EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008R0665

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 665/2008 ta’ l- 14 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 199/2008 tal- 25 ta’ Frar 2008 dwar l-istabbiliment ta’ qafas Komunitarju għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta’ data fis-settur tas-sajd u appoġġ għall-parir xjentifiku fir-rigward tal-Politika Komuni tas-Sajd

ĠU L 186, 15.7.2008, p. 3–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 29/10/2015

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/665/oj

15.7.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 186/3


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 665/2008

ta’ l-14 ta’ Lulju 2008

li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 199/2008 tal-25 ta’ Frar 2008 dwar l-istabbiliment ta’ qafas Komunitarju għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta’ data fis-settur tas-sajd u appoġġ għall-parir xjentifiku fir-rigward tal-Politika Komuni tas-Sajd

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità’ Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 199/2008 tal-25 ta’ Frar 2008 dwar l-istabbiliment ta’ qafas Komunitarju għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta’ fis-settur tas-sajd u appoġġ għall-parir xjentifiku fir-rigward tal-Politika Komuni tas-Sajd (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 4(4), 5(3), 7(1), 8(7), 12(2) u 25 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 199/2008 jistabbilixxi qafas Komunitarju għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta’ data bl-għan li tiġi stabbilita bażi b'saħħitha għall-analiżi tas-sajd u biex tkun provduta l-formulazzjoni ta’ parir xjentifiku sod għall-implimentazzjoni tal-Politika Komuni tas-Sajd (minn hawn ‘il quddiem il-“PKS”).

(2)

Il-protokolli u l-metodi għall-ġbir u l-monitoraġġ tad-data għandhom ikunu konformi ma’ l-istandards ta’ kwalità stabbiliti minn korpi xjentifiċi internazzjonali, organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd u għandhom ikunu bbażati fuq l-esperjenza li tinkiseb mill-ġbir tad-data dwar is-sajd, minn meta kien stabbilit għall-ewwel darba l-qafas Komunitarju fl-2000, u fuq il-parir provdut mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku dwar is-Sajd (minn hawn ‘il quddiem is-“STECF”).

(3)

Il-programmi multi-annwali nazzjonali għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta’ data għandhom ikunu stabbiliti mill-Istati Membri skond il-programm multi-annwali Komunitarju. Dawn il-programmi għandhom jitressqu lill-Kummissjoni kmieni biżżejjed biex il-Kummissjoni tkun tista’ tieħu deċiżjonijiet finanzjarji f’waqthom għas-sena ta’ wara. L-Istati Membri għandhom jevitaw il-ġbir doppju tad-data. L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw dwar l-implimentazzjoni tal-programmi nazzjonali tagħhom.

(4)

Il-koordinazzjoni ta’ l-azzjonijiet ta’ l-Istati Membri u fejn ikun possibbli t-tqassim tax-xogħol fost il-programmi nazzjonali għandhom ikunu żgurati fuq il-livell reġjonali.

(5)

Il-programm multi-annwali Komunitarju għandu jkun soġġett għal deċiżjoni separata tal-Kummissjoni.

(6)

Il-miżuri pprovduti f'dan ir-Regolament huma bi qbil ma’ l-opinjoni tal-Kumitat tal-Ġestjoni tas-Sajd u l-Akkwakultura.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Komponenti tal-programmi nazzjonali

Il-programmi multi-annwali nazzjonali msemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 199/2008 għandhom jikkonsistu fi:

(a)

L-azzjonijiet ippjanati, f’unitajiet u taqsimiet kif imsemmija fil-programm multi-annwali Komunitarju u skond ir-reġjuni li ġejjin:

il-Baħar Baltiku (żoni ICES III b-d).

il-Baħar tat-Tramuntana (żoni ICES IIIa, IV u VIId) u il-Lvant ta’ l-Artiku (żoni ICES I u II),

it-Tramuntana ta’ l-Atlantiku(żoni ICES V-XIV u żoni NAFO),

il-Baħar Mediterran u l-Baħar l-Iswed,

reġjuni fejn is-sajd jitwettaq minn bastimenti Komunitarji u jitmexxa minn Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd li l-Komunità għandha rabta magħhom jew bħala parti kontraenti jew bħala osservatur;

(b)

L-elementi tal-kontijiet analitiċi mqassma skond l-unitajiet u taqsimiet kif imsemmija fil-programm multi-annwali Komunitarju u skond ir-reġjuni kif imsemmi fil-punt (a) ta’ dan l-Artikolu;

(ċ)

Deskrizzjoni dettaljata ta’ l-istrateġiji għat-teħid ta’ kampjuni li għandhom ikunu segwiti u l-istimi statistiċi użati li jagħmluha possibbli li jkunu apprezzati l-livelli ta’ preċiżjoni u r-relazzjoni bejn l-ispiża u l-preċiżjoni;

(d)

L-elementi li juru li l-programmi nazzjonali huwa koordinati fl-istess reġjun u li dawk il-ħidmiet jitqassmu bejn l-Istati Membri rilevanti.

