This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32008L0122
Directive 2008/122/EC of the European Parliament and of the Council of 14 January 2009 on the protection of consumers in respect of certain aspects of timeshare, long-term holiday product, resale and exchange contracts (Text with EEA relevance)
Direttiva 2008/122/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 14 ta’ Jannar 2009 dwar il-protezzjoni tal-konsumatur rigward ċerti aspetti ta’ kuntratti ta’ timeshare, kuntratti dwar prodotti ta’ vaganza għal perijodu fit-tul, kuntratti ta’ bejgħ mill-ġdid u kuntratti ta’ skambju (Test b’relevanza għaż-ŻEE)
Direttiva 2008/122/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 14 ta’ Jannar 2009 dwar il-protezzjoni tal-konsumatur rigward ċerti aspetti ta’ kuntratti ta’ timeshare, kuntratti dwar prodotti ta’ vaganza għal perijodu fit-tul, kuntratti ta’ bejgħ mill-ġdid u kuntratti ta’ skambju (Test b’relevanza għaż-ŻEE)
ĠU L 33, 3.2.2009, p. 10–30
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
In force
3.2.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 33/10 |
DIRETTIVA 2008/122/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tal-14 ta’ Jannar 2009
dwar il-protezzjoni tal-konsumatur rigward ċerti aspetti ta’ kuntratti ta’ timeshare, kuntratti dwar prodotti ta’ vaganza għal perijodu fit-tul, kuntratti ta’ bejgħ mill-ġdid u kuntratti ta’ skambju
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,
Wara li kkunsidraw l-proposta mill-Kummissjoni,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali (1),
Waqt li jaġixxu konformement mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),
Billi:
(1) |
Mill-adozzjoni sal-lum tad-Direttiva 94/47/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 1994 dwar il-protezzjoni tax-xerrejja rigward ċerti aspetti ta’ kuntratti marbutin max-xiri tad-dritt għall-użu ta’ proprjetà immobbli fuq bażi ta’ timeshare (3), it-timeshare evolviet u prodotti ġodda ta’ vaganza simili għaliha dehru fis-suq. Dawn il-prodotti ġodda ta’ vaganza u ċerti transazzjonijiet marbutin mat-timeshare, bħall-kuntratti ta’ bejgħ mill-ġdid u kuntratti ta’ skambju, mhumiex koperti mid-Direttiva 94/47/KE. Barra minn hekk, l-esperjenza fl-applikazzjoni tad-Direttiva 94/47/KE uriet li xi suġġetti li huma diġà koperti jeħtieġ li jiġu aġġornati jew iċċarati, bil-ħsieb tal-prevenzjoni tal-iżvilupp ta’ prodotti li jkollhom l-għan li jevadu d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva. |
(2) |
Il-lakuni regolatorji eżistenti joħolqu distorsjonijiet sinifikattivi ta’ kompetizzjoni u jikkawżaw problemi serji lill-konsumaturi, u b’hekk ixekklu l-funzjonament bla xkiel tas-suq intern. Id-Direttiva 94/47/KE għandha għalhekk tiġi sostitwita b’direttiva ġdida aġġornata. Ladarba t-turiżmu għandu rwol dejjem aktar importanti fl-ekonomiji tal-Istati Membri, aktar tkabbir u produttività fl-industriji tat-timeshare u l-prodotti ta’ vaganza għal perijodu fit-tul għandhom ikunu mħeġġa billi jiġu adottati ċerti regoli komuni. |
(3) |
Sabiex tissaħħaħ iċ-ċertezza legali u jinkisbu bis-sħiħ il-benefiċċji tas-suq intern għall-konsumaturi u għall-istabbilimenti tal-kummerċ, il-liġijiet rilevanti tal-Istati Membri għandhom jiġu approssimati aktar. Għalhekk, ċerti aspetti tal-kummerċjalizzazzjoni, il-bejgħ jew il-bejgħ mill-ġdid tat-timeshare u ta’ prodotti ta’ vaganza għal perijodu fit-tul kif ukoll l-iskambju ta’ drittijiet li jirriżultaw minn kuntratti ta’ timeshare għandhom ikunu armonizzati għal kollox. L-Istati Membri m’għandhomx jitħallew iżommu jew jintroduċu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom dispożizzjonijiet li jitbiegħdu minn dawk stabbiliti f’din id-Direttiva. Fejn dispożizzjonijiet armonizzati bħal dawn ma jeżistux, l-Istati Membri għandhom jibqgħu liberi li jżommu jew jintroduċu leġiżlazzjoni nazzjonali f’konformità mal-liġi Komunitarja. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom, per eżempju, ikunu jistgħu iżommu fis-seħħ, jew jintroduċu, dispożizzjonijiet dwar l-effetti tal-eżerċizzju tad-dritt għall-irtirar f’relazzjonijiet legali barra l-ambitu ta’ din id-Direttiva jew dispożizzjonijiet li taħthom m’għandu jsir l-ebda impenn bejn konsumatur u l-kummerċjant ta’ timeshare jew ta’ prodotti ta’ vaganza għal perijodu fit-tul, u lanqas xi ħlas bejn dawk il-persuni, sakemm il-konsumatur ma jkunx iffirma l-ftehim ta’ kreditu għall-finanzjament tax-xiri ta’ dawk is-servizzi. |
(4) |
Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni mill-Istati Membri, taħt il-liġi Komunitarja, tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għal oqsma mhux koperti mill-ambitu tagħha. Stat Membru jista’ għalhekk iżomm jew jintroduċi leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkorrispondi mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jew xi wħud mid-dispożizzjonijiet tagħha dwar transazzjonijiet li jaqgħu barra l-ambitu ta’ din id-Direttiva. |
(5) |
Il-kuntratti differenti koperti minn din id-Direttiva għandhom jiġu ddefiniti b’mod ċar b’tali mod li tiġi prekluż l-evażjoni tad-dispożizzjonijiet tagħha. |
(6) |
Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, “kuntratti ta’ timeshare” m’għandhomx jinftiehmu li jkopru riżervi multipli ta’ akkomodazzjoni, inklużi kmamar ta’ lukandi, sa fejn ir-riżervi multipli ma jimplikawx drittijiet u obbligi lil hinn minn dawk li jirriżultaw minn riżervi separati. Lanqas m’għandhom il-kuntratti ta’ timeshare jinftiehmu li jkopru kuntratti ta’ kera ordinarji billi dawn tal-aħħar jirriferu għal perijodu uniku kontinwu ta’ okkupazzjoni u mhux għal perijodi multipli. |
(7) |
Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, kuntratti dwar “prodotti ta’ vaganza għal perijodu fit-tul” m’għandhomx jinftiehmu li jkopru skemi ordinarji ta’ lealtà li jipprovdu skontijiet għal żjarat futuri f’lukandi li jagħmlu parti minn katina ta’ lukandi, u dan billi s-sħubija fl-iskema ma tinkisibx bil-korrispettiv u lanqas huwa l-korrispettiv imħallas mill-konsumatur primarjament għall-akkwist ta’ skontijiet jew benefiċċji oħrajn fir-rigward tal-akkomodazzjoni. |
(8) |
Din id-Direttiva m’għandhiex tinċidi fuq id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KE tat-13 ta’ Ġunju 1990 dwar il-vjaġġi kollox inkluż (package travel), il-vaganzi kollox inkluż u t-tours kollox inkluż (4). |
(9) |
Id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattika kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern (“Direttiva dwar il-Prattika Kummerċjali Żleali”) (5) tipprojbixxi prattika kummerċjali qarrieqa, aggressiva, kif ukoll żleali fin-negozju mal-konsumatur. Minħabba n-natura tal-prodotti u l-prattika kummerċjali relatati mal-kuntratti tat-timeshare, ta’ bejgħ ta’ prodotti ta’ vaganza għal perijodu fit-tul, ta’ bejgħ mill-ġdid u ta’ skambju, huwa kunsiljabbli li jiġu adottati dispożizzjonijiet aktar dettaljati u speċifiċi rigward ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni u inizjattivi ta’ bejgħ bi skont. L-għan kummerċjali tal-proposti għal inizjattivi ta’ bejgħ għandu jiġi ċċarat lill-konsumatur. Id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw informazzjoni prekuntrattwali u l-kuntratt għandhom jiġu ċċarati u aġġornati. Sabiex il-konsumaturi jingħataw il-possibbiltà li jsiru jafu l-informazzjoni qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, din għandha tingħata b’mezzi li jkunu faċilment aċċessibbli għalihom f’dak il-mument. |
(10) |
Il-konsumatur għandu jkollu id-dritt, li l-kummerċjanti ma jistgħux jirrifjutaw, li jingħataw informazzjoni prekuntrattwali u l-kuntratt b’lingwa magħżula minnhom u li magħha huma jkunu familjari. Barra dan, sabiex jiġu ffaċilitati l-eżekuzzjoni u l-infurzar tal-kuntratt, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jistabbilixxu li għandhom jingħataw lill-konsumatur verżjonijiet lingwistiċi oħrajn tal-kuntratt. |
(11) |
Sabiex il-konsumatur jingħata l-possibbiltà li jifhem bis-sħiħ x’inhuma l-obbligi u d-drittijiet tiegħu fil-kuntratt, għandu jingħata perijodu li matulu huwa jista’ jirtira mill-kuntratt mingħajr ma jkollu għalfejn jagħti raġuni u mingħajr ma jġarrab spejjeż. Bħalissa, it-tul ta’ dan il-perijodu jvarja bejn l-Istati Membri, u l-esperjenza turi li t-tul preskritt fid-Direttiva 94/47/KE m’huwiex twil biżżejjed. Għalhekk, il-perijodu għandu jiġi estiż, sabiex jinkisbu livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur u aktar ċarezza għall-konsumaturi u għall-kummerċjanti. It-tul tal-perijodu, il-modalitajiet u l-effetti tal-eżerċizzju tad-dritt għall-irtirar għandhom jiġu armonizzati. |
(12) |
Il-konsumatur għandu jkollu rimedji effettivi fil-każ li l-kummerċjant ma jissodisfax id-dispożizzjonijiet dwar informazzjoni prekuntrattwali jew dwar il-kuntratt, b’mod partikulari dawk id-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu li l-kuntratt għandu jinkludi l-informazzjoni kollha meħtieġa u li l-konsumatur għandu jirċievi kopja tal-kuntratt fil-mument li dan jiġi konkluż. Barra r-rimedji li jeżistu taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali, il-konsumatur għandu jibbenefika minn perijodu estiż ta’ rtirar fejn l-informazzjoni ma tkunx ġiet provduta mill-kummerċjant. L-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar għandu jibqa’ bla ħlas matul dak il-perijodu estiż irrelevanti x’servizzi gawda minnhom il-konsumatur. L-iskadenza tal-perijodu ta’ rtirar ma timpedixxix lill-konsumatur li jfittex rimedji konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali għall-ksur tar-rekwiżiti ta’ informazzjoni. |
(13) |
Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1182/71 tat-3 ta’ Ġunju 1971 li jistabbilixxi r-regoli applikabbli għal perijodi, dati u limiti ta’ żmien (6) għandu japplika għall-kalkolu tal-perijodi previsti f’din id-Direttiva. |
(14) |
Il-projbizzjoni ta’ ħlasijiet bil-quddiem lill-kummerċjant jew kwalunkwe parti terza qabel l-aħħar tal-perijodu ta’ rtirar għandha tiġi ċċarata sabiex tittejjeb il-protezzjoni tal-konsumatur. Għal kuntratti ta’ bejgħ mill-ġdid, il-projbizzjoni ta’ ħlasijiet bil-quddiem għandha tapplika sakemm isir il-bejgħ proprju jew jintemm il-kuntratt ta’ bejgħ mill-ġdid, iżda l-Istati Membri għandhom jibqgħu liberi li jirregolaw il-possibbiltà u l-modalitajiet ta’ ħlasijiet finali lill-intermedjarji fejn il-kuntratti ta’ bejgħ mill-ġdid jintemmu. |
(15) |
