Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008R0360

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 360/2008 tat- 18 ta' April 2008 li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni

ĠU L 111, 23.4.2008, p. 9–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/360/oj

23.4.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 111/9


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 360/2008

tat-18 ta' April 2008

li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (1), u b'mod partikolari l-Artiklu 9(1)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Għall-klassifikazzjoni ta’ meraq tal-frott fin-Nomenklatura Magħquda mehmuża mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, għandha ssir distinzjoni bejn, min-naħa waħda, meraq tal-frott li fih zokkor miżjud ta' titlu 2009 u, min-naħa l-oħra, preparazzjonijiet għall-manifattura ta’ xorb inkluż ġuleppijiet taz-zokkor imħawrin ta’ titlu 2106.

(2)

Skond in-Nota ta’ Spjega għas-Sistema Armonizzata għal titlu 2009, fost addittivi oħra, iz-zokkor jista’ jiżdied ma’ meraq tal-frott, sakemm jinżamm il-karattru oriġinali tiegħu.

(3)

Konsegwentement, meraq tal-frott jew taħlitiet ta’ meraq tal-frott, sew jekk fihom jew ma fihomx zokkor miżjud, għandhom ikunu kklassifikati fis-subtitli ta’ titlu 2009 tan-Nomenklatura Magħquda, sakemm ma jkunux tilfu l-karattru oriġinali tagħhom ta’ meraq tal-frott. Fil-każ ta’ l-aħħar għandhom ikunu esklużi minn klassifikazzjoni f’titlu 2009 u għandhom ikunu kklassifikati f’titlu 2106.

(4)

Skond in-Nota Addizzjonali 5(b) għall-Kapitlu 20 tan-Nomenklatura Magħquda meraq tal-frott li miegħu ikun miżjud tant zokkor li għandu bħala kontenut anqas minn 50 % bħala piż ta' meraq tal-frott, ikun tilef l-istat naturali tiegħu ta’ meraq tal-frott u ma jistax għalhekk ikun ikklassifikat f’titlu 2009. Il-kontenut ta’ zokkor miżjud għandu jkun determinat skond il-valur Brix tiegħu li jiddependi, fost oħrajn, fuq il-kontenut taz-zokkor ta’ dawn il-prodotti.

(5)

Inqalgħu xi problemi fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta’ meraq tal-frott naturali kkonċentrat. Meta jkun ikkalkolat il-kontenut ta’ zokkor miżjud ta’ dawk il-prodotti kif stipulat fin-Noti Addizzjonali 2 u 5, jista’ jidher tant għoli li prodotti jkun fihom anqas minn 50 % bħala piż ta’ meraq tal-frott li jkollhom jiġu kklassifikati f’titlu 2106. Dan ir-riżultat mhux sodisfaċenti billi huwa bbażat fuq kalkolu fittizju tal-kontenut taz-zokkor miżjud filwaqt li fil-verità ebda zokkor ma kien miżjud u l-kontenut għoli ta’ zokkor miżjud jirriżulta mill-konċentrazzjoni.

(6)

Għaldaqstant huwa xieraq li l-punt (b) ta’ Nota Addizzjonali (5) għall-Kapitlu 20 jerġa’ jinkiteb mill-ġdid bi ftit tibdil u li tiżdied dispożizzjoni ġdida għal dak il-punt, li tiddikjara biċ-ċar li għall-meraq tal-frott naturali kkonċentrat il-kriterju ta’ 50 % bil-piż ta’ meraq tal-frott ma japplikax sabiex dak il-meraq ma jiġix eskluż minn titlu 2009 abbażi ta’ żieda kkalkolata ta’ zokkor. Għandu jkun iddikjarat b’mod ċar ukoll li n-Nota Addizzjonali 5 għandha tkun applikata fuq il-prodotti kif ippreżentati.

(7)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 għandu għaldaqstant ikun emendat skond dan.

(8)

Il-miżuri pprovduti f'dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artiklu 1

In-nota addizzjonali 5 għall-Kapitlu 20 tan-Nomenklatura Magħquda mehmuża mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87 hija sostitwita b'dan li ġej:

“5.

Dan li ġej għandu japplika għall-prodotti hekk kif huma ppreżentati

(a)

Il-kontenut ta’ zokkor miżjud ta’ prodotti ta’ titlu 2009 jikkorrispondi għall-‘kontenut ta’ zokkor’ bin-nuqqas taċ-ċifri mogħtijin hawn taħt, skond it-tip ta’ meraq ikkonċernat:

meraq tal-lumi jew tat-tadam: 3,

meraq ta’ l-għeneb: 15,

meraq ta’ frott jew ħxejjex oħrajn, inklużi taħlitiet ta’ meraq: 13.

(b)

Il-meraq tal-frott biz-zokkor miżjud, ta’ valur Brix li ma jaqbiżx 67 u li fih anqas minn 50 % bħala piż ta' meraq tal-frott, jitlef il-karattru oriġinali tiegħu ta' meraq tal-frott ta' titlu 2009.

Il-Punt (b) ma għandux japplika għal meraq tal-frott naturali kkonċentrat. Konsegwentement, meraq tal-frott naturali kkonċentrat mhux eskluż minn titlu 2009.”

Artiklu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin ġurnata wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 18 ta’ April 2008.

Għall-Kummissjoni

László KOVÁCS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 275/2008 (ĠU L 85, 27.3.2008, p. 3.).


Top