EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008R0243

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 243/2008 tas- 17 ta’ Marzu 2008 li jimponi ċerti miżuri restrittivi fir-rigward ta’ l-awtoritajiet illegali tal-Gżira ta' Anjouan fl-Unjoni tal-Komoros

ĠU L 75, 18.3.2008, p. 53–59 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 25/07/2008

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/243/oj

18.3.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 75/53


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 243/2008

tas-17 ta’ Marzu 2008

li jimponi ċerti miżuri restrittivi fir-rigward ta’ l-awtoritajiet illegali tal-Gżira ta' Anjouan fl-Unjoni tal-Komoros

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 60 u 301 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Pożizzjoni Komuni 2008/187/PESK tal-Kunsill tat-3 ta’ Marzu 2008 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' l-awtoritajiet illegali tal-Gżira ta' Anjouan fl-Unjoni tal-Komoros (1),

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Fil-25 ta’ Ottubru 2007, permezz ta' ittra indirizzata lis-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli, il-President tal-Kummissjoni ta' l-Unjoni Afrikana talab l-appoġġ ta' l-Unjoni Ewropea u ta' l-Istati Membri tagħha fl-implimentazzjoni tas-sanzjonijiet li l-Kunsill għall-paċi u s-sigurtà ta' l-Unjoni Afrikana ddeċieda li jimponi fir-rigward ta' l-awtoritajiet illegali ta' Anjouan u ta' ċerti persuni assoċjati.

(2)

Il-Pożizzjoni Komuni 2008/187/PESK tipprevedi li jiġu imposti miżuri restrittivi fir-rigward ta' l-awtoritajiet illegali ta' Anjouan u ta' ċerti persuni assoċjati. Dawn il-miżuri jinkludu b'mod partikolari l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi tal-persuni kkonċernati.

(3)

L-imsemmija miżuri jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea. Għalhekk, sabiex tiġi ggarantita l-applikazzjoni uniformi mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha, huwa meħtieġ att Komunitarju għall-implimentazzjoni tagħhom fejn għandha x'taqsam il-Komunità,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament:

(a)

“fondi” tfisser l-assi u l-benefiċċji finanzjarji ta’ kull tip, li jinkludu iżda mhux limitati għal:

(i)

flus kontanti, ċekkijiet, pretensjonijiet fuq flus, kambjali, money orders u strumenti tal-ħlas oħrajn;

(ii)

depożiti ma' istituzzjonijiet finanzjarji jew ma' entitajiet oħrajn, bilanċi fuq il-kontijiet, djun u obbligi ta' dejn;

(iii)

it-titoli ta' sigurtà nnegozjati b'mod pubbliku jew privat, strumenti tad-dejn, inklużi stokks u ishma, ċertifikati li jirrappreżentaw titoli tas-sigurtà, bonds, noti, mandati, self b'obbligazzjonijiet (debentures) u kuntratti ta' derivattivi;

(iv)

imgħax, dividendi jew dħul ieħor jew valur li jirriżultaw jew li huma ġġenerati minn assi;

(v)

kreditu, dritt ta' tpaċija, garanziji, bonds ta' garanziji jew impenji finanzjarji oħrajn;

(vi)

ittri ta' kreditu, poloz tat-tagħbija, kontijiet tal-bejgħ;

(vii)

kull dokument li juri interess f'fondi jew f'riżorsi finanzjarji;

(b)

“iffriżar ta' fondi” tfisser il-prevenzjoni ta' kwalunkwe ċaqliq, trasferiment, bidla, użu jew traffikar ta' fondi li jistgħu b'xi mod iwasslu għal bidla fil-volum tagħhom, fl-ammont, fil-lokalizzazzjoni tagħhom, fid-dritt tal-pussess tagħhom, fil-pussess tagħhom, fil-karattru tagħhom, fid-destinazzjoni tagħhom jew fi kwalunkwe bidla oħra li tista' tagħmel possibbli l-użu tal-fondi, b'mod partikolari l-ġestjoni tal-portafolli;

(c)

“riżorsi ekonomiċi” tfisser assi ta’ kull xorta, kemm tanġibbli kif ukoll intanġibbli, mobbli jew immobbli, li mhumiex fondi iżda li jistgħu jintużaw biex jinkisbu fondi, merkanzija jew servizzi;

(d)

“iffriżar ta’ riżorsi ekonomiċi” tfisser il-prevenzjoni ta’ l-użu tagħhom biex jinkisbu fondi, merkanzija jew servizzi f’kull mod, li jinkludu, iżda mhux limitati għal, bejgħ, kiri jew ipoteki tagħhom.