Artikolu 2

Preżentazzjoni tal-programmi nazzjonali

1.   Il-programmi multi-annwali nazzjonali għandhom jitressqu b’mezzi elettroniċi lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu tas-sena qabel il-perjodu ta’ implimentazzjoni tal-programm multi-annwali. L-ewwel perjodu għandu jinkludi s-snin 2009-2010. Għal dan il-perjodu, il-programmi nazzjonali għandhom jitressqu sal-15 ta’ Ottubru 2008.

2.   Meta jressqu l-programmi nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jużaw:

(a)

il-mudelli u l-linji gwida stabbiliti mis-STECF rigward l-aspetti tekniċi u xjentifiċi tal-programm;

(b)

il-formoli finanzjarji pprovduti mill-Kummissjoni rigward l-aspetti finanzjarji tal-programm.

Artikolu 3

Koordinazzjoni nazzjonali u Koordinazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri

1.   Kull Stat Membru għandu jaħtar korrispondent nazzjonali li għandu jkun il-kuntatt ewlieni għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri rigward it-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-programmi nazzjonali.

2.   Fil-każ li jipparteċipaw bosta korpi fil-programm nazzjonali, il-korrispondent nazzjonali għandu jkun responsabbli għall-korrdinazzjoni tal-programm nazzjonali. Fid-dawl ta’ dan, kull sena għandha tiġi organizzata laqgħa ta’ koordinazzjoni nazzjonali. Jekk ikun meħtieġ laqgħa oħra tista' tkun organizzata. Laqgħat bħal dawn għandhom ikunu organizzati mill-korrispondent nazzjonali u għandhom jattendu biss dawk il-membri tal-korpi involuti fil-programm nazzjonali. Il-Kummissjoni tista' tipparteċipa f’dawn il-laqgħat.

3.   Rapport tal-laqgħa ta’ koordinazzjoni nazzjonali msemmi fil-paragrafu 2 għandu jkun inkluż fir-rapport annwali msemmi fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 199/2008.

4.   L-appoġġ finanzjarju Komunitarju għal-laqgħat msemmija fil-paragrafu 2, għandu jkun soġġett għall-konformità mill-Istati Membri ma’ dan l-Artikolu.

Artikolu 4

Koordinazzjoni Reġjonali

1.   Il-Laqgħat ta’ Koordinazzjoni Reġjonali msemmija fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 199/2008 għandhom jevalwaw l-aspetti ta’ koordinazzjoni reġjonali tal-programmi nazzjonali u fejn meħtieġ għandhom iressqu rakkomandazzjonijiet għal integrazzjoni mtejba tal-programmi nazzjonali u għat-tqassim tax-xogħol fost l-Istati Membri.

2.   Il-President tal-laqgħa għandu jinħatar mil-Laqgħa ta’ Koordinazzjoni Reġjonali bi qbil mal-Kummissjoni għal perjodu ta’ sentejn.

3.   Il-Laqgħat ta’ Koordinazzjoni Reġjonali jistgħu jseħħu darba fis-sena. It-termini ta’ referenza għal-laqgħa għandhom ikunu proposti mill-Kummissjoni bi qbil mal-President u għandhom jintbagħtu lill-korrispondenti nazzjonali msemmija fl-Artikolu 3(1) tliet ġimgħat qabel il-laqgħa. Stati Membri għandhom jibagħtu l-listi tal-parteċipanti lill-Kummissjoni ġimgħatejn qabel il-laqgħa.

Artikolu 5

Preżentazzjoni tar-rapport annwali

1.   B’mezzi elettroniċi, l-Istati Membri għandhom jibagħtu r-rapport annwali msemmi fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 199/2008 sal-31 ta’ Mejju ta’ kull sena wara s-sena li fiha jku ġie implimentat il-programm nazzjonali. Skond l-unitajiet u t-taqsimiet imsemmija fil-programm multi-annwali Komunitarju u skond ir-reġjuni kif imsemmi fl-Artikolu 1(a), ir-rapport annwali għandu jkun fih b’mod partikolari:

(a)

preżentazzjoni ta’ l-eżekuzzjoni annwali tal-programm li tispeċifika r-riżultati ta’ l-azzjonijiet ippjanati;

(b)

l-elementi tal-kontijiet analitiċi annwali.

2.   Meta jressqu r-rapport annwali, l-Istati Membri għandhom jużaw:

(a)

il-mudelli u l-linji gwida stabbiliti mis-STECF rigward l-aspetti tekniċi u xjentifiċi tal-programm;

(b)

il-formoli finanzjarji pprovduti mill-Kummissjoni rigward l-aspetti finanzjarji tal-programm.