Għal kuntratti dwar prodotti ta’ vaganza għal perijodu fit-tul, il-prezz li għandu jitħallas fil-kuntest ta’ skeda rateali ta’ ħlas jista’ jieħu in konsiderazzjoni l-possibbiltà li ammonti sussegwenti jistgħu jiġu aġġustati wara l-ewwel sena sabiex jiġi żgurat li jinżamm il-valur reali ta’ dawk il-ħlasijiet rateali, per eżempju biex jittieħed kont tal-inflazzjoni. |
(16) |
Fil-każ ta’ konsumatur li jirtira minn kuntratt fejn il-prezz kien parzjalment jew kopert kollu b’kreditu mogħti lill-konsumatur mill-kummerċjant jew minn parti terza fuq il-bażi ta’ arranġament bejn dik il-parti terza u l-kummerċjant, il-ftehim ta’ kreditu għandu jintemm mingħajr ebda spiża għall-konsumatur. L-istess għandu japplika għal kuntratti għal servizzi relatati oħrajn mogħtija mill-kummerċjant jew minn parti terza abbażi ta’ arranġament bejn dik il-parti terza u l-kummerċjant. |
(17) |
Il-konsumatur m’għandux jiċċaħħad mill-protezzjoni mogħtija minn din id-Direttiva fejn il-liġi applikabbli għall-kuntratt hija l-liġi ta’ Stat Membru. Il-liġi applikabbli għal kuntratt għandha tiġi stabbilita konformement mar-regoli Komunitarji dwar id-dritt privat internazzjonali, b’mod partikolari ir-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (7). Taħt dak ir-Regolament, il-liġi ta’ pajjiż terz tista’ tkun applikabbli b’mod partikolari fejn il-konsumaturi jisfgħu fil-mira tal-kummerċjanti waqt li jkunu qed jgħaddu vaganza f’pajjiż ieħor li ma jkunx il-pajjiz ta’ residenza tagħhom. Minħabba li tali prattika kummerċjali hija komuni fil-qasam kopert minn din id-Direttiva u minħabba li l-kuntratti jinvolvu ammonti konsiderevoli ta’ flus, għandha tingħata salvagwardja addizzjonali, f’ċerti sitwazzjonijiet speċifiċi, b’mod partikolari fejn il-qrati fi kwalunkwe Stat Membru jkollhom ġurisdizzjoni fuq il-kuntratt, biex jiġi żgurat li l-konsumatur ma jiċċaħħadx mill-protezzjoni mogħtija minn din id-Direttiva. Dan il-kunċett jirrifletti l-ħtiġijiet partikolari tal-protezzjoni tal-konsumatur li jirriżultaw mill-komplessità tipika, min-natura tal-perijodu fit-tul u mir-rilevanza finanzjarja tal-kuntratti fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttivi. |
(18) |
Għandhom jiġu stabbiliti konformement mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (8) liema qrati għandhom ġurisdizzjoni fi proċedimenti li jkollhom bħala s-suġġett tagħhom materji koperti minn din id-Direttiva. |
(19) |
Sabiex ikun żgurat li l-protezzjoni mogħtija lill-konsumaturi konformement ma’ din id-Direttiva tkun effettiva bis-sħiħ, b’mod partikulari fir-rigward tal-osservanza mill-kummerċjanti tar-rekwiżiti għall-informazzjoni kemm fl-istadju prekuntrattwali kif ukoll fil-kuntratt, jeħtieġ li l-Istati Membri jistipulaw pieni effettivi, proporzjonali u disswasivi għall-ksur ta’ din id-Direttiva. |
(20) |
Jeħtieġ li jiġi żgurat li l-persuni jew organizzazzjonijiet li jkollhom, taħt il-liġi nazzjonali, interess leġittimu fil-kwistjoni jkollhom rimedji ġuridiċi biex jibdew proċedimenti kontra l-ksur ta’ din id-Direttiva. |
(21) |
Jeħtieġ li jiġu żviluppati proċeduri ta’ rimedji adatti u effettivi fl-Istati Membri sabiex jiġu riżolti d-disputi bejn il-konsumatur u l-kummerċjant. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom iħeġġu l-istabbiliment ta’ korpi pubbliċi jew privati sabiex jiġu riżolti d-disputi barra l-qorti. |
(22) |
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konsumatur jkun infurmat effettivament bid-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva u jħeġġu lill-kummerċjanti u lis-sidien ta’ kodiċijiet biex jinfurmaw lill-konsumatur bil-kodiċijiet ta’ kondotta tagħhom li jeżistu f’dan il-qasam. Bl-għan li jintlaħaq livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur, l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi jistgħu jiġu infurmati u involuti fl-abbozzar tal-kodiċi ta’ kondotta. |
(23) |
Ladarba l-għanijiet ta’ din id-Direttiva ma jistgħux jinkisbu suffiċjentement mill-Istati Membri u għalhekk jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, konformement mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Konformement mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex telimina l-ostakoli fis-suq intern u tikseb livell komuni għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur. |
(24) |
Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tirrispetta l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. |
(25) |
Taħt il-punt 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar tfassil aħjar tal-liġijiet (9), l-Istati Membri huma mħeġġa jfasslu, għalihom infushom u fl-interess tal-Komunità, it-tabelli tagħhom stess, li, sa fejn huwa possibbli, ser juru l-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta’ traspożizzjoni u jagħmluhom pubbliċi, |
ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Għan u kamp ta’ applikazzjoni
1. L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tikkontribwixxi għall-funzjonament korrett tas-suq intern u biex jintlaħaq livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur, billi jiġu approssimati l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri fir-rigward ta’ ċerti aspetti tal-kummerċjalizzazzjoni, bejgħ u bejgħ mill-ġdid ta’ timeshare u ta’ prodotti ta’ vaganzi għal perijodu fit-tul kif ukoll ta’ kuntratti ta’ skambju.