(e)

“territorju tal-Komunità” tfisser it-territorji li fihom huwa applikabbli t-Trattat, skond il-kundizzjonijiet stipulati fih.

Artikolu 2

1.   Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi mniżżlin fl-Anness I, jew li huma proprjetà tagħhom jew miżmuma jew ikkontrollati minnhom, huma ffriżati.

2.   L-ebda fond jew riżorsa ekonomika ma huma mqiegħda, direttament jew indirettament, għad-dispożizzjoni jew il-benefiċċju tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi elenkati fl-Anness I.

3.   Il-parteċipazzjoni, volontarjament u intenzjonalment, f'attivitajiet li l-għan jew l-effett tagħhom hu, direttament jew indirettament, li jiġu evitati l-miżuri msemmijin fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu pprojbiti.

4.   Il-projbizzjoni mniżżla fil-paragrafu 2 ma għandha twassal għal responsabbiltà ta’ l-ebda tip min-naħa tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi jew l-entitajiet ikkonċernati, jekk huma ma kinux jafu, u ma kellhom ebda raġuni valida li jissuspettaw, li l-azzjonijiet tagħhom kienu ser jiksru din il-projbizzjoni.

Artikolu 3

1.   L-Artikolu 2(2) ma għandux japplika għaż-żieda ma' kontijiet iffriżati ta':

(a)

imgħaxijiet jew qliegħ ieħor fuq dawk il-kontijiet;

(b)

pagamenti dovuti minħabba kuntratti, ftehim jew obbligi li ġew konklużi jew li rriżultaw qabel id-data li fiha dawk il-kontijiet saru soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament,

dment li tali mgħaxijiet, qliegħ jew pagamenti oħrajn ikomplu jkunu soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 2(1).

2.   L-Artikolu 2(2) ma għandux iżomm istituzzjonijiet finanzjarji jew ta’ kreditu fil-Komunità milli jikkreditaw kontijiet iffriżati fejn huma jirċievu fondi ttrasferiti minn terzi lejn il-kont ta’ persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp mniżżlin fl-Anness I, kemm-il darba kull żieda fuq dawn il-kontijiet tkun iffriżata wkoll. L-istituzzjoni finanzjarja jew ta’ kreditu għandha tinforma lill-awtoritajiet kompetenti dwar tranżazzjonijiet bħal dawn mingħajr dewmien.

Artikolu 4

1.   L-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri, kif indikati fis-siti web elenkati fl-Anness II, jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi, taħt dawk il-kundizzjonijiet li huma jqisu adatti, sakemm ikunu ddeterminaw li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi kkonċernati huma:

(a)

meħtieġa biex jissodisfaw il-ħtiġijiet bażiċi tal-persuni elenkati fl-Anness I u l-membri familjari dipendenti tagħhom, inkluż ħlasijiet għal oġġetti ta' l-ikel, kera jew ipoteka, mediċini u kura medika, taxxi, poloz ta’ l-assigurazzjoni, u l-ħlasijiet għall-użu tas-servizzi pubbliċi;

(b)

maħsubin esklussivament għall-ħlas ta' drittijiet professjonali raġonevoli u għall-ħlas lura ta' spejjeż li saru marbutin mal-forniment ta' servizzi legali;

(c)

maħsubin esklussivament għall-ħlas ta’ onorarji jew ħlasijiet għal servizzi ta’ rutina fiż-żamma jew il-manteniment ta’ fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati;

(d)

meħtieġa għal spejjeż straordinarji, kemm-il darba l-Istat Membru kkonċernat ikun innotifika lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni dwar ir-raġunijiet li minħabba fihom iqis li għandha tingħata awtorizzazzjoni speċifika, mill-inqas ġimagħtejn qabel l-awtorizzazzjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni dwar kull awtorizzazzjoni mogħtija taħt il-paragrafu 1.

Artikolu 5

L-iffriżar ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi jew ir-rifjut li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni fondi jew riżorsi ekonomiċi, imwettaq b'rieda tajba fuq il-bażi li tali azzjoni hija f'konformità ma' dan ir-Regolament, ma għandu jwassal għall-ebda forma ta’ responsabbiltà min-naħa tal-persuna fiżika jew ġuridika jew entità li timplimentah, jew id-diretturi jew l-impjegati tagħha, dment li jkun hemm provi li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kienu ffriżati b’riżultat ta’ negliġenza.

