ukoll b’mod sinifikanti, jiġifieri + 9,40 % mill-2006 sa l-2007 u, bbażat fuq it-tendenzi tal-passat, dan għandu jiżdied aktar. L-iżvilupp fil-konsum li qed jidher fit-Tabella (3) hawn taħt jinkludi kemm l-importazzjonijiet tal-pajjiżi terzi kollha kif ukoll il-bejgħ ta’ l-industrija tal-Komunità fis-suq Komunitarju.

    (65)

    It-Tabella (2): It-Total tal-produzzjoni tas-salamun f’tunnellati ekwivalenti ta’ ħut sħiħ (WFE) bejn l-2003 u l-2007 (sors: Kontali Analysis: Monthly Salmon Report January No 01/2008).

    In-Norveġja

    2003

    2004

    2005

    2006

    2007

     

    508 400

    537 000

    572 300

    598 500

    723 200

    S għal S

     

    5,63  %

    6,57  %

    4,58  %

    20,80  %

    (66)

    It-Tabella (3) dwar l-Iżvilupp fil-konsum (forniment mis-sorsi kollha inklużi l-industrija tal-Komunità) ta’ salamun mill-Atlantiku fil-Komunità mill-2004 sa l-2007 (sors: Kontali Analysis: Monthly Salmon Report January No 01/2008).

    Sena

    2003

    2004

    2005

    2006

    2007

     

    579 200

    603 100

    634 600

    651 000

    712 200

    S għal S

     

    3,94  %

    5,22  %

    2,58  %

    9,40  %

    (67)

    Fl-2007, skond l-istatistiċi pubbliċi (Kontali Analysis), is-sehem stmat mis-suq fil-Komunità ta’ salamun Norveġiż laħaq il-71 % imqabbel ma’ 69 % fl-2006. Madankollu, dan seħħ minħabba t-tnaqqis fl-importazzjonijiet miċ-Ċili fejn il-livelli tal-produzzjoni waqgħu bejn 3 % u 5 % (dan jiddependi mis-sorsi) bejn l-2006 u l-2007, minħabba tifqigħa ta’ epidemija li hu antiċipat li se jkollha effetti fit-tul fuq il-livelli tal-produzzjonijiet ta’ l-anqas fl-2008 u fis-snin li ġejjin.

    (68)

    Abbażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, ġie konkluż li t-tkabbir tas-suq tal-Komunità se jkun jista’ jassorbixxi parti kbira mill-volumi tal-produzzjoni fin-Norveġja mingħajr ma’ neċessarjament il-produzzjoni Norveġiża tieħu f’idejha ishma sinifikanti fis-suq mingħand l-industrija tal-Komunità. Barra minn hekk, kif enfasizzat hawn taħt fil-premessa 78 u ta’ warajha, partijiet mill-volumi ta’ produzzjoni Norveġiżi probabbilment se tiżdidilhom l-importazzjoni lejn swieq f’pajjiżi terzi fejn kien osservat żvilupp konsiderevoli. Finalment, il-preżenza mnaqsa taċ-Ċili fil-Komunità probabbilment se tikkontribwixxi wkoll biex tkompli tnaqqas ir-riskji ta’ forniment aktar milli meħtieġ ta’ esportazzjonijiet lill-Komunità.

    (69)

    Sussegwentement għar-rivelazzjoni, l-industrija tal-Komunità qalet li s-sitwazzjoni fiċ-Ċili ma għandhiex impatt sinifikanti għas-suq tal-Komunità, billi s-salamun Ċilen kien prinċipalment esportat lis-swieq fl-Istati Uniti u għalhekk is-sitwazzjoni tal-forniment fis-suq tal-Komunità essenzjalment hi ddeterminata mill-esportazzjonijiet Norveġiżi. L-industrija tal-Komunità kompliet tgħid li l-ishma tas-suq min-Norveġja fil-Komunità żdiedu b’ 2 % punti perċentwali addizzjonali, filwaqt li l-importazzjonijiet miċ-Ċili fil-Komunità żdiedu b’ 5 % fil-bidu ta’ l-2008.

