Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008R0305

    Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 305/2008 tat- 2 ta’ April 2008 li jistabbilixxi, skond ir-Regolament (KE) Nru 842/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-rekwiżiti minimi u l-kondizzjonijiet għall-għarfien reċiproku għaċ-ċertifikazzjoni tal-persunal li jkun qed jagħmel xogħol ta’ rkupru ta’ ċerti gassijiet serra fluworinati minn tagħmir għat-tqassim ta’ l-elettriku ( switchgear) b’vultaġġ għoli Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 92, 3.4.2008, p. 17–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 07/12/2015; Revokat u sostitwit bi 32015R2066

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/305/oj

    3.4.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 92/17


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 305/2008

    tat-2 ta’ April 2008

    li jistabbilixxi, skond ir-Regolament (KE) Nru 842/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-rekwiżiti minimi u l-kondizzjonijiet għall-għarfien reċiproku għaċ-ċertifikazzjoni tal-persunal li jkun qed jagħmel xogħol ta’ rkupru ta’ ċerti gassijiet serra fluworinati minn tagħmir għat-tqassim ta’ l-elettriku (“switchgear”) b’vultaġġ għoli

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 842/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar ċerti gassijiet serra fluworinati (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 5(1) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Għall-finijiet tar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 842/2006, jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dwar il-kwalifika tal-persunal li jkun qed jagħmel xogħol fuq tagħmir li fih ċerti gassijiet serra fluworinati li jista’ potenzjalment jikkawża tnixxija.

    (2)

    Il-persunal li għad m’għandux ċertifikat imma li qed isegwi kors ta’ taħriġ sabiex jikseb wieħed, għandu, għal perjodu ta’ żmien limitat, jitħalla jagħmel xogħol li jeħtieġ din it-tip ta’ ċertifikazzjoni, sabiex jikseb il-ħiliet prattiċi meħtieġa għall-eżami, dejjem jekk ikun issorveljat minn persunal iċċertifikat.

    (3)

    Attwalment, għadd ta’ Stati Membri għad m’għandhomx sistemi ta’ kwalifika jew ta’ ċertifikazzjoni. Għaldaqstant għandu jitħalla perjodu ta’ żmien limitat li fih il-persunal ikun jista’ jikseb ċertifikat.

    (4)

    Sabiex jiġi evitat piż amministrattiv bla bżonn, għandu jkun permess it-twaqqif ta’ sistema ta’ ċertifikazzjoni fuq skemi ta’ kwalifika li diġà jeżistu, dejjem jekk il-ħiliet u l-għarfien koperti u s-sistema rilevanti ta’ kwalifika huma ekwivalenti għall-istandards minimi maħsuba minn dan ir-Regolament.

    (5)

    Entitajiet li jimmanifatturaw jew li jħaddmu tagħmir għat-tqassim ta’ l-elettriku b’vultaġġ għoli jistgħu jinħatru bħala l-korpi ta’ evalwazzjoni jew ta’ ċertifikazzjoni, jew it-tnejn, dejjem jekk dawn jissodisfaw ir-rekwiżiti rilevanti.

    (6)

    L-eżamijiet huma mod effettiv kif wieħed jeżamina l-ħila ta’ kandidat li jwettaq sew kemm dawk il-ħidmiet li jistgħu jikkawżaw tnixxija b’mod dirett, kif ukoll dawk li jistgħu jikkawżaw tnixxija b’mod indirett.

    (7)

    Il-korpi ta’ evalwazzjoni u ta’ ċertifikazzjoni maħturin uffiċjalment għandhom jiżguraw li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti minimi mniżżlin f’dan ir-Regolament u b’hekk jagħtu kontribut għall-għarfien reċiproku effettiv u effiċjenti taċ-ċertifikati fil-Komunità kollha.

    (8)

    Tagħrif dwar is-sistema ta’ ċertifikazzjoni li permezz tagħha jinħarġu ċertifikati soġġetti għall-għarfien reċiproku għandu jingħata lill-Kummissjoni fil-format stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 308/2008 tat-2 ta’ April 2008 li jistabbilixxi, skond ir-Regolament (KE) Nru 842/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, il-format għan-notifika tal-programmi ta’ taħriġ u ta’ ċertifikazzjoni ta’ l-Istati Membri (2).