2. Din id-Direttiva tapplika għal transazzjonijiet bejn il-kummerċjant u l-konsumatur.
Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal-leġiżlazzjoni nazzjonali:
(a) |
tipprevedi rimedji għal-liġi kuntrattwali ġenerali; |
(b) |
tirrigwarda r-reġistrazzjoni ta’ proprjetà immobbli jew mobbli u t-trasferiment ta’ proprjetà immobbli; |
(ċ) |
tirrigwarda l-kondizzjonijiet ta’ stabbiliment jew ir-reġimi ta’ awtorizzazzjoni jew ir-rekwiżiti tal-għoti ta’ liċenzji; u |
(d) |
tirrigwarda l-istabbiliment tan-natura legali tad-drittijiet li huma s-suġġett tal-kuntratti koperti minn din id-Direttiva. |
Artikolu 2
Definizzjonijiet
1. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(a) |
“kuntratt ta’ timeshare” tfisser kuntratt ta’ tul ta’ aktar minn sena li bih il-konsumatur jakkwista permezz ta’ korrispettiv id-dritt li juża waħda jew aktar akkomodazzjonijiet għal lejl wieħed għal aktar minn perijodu wieħed ta’ okkupazzjoni; |
(b) |
“kuntratt dwar prodott ta’ vaganza għal perijodu fit-tul” tfisser kuntratt ta’ tul ta’ aktar minn sena li bih il-konsumatur jikseb permezz ta’ korrispettiv primarjament id-dritt li jikseb skontijiet jew benefiċċji oħrajn fir-rigward tal-akkomodazzjoni, separatament jew flimkien ma’ servizzi tal-ivvjaġġar jew oħrajn; |
(ċ) |
“kuntratt ta’ bejgħ mill-ġdid” tfisser kuntratt li bih kummerċjant, għal korrispettiv, jassisti konsumatur biex ibigħ jew jixtri timeshare jew prodott ta’ vaganza għal perijodu fit-tul; |
(d) |
“kuntratt ta’ skambju” tfisser kuntratt li bih il-konsumatur permezz ta’ korrispettiv jissieħeb f’sistema ta’ skambju li tippermetti lill-konsumatur li jkollu aċċess għal akkomodazzjoni għal lejl wieħed jew servizzi oħrajn bi skambju mal-għoti tal-aċċess temporanju lil persuni oħrajn għall-benefiċċji tad-drittijiet li jirriżultaw mill-kuntratt tat-timeshare ta’ dak il-konsumatur; |
(e) |
“kummerċjant” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li taġixxi għal finijiet relatati mal-kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni ta’ dik il-persuna jew xi ħadd li jaġixxi f’isem, jew bħala rappreżentant tal-kummerċjant; |
(f) |
“konsumatur” tfisser persuna fiżika li taġixxi għal għanijiet li jaqgħu barra l-kummerċ, in-negozju, is-sengħa jew il-professjoni ta’ dik il-persuna; |
(g) |
“kuntratt anċillari” tfisser kuntratt li bih il-konsumatur jikseb servizzi li huma relatati ma’ kuntratt ta’ timeshare jew kuntratt dwar prodott ta’ vaganza għall-perijodu fit-tul u dawn is-servizzi jingħataw min-negozjant jew minn parti terza abbażi ta’ arranġament bejn dik il-parti terza u n-negozjant; |
(h) |
“mezz durabbli” tfisser kwalunkwe strument li jippermetti lill-konsumatur jew lill-kummerċjant jaħżen informazzjoni personalment indirizzata lilu b’mod aċċessibbli għal referenza futura għal perijodu ta’ żmien adegwat għal finijiet tal-informazzjoni u li tippermetti r-riproduzzjoni mhux mibdula tal-informazzjoni preżervata; |
(i) |
“kodiċi ta’ kondotta” tfisser ftehim jew sensiela ta’ regoli mhux imposti mil- liġi, regolament jew dispożizzjoni amministrattiva ta’ Stat Membru, li jiddefinixxi l-kondotta ta’ kummerċjanti li jassumu l-obbligu li josservaw il-kodiċi fir-rigward ta’ prattika kummerċjali partikolari waħda jew iktar jew settur ta’ negozju wieħed jew iktar; |
(j) |
“sid ta’ kodiċi” tfisser kwalunkwe entità, inkluż kummerċjant jew grupp ta’ kummerċjanti, responsabbli għall-formolazzjoni u r-reviżjoni ta’ kodiċi ta’ kondotta u/jew għall-monitoraġġ tal-konformità mal-kodiċi minn dawk li assumew l-obbligu li josservawh. |
2. Fil-kalkolu tat-tul tal-kuntratt ta’ timeshare jew kuntratt dwar prodott ta’ vaganza għal perijodu fit-tul, kif definit fil-punti (a) u (b) rispettivament tal-paragrafu 1, għandu jittieħed kont ta’ kwalunkwe dispożizzjoni fil-kuntratt li tippermetti tiġdid taċitu jew estensjoni taċita.
Artikolu 3
Riklamar
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe riklamar jispeċifika l-possibbiltà li jinkiseb t-tagħrif imsemmi fl-Artikolu 4(1) u jindika fejn dan jista’ jinkiseb.
2. Jekk għandu jiġi offrut xi kuntratt ta’ timeshare, kuntratt dwar prodott ta’ vaganza għal perijodu fit-tul, kuntratt ta’ bejgħ mill-ġdid jew kuntratt ta’ skambju lil konsumatur personalment f’inizjattiva ta’ promozzjoni jew ta’ bejgħ bi skont, il-kummerċjant għandu fl-istedina jindika fl-offerta b’mod ċar l-għan kummerċjali u n-natura tal-inizjattiva.
3. L-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(1) għandha tkun disponibbli lill-konsumatur fi kwalunkwe mument waqt l-inizjattiva.
4. It-timeshare jew prodott ta’ vaganza għal perijodu fit-tul m’għandhux ikun ikkumerċjalizzat jew mibjugħ bħala investiment.
Artikolu 4
Informazzjoni prekuntrattwali
1. Fi żmien opportun qabel mal-konsumatur jintrabat b’xi kuntratt jew offerta, il-kummerċjant għandu jagħti lill-konsumatur, b’mod ċar u li jinftiehem, informazzjoni preċiża u suffiċjenti, kif ġej:
(a) |
fil-każ ta’ kuntratt ta’ timeshare: permezz tal-formola ta’ informazzjoni standard li tinsab fl-Anness I u informazzjoni kif elenkata fil-Parti 3 ta’ dik il-formola; |
(b) |
fil-każ ta’ kuntratt dwar prodott ta’ vaganza għal perijodu fit-tul: permezz tal-formola ta’ informazzjoni standard li tinsab fl-Anness II u informazzjoni kif elenkata fil-Parti 3 ta’ dik il-formola; |
(ċ) |
fil-każ ta’ kuntratt ta’ bejgħ mill-ġdid: permezz tal-formola ta’ informazzjoni standard li tinsab fl-Anness III u informazzjoni kif elenkata fil-Parti 3 ta’ dik il-formola; |
(d) |
fil-każ ta’ kuntratt ta’ skambju: permezz tal-formola ta’ informazzjoni standard li tinsab fl-Anness IV u informazzjoni kif elenkata fil-Parti 3 ta’ dik il-formola. |
2. L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tingħata mingħajr ħlas mill-kummerċjant fuq karta jew fuq mezz durabbli ieħor faċilment aċċessibbli għall-konsumatur.
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 titfassal bil-lingwa jew b’waħda mil-lingwi tal-Istat Membru li fih ikun residenti, jew li tieghu jkun ċittadin, il-konsumatur, abbażi tal-għażla tal-konsumatur, sakemm tkun lingwa uffiċjali tal-Komunità.
