EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008R0404

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 404/2008 tas- 6 ta' Mejju 2008 li jemenda l-Anness II għar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2092/91 dwar il-produzzjoni organika ta’ prodotti agrikoli f’dak li għandu x'jaqsam ma’ l-awtorizzazzjoni ta’ l-ispinosad, il-bikarbonat tal-potassju u l-oktanoat tar-ram u l-użu ta’ l-etilena

ĠU L 120, 7.5.2008, p. 8–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2008; Impliċitament imħassar minn 32007R0834

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/404/oj

7.5.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 120/8


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 404/2008

tas-6 ta' Mejju 2008

li jemenda l-Anness II għar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2092/91 dwar il-produzzjoni organika ta’ prodotti agrikoli f’dak li għandu x'jaqsam ma’ l-awtorizzazzjoni ta’ l-ispinosad, il-bikarbonat tal-potassju u l-oktanoat tar-ram u l-użu ta’ l-etilena

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2092/91 ta’ l-24 ta’ Ġunju 1991 dwar il-produzzjoni organika ta’ prodotti agrikoli u l-indikazzjonijiet imsemmija fih għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti ta’ l-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 7(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Skond il-proċedura mniżżla fl-Artikolu 7(4) tar-Regolament (KEE) Nru 2092/91, ċerti Stati Membri kienu taw tagħrif lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bil-ħsieb ta’ l-inklużjoni ta’ ċerti prodotti fl-Anness II għal dak ir-Regolament.

(2)

Il-Kumissjoni kienet stiednet grupp espert ad-hoc biex jipprovdi rakkomandazzjonijiet dwar l-awtorizzazzjoni għall-użu ta’ l-ispinosad, il-bikarbonat tal-potassju u l-oktanoat tar-ram fil-biedja organika u għall-estenzjoni ta’ l-użu ta’ l-etilena għat-tneħħija tal-ħdurija fiċ-ċitru u għat-twaqqif tat-tinbit fil-patata u l-basal, skond il-prinċipji li jkopru l-biedja organika.

(3)

Il-grupp espert ta rapport lis-Servizzi tal-Kummissjoni datat it-22 u t-23 ta’ Jannar 2008 (2) li rrakkomanda l-awtorizzazzjoni ta’ l-ispinosad, il-bikarbonat tal-potassju u l-oktanoat tar-ram f’ċerti kundizzjonijiet u ta’ l-estenzjoni ta’ l-użu ta’ l-etilena fit-tneħħija tal-ħdurija fiċ-ċitru u t-twaqqif tat-tinbit fil-patata u l-basal f'ċerti kundizzjonijiet. Fid-dawl tar-rapport ta’ dan il-grupp espert, u l-fatturi stipulati hawn taħt, il-Kummissjoni tikkunsidra li ċerti prodotti għandhom ikunu permessi fil-biedja organika, u l-użu ta’ l-etilena għandu jkun estiż.

(4)

L-ispinosad huwa insettiċid ġdid li ġej mill-mikrobi u li huwa essenzjali għall-kontroll ta’ ċerti insetti ewlenin u li jikkontribwixxi għas-sostenibbiltà tas-sistema ta’ produzzjoni għal sitwazzjonijiet fejn għandhom x’jaqsmu l-għelejjel u l-insetti. Madankollu, meta jintuża, għandu jitnaqqas ir-riskju għall-organiżmi mhux fil-mira.

(5)

Rigward l-inklużjoni ta’ l-ispinosad, għandu jiġi kjarifikat li l-mikroorganiżmi huma ġeneralment permessi fil-biedja organika għall-kontroll ta’ l-insetti u l-mard, filwaqt li l-prodotti li huma prodotti mill-mikroorganiżmi għandhom jitniżżlu fuq bażi individwali.

(6)

Il-bikarbonat tal-potassju huwa essenzjali biex jikkombatti d-diversi mard tal-fungu f’varjetà ta’ għelejjel u jista’ jikkontribwixxi għat-tnaqqis ta’ l-użu tar-ram u l-kubrit f’ċerti kombinazzjonijiet ta’ għelejjel u insetti.

(7)

L-oktanoat tar-ram huwa formulazzjoni ġdida tar-ram li jista’ jintuża għall-istess finijiet ta’ sustanzi tar-ram diġà inklużi fil-Parti B ta’ l-Anness II għar-Regolament (KEE) Nru 2092/91. L-ammont totali tar-ram li għandu jkun applikat kull staġun huwa inqas meta jintuża l-oktanoat tar-ram.

