Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008L0119

    Direttiva tal-Kunsill 2008/119/KE tat- 18 ta’ Diċembru 2008 li tistabbilixxi standards minimi għall-protezzjoni ta’ l-għoġiela (Verżjoni kodifikata)

    ĠU L 10, 15.1.2009, p. 7–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 14/12/2019

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2008/119/oj

    15.1.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 10/7


    DIRETTIVA TAL-KUNSILL 2008/119/KE

    tat-18 ta’ Diċembru 2008

    li tistabbilixxi standards minimi għall-protezzjoni ta’ l-għoġiela

    (Verżjoni kodifikata)

    IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

    Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva tal-Kunsill 91/629/KEE tad-19 ta’ Novembru 1991 li tistabbilixxi standards minimi għall-protezzjoni ta’ l-għoġiela (3) ġiet emendata diversi drabi b’mod sostanzjali (4). Għal iktar ċarezza u razzjonalità, l-imsemmija Direttiva għandha tiġi kkodifikata.

    (2)

    Il-maġġoranza ta’ l-Istati Membri rratifikaw il-Konvenzjoni Ewropea għall-protezzjoni ta’ l-annimali miżmuma għall-iskopijiet ta’ biedja. Il-Komunità approvat ukoll din il-Konvenzjoni, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 78/923/KEE (5).

    (3)

    L-għoġiela, li huma annimali ħajjin, huma inklużi fil-lista tal-prodotti stabbilita fl-Anness I tat-Trattat.

    (4)

    Iż-żamma ta’ l-għoġiela hija parti integrali ta’ l-agrikoltura. Tikkostitwixxi sors ta’ dħul għal parti mill-popolazzjoni agrikola.

    (5)

    Id-differenzi li jistgħu jkollhom l-effett ta' distorsjoni fuq il-kondizzjonijiet tal-kompetizzjoni jfixklu l-operat inostakolat ta’ l-organizzazzjoni tas-suq komuni ta’ l-għoġiela u l-prodotti ta’ l-għoġiela.

    (6)

    Għalhekk hemm il-bżonn li jkunu stabbiliti standards minimi komuni għall-protezzjoni tat-trobbija ta’ l-għoġiela jew ta' għoġiela għas-simna sabiex ikun żgurat l-iżvilupp razzjonali tal-produzzjoni.

    (7)

    Huwa rikonoxxut xjentifikament li l-għoġiela għandhom jibbenefikaw minn ambjent li jkun jikkorrispondi għall-bżonnijiet tagħhom bħala speċi li tgħix f’merħla. Għal dik ir-raġuni, dawn għandhom jitrabbew fi gruppi. L-għoġiela, kemm dawk li jgħixu fi gruppi kif ukoll dawk li jinżammu għalihom, għandu jkollhom spażju biżżejjed għall-eżerċizzju, għall-kuntatt ma’ bhejjem oħra, u għall-movimenti normali meta dawn ikunu bil-wieqfa jew mimdudin.

    (8)

    Hemm bżonn li s-servizzi uffiċjali, il-produtturi, il-konsumaturi u oħrajn jinżammu aġġornati bl-iżviluppi f’dan il-qasam. Il-Kummissjoni għandha għalhekk, fuq il-bażi ta’ opinjoni mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sikurezza ta’ l-Ikel, timxi lejn riċerka xjentifika attiva fis-sistema(i) ta' stock-farming l-iktar effiċjenti f'dak li jirrigwarda l-benessere ta' l-għoġiela. Għandu għalhekk jiġi provdut perijodu ta' żmien provviżorju sabiex il-Kummissjoni tingħata l-opportunita' tlesti dan l-inkarigu b’suċċess.

    (9)

    Il-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva għandhom ikunu adottati skond id-Deciżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat implimentattivi konferiti fuq il-Kummissjoni (6).

    (10)

    Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta’ l-Istati Membri rigward il-limiti ta’ żmien għat-trażpożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttivi stabbililti fl-Anness II, Parti B,

    ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    Din id-Direttiva tistabbilixxi standards minimi għall-protezzjoni ta’ l-għoġiela miżmuma għat-trobbija u għas-simna.

    Artikolu 2

    Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (1)

    “għoġol” ifisser annimal ta’ l-ispeċi bovin li għandu sa sitt xhur;

    (2)

    “l-awtorità kompetenti” tfisser l-awtorità kompetenti kif definita fl-Artikolu 2(6) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta' Ġunju 1990 li tikkonċerna l-ispezzjonijiet veterinarji u żootekniċi applikabbli fil-kummerċ intra-Komunitarju ta’ ċerti annimali ħajjin u ta’ prodotti bil-għan li jiġi kkompletat is-suq intern (7).