    (70)

    Għandu l-ewwel ikun innotat li d-data ppreżentata mill-industrija tal-Komunità tirreferi biss għal xahrejn sa tliet xhur mill-2008 u għalhekk ebda konklużjoni li tagħmel sens ma tista’ tinġibed minnha. Fil-fatt, dawn it-tipi ta’ żviluppi tas-suq għandhom jiġu studjati matul perjodu li jkollu firxa ta’ żmien itwal. It-tieni, is-sitwazzjoni ta’ epidemija fiċ-Ċili għandu jkollha impatt fuq il-forniment mad-dinja kollha, li fil-fatt se jonqos, u fejn kapaċi jingħataw direzzjoni ġdida l-volumi addizzjonali tal-produzzjoni Norveġiża

    (71)

    Fejn jidħlu l-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni lejn il-Komunità, ċerti partijiet interessati qalu li dawn naqsu b’mod sinifikanti mill-PIR ‘l hawn u se jilħqu livell ta’ 2,85 EUR/kg fl-2008 li, flimkien ma’ l-allegat żieda fl-ispiża u għalhekk il-volum normali, jirriżultaw f’dumping. Dan il-prezz kien stmat abbażi tal-prezz trasversali medju rrapportat fis-Suq ta’ Oslo fl-2007, jiġifieri EUR 3,13/kg billi jitnaqqas it-tnaqqis stmat tal-prezz medju bejn EUR 0,06/kg u EUR 0,28/kg

    (72)

    Fejn għandu x’jaqsam l-iżvilupp tal-valur normali u kif spjegat fil-premessa (47) u f’dawk li jsegwuha, l-argumenti mressqin mill-partijiet interessati inkwistjoni kellhom jiġi miċħuda.

    (73)

    Fejn jidħlu l-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni lejn il-Komunità, statistika pubblikament disponibbli turi li l-allegazzjonijiet tal-partijiet interessati msemmija hawn fuq mhumiex ikkonformati bl-iżvilupp reċenti fil-prezzijiet ta’ esportazzjoni kif qed jintwera fiċ-Ċart (1) hawn taħt:

    (74)

    Ċart (1): L-iżvilupp fil-prezzijiet (FCA Oslo EUR/Kg tas-Salamun Frisk ta’ Kwalità Superjuri – sors Fish Pool) fl-2006, 2007 u l-bidu ta’ l-2008.

    Image

    (75)

    Jirriżulta minn dak li jinsab hawn fuq li l-prezzijiet lill-Komunità fl-2007 kienu fil-fatt sinifikantement aktar baxxi milli matul il-parti l-kbira tal-PIR, jiġifieri fl-2007 kienu bejn 2,88 EUR/kg u 3,51 EUR/kg. Madankollu, l-investigazzjoni stabbilixxiet li dawn il-prezzijiet kienu bil-wisq aktar mill-prezz stabbilit tal-produzzjoni u għalhekk ukoll aktar mill-valur normali u għalhekk kienu kkunsidrati li kienu magħmulin f’livelli ddampjati. Aktar minn hekk, abbażi ta’ l-informazzjoni disponibbli għall-ewwel tliet xhur ta’ l-2008, il-prezzijiet matul dak il-perjodu nstabu bejn 2,96 EUR/kg u 3,35 EUR/kg, jiġifieri bl-istess mod, kienu għadhom aktar mill-ispejjeż stabbiliti. Għalhekk, huma probabbilment ma kinux f’livelli ddampjati meta wieħed jikkunsidra li l-valur normali baqa’ stabbli kif konkluż fil-premessa (47) u f’dawk li jsegwuha. L-investigazzjoni wriet li l-prezzijiet komplew jiġu influwenzati mit-talba tas-suq iżda mhumiex stabbiliti f’livell ogħla. Innotat ukoll li dawn il-varjazzjonijiet tal-prezzijiet huma normali f’dan is-settur.

    (76)

    L-industrija tal-Komunità qalet li l-prezzijiet ta’ esportazzjoni wara l-PIR kienu influwenzati bl-eżistenza ta’ l-MIP u għalhekk miżmuma f’livell relattivament għoli. Hi kompliet tgħid li, għalhekk, jekk il-miżuri jitħallew jiskadu, il-livell tal-prezz lill-Komunità se jonqos b’mod sinifikanti. Din il-konklużjoni mhix ikkonfermata mis-sejbiet ta’ l-investigazzjoni korrenti, li wrew li l-valur normali għandu jibqa’ relattivament stabbli, filwaqt li kienet żgħira l-probabbiltà ta’ livelli tal-prezz ta’ l-esportazzjoni mnaqqsa b’mod sinifikanti lill-Komunità. Sejbiet li saru aktar tard kienu bbażati fuq analiżi sħiħa ta’ diversi aspetti elenkati fil-premessa (46), bħall-iżvilupp probabbli tal-volumi tal-produzzjoni u ta’ l-esportazzjoni min-Norveġja lill-Komunità u lil swieq oħra ta’ pajjiżi terzi. L-industrija tal-Komunità ma ssottomettietx informazzjoni jew evidenza li setgħet tellfet mill-valur tas-sejbiet li saru f’dan ir-rigward.