(8)

L-etilena hija diġà inkluża fil-Parti B ta’ l-Anness II għar-Regolament (KEE) Nru 2092/91 bħala sustanza ta’ użu tradizzjonali fil-biedja organika. Jidher xieraq li l-kundizzjonijiet ikunu kompluti għall-użu ta’ dik is-sustanza b'żewġ użi addizzjonali li jitqiesu bħala essenzjali: it-tneħħija tal-ħdurija fil-frott taċ-ċitru, meta trattament bħal dan jagħmel parti minn strateġija għall-prevenzjoni tal-ħsara tad-dubbien tal-frott, u t-twaqqif tat-tinbit tal-patata u l-basal maħżuna.

(9)

L-Anness II għar-Regolament (KEE) Nru 2092/91 għandu għalhekk jiġi emendat kif jixraq.

(10)

Il-miżuri li huma stabbiliti f'dan ir-Regolament jaqblu mal-fehma tal-Kumitat maħtur bi qbil ma’ l-Artikolu 14 tar-Regolament (KEE) Nru 2092/91,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness II għar-Regolament (KEE) Nru 2092/91 huwa emendat skond l-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum mill-publikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 6 ta’ Mejju 2008.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 198, 22.7.1991, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 123/2008 (ĠU L 38, 13.2.2008, p. 3).

(2)  Ir-rapport tal-grupp espert ad-hoc dwar il-pestiċidi fil-produzzjoni ta’ l-ikel organiku, it-22-23 ta’ Jannar 2008, http://ec.europa.eu/agriculture/qual/organic/publi/pesticides_en.pdf


ANNESS

L-Anness II għar-Regolament (KEE) Nru 2092/91 huwa emendat kif ġej:

Fil-Parti B “Pestiċidi”, il-punt 1. “Prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti” qed tiġi emendata kif ġej:

(1)

It-Tabella II “Mikroorganiżmi wżati għall-kontroll bijoloġiku ta' l-insetti”, jinbidel f’li ġej:

“II.   Mikroorganiżmi wżati għall-kontroll bijoloġiku ta’ l-insetti u l-mard

Isem

Deskrizzjoni, rekwiżiti ta’ kompożizzjoni, kundizzjonijiet għall-użu

Mikroorganiżmi (batterja, vajrusis u fungi)

Sakemm il-varjanti ma jkunux modifikati ġenetikament fit–tifsira tad-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*)


IIa   Sostanzi prodotti minn mikroorganiżmi

Isem

Deskrizzjoni, rekwiżiti ta’ kompożizzjoni, kundizzjonijiet għall-użu

Spinosad

Insettiċid;

Sakemm ikun prodott minn varjanti mhux modifikati ġenetikament fit-tifsira tad-Direttiva 2001/18/KE

Sakemm jittieħdu miżuri għat-tnaqqis tar-riskju għall-parassitojdi ewlenin u għat-tnaqqis tar-riskju ta’ l-iżvilup tar-reżistenza.

Il-ħtieġa rikonoxxuta mill-korp ta’ spezzjoni jew mill-awtorità ta' spezzjoni

(2)

Tabella IV “Sostanzi oħra mill-użu tradizzjonali fil-biedja organika” hija emendata kif ġej:

(a)

L-entrata dwar ir-ram, taħt il-kolonna “Isem”, tinbidel b’dan li ġej:

“Ir-ram fil-forma ta’ idrossidu tar-ram, ossikloridu tar-ram, sulfat tar-ram (tribażiku), ossidu kupriku, oktanoat tar-ram”

(b)

L-entrata dwar l-“etilena” tinbidel b'li ġej:

Isem

Deskrizzjoni, rekwiżiti ta’ kompożizzjoni, kundizzjonijiet għall-użu

“(*) Etilena

It-tneħħija tal-ħdurija fil-banana, il-kiwi u l-kakis; It-tneħħija tal-ħdurija fil-frott taċ-ċitru sakemm din tkun parti mill-istrateġija tal-prevenzjoni tal-ħsara tad-dubbiena tal-frott fiċ-ċitru; Il-ħruġ sfurzat tal-fjura ta’ l-ananas; It-twaqqqif tat-tinbit fil-patata u l-basal

Il-ħtieġa rikonoxxuta mill-korp ta’ spezzjoni jew mill-awtorità ta' spezzjoni”

(3)

Fit-Tabella V “Sostanzi oħra”, tiddaħħal l-entrata li ġejja:

Isem

Deskrizzjoni, rekwiżiti ta’ kompożizzjoni, kundizzjonijiet għall-użu

“Bikarbonat tal-potassju

Fungiċid”


(*)  ĠU L 106, 17.4.2001, p. 1.”


Top