Artikolu 6

1.   Mingħajr preġudizzju għar-regoli applikabbli dwar ir-rappurtar, il-kunfidenzjalità u s-segretezza professjonali, il-persuni fiżiċi u ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi għandhom:

(a)

jipprovdu immedjatament lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru li joqogħdu fih jew fejn huma stabbiliti, li jidhru fuq is-siti web elenkati fl-Anness II, l-informazzjoni kollha li tista' tiffaċilita l-konformità ma' dan ir-Regolament, b'mod partikolari dwar il-kontijiet u l-ammonti ffriżati skond l-Artikolu 2, u għandhom jgħaddu din l-informazzjoni lill-Kummissjoni, direttament jew permezz ta' l-intermedjarju ta' l-Istati Membri;

(b)

jikkooperaw ma' l-awtoritajiet kompetenti li jidhru fuq is-siti web elenkati fl-Anness II għall-verifika ta' din l-informazzjoni.

2.   Kull informazzjoni pprovduta jew irċevuta skond dan l-Artikolu għandha tintuża biss għall-finijiet li għalihom kienet ipprovduta jew irċevuta.

Artikolu 7

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom immedjatament jinfurmaw lil xulxin bil-miżuri meħudin skond dan ir-Regolament u għandhom ifornu lil xulxin b'kull informazzjoni rilevanti oħra għad-dispożizzjoni tagħhom b’konnessjoni ma’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari informazzjoni fir-rigward ta’ ksur u problemi ta’ infurzar u sentenzi mogħtijin mill-qrati nazzjonali.

Artikolu 8

1.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li:

(a)

temenda l-Anness I fuq il-bażi ta' deċizjonijiet meħudin fir-rigward ta' l-Anness għall-Pożizzjoni Komuni 2008/187/PESK;

(b)

temenda l-Anness II fuq il-bażi ta' l-informazzjoni fornuta mill-Istati Membri.

2.   Għandu jiġi ppubblikat avviż dwar il-proċeduri għat-trasmissjoni ta’ l-informazzjoni b’rabta ma’ l-Anness I (2).

Artikolu 9

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-pieni applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li jiġu implimentati. Is-sanzjonijiet għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b’dawn ir-regoli mingħajr dewmien wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u għandhom jinfurmawha b’kull emenda sussegwenti.

Artikolu 10

1.   L-Istati Membri għandhom jaħtru lill-awtoritajiet kompetenti msemmijin f’dan ir-Regolament u jidentifikawhom fis-siti web elenkati fl-Anness II jew permezz ta' dawn is-siti web.

2.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bl-awtoritajiet kompetenti tagħhom mingħajr dewmien wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u għandhom jinfurmawha b’kull tibdil sussegwenti.

Artikolu 11

Dan ir-Regolament għandu japplika:

(a)

fit-territorju tal-Komunità, inkluż l-ispazju ta' l-ajru tagħha;

(b)

fuq kull inġenju ta' l-ajru jew inġenju tal-baħar taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru;

(c)

għal kull persuna ġewwa jew barra t-territorju tal-Komunità li hija ċittadin ta’ Stat Membru;

(d)

għal kull persuna ġuridika, għal kull entità jew għal kull korp li huma stabbiliti jew kostitwiti taħt il-liġi ta’ Stat Membru;

(e)

għal kull persuna ġuridika, entità jew korp fir-rigward ta' operazzjoni kummerċjali li ssir kompletament jew parzjalment fit-territorju tal-Komunità.

Artikolu 12

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 17 ta’ Marzu 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

I. JARC


(1)  ĠU L 59, 4.3.2008, p. 32 .

(2)  ĠU C 71, 18.3.2008, p. 25.


ANNESS I

Lista tal-membri tal-gvern illegali ta' Anjouan u tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, ta' l-entitajiet jew tal-korpi assoċjati ma' dawn ta' l-aħħar, imsemmijin fl-Artikoli 2, 3 u 4

Isem

Mohamed Bacar

Sess

M

Kariga

President li pproklama lilu nnifsu, Kurunel

Post tat-twelid

Barakani

Data tat-twelid

5.5.1962

Nru tal-passaport

01AB01951/06/160, data ta' ħruġ: 1.12.2006

Isem

Jaffar Salim

Sess

M

Kariga

“Ministru ta’ l-Intern”

Post tat-twelid

Mutsamudu

Data tat-twelid

26.6.1962

Nru tal-passaport

06BB50485/20 950, data ta' ħruġ: 1.02.2007

Isem

Mohamed Abdou Madi

Sess

M

Kariga

“Ministru tal-Kooperazzjoni”

Post tat-twelid

Mjamaoué

Data tat-twelid

1956

Nru tal-passaport

05BB39478, data ta' ħruġ: 1.08.2006

Isem

Ali Mchindra

Sess

M

Kariga

“Ministru ta’ l-Edukazzjoni”