    (77)

    Wara li ġie kkunsidrat dak li ntqal hawn fuq, kien konkluż li l-importazzjonijiet miżjuda tas-salamun lill-Komunità min-Norveġja ma kellhomx ikunu tali li joħolqu riskju għal forniment aktar milli meħtieġ fis-suq tal-Komunità. Barra minn hekk, minħabba s-sitwazzjoni ta’ l-ispiża tal-produzzjoni u l-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni lill-Komunità, ir-riskju ta’ dumping jidher li hu remot.

    3.2   L-iżvilupp tal-prezz ta’ l-esportazzjoni u l-volum f’pajjiżi li mhumiex fl-UE

    (78)

    L-investigazzjoni wriet li l-Komunità hi, u probabbli se tibqa’, is-suq ewlieni tas-salamun Norveġiż, segwita mir-Russja u mill-Ġappun. Barra dan, qed jitfaċċaw ukoll swieq għas-salamun fejn l-esportazzjonijiet Norveġiżi żdiedu f’dawn l-aħħar ftit snin, tendenza li mistennija tkompli fil-ġejjieni (kompli ara l-premessa (82) u ta’ warajha). Fil-fatt, l-investigazzjoni wriet li l-produtturi Norveġiżi huma ppreparati li jfornu dawn is-swieq fil-ġejjieni, billi kienu kapaċi jistabbilixxu relazzjonijiet mal-klijenti lokali u operazzjonijiet ta’ distribuzzjoni/bejgħ li jindikaw l-interess qawwi tal-produtturi esportaturi Norveġiżi f’dawn is-swieq.

    (79)

    Ċerti partijiet interessati qalu li s-suq Russu storikament kien volatili u li għalhekk ma setax jitbassar jekk it-talba f’dan is-suq hix sejra fil-fatt tiżdied u jekk il-produtturi esportaturi Norveġiżi humiex għalhekk se jkunu kapaċi jesportaw kwantitajiet akbar lejn dan is-suq fil-ġejjieni. L-istess partijiet qalu wkoll li l-bejgħ ta’ esportazzjoni min-Norveġja lejn il-Ġappun wera tendenza li qed jonqos matul dawn l-aħħar ħames snin u li għalhekk, b’mod simili, mhux ċert jekk il-volumi miżjuda tal-produzzjoni fin-Norveġja jistgħux tassew jiġu esportati lejn is-suq Ġappuniż.

    (80)

    Madankollu, fir-rigward tar-Russja, l-investigazzjoni wriet li s-suq ta’ madwar 61 000 tunnellata kompla jiżdied u li ma hemmx raġunijet għalxiex wieħed jista’ jassumi li dan ma għandux ikompli jagħmel dan fil-ġejjieni previst.

    (81)

    It-total ta’ l-esportazzjonijiet ta’ salamun minn pajjiżi produtturi differenti lejn il-Ġappun wera tnaqqis ta’ 15 % fl-2007 mqabbla ma’ l-2006. Għaldaqstant, filwaqt li xi wħud mill-pajjiżi li jfornuh naqqsu l-esportazzjonijiet tagħhom lejn il-Ġappun, in-Norveġja kienet kapaċi żżid is-sehem tagħha fis-suq tiegħu minn 52 % fl-2006 għal 66 % fl-2007 (Sors: Kontali Analysis). Kif jingħad hawn fuq fil-premessa (67), il-kwantità tal-produzzjoni taċ-Ċili kienet affettwata b’mod wiesa’ mis-sitwazzjoni epidemika u għalhekk il-volumi ta’ l-esportazzjoni inġenerali, u għalhekk anki lejn il-Ġappun, tnaqqsu b’mod sinifikanti. Għalhekk, in-Norveġja tista’ tieħu f’idejha l-ishma tas-suq mingħand iċ-Ċili, sitwazzjoni li hi mistennija li ddum ta’ l-anqas sa l-2009 kif diġà ssemma fil-premessa (67).