Artikolu 5
Il-kuntratt ta’ timeshare, il-kuntratt dwar prodott ta’ vaganza għal perijodu fit-tul, il-kuntratt ta’ bejgħ mill-ġdid jew il-kuntratt ta’ skambju
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kuntratt ikun bil-miktub, fuq karta jew fuq mezz durabbli ieħor, u jitfassal bil-lingwa jew b’waħda mil-lingwi tal-Istat Membru li fih ikun residenti, jew li tiegħu jkun ċittadin, il-konsumatur, abbażi tal-għażla tal-konsumatur, sakemm tkun lingwa uffiċjali tal-Komunità.
Madankollu, l-Istat Membru li fih ikun residenti l-konsumatur jista’ jesiġi li:
(a) |
f’kull każ, il-kuntratt jingħata lill-konsumatur bil-lingwa tiegħu jew waħda mil-lingwi ta’ dak l-Istat Membru sakemm hija lingwa uffiċjali tal-Komunità; |
(b) |
f’każ ta’ kuntratt ta’ timeshare li jikkonċerna proprjetà immobbli speċifika waħda, il-kummerċjant jagħti lill-konsumatur traduzzjoni ċċertifikata tal-kuntratt bil-lingwa jew b’waħda mil-lingwi tal-Istat Membru li fih tinsab il-proprjetà, sakemm hija lingwa uffiċjali tal-Komunità. |
L-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-kummerċjant iwettaq l-attivitajiet ta’ bejgħ tiegħu jista’ jesiġi li, f’kull każ, il-kuntratt jingħata lill-konsumatur fil-każijiet kollha bil-lingwa jew waħda mil-lingwi ta’ dak l-Istat Membru, sakemm din tkun lingwa uffiċjali tal-Komunità.
2. L-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(1) għandha tifforma Parti integrali mill-kuntratt u m’għandhiex tinbidel sakemm il-Partijiet ma jaqblux espliċitament b’mod ieħor jew il-bidliet jirriżultaw minn ċirkostanzi mhux tas-soltu u imprevedibbli barra l-kontroll tal-kummerċjant, li l-konsegwenzi tagħhom ma setgħux ikunu evitati anke kieku kienet eżerċitata l-akbar attenzjoni.
Dawn il-bidliet għandhom jiġu komunikati lill-konsumatur fuq karta jew fuq mezz durabbli ieħor faċilment aċċessibbli għalih qabel ma jiġi konkluż il-kuntratt.
Il-kuntratt għandu jsemmi kull tibdil ta’ din ix-xorta b’mod espliċitu.
3. Barra l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(1), il-kuntratt għandu jkun fih:
(a) |
l-identità, il-post ta’ residenza u l-firma ta’ kull waħda mill-partijiet; u |
(b) |
id-data u l-post tal-konklużjoni tal-kuntratt. |
4. Qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, il-kummerċjant għandu espliċitament jiġbed l-attenzjoni tal-konsumatur għall-eżistenza tad-dritt għall-irtirar, u t-tul tal-perijodu ta’ rtirar imsemmi fl-Artikolu 6 u l-projbizzjoni fuq il-ħlas bil-quddiem tul il-perijodu ta’ rtirar imsemmija fl-Artikolu 9.
Il-klawżoli kuntrattwali korrispondenti għandhom jiġu ffirmati separatament mill-konsumatur.
Il-kuntratt għandu jinkludi formola ta’ rtirar standard u separata, li tinsab fl-Anness V, bil-ħsieb li jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju tad-dritt għall-irtirar konformement mal-Artikolu 6.
5. Il-konsumatur għandu jirċievi kopja jew kopji tal-kuntratt fil-mument tal-konklużjoni tiegħu.
Artikolu 6
Dritt għall-irtirar
1. Barra r-rimedji disponibbli għall-konsumatur taħt il-liġi nazzjonali fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konsumatur ikollu perijodu ta’ erbatax il-jum kalendarju biex jirtira mill-kuntratt ta’ timeshare, mill-kuntratt dwar prodott ta’ vaganza għal perijodu fit-tul, mill-kuntratt ta’ bejgħ mill-ġdid jew mill-kuntratt ta’ skambju, mingħajr ma jagħti l-ebda raġuni.
2. Il-perijodu ta’ rtirar għandu jiġi kkalkulat:
(a) |
mill-jum tal-konklużjoni tal-kuntratt jew ta’ kwalunkwe kuntratt preliminari vinkolanti; jew |
(b) |
mill-jum meta l-konsumatur jirċievi l-kuntratt jew kwalunkwe kuntratt preliminari vinkolanti jekk il-jum ikun aktar tard mid-data msemmija fil-punt (a). |
3. Il-perijodu ta’ rtirar għandu jiskadi:
(a) |
wara sena u erbatax-il jum kalendarju mill-jum imsemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu fejn formola ta’ rtirar standard separata, kif meħtieġ mill-Artikolu 5(4), ma tkunx ġiet mimlija mill-kummerċjant u ngħatat lill-konsumatur bil-miktub, fuq karta jew fuq mezz durabbli ieħor; |
(b) |
wara tliet xhur u erbatax-il jum kalendarju mill-jum imsemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu fejn l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(1), inkluża l-formola standard applikabbli ta’ informazzjoni li tinsab fl-Annessi I sa IV, ma tkunx ingħatat lill-konsumatur bil-miktub, fuq karta jew fuq mezz durabbli ieħor. |
Barra dan, l-Istati Membri għandhom jipprevedu penali adatti taħt l-Artikolu 15, b’mod partikolari fil-każ li, mal-iskadenza tal-perijodu ta’ rtirar, il-kummerċjant ikun naqas milli jikkonforma mar-rekwiżiti ta’ informazzjoni previsti f’din id-Direttiva.
4. Fejn tkun ġiet mimlija mill-kummerċjant formola ta’ rtirar standard separata kif meħtieġ mill-Artikolu 5(4) u ngħatat lill-konsumatur bil-miktub, fuq karta jew fuq mezz durabbli ieħor, fi żmien sena mill-jum imsemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, il-perijodu ta’ rtirar għandu jibda mill-jum li fih il-konsumatur jirċievi tali formola. Similment, fejn l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(1), inkluża l-formola standard applikabbli ta’ informazzjoni li tinsab fl-Annessi I sa IV, tkun ingħatat lill-konsumatur bil-miktub, fuq karta jew fuq mezz durabbli ieħor, fi żmien tliet xhur mill-jum imsemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, il-perijodu ta’ rtirar għandu jibda mill-jum li fih il-konsumatur jirċievi tali informazzjoni.