    (9)

    Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament (KE) Nru 2037/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3),

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Is-suġġett u l-ambitu

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-rekwiżiti minimi għaċ-ċertifikazzjoni tal-persunal li jkun qed jagħmel xogħol ta’ rkupru ta’ ċerti gassijiet serra fluworinati minn tagħmir għat-tqassim ta’ l-elettriku b’vultaġġ għoli kif ukoll il-kondizzjonijiet għall-għarfien reċiproku ta’ ċertifikati maħruġa skond dawk ir-rekwiżiti.

    Artikolu 2

    Tifsiriet

    Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament “tagħmir għat-tqassim ta’ l-elettriku b’vultaġġ għoli” tfisser swiċċijiet u l-ikkombinar tagħhom ma’ tagħmir ta’ kontroll assoċjat, ta’ kejl, ta’ protezzjoni u ta’ rregolar, u sistemi ta’ strumenti u tagħmir bħal dawn b’interkonnessjonijiet, aċċessorji, kompartimenti u oqfsa ta’ struttura assoċjati, maħsuba għall-użu marbut mal-ġenerazzjoni, trażmissjoni, distribuzzjoni u konverżjoni ta’ l-enerġija elettrika b’vultaġġi nominali ogħla minn 1 000 V.

    Artikolu 3

    Iċ-ċertifikazzjoni tal-persunal

    1.   Il-persunal li jkun qed jagħmel ix-xogħol imsemmi fl-Artikolu 1 għandu jkollu ċertifikat kif imsemmi fl-Artikolu 4.

    2.   Għal żmien massimu ta’ sena, il-Paragrafu 1 ma għandux japplika għall-persunal li jkun qed isegwi kors ta’ taħriġ sabiex jikseb ċertifikat, dejjem jekk dan ikun issorveljat minn persuna ċċertifikata waqt li jkun qed jagħmel dan ix-xogħol.

    3.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-Paragrafu 1 ma għandux japplika għal perjodu li ma jdumx iktar mid-data msemmija fl-Artikolu 5(4) tar-Regolament (KE) Nru 842/2006, għall-persunal li, qabel id-data msemmija fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 842/2006, ikun diġà qed jagħmel ix-xogħol stipulat fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament.

    Għall-finijiet tar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 842/2006, għall-perjodu msemmi fl-ewwel subparagrafu, dan il-persunal għandu jitqies iċċertifikat f’dak li għandu x’jaqsam ma’ dan ix-xogħol.

    Artikolu 4

    Il-ħruġ ta’ ċertifikati lill-persunal

    1.   Kif imsemmi fl-Artikolu 5, korp ta’ ċertifikazzjoni għandu joħroġ ċertifikat lill-persunal li jkun għadda minn eżami teoretiku u prattiku li jkopri l-ħiliet minimi u l-għarfien imniżżlin fl-Anness, u li jkun organizzat minn korp ta’ evalwazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 6.

    2.   Iċ-ċertifikat għandu jinkludi ta’ lanqas dan li ġej:

    (a)

    l-isem tal-korp ta’ ċertifikazzjoni, l-isem tal-persuna li nħarġilha ċ-ċertifikat, in-numru taċ-ċertifikat, u d-data ta’ skadenza, jekk hemm;

    (b)

    ix-xogħol li tista’ tagħmel il-persuna li nħarġilha ċ-ċertifikat;

    (ċ)

    id-data tal-ħruġ taċ-ċertifikat u l-firma ta’ min ħarġu.

    3.   Fejn diġà teżisti sistema ta’ ċertifikazzjoni bbażata fuq l-eżamijiet li tkopri l-ħiliet minimi u l-għarfien imniżżlin fl-Anness u li tissodisfa r-rekwiżiti ta’ l-Artikoli 5 u 6, imma l-attestazzjoni relatata magħha ma tinkludix l-elementi stipulati fil-Paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, korp ta’ ċertifikazzjoni msemmi fl-Artikolu 5 jista’ joħroġ ċertifikat lill-persuna li għandha din il-kwalifika mingħajr il-ħtieġa li tirrepeti l-eżami.