    Artikolu 3

    1.   Mill-1 ta' Jannar 1998, id-dispożizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw għall-azjendi mibnijin ġodda jew mibnijin mill-ġdid u għall-dawk li jibdew jitħaddmu wara l-1 ta’ Jannar 1998:

    (a)

    l-ebda għoġol m’għandu jinżamm f’maqjel għalih waħdu wara l-età ta’ tmien ġimgħat, sakemm il-veterinarju ma jkunx iċċertifika li s-saħħa jew l-imġiba tiegħu tkun tirrikjedi li jiġi iżolat biex jingħata l-kura. Kull maqjel individwali għal għoġol għandu jkun wiesa’ ta’ l-anqas daqs l-għoli ta’ l-għoġol sal-ħotba tas-sinsla, meta mkejjel bil-wieqfa, u għandu jkun twil ta’ l-anqas daqs it-tul tal-ġisem ta’ l-għoġol, imkejjel mit-tarf ta’ mnieħru sat-tarf tad-denb tat-tuber ischii (il-pin bone), immultiplikat b’1,1.

    Imqajel individwali għall-għoġiela (ħlief għal dawk fejn jiġu iżolati annimali morda) m’għandux ikollhom ħitan solidi, iżda ħitan imtaqqba li jkunu jippermettu lill-għoġiela li jkollhom kuntatt dirett bil-vista u bil-mess;

    (b)

    fil-każ ta’ l-għoġiela li jinżammu fi gruppi, l-ispazju mingħajr tfixkil li għandu jkollu kull għoġol għandu jkun ta’ l-anqas ekwivalenti għal 1,5 m2 għal kull għoġol b’piż ħaj ta’ anqas minn 150 kilogramm, ta’ l-anqas ekwivalenti għal 1,7 m2 għal kull għoġol b’piż ħaj ta’ 150 kilogramm jew aktar iżda anqas minn 220 kilogramm, u ta’ l-anqas ekwivalenti għal 1,8 m2 għal kull għoġol b’piż ħaj ta’ 220 kilogramm jew aktar.

    Iżda d-disposizzjonijiet ta’ l-ewwel subparagrafu m’għandhomx japplikaw għal:

    (a)

    azjendi b’anqas minn sitt għoġiela;

    (b)

    għoġiela miżmuma ma’ ommhom biex jerdgħu.

    2.   Mill-31 ta’ Diċembru 2006, id-disposizzjonijiet previsti f’paragrafu 1 għandhom japplikaw għall-azjendi kollha.

    Artikolu 4

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kondizzjonijiet għat-trobbija ta’ l-għoġiela jimxu mad-dispożizzjonijiet stabbiliti f’Anness I.

    Artikolu 5

    Id-dispożizzjonijiet f’Anness I jistgħu jkunu emendati skond il-proċedura imsemmija fl-Artikolu 10(2) sabiex jittiħed kont tal-progress xjentifiku.

    Artikolu 6

    Sa l-1 ta’ Jannar 2006, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Kunsill rapport, imħejji fuq il-bażi ta’ l-opinjoni mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sikurezza ta’ l-Ikel, dwar is-sistema(i) tal-biedja intensiva li jimxu mar-rekwiżiti għall-benessere ta’ l-għoġġiela mil-lat patoloġiku, żootekniku, fiżjoloġiku u ta’ l-imġiba, kif ukoll l-implikazzjonijiet soċjo-ekonomiċi tas-sistemi differenti, flimkien mal-proposti rilevanti tal-konklużjonijiet tar-rapport.

    Il-Kunsill jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq dawn il-proposti mhux aktar tard minn tliet xhur wara li jintbagħtu.

    Artikolu 7

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ispezzjonijiet isiru taħt ir-responsabbiltà ta’ l-awtorità kompetenti sabiex jivverifikaw li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jkunu mħarsa.

    Dawn l-ispezzjonijiet, li jistgħu jsiru fl-okkażjoni ta’ l-ispezzjonijiet għal skopijiet oħra, għandhom kull sena jkopru kampjun statistikament rappreżentattiv tas-sistemi differenti tal-biedja użati f’kull Stat Membru.

    2.   Il-Kummissjoni għandha, skond il-proċedura imsemmija fl-Artikolu 10(2), tħejji kodiċi tar-regoli li għandhom ikunu applikati meta jsiru l-ispezzjonijiet previsti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

    3.   Kull sentejn, sa l-aħħar ġurnata xogħol ta’ April u għall-ewwel darba sat-30 ta’April 1996, l-Istati Membri għandhom javżaw lill-Kummissjoni bir-riżultati ta’ l-ispezzjonijiet li saru matul is-sentejn ta’ qabel skond dan l-Artikolu, inklużi n-numri ta’ l-ispezzjonijiet li saru rigward in-numru ta’ ażjendi fit-territorju tagħhom.