Artikolu 6

Tnaqqis ta’ l-Assistenza finanzjarja Komunitarja

1.   It-tnaqqis ta’ l-assistenza finanzjarja Komunitarja, imsemmi fl-Artikoli 8(5)(a) u 8(5)(b) tar-Regolament (KE) Nru 199/2008, għandu jkun proporzjonali ma’ l-għadd ta’ ġimgħat ta’ dewmien li jgħoddu mid-dati ta’ skadenza msemmija fl-Artikoli 2 u 5. Il-proporzjon tat-tnaqqis għandu jkun ta’ 2% ta’ l-assistenza finanzjarja Komunitarja totali għal kull ġimgħatejn ta’ dewmien, bi tnaqqis massimu ta’ 25% tan-nefqa annwali totali tal-programm nazzjonali.

2.   It-tnaqqis ta’ l-assistenza finanzjarja Komunitarja, imsemmi fl-Artikoli 8(5)(ċ) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 199/2008, għandu jkun proporzjonali ma’ l-għadd ta’ nuqqasijiet ta’ għoti ta’ data lill-utenti finali. Il-proporzjon tat-tnaqqis għandu jkun ta’ 1% ta’ l-assistenza finanzjarja Komunitarja totali għal kull nuqqas li tiġi sodisfatta d-domanda, bi tnaqqis massimu ta’ 25% tan-nefqa annwali totali tal-programm nazzjonali.

3.   F’każijiet fejn japplikaw sew il-paragrafu (1) kif ukoll (2), it-tnaqqis massimu kumulattiv ma għandux jaqbeż 25% ta’ l-ispiża totali annwali tal-programm nazzjonali.

Artikolu 7

Stħarriġ ta’ riċerka fuq il-baħar

1.   Il-lista ta’ stħarriġ fuq il-baħar eliġibbli għall-assistenza finanzjarja Komunitarja, kif imsemmi fl-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 199/2008, hija pprovduta fil-programm multi-annwali Komunitarju.

2.   Abbażi ta’ parir mill-STECF, il-Kummissjoni tista’ taġġorna l-lista msemmija fil-paragrafu 1 u tawtorizza lill-Istati Membri biex jagħmlu bidliet fit-tfassil ta’ l-istħarriġ ta’ riċerka fuq il-baħar.

Artikolu 8

Amministrazzjoni tad-data primarja u metadata

1.   Id-databases kompjuterizzati mazzjonali msemmija fl-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 199/2008 għandhom ikunu marbuta man-netwerk komputerizzat nazzjonali biex b'hekk ikun hemm skambju ta’ data u informazzjoni fost l-Istati Membri b’mod effiċenti fl-infiq.

2.   Kull Stat Membru għandu jkollu websajt ċentrali waħda li sservi ta’ punt ta’ depożitu għat-tagħrif kollu marbut mal-qafas tal-ġbir tad-data tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 199/2008. Il-websajt għandha tkun aċċessibbli għall-parteċipanti kollha involuti fil-programm nazzjonali tal-ġbir tad-data.

Artikolu 9

Segwiment tat-talbiet u t-trażmissjonijiet ta’ data

1.   Għall-iskop ta’ l-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 199/2008, l-Istati Membri għandhom joħolqu database komputerizzata u jagħmlu disponibbli skond it-talba mill-Kummissjoni, it-tagħrif li jirrigwarda t-talbiet ta’ data li jkunu rċievu u r-risposti li jkunu taw.

2.   Id-database msemmija fil-paragrafu 1 għandu jkun fiha l-informazzjoni dwar li ġej:

(a)

it-talbiet, id-data tat-talbiet, it-tip u l-għan tad-data mitluba, l-ispeċifikazzjoni ta’ l-utent finali;

(b)

it-tweġibiet, id-data tat-tweġibiet u t-tip ta’ data trażmessa.

Artikolu 10

Appoġġ għall-parir xjentifiku

1.   Sabiex ikunu żgurati livelli suffiċjenti ta’ għarfien espert, il-Komunità tista' tipprovdi l-appoġġ finanzjarju għall-parteċipazzjoni ta’ l-esperti fil-laqgħat xjentifiċi rilevanti ta’ l-organizzazzjonijiet ta’ ġestjoni tas-sajd reġjonali li l-Komunità tkun parti kontraenti jew osservatur tagħhom, kif ukoll għall-korpi xjentifiċi internazzjonali responsabbli għall-għoti ta’ parir xjentifiku, kif imsemmi fl-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 199/2008.

2.   Sal-15 ta’ Diċembru ta’ kull sena, il-Kummissjoni għandha tipprovdi l-Istati Membri bil-lista ta’ laqgħat li tikkonsidra bħala eliġibbli għall-appoġġ finanzjarju Komunitarju għall-parteċipazzjoni ta’ l-esperti għas-sena ta’ wara.

3.   L-appoġġ finanzjarju Komunitarju għall-parteċipazzjoni ta’ l-esperti f’kull laqgħa xjentifika għandu jkun limitat għal massimu ta’ żewġ esperti għal kull Stat Membru.

Artikolu 11

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 14 ta’ Lulju 2008.

Għall-Kummissjoni

Joe BORG

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 60, 5.3.2008, p. 1


Top