5. Fil-każ fejn il-kuntratt ta’ skambju jiġi offrut lill-konsumatur flimkien ma’ u fl-istess ħin tal-kuntratt ta’ timeshare, għandu japplika biss perijodu ta’ rtirar wieħed għaż-żewġ kuntratti taħt il-paragrafu 1. Il-perijodu ta’ rtirar għaż-żewġ kuntratti għandu jiġi kkalkulat konformement mad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2 billi dawn japplikaw għall-kuntratt ta’ timeshare.
Artikolu 7
Modalitajiet tal-eżerċizzju tad-dritt għall-irtirar
Fejn il-konsumatur ikollu l-ħsieb li jeżerċita d-dritt għall-irtirar, il-konsumatur għandu jinnotifika lill-kummerċjant bid-deċiżjoni tiegħu li jagħmel dan bil-miktub fuq karta jew fuq mezz durabbli ieħor qabel l-iskadenza tal-perijodu ta’ rtirar. Il-konsumatur jista’ juża’ l-formola standard ta’ rtirar li tinsab fl-Anness VI u mogħtija mill-kummerċjant taħt l-Artikolu 5(4). Id-data ta’ skadenza tkun meqjusa li ntlaħqet jekk in-notifika tintbagħat qabel ma jkun skada l-perijodu ta’ rtirar.
Artikolu 8
Effetti tal-eżerċizzju tad-dritt għall-irtirar
1. L-eżerċizzju tad-dritt għall-irtirar mill-konsumatur itemm l-obbligu tal-partiijiet li jwettqu l-kuntratt.
2. Fejn il-konsumatur jeżerċita d-dritt għall-irtirar, il-konsumatur la għandu jġarrab xi spiża u lanqas m’għandu jkun responsabbli għal xi valur li jikkorrispondi mas-servizz li seta’ twettaq qabel l-irtirar.
Artikolu 9
Ħlas bil-quddiem
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fir-rigward ta’ kuntratti ta’ timeshare, kuntratti dwar prodotti ta’ vaganza għal perijodu fit-tul u kuntratti ta’ skambju, kwalunkwe ħlas bil-quddiem, għoti ta’ garanziji, riżerva ta’ flus f’kontijiet, rikonoxximent espliċitu ta’ dejn jew kwalunkwe korrispettiv ieħor lill-kummerċjant jew lil kwalunkwe parti terza mill-konsumatur qabel tmiem il-perijodu, li matulu huwa jista’ jeżerċita d-dritt għall-irtirar taħt l-Artikolu 6 jkunu pprojbiti.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fir-rigward ta’ kuntratti ta’ bejgħ mill-ġdid, kwalunkwe ħlas bil-quddiem, għoti ta’ garanziji, riżerva ta’ flus f’kontijiet, rikonoxximent espliċitu ta’ dejn jew kwalunkwe korrispettiv ieħor lill-kummerċjant jew lil kwalunkwe parti terza mill-konsumatur qabel is-seħħ tal-bejgħ proprju jew it-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ bejgħ mill-ġdid, ikunu pprojbiti.
Artikolu 10
Dispożizzjonijiet speċifiċi relatati ma’ kuntratti dwar prodotti ta’ vaganza għal perijodu fit-tul
1. Għal kuntratti dwar prodotti ta’ vaganza għal perijodu fit-tul, il-ħlas għandu jsir abbażi ta’ skeda rateali ta’ ħlas. Kwalunkwe ħlas tal-prezz speċifikat fil-kuntratt diversament minn taħt l-iskeda rateali ta’ ħlas għandu jkun ipprojbit. Il-ħlasijiet, inkluż kwalunkwe miżata ta’ sħubija, għandhom jinqasmu fi ħlasijiet rateali annwali, li kull wieħed minnhom għandu jkun ta’ valur ugwali. Il-kummerċjant għandu jibgħat talba bil-miktub għal ħlas, fuq karta jew fuq mezz durabbli ieħor, mill-inqas erbatax-il jum kalendarju qabel kull data ta’ għeluq.
2. Mit-tieni ħlas rateali ‘l quddiem, il-konsumatur jista’ jtemm il-kuntratt mingħajr ma jġarrab xi penali billi jinnotifika lill-kummerċjant fi żmien erbatax-il jum kalendarju minn meta jirċievi t-talba għall-adempiment ta’ kull ħlas rateali. Dan id-dritt m’għandux jinċidi fuq id-drittijiet eżistenti tat-terminazzjoni tal-kuntratt taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali eżistenti.
Artikolu 11
Terminazzjoni ta’ kuntratti anċillari
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fejn il-konsumatur jeżerċita d-dritt għall-irtirar mill-kuntratt ta’ timeshare jew mill-kuntratt dwar prodott ta’ vaganza għal perijodu fit-tul, kwalunkwe kuntratt ta’ skambju anċillari għalih jew kwalunkwe kuntratt anċillari ieħor jintemm awtomatikament, mingħajr ebda spiża għall-konsumatur.
2. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur (10) fejn il-prezz ikun kopert totalment jew parzjalment bi kreditu mogħti lill-konsumatur mill-kummerċjant, jew minn parti terza abbażi ta’ arranġament bejn il-parti terza u l-kummerċjant, il-ftehim ta’ kreditu għandu jintemm, mingħajr ebda spiża għall-konsumatur, fejn il-konsumatur jeżerċita d-dritt għall-irtirar mill-kuntratt ta’ timeshare, mill-kuntratt dwar prodott ta’ vaganza għal perijodu fit-tul, mill-kuntratt ta’ bejgħ mill-ġdid jew mill-kuntratt ta’ skambju.
3. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli ddettaljati dwar it-terminazzjoni ta’ tali kuntratt.
Artikolu 12
In-natura imperattiva tad-Direttiva u applikazzjoni f’każijiet internazzjonali
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fejn il-liġi applikabbli għall-kuntratt tkun il-liġi ta’ Stat Membru, il-konsumatur ma jkunx jista’ jirrinunzja għad-drittijiet konferiti lilu minn din id-Direttiva.