Post tat-twelid

Cuvette

Data tat-twelid

20.11.1958

Nru tal-passaport

03819, data ta' ħruġ: 3.07.2004

Isem

Houmadi Souf

Sess

M

Kariga

“Ministru tas-Servizz Ċivili”

Post tat-twelid

Sima

Data tat-twelid

1963

Nru tal-passaport

51427, data ta' ħruġ: 4.03.2007

Isem

Rehema Boinali

Sess

M

Kariga

“Ministru ta’ l-Enerġija”

Post tat-twelid

 

Data tat-twelid

1967

Nru tal-passaport

540355, data ta' ħruġ: 7.04.2007

Isem

Dhoihirou Halidi

Sess

M

Titolu

Direttur tal-Kabinet

Kariga

Funzjonarju għoli, assoċjat mill-qrib mal-gvern illegali ta' Anjouan

Post tat-twelid

Bambao Msanga

Data tat-twelid

8.3.1965

Nru tal-passaport:

64528, data ta' ħruġ: 19.9.2007

Isem

Abdou Bacar

Sess

M

Titolu

Logotenent-Kurunell

Kariga

Militar ta' grad għoli, li jikkontribwixxi għall-appoġġ tal-gvern illegali ta' Anjouan

Post tat-twelid

Barakani

Data tat-twelid

2.5.1954

Nru tal-passaport

54621, data ta' ħruġ: 23.4.2007


ANNESS II

Is-siti web li jipprovdu informazzjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti msemmijin fl-Artikoli 4, 6 u l0, u l-indirizzi għan-notifiki lill-Kummissjoni Ewropea

BELĠJU

http://www.diplomatie.be/eusanctions

BULGARIJA

http://www.mfa.government.bg

REPUBBLIKA ĊEKA

http://www.mfcr.cz/mezinarodnisankce

DANIMARKA

http://www.um.dk/da/menu/Udenrigspolitik/FredSikkerhedOgInternationalRetsorden/Sanktioner/

ĠERMANJA

http://www.bmwi.de/BMWi/Navigation/Aussenwirtschaft/Aussenwirtschaftsrecht/embargos.html

ESTONJA

http://www.vm.ee/est/kat_622/

GREĊJA

http://www.ypex.gov.gr/www.mfa.gr/en-US/Policy/Multilateral+Diplomacy/International+Sanctions/

SPANJA

www.mae.es/es/MenuPpal/Asuntos/Sanciones+Internacionales

FRANZA

http://www.diplomatie.gouv.fr/autorites-sanctions/

IRLANDA

http://www.dfa.ie/un_eu_restrictive_measures_ireland/competent_authorities

ITALJA

http://www.esteri.it/UE/deroghe.html

ĊIPRU

http://www.mfa.gov.cy/sanctions

LATVJA

http://www.mfa.gov.lv/en/security/4539

LITWANJA

http://www.urm.lt

LUSSEMBURGU

http://www.mae.lu/sanctions

UNGERIJA

http://www.kulugyminiszterium.hu/kum/hu/bal/Kulpolitibank/nemzetkozi_szankciok/

MALTA

http://www.doi.gov.mt/EN/bodies/boards/sanctions_monitoring.asp

OLANDA

http://www.minbuza.nl/sancties

AWSTRIJA

http://www.bmeia.gv.at/view.php3?f_id=12750&LNG=en&version=

POLONJA

http://www.msz.gov.pl

PORTUGALL

http://www.min-nestrangeiros.pt

RUMANIJA

http://www.mae.ro/index.php?unde=doc&id=32311&idlnk=1&cat=3

SLOVENJA

http://www.mzz.gov.si/si/zunanja_politika/mednarodna_varnost/omejevalni_ukrepi/

SLOVAKKJA

http://www.foreign.gov.sk

FINLANDJA

http://formin.finland.fi/kvyhteistyo/pakotteet

SVEZJA

http://www.ud.se/sanktioner

RENJU UNIT

www.fco.gov.uk/competentauthorities

Indirizz għan-notifiki lill-Kummissjoni Ewropea:

Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Direzzjoni Ġenerali tar-Relazzjonijiet Barranin

Direzzjoni A. Struttura għall-Kriżijiet u Koordinazzjoni Politika tal-PESK

Rispons għall-kriżijiet u konsolidazzjoni tal-paċi

CHAR 12/108

B-1049 Brussell

Tel.: (32-2) 296.61.33/295.55.85

Fax: (32-2) 299.08.73


Top