    (82)

    Kif qed jintwera fit-Tabella (4) fil-premessa (85), l-esportazzjonijiet Norveġiżi lejn swieq oħra tad-dinja li qed jitfaċċaw, bħall-Ewropa tal-Lvant (l-Ukraina, il-Belarus) u l-Lvant Imbiegħed (iċ-Ċina, il-Korea ta’ Isfel, Ħong Kong, it-Tajlandja) żdiedu b’mod sinifikanti u kuntrarjament għal dak li ntqal mill-partijiet interessati, dawn is-swieq fil-probabbiltà kollha se jassorbixxu parti dejjem akbar tal-produzzjoni Norveġiża fis-snin li ġejjin.

    (83)

    Il-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni lejn il-Komunità u lejn pajjiżi terzi fuq bażi ta’ FCA Oslo instab li kellhom livelli simili u għalhekk kien konkluż li s-swieq kollha huma attraenti fl-istess livell li kieku kellu jkun hemm domanda suffiċjenti. Meta jinbiegħ frisk jew bħala prodott imkessaħ, il-prodott ikkonċernat normalment jinġarr lejn l-UE fi trakk. Meta jinbiegħ f’destinazzjonijiet aktar ‘il bogħod li mhumiex aċċessibbli bit-trakk f’ċertu limitu ta’ żmien, il-prodott ikkonċernat jinġarr bl-ajru.

    (84)

    Abbażi ta’ dak ta’ hawn fuq, qed jiġi konkluż li, sakemm il-fatturi jibqgħu l-istess, il-produzzjoni li qed tiddeterjora tas-salamun minn 3 sa 5 % fl-2007 fiċ-Ċili marbuta mas-sitwazzjoni epidemika se tikkontribwixxi għall-kontroll tat-tkabbir tal-forniment dinji fl-2008 u se tagħti l-opportunitajiet ta’ swieq lill-produtturi Norveġiżi fi swieq bħall-Ġappun, l-Istati Uniti u swieq oħra li qed jitfaċċaw fejn il-produtturi Ċileni għandhom ishma sinifikanti fis-suq.

    (85)

    It-Tabella (4): L-iżvilupp tas-suq (esportazzjonijiet) għal Salamun mill-Atlantiku min-Norveġja – l-2006 versus l-2007 (volum f’tunnellati f’piż sa l-eqreb numru sħiħ) – (Sors: Norwegian Seafood Export Council).

     

    Volum 2006

    Volum 2007

    Tibdil

    UE

    438 569

    509 273

    16,1  %

    Il-Ġappun

    26 703

    28 846

    8,0  %

    Ir-Russja

    39 998

    61 248

    53,1  %

    L-Istati Uniti

    10 752

    14 136

    31,5  %

    L-Ukraina

    6 518

    13 617

    109  %

    Iċ-Ċina

    5 284

    9 021

    71  %

    Korea ta’ Isfel

    6 037

    7 613

    26  %

    It-Tajlandja

    3 177

    7 887

    148  %

    (86)

    L-industrija tal-Komunità oġġezzjonat għas-sejbiet ta’ hawn fuq billi qalet li l-iżvilupp ta’ volumi ta’ l-esportazzjonijiet min-Norveġja lejn pajjiżi terzi oħrajn kieku kienu juru tendenza differenti fil-bidu ta’ l-2008, jiġifieri esportazzjonijiet lejn dawn il-pajjiżi f’termini assoluti kienu jonqsu u t-tkabbir totali ta’ l-esportazzjonijiet kien ikun aktar baxx mill-2007 u aktar baxx mit-tkabbir ta’ l-esportazzjoni lejn il-Komunità matul l-istess perjodu.

    (87)

    L-investigazzjoni wriet li d-data dwar l-importazzjoni għall-bidu ta’ l-2008 li tiddependi fuq is-sors użat kienet tvarja b’mod sinifikanti. Għalhekk, Kontali Analysis uriet tendenzi li qed jiżdiedu f’livell ogħla għall-istess perjodu. Barra minn hekk, kif jingħad hawn fuq fil-premessa (70), l-iżviluppi tas-suq għandhom jiġu studjati matul perjodu ta’ żmien itwal biex juru stampa konklużiva. Għalhekk, l-argumenti ta’ l-industrija tal-Komunità ma setgħux inaqqsu l-valur tas-sejbiet fir-rigward ta’ l-iżvilupp tal-volumi ta’ l-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi oħrajn.