2. Fejn il-liġi applikabbli hija dik ta’ pajjiż terz, il-konsumatur m’għandux jiċċaħħad mill-protezzjoni mogħtija minn din id-Direttiva, kif implimentata fl-Istat Membru tal-forum jekk:
— |
kwalunkwe waħda mill-proprjetajiet immobbli kkonċernata tinsab fit-territorju ta’ Stat Membru; jew |
— |
fil-każ ta’ kuntratt li ma jkunx direttament relatat mal-proprjetà immobbli, il-kummerċjant iwettaq l-attivitajiet kummerċjali jew professjonali fi Stat Membru, jew bi kwalunkwe mezz, jindirizza tali attivitajiet għal Stat Membru u l-kuntratt jaqa’ fl-ambitu ta’ tali attivitajiet. |
Artikolu 13
Rimedji ġudizzjarji u amministrattivi
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw, fl-interessi tal-konsumatur, li jkun hemm mezzi adegwati u effettivi sabiex tiġi żgurata l-konformità mill-kummerċjant ma’ din id-Direttiva.
2. Il-mezzi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li permezz tagħhom korp wieħed jew iktar milli ġejjin, kif stabbilit bil-liġi nazzjonali, għandhom ikollhom id-dritt għall-azzjoni, meħuda taħt il-liġi nazzjonali, quddiem il-qrati jew il-korpi amministrattivi kompetenti sabiex jiġi żgurat li d-dispożizzjonijiet nazzjonali għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva jiġu applikati:
(a) |
il-korpi u l-awtoritajiet pubbliċi jew ir-rappreżentanti tagħhom; |
(b) |
l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi b’interess leġittimu li jipproteġu lill-konsumaturi; |
(ċ) |
l-organizzazzjonijiet professjonali b’interess leġittimu li jieħdu tali azzjoni. |
Artikolu 14
Informazzjoni għall-konsumatur u rimedju barra l-qorti
1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri adatti biex jinformaw lill-konsumatur dwar il-liġi nazzjonali li tittrasponi din id-Direttiva u għandhom iħeġġu, fejn ikun il-każ, lill-kummerċjant u lis-sidien ta’ kodiċijiet biex jinformaw lill-konsumatur dwar il-kodiċijiet ta’ kondotta tagħhom.
Il-Kummissjoni għandha tħeġġeġ it-tfassil fil-livell Komunitarju, partikolarment mill-korpi, organizzazzjonijiet u assoċjazzjonijiet professjonali, ta’ kodiċijiet ta’ kondotta li jkollhom il-mira li jiffaċilitaw l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, konformement mal-liġi Komunitarja. Din għandha tinkoraġġixxi wkoll lill-kummerċjant u lill-organizzazzjonijiet settorali tagħhom biex jinformaw lill-konsumatur dwar kwalunkwe kodiċi bħal dawn, inkluż, fejn ikun il-każ, permezz ta’ mmarkar speċifiku.
2. L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-istabbiliment jew l-iżvilupp ta’ proċeduri ta’ lmenti u ta’ rimedji barra l-qorti li jkunu adegwati u effettivi sabiex jiġu riżolti d-disputi konsumeristiċi konformement ma’ din id-Direttiva u għandhom jinkoraġġixxu, fejn ikun il-każ, lill-kummerċjant u lill-organizzazzjonijiet professjonali tagħhom biex jinformaw lill-konsumatur b’dawn il-proċeduri.
Artikolu 15
Penali
1. L-Istati Membri għandhom jipprovdu għal penali adatti fil-każ li kummerċjant jonqos milli jikkonforma mad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati konformement ma’ din id-Direttiva.
2. Dawk il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.
Artikolu 16
Traspożizzjoni
1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw sat-23 ta’ Frar 2011 il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw immedjatament lill-Kummissjoni t-test ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.
Huma għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet mit-23 ta’ Frar 2011.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew tali referenza għandha takkumpanjahom meta jiġu pubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 17
Reviżjoni
Il-Kummissjoni għandha tirrivedi din id-Direttiva u tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill mhux aktar tard mit-23 ta’ Frar 2014.
Jekk ikun meħtieġ, hija għandha tagħmel proposti oħrajn biex tadattaha għall-iżviluppi fil-qasam.
Il-Kummissjoni tista’ titlob informazzjoni mill-Istati Membri u mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali.
Artikolu 18
Tħassir
Id-Direttiva 94/47/KE hija b’dan imħassra.
Ir-referenzi għad-Direttiva imħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw konformement mat-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness VI.
Artikolu 19
Dħul fis-seħħ
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 20
Indirizzati
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmula fi Strasburgu, 14 ta’ Jannar 2009.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
H.-G. PÖTTERING
Għall-Kunsill
Il-President
A. VONDRA
(1) ĠU C 44, 16.2.2008, p. 27.
(2) Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta’ Ottubru 2008 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), Deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2008.
(3) ĠU L 280, 29.10.1994, p. 83.
(4) ĠU L 158, 23.6.1990, p. 59.
(5) ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22.
(9) ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.
(10) ĠU L 133, 22.5.2008, p. 66.