    4.   Fejn diġà teżisti sistema ta’ ċertifikazzjoni bbażata fuq l-eżamijiet li tissodisfa r-rekwiżiti ta’ l-Artikoli 5 u 6, u li tkopri parzjalment il-ħiliet minimi mniżżlin fl-Anness, il-korpi ta’ ċertifikazzjoni jistgħu joħorġu ċertifikat jekk l-applikant jgħaddi minn eżami addizzjonali dwar il-ħiliet u l-għarfien li ma jkunux koperti miċ-ċertifikazzjoni eżistenti, u li jkun organizzat mill-korp ta’ evalwazzjoni msemmi fl-Artikolu 6.

    Artikolu 5

    Il-korp ta’ ċertifikazzjoni

    1.   Fil-liġijiet jew fir-regolamenti nazzjonali għandu jinħaseb għal korp ta’ ċertifikazzjoni li jkollu l-permess li joħroġ ċertifikati lill-persunal involut fix-xogħol imsemmi fl-Artikolu 1. Dan il-korp jista’ jinħatar inkella mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru jew minn entitajiet oħrajn li għandhom id-dritt jagħmlu dan.

    Il-korp ta’ ċertifikazzjoni għandu jkun imparzjali fit-twettiq ta’ ħidmietu.

    2.   Il-korp ta’ ċertifikazzjoni għandu jistabbilixxi u japplika proċeduri għall-ħruġ, għall-waqfien u għall-irtirar taċ-ċertifikati.

    3.   Il-korp ta’ ċertifikazzjoni għandu jżomm reġistri li jippermettu l-verifika ta’ l-istat tal-persuna ċċertifikata. Ir-reġistri għandhom juru li l-proċess ta’ ċertifikazzjoni twettaq b’mod effettiv. Ir-reġistri għandhom jinżammu għal perjodu minimu ta’ ħames snin.

    Artikolu 6

    Il-korp ta’ evalwazzjoni

    1.   Korp ta’ evalwazzjoni maħtur mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru jew minn entitajiet oħrajn li għandhom id-dritt jagħmlu dan għandu jorganizza l-eżamijiet għall-persunal imsemmija fl-Artikolu 1. Il-korp ta’ ċertifikazzjoni msemmi fl-Artikolu 5 jista’ wkoll jikkwalifika bħala korp ta’ evalwazzjoni.

    Il-korp ta’ evalwazzjoni għandu jkun imparzjali fit-twettiq ta’ ħidmietu.

    2.   L-eżamijiet għandhom ikunu ppjanati u strutturati b’mod li jiżgura li jkunu koperti l-ħiliet minimi u l-għarfien imniżżlin fl-Anness.

    3.   Il-korp ta’ evalwazzjoni għandu jadotta proċeduri ta’ rrappurtar u jżomm reġistri sabiex ikun hemm id-dokumentazzjoni dwar il-persuna u dwar ir-riżultati globali ta’ l-evalwazzjoni.

    4.   Il-korp ta’ evalwazzjoni għandu jiżgura li l-eżaminaturi li jkunu ntgħażlu għal xi eżami jkollhom għarfien xieraq tal-metodi u tad-dokumenti rilevanti għall-eżami, kif ukoll kompetenza xierqa fil-qasam li se jiġi eżaminat. Huwa għandu jiżgura wkoll li t-tagħmir, l-għodda u l-materjali meħtieġa għall-eżamijiet prattiċi jkunu disponibbli.

    Artikolu 7

    Notifika

    1.   Sa l-4 ta’ Jannar 2009, l-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar l-ismijiet u d-dettalji tal-kuntatt tal-korpi ta’ ċertifikazzjoni tal-persunal koperti mill-Artikolu 5 u tat-titli taċ-ċertifikati tal-persunal li huma konformi mar-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 4, billi jużaw il-format stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 308/2008.