    4.   Volumi tal-produzzjoni u kapaċitajiet fin-Norveġja

    (88)

    Il-livell ta’ produzzjoni fin-Norveġja, jiġifieri l-bijomassa massima awtorizzata, hi prinċipalment iddeterminata min-numru tal-liċenzji għal produzzjoni li ngħataw mill-awtoritajiet Norveġiżi, u mill-abbiltà tas-sajjieda li jrabbu l-ħut li jwettqu l-ogħla produzzjoni possibbli fil-limiti tal-liċenzja tagħhom. Fatturi oħrajn suxxettibbli li jkabbru l-produzzjoni tas-salamun huma, pereżempju, fatturi bijoloġiċi u meteoroloġiċi favorevoli u t-titjib tal-proċessi tat-trobbija tal-ħut b’tagħmir ta’ teknoloġija għolja. Bil-maqlub, it-tifqigħa ta’ epidemija tal-ħut tista’ tagħmel ħsara lill-produzzjoni b’mod sinifikanti u twassal għal tnaqqis fil-ġbir ta’ ħut kif kien il-każ fiċ-Ċili matul l-2007.

    (89)

    Ċerti partijiet interessati qalu li żieda fil-produzzjoni ta’ ħut b’età żgħira fin-Norveġja mill-2006 (allegatament żieda ta’ 20 % bejn l-2006 u l-2008) kella tagħti indikazzjoni qawwija li l-volum tal-produzzjoni tas-salamun Norveġiż kien se jiżdied b’mod sinifikanti fiż-żmien is-sentejn li jmiss u għalhekk iwassal għal sitwazzjoni ta’ forniment aktar milli meħtieġ. Abbażi ta’ dan, u meta jitqies il-livell partikolarment għoli tal-ġbir miksub fl-2007, dawn il-partijiet qalu li fl-2008 (u lil hinn) il-volumi tal-produzzjoni fin-Norveġja se jkunu b’mod sinifikanti u jeċċedi bil-kbir it-tkabbir tas-swieq ta’ l-esportazzjoni tagħha, u b’mod partikolari fis-suq tal-Komunità. Huma allegaw li jekk it-titjib tal-ġbir li kellha l-industrija Norveġiża tas-salamun fl-2007 kellu jirripeti ruħu fl-2008, il-volumi żejda jew mhux mibjugħin setgħu jammontaw għal bejn 20 000 u 91 000 tunnellata li jirriżultaw minn livell stmat ta’ produzzjoni ta’ 870 000 tunnellata WFE, jiġifieri 150 000 tunnellata aktar mill-2007.

    (90)

    L-investigazzjoni ma kkonfermatx l-allegazzjonijiet t’hawn fuq. Filwaqt li hu minnu li kien hemm żieda fil-produzzjoni ta’ ħut b’età żgħira fl-2006, din iż-żieda kienet konformi maż-żidiet ta’ snin preċedenti u ma setax jitqies bħala eċċezzjonali, kif qed jintwera fiċ-Ċart (2) hawn taħt:

    (91)

    Iċ-Ċart (2) L-għadd ta’ salamun b’età żgħira prodott (f’eluf) - (Sors: SSB Norway)

    Image

    (92)

    Barra minn hekk, ibbażati fuq taħlita ta’ diversi fatturi bħall-fatturi tal-mortalità, ir-regolamenti tal-gvern li jrieġu l-bijomassa massima awtorizzata u ġbir aktar baxx għal kull tferrigħ fl-2008, skond Kontali Analysis, il-produzzjoni stmata tas-salamun fl-2008 għandha tiżdied b’sempliċi 6 %, jiġifieri minn 723 000 tunnellta WFE fl-2007 għal 770 000 tunnellata fl-2008, jiġifieri 47 000 tunnellata WFE. Iċ-ċifri dwar l-iżvilupp iżgħar fil-bijomassa fl-2008 huma appoġġati mid-data tal-bejgħ ta’ l-għalf li turi waqgħa sinifikanti fl-2008 meta mqabbla ma’ l-2007 (sors Havbruksdata and FHL).

    (93)

    Sussegwentement għar-rivelazzjoni, l-industrija tal-Komunità tenniet dak li qalet li l-volum tal-produzzjoni fin-Norveġja probabbilment se jiżdied b’mod sinifikanti u pprovdiet ftit aktar data dwar il-kwantitajiet ta’ ħsad, l-istokks u l-ħut b’età żgħira relatata mal-bidu ta’ l-2008. Kif intqal hawn fuq, kien ikkunsidrat li d-data li għandha x’taqsam biss ma’ xahrejn mis-sena mhix eżattament konklużiva u għalhekk ma tistax tneħħi l-valur tas-sejbiet dwar l-iżvilupp tal-volum tal-produzzjoni fin-Norveġja kif enfasizzat hawn fuq.