ANNESS I
FORMOLA TA’ INFORMAZZJONI STUARD DWAR KUNTRATTI TA’ TIMESHARE:
Test ta 'immaġni
Test ta 'immaġni
Test ta 'immaġni
ANNESS II
FORMOLA TA’ INFORMAZZJONI STUARD GĦAL KUNTRATTI DWAR PRODOTTI TA’ VAGANZA GĦALL-PERIJODU FIT-TUL
Test ta 'immaġni
Test ta 'immaġni
ANNESS III
FORMOLA TA’ INFORMAZZJONI STUARD GĦAL KUNTRATTI TA’ BEJGĦ MILL-ĠDID:
Test ta 'immaġni
Test ta 'immaġni
ANNESS IV
FORMOLA TA’ INFORMAZZJONI STUARD GĦAL KUNTRATTI TA’ SKAMBJU:
Test ta 'immaġni
Test ta 'immaġni
ANNESS VI
TABELLA TA’ KORRELAZZJONI BEJN ID-DISPOŻIZZJONIJIET TA’ DIN ID-DIRETTIVA U D-DIRETTIVA 94/47/KE
Direttiva 94/47/KE |
Din id – Direttiva |
Artikolu 1, l-ewwel paragrafu |
Artikolu 1 (1) u Artikolu 1 (2), l-ewwel subparagrafu |
Artikolu 1, it-tieni paragrafu |
— |
Artikolu 1, it-tielet paragrafu |
Artikolu 1 (2), it-tieni subparagrafu |
Artikolu 2, l-ewwel inċiż |
Artikolu 2 (1), punt (a) |
— |
Artikolu 2 (1), punt (b) (ġdid) |
— |
Artikolu 2 (1), punt (ċ) (ġdid) |
— |
Artikolu 2 (1), punt (d) (ġdid) |
Artikolu 2, it-tieni inċiż |
— |
Artikolu 2, it-tielet inċiż |
Artikolu 2 (1), punt (e) |
Artikolu 2, ir-rabà inċiż |
Artikolu 2 (1), punt (f) |
— |
Artikolu 2 (1), punt (g) (ġdid) |
— |
Artikolu 2 (1), punt (h) (ġdid) |
— |
Artikolu 2 (1), punt (i) (ġdid) |
— |
Artikolu 2 (1), punt (j) (ġdid) |
— |
Artikolu 2 (2) (ġdid) |
Artikolu 3 (1) |
Artikolu 4 (1) |
Artikolu 3 (2) |
Artikolu 5 (2) |
Artikolu 3 (3) |
Artikolu 3 (1) |
— |
Artikolu 3 (2) (ġdid) |
— |
Artikolu 3 (3) (ġdid) |
— |
Artikolu 3 (4) (ġdid) |
Artikolu 4, l-ewwel inċiż |
Artikolu 5 (1), l-ewwel subparagrafu, u Artikolu 5 (2), l-ewwel subparagrafu |
Artikolu 4, it-tieni inċiż |
Artikolu 4 (3) u Artikolu 5 (1) |
— |
Artikolu 4 (2) (ġdid) |
— |
Artikolu 5 (4) (ġdid) |
— |
Artikolu 5 (5) (ġdid) |
Artikolu 5 (1), sentenza introduttorja |
Artikolu 6 (1) |
Artikolu 5 (1), l-ewwel inċiż |
Artikolu 6 (1) u Artikolu 6 (2) |
Artikolu 5 (1), it-tieni inċiż |
Artikolu 6 (3) u Artikolu 6 (4) |
Artikolu 5 (1), it-tielet inċiż |
Artikolu 6 (3) |
— |
Artikolu 6 (5) (ġdid) |
Artikolu 5 (2) |
Artikolu 7 |
— |
Artikolu 8 (1) (ġdid) |
Artikolu 5 (3) |
Artikolu 8 (2) |
Artikolu 5 (4) |
Artikolu 8 (2) |
Artikolu 6 |
Artikolu 9 (1) |
— |
Artikolu 9 (2) (ġdid) |
— |
Artikolu 10 (1) (ġdid) |
— |
Artikolu 10 (2) (ġdid) |
— |
Artikolu 11 (1) (ġdid) |
Artikolu 7, l-ewwel paragrafu |
Artikolu 11 (2) |
Artikolu 7, it-tieni paragrafu |
Artikolu 11 (3) |
Artikolu 8 |
Artikolu 12 (1) |
Artikolu 9 |
Artikolu 12 (2) |
Artikolu 10 |
Artikolus 13 u 15 |
Artikolu 11 |
— |
— |
Artikolu 14 (1) (ġdid) |
— |
Artikolu 14 (2) (ġdid) |
Artikolu 12 |
Artikolu 16 |
— |
Artikolu 17 (ġdid) |
— |
Artikolu 18 (ġdid) |
— |
Artikolu 19 (ġdid) |
Artikolu 13 |
Artikolu 20 |
Anness |
Anness I |
Anness, punt (a) |
Artikolu 5 (3), punt (a), u Anness I, Parti 1, l-ewwel kaxxa |
Anness, punt (b) |
Anness I, Parti 1, it-tielet kaxxa, u Anness I, Parti 3, punt 1, l-ewwel inċiż |
Anness, punt (ċ) |
Anness I, Parti 1, it-tieni kaxxa, u Anness I, Parti 3, punt 2, l-ewwel inċiż |
Anness, punt (d) (1) |
Anness I, Parti 3, punt 3, l-ewwel inċiż |
Anness, punt (d) (2) |
Anness I, Parti 1, ir-raba’ kaxxa, u Anness I, Parti 3, punt 3, it-tieni inċiż |
Anness, punt (d) (3) |
Anness I, Parti 3, punt 3, it-tielet inċiż |
Anness, punt (d) (4) |
Anness I, Parti 3, punt 3, l-ewwel inċiż |
Anness, punt (d) (5) |
Anness I, Parti 3, punt 3, ir-raba’ inċiż |
Anness, punt (e) |
Anness I, Parti 1, is-sitt kaxxa, u Anness I, Parti 3, punt 2, it-tieni inċiż |
Anness, punt (f) |
Anness I, Parti 1, is-sitt kaxxa, u Anness I, Parti 3, punt 2, it-tielet inċiż |
Anness, punt (g) |
Anness I, Parti 3, punt 6, l-ewwel inċiż |
Anness, punt (h) |
Anness I, Parti 1, ir-raba’ kaxxa |
Anness, punt (i) |
Anness I, Parti 1, il-ħames u s-sitt kaxxi, u Anness I, Parti 3, punt 4, l-ewwel inċiż |
Anness, punt (j) |
Anness I, Parti 2, it-tielet inċiż |
Anness, punt (k) |
Anness I, Parti 2, is-seba’ kaxxa, u Anness I, Parti 3, punt 6, it-tieni inċiż |
Anness, punt (l) |
Anness I, Parti 2, l-ewwel u it-tielet inċiż, Anness I, Parti 3, punt 5, l-ewwel inċiż, u Anness V (ġdid) |
Anness, punt (m) |
Artikolu 5 (3), punt (b) |
— |
Anness I, Parti 1, it-tmien kaxxa (ġdid) |
— |
Anness I, Parti 2, it-tieni inċiż (ġdid) |
— |
Anness I, Parti 2, ir-raba’ inċiż (ġdid) |
— |
Anness I, Parti 3, punt 1, it-tieni inċiż (ġdid) |
— |
Anness I, Parti 3, punt 4, it-tieni inċiż (ġdid) |
— |
Anness I, Parti 3, punt 5, it-tieni inċiż (ġdid) |
— |
Anness I, Parti 3, punt 6, it-tielet inċiż (ġdid) |
— |
Anness I, Parti 3, punt 6, ir-raba’ inċiż (ġdid) |
— |
Annesses II to V (ġdid) |