    2.   L-Istati Membri għandhom jaġġornaw in-notifika mressqa skond il-Paragrafu 1, b’tagħrif ġdid rilevanti, u jgħadduha lill-Kummissjoni mingħajr telf ta’ żmien.

    Artikolu 8

    Il-kondizzjonijiet għall-għarfien reċiproku

    1.   L-għarfien reċiproku taċ-ċertifikati maħruġa fi Stati Membri oħrajn għandu japplika fil-każ ta’ ċertifikati maħruġa skond l-Artikolu 4.

    2.   L-Istati Membri jistgħu jitolbu lill-persuna li nħarġilha ċ-ċertifikat fi Stat Membru ieħor tipprovdi traduzzjoni taċ-ċertifikat f’lingwa oħra uffiċjali tal-Komunità.

    Artikolu 9

    Id-dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 2 ta’ April 2008.

    Għall-Kummissjoni

    Stavros DIMAS

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 161, 14.6.2006, p. 1.

    (2)  Ara paġna 28 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

    (3)  ĠU L 244, 29.9.2000, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/540/KE (ĠU L 198, 31.7.2007, p. 35).


    ANNESS

    Ir-rekwiżiti minimi f’dak li għandu x’jaqsam mal-ħiliet u l-għarfien li għandhom jiġu koperti mill-korpi ta’ evalwazzjoni

    L-eżami msemmi fl-Artikoli 4(1) u 6(2) għandu jinkludi dan li ġej:

    (a)

    eżami teoretiku b’mistoqsija waħda jew iktar dwar dik il-ħila jew dak l-għarfien, kif muri b’(T) fil-kolonna msejħa “It-Tip ta’ Eżami”;

    (b)

    eżami prattiku li matulu l-applikant għandu jagħmel il-biċċa xogħol korrispondenti bil-materjal, l-għodda u t-tagħmir rilevanti, kif muri b’(P) fil-kolonna msejħa “It-Tip ta’ Eżami”.


    Nru

    L-Għarfien u l-Ħiliet Minimi

    It-Tip ta’ Eżami

    1

    Għarfien bażiku tal-kwistjonijiet ambjentali rilevanti (it-tibdil fil-klima, il-Protokoll ta’ Kjoto, il-Potenzjal ta’ Tisħin Globali), id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (KE) Nru 842/2006 u tar-Regolamenti rilevanti li jimplimentaw id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 842/2006.

    T

    2

    Il-karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u ambjentali ta’ l-SF6

    T

    3

    L-użu ta’ l-SF6 f’tagħmir elettriku (insulazzjoni, tifi ta’ l-ark)

    T

    4

    Il-kwalità ta’ l-SF6, skond l-istandards industrijali rilevanti (1)

    T

    5

    Il-fehim tad-disinn ta’ tagħmir elettriku

    T

    6

    L-iċċekkjar tal-kwalità ta’ l-SF6

    P

    7

    L-irkupru ta’ l-SF6 u ta’ taħlitiet ta’ l-SF6 u l-purifikazzjoni ta’ l-SF6

    P

    8

    Il-ħżin u t-trasport ta’ l-SF6

    T

    9

    It-tħaddim tat-tagħmir ta’ rkupru ta’ l-SF6

    P

    10

    It-tħaddim ta’ sistemi tight drilling, jekk meħtieġ

    P

    11

    L-użu mill-ġdid ta’ l-SF6 u l-kategoriji differenti ta’ użu mill-ġdid

    T

    12

    Il-ħidma fuq kompartimenti ta’ l-SF6 miftuħa

    P

    13

    In-newtralizzazzjoni ta’ prodotti sekondarji ta’ l-SF6

    T

    14

    Il-monitoraġġ ta’ l-SF6 u l-obbligi approprjati ta’ rreġistrar ta’ dejta skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali u Komunitarja, jew skond ftehimiet internazzjonali

    T


    (1)  Per eżempju IEC 60376 u IEC 60480


    Top