    (94)

    Għalhekk, u abbażi ta’ l-informazzjoni disponibbli, għalkemm il-volumi ta’ produzzjoni fin-Norveġja għandhom it-tendenza li jiżdiedu, żieda drammatika fil-produzzjoni fil-ġejjien qarib, kif qed jingħad mill-partijiet interessati msemmija hawn fuq, mhix probabbli li sseħħ. Barra minn hekk, kif iddefinit hawn fuq fil-premessa (82) u ta’ warajha, kull volum imkabbar tal-produzzjoni probabbli mhux se jkun esportat fit-totalità tiegħu fil-Komunità iżda hemm probabbiltà kbira li fil-parti l-kbira se jkun dirett lejn swieq f’pajjiżi terzi fejn id-domanda qed tiżdied b’mod sinifikanti. Finalment, għar-raġunijiet enfasizzati fil-premessa (71) u ta’ warajha, l-esportazzjonijiet lejn il-Komunità mhumiex mistennija li jsiru bi prezzijiet iddampjati.

    5.   Sitwazzjoni ta’ l-industrija Norveġiża

    (95)

    Fl-aħħarnett, is-sitwazzjoni ta’ l-industrija Norveġiża b’mod ġenerali, u matul il-PIR b’mod partikolari, ngħatat kunsiderazzjoni speċjali. L-investigazzjoni għalhekk uriet li, b’kuntrast għal dak li nstab matul l-investigazzjoni oriġinali, is-settur ta’ l-akkwakultura fin-Norveġja hu magħmul minn kumpaniji bi qligħ kbir. Dan parzjalment hu minħabba l-proċess kbir ta’ konsolidazzjoni li għadu sejjer, proċess li għamel is-settur effiċjenti u b’saħħtu ħafna. Dan hu wkoll rifless fl-istruttura tal-pussess tal-kumpaniji kkonċernati, jiġifieri diversi investimenti Norveġiżi u dinjija u fondi ta’ pensjonijiet huma rrappreżentati ferm tajjeb fil-gruppi tal-produtturi esportaturi. Dan ma kienx ukoll il-każ matul l-investigazzjoni oriġinali.

    (96)

    Barra minn hekk, l-investigazzjoni wriet li l-produtturi Norveġiżi fl-istess ħin huma wkoll stabbiliti ferm tajjeb fis-suq tal-Komunità, fejn jirrappreżentaw bejn wieħed u ieħor 80 % u 90 % tal-volum totali tal-produzzjoni fil-Komunità. Dawn il-kumpaniji relatati man-Norveġja fil-Komunità nstabu li jipproduċu u jbigħu s-salamun fil-parti l-kbir fis-suq tal-Komunità, u għalih.

    (97)

    Għandu wkoll jiġi nnotat li l-kumpaniji matriċi Norveġiżi kienu qed jesportaw kwantitajiet konsiderevoli lejn il-Komunità.

    (98)

    Abbażi ta’ dan, kien ikkunsidrat li l-kumpaniji matriċi Norveġiżi tal-kumpaniji produtturi lokalizzati fil-Komunità kienu ta’ l-anqas se jiġu bl-istess mod effettwati b’mod negattiv b’kull tnaqqis sinifikanti fil-prezz fis-suq tal-Komunità minħabba importazzjonijiet iddampjati min-Norveġja. Fil-fatt, abbażi ta’ dan, ma kienx mingħajr raġuni li wieħed jassumi li ma jagħmilx sens, ta’ l-anqas ekonomikament, għall-produtturi esportaturi Norveġiżi li jikkontibwixxu permezz ta’ prattiċi ta’ dumping biex iwaqqgħu l-prezzijiet tas-salamun ta’ trobbija fil-Komunità. Dan kieku jagħmel ħsara b’mod dirett lill-qligħ tas-settur u jaffettwa b’mod negattiv l-ishma tal-kumpaniji li huma nnegozjati fil-borża u li għandhom bħala azzjonisti, kif jingħad fil-premessa 95, fondi maġġuri ta’ investiment u -pensjonijiet.

    (99)

    Abbażi ta’ dak ta’ hawn fuq, kien għalhekk raġonevoli li jiġi konkluż li l-produtturi esportaturi Norveġiżi kellhom interess personali li jevitaw sitwazzjonijiet ta’ kollass ta’ prezzijiet tas-suq u li jibqgħu orjentati li jagħmlu qligħ. Konsegwentement, kien ikkunsidrat limitat ir-riskju li l-prattiċi ta’ dumping mill-produtturi esportaturi Norveġiżi kellu jitkompla fil-ġejjieni previst.

    (100)

    L-industrija tal-Komunità oġġezzjonat għas-sejbiet ta’ hawn fuq billi qalet li s-sitwazzjoni b’saħħitha tal-produtturi Norveġiżi misjuba matul il-PIR ma kinitx ta’ natura permanenti u li wara l-PIR, dawn il-produtturi se jiffaċċjaw problemi finanzjarji u xi wħud minnhom se jirreġistraw telf fil-bidu ta’ l-2008. L-industrija tal-Komunità qalet ukoll li l-maġġoranza l-kbira tal-produtturi Norveġiżi ma kellhomx sussidji fis-suq tal-Komunità u li abbażi ta’ dan ma setax jiġi konkluż li kellu jitkompla d-dumping. Fl-aħħarnett, kien allegat li l-produtturi Norveġiżi b’sussidji fil-Komunità kellhom inaqqsu l-produzzjoni tagħhom fis-suq tal-Komunità u jżidu l-produzzjoni fin-Norveġja li kieku l-miżuri kellhom jitħallew jiskadu.

    (101)

    Fejn tidħol is-sitwazzjoni finanzjarja tal-produtturi Norveġiżi, hu nnotat li t-telf ta’ xi wħud mill-kumpaniji kien marbut ma’ l-investimenti tagħhom fiċ-Ċili u mat-tifqigħa ta’ l-epidemija f’dan il-pajjiż. Dawn iċ-ċirkostanzi partikolari kienu jikkonċernaw biss għadd żgħir mill-produtturi kollha fin-Norveġja. Barra minn hekk, l-informazzjoni kella x’taqsam biss mal-bidu tas-sena 2008 u ma tippermettix konklużjonijiet ġenerali dwar il-prestazzjoni ta’ dawn il-kumpaniji fis-sena kollha. Fejn tidħol il-produzzjoni Norveġiża fil-Komunità, u kif ammettiet l-industrija tal-Komunità, għalkemm l-għadd ta’ kumpaniji li għandhom sussidju fil-Komunità hu limitat, dawn jirrappreżentaw il-parti l-kbira tal-produzzjoni sħiħa Norveġiża u tqiesu għalhekk bħala sinifikanti. L-argument li l-kapaċitajiet tal-produzzjoni li huma fil-pussess Norveġiż jonqsu fil-Komunità li kieku l-miżuri kellhom jitneħħew, ma kienx sostnut b’evidenza. Għalhekk dawn l-argumenti kellhom jiġu rrifjutati.

    6.   Konklużjoni

    (102)

    L-investigazzjoni wriet li d-dumping matul il-PIR kien f’livelli de minimis. L-investigazzjoni kompliet turi li ma hemm ebda raġuni biex jiġi emmnut li l-volum tal-produzzjoni fin-Norveġja se jiżdied aktar mir-rata tradizzjonali ta’ tkabbir u għalhekk iwassal għal żieda sinifikanti fil-volumi ta’ esportazzjoni min-Norveġja lejn il-Komunità. L-investigazzjoni stabbiliet ukoll li r-riskju ta’ tnaqqis sinifikanti fil-prezzijiet ta’ esportazzjoni Norveġiżi għal-livelli ddampjati huwa limitat fil-ġejjieni previst, prinċipalment minħabba għall-fatt li mhix mistennija produzzjoni sinifikanti aktar milli meħtieġa fin-Norveġja, li tista’ tkun ir-raġuni prinċipali li toħloq tali tnaqqis fil-prezzijiet. B’mod partikolari, il-valur normali, li nstab li hemm probabbiltà kbira li se jibqa’ stabbli, kien b’mod sinifikanti aktar baxx mill-prezz ta’ l-esportazzjoni matul il-PIR, jiġifieri l-varjazzjonijiet normali minħabba l-karattru instabbli tas-suq u għalhekk t-tnaqqis temporanju fl-prezz ta’ l-esportazzjoni probabbilment mhumiex se jirriżultaw awtomatikament f’dumping. Fl-aħħarnett, kien ikkunsidrat li s-sitwazzjoni mibdula fis-settur Norveġiż ta’ l-akkwakultura li sar għandha qligħ għoli ħafna u li l-ishma tagħha huma nnegozjati fil-borża, kif ukoll il-preżenza importanti tal-produzzjoni b’pussess Norveġiż fil-Komunità, jagħmel improbabbli r-rikorrenza ta’ prattiċi ta’ dumping fil-ġejjieni previst. Għar-raġunijiet kollha ta’ hawn fuq, kien konkluż li l-probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dumping hi baxxa u għalhekk ma kinitx meħtieġa t-tkomplija ta’ l-impożizzjoni tal-miżuri anti-dumping li hemm fis-seħħ.

    (103)

    Konsegwentement, ir-reviżjoni interim attwali għandha tintemm u l-miżuri fis-seħħ fuq l-importazzjonijiet tas-salamun tat-trobbija li joriġina fin-Norveġja għandhom jiġu mħassra.

    E.   MONITORAĠĠ SPEĊJALI

    (104)

    Kif spejgat hawn fuq, huwa mistenni li l-kundizzjonijiet tas-suq, jiġifieri d-domanda u l-provvista, jibqgħu stabbli fil-ġejjieni previst u li għalhekk mhemm ebda probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dumping. Fil-fatt, kull indikatur eżaminat wera li raġonevolment seta’ jkun mistenni li l-volumi ta’ l-esportazzjoni lejn il-Komunità ma kinux se jiżdiedu b’mod sinifikanti u li l-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni jibqgħu f’livelli mhux iddampjati.

    (105)

    Għaldaqstant, minħabba ċertu nuqqas ta’ tbassir tal-kundizzjonijiet tas-suq prinċipalment minħabba n-natura tal-prodott (merkanzija li tmur malajr), hu xieraq li jiġi mmonitorjat mill-viċin is-suq u li tiġi riveduta s-sitwazzjoni jekk ikun hemm evidenza prima facie biżżejjed li l-kundizzjonijiet inbidlu b’mod sinifikanti. F’każ bħal dan, tingħata kunsiderazzjoni għall-bidu ta’ investigazzjoni b’bażi ex officio, jekk dan ikun jinħass meħtieġ.

    (106)

    Il-monitoraġġ għandu jkun limitat fiż-żmien sa l-iskadenza prevista oriġinali tal-miżuri definittivi imposti mir-Regolament (KE) Nru 85/2006, jekk ikunu għadhom fis-seħħ, jiġifieri sal-21 ta’ Jannar 2011.

    F.   RIVELAZZJONI

    (107)

    Il-partijiet interessati ġew informati bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom kien maħsub li tintemm ir-reviżjoni interim attwali u li jiġi rivokat id-dazju attwali ta’ l-anti-dumping fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat. Il-partijiet kollha ngħataw l-opportunità li jikkummentaw. Il-kummenti tagħhom ittieħdu f’kunsiderazzjoni fejn iġġustifikati u sostanzjati b’evidenza,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu Waħdieni

    Ir-reviżjoni interim parzjali tal-miżuri anti-dumping applikabbli fuq l-importazzjonijiet tas-salamun ta’ trobbija (minbarra dak li jikber fi stat naturali), sew jekk bix-xewk jew mingħajru, frisk, imkessaħ jew iffriżat, attwalment ikklassifikat fil-Kodiċi tan-NM ex 0302 12 00, ex 0303 11 00, ex 0303 19 00, ex 0303 22 00, ex 0304 19 13 u ex 0304 29 13, li joriġina fin-Norveġja, mibdija skond l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 384/96, hi mitmuma permezz ta’ dan.

    Id-dazju definit anti-dumping impost mir-Regolament (KE) Nru 85/2006 fuq l-importazzjonijiet imsemmija hawn fuq hu rivokat b’dan.

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta ‘ l-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 17 ta’ Lulju 2008.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    E. WOERTH


    (1)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2117/2005 (ĠU L 340, 23.12.2005, p. 17).

    (2)  ĠU L 15, 20.1.2006, p. 1.

    (3)  ĠU C 88, 21.4.2007, p. 26.

    (4)  Kontali Analyse AS tipprovdi statistiċi, prinċipalment għall-industrija ta’ l-akkwakultura u tas-sajd (www.kontali.no)


    Top