    Artikolu 8

    Sabiex ikunu importati fil-Komunità, l-annimali li ġejjin minn pajjiż terz jridu jkunu akkumpanjati minn ċertifikat maħruġ mill-awtorità kompetenti, li jiċċertifika li rċevew trattament mill-inqas ekwivalenti għal dak mogħti lill-annimali li ġejjin mill-Komunità kif previst f’din id-Direttiva.

    Artikolu 9

    Esperti veterinari mill-Kummissjoni jistgħu, fejn neċessarju għall-applikazzjoni uniformi ta’ din id-Direttiva, iwettqu spezzjonijiet fuq il-post bil-koperazzjoni ta’ l-awtoritajiet kompetenti. Il-persuni li jwettqu dawn l-ispezzjonijiet għandhom jimplimentaw il-miżuri personali speċjali ta’ l-iġjene neċessarji sabiex jeskludu kull riskju li jinfirex il-mard.

    L-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun qed issir spezzjoni għandu jagħti l-assistenza kollha neċessarja lill-esperti sabiex iwettqu dmirijiethom. Il-Kummissjoni għandha tavża lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istati Membru konċerant bir-riżultati ta’ l-ispezzjonijiet.

    L-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru konċernat għandha tieħu l-miżuri kollha li jistgħu jkunu neċessarji sabiex jikkunsidraw ir-riżultati ta’ l-ispezzjonijiet.

    Rigward ir-relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi, għandhom japplikaw d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tad-Direttiva tal-Kunsill 91/496/KEE tal-15 ta' Lulju 1991 li tistabbilixxi il-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni ta' spezzjonijiet veterinarji fuq annimali deħlin fil-Komunita' minn pajjiżi terzi (8).

    Ir-regoli ġenerali għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu adottati skond il-proċedura imsemmija fl-Artikolu 10(2).

    Artikolu 10

    1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat Permanenti tal-Katina ta l-Ikel u s-Saħħa ta' l-Annimali stabbilit skond l-Artikolu 58 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà ta' l-ikel (9).

    2.   Meta jsir riferiment għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

    Il-perijodu taż-żmien stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi ffissat għal tliet xhur.

    Artikolu 11

    L-Istati Membri jistgħu, konformement mar-regoli ġenerali tat-Trattat, iżommu jew japplikaw ġewwa t-territorji tagħhom dispożizzjonijiet aktar stretti għall-protezzjoni ta’ l-għoġiela minn dawk stabbiliti f’din id-Direttiva. Huma għandhom javżaw lill-Kummissjoni b’tali miżuri.

    Artikolu 12

    Id-Direttiva 91/629/KEE, kif emendata mill-Atti elenkati fl-Anness II, Parti A, hi mħassra, mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta’ l-Istati Membri rigward il-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttivi stabbiliti fl-Anness II, Parti B.

    Referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skond it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness III.

    Artikolu 13

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 14

    Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussell, 18 ta’ Diċembru 2008.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. BARNIER


    (1)  Opinjoni tal-11 ta' Diċembru 2007 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (2)  ĠU C 324, 30.12.2006, p. 26.

    (3)  ĠU L 340, 11.12.1991, p. 28.

    (4)  Ara l-Anness II, Parti A.

    (5)  ĠU L 323, 17.11.1978, p. 12.

    (6)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

    (7)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29.

    (8)  ĠU L 268, 24.9.1991, p. 56.

    (9)  ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.


    ANNESS I

    1.

    Il-materjal użat għall-bini ta’ l-akkomodazzjoni ta’ l-għoġiela u partikolarment il-kaxxi u t-tagħmir li miegħu jistgħu jkollhom kuntatt l-għoġiela m’għandux jagħmel ħsara lill-għoġiela u għandu jkun kapaċi jitnaddaf u jiġi disinfettat.

    2.

    Sakemm jiġu stabbiliti regoli tal-Komunità fuq din il-kwistjoni, iċ-ċirkwiti elettriċi u t-tagħmir għandu ikun istallat skond ir-regoli nazzjonali viġenti biex jiġu evitati xokkijiet elettriċi.

    3.

    Insulazzjoni, tisħin u ventilazzjoni tal-bini għandhom jiżguraw li ċ-ċirkolazzjoni ta’ l-arja, il-livell tat-trab, it-temperatura, l-umdita’ relattiva ta’ l-arja u l-konċentrazzjonijiet tal-gass jinżammu fil-limiti li ma jagħmlux ħsara lill-għoġiela.

    4.

    It-tagħmir kollu awtomatiku jew mekkaniku li hu meħtieġ għas-saħħa ta’ l-għoġiela għandu jkun spezzjonat mill-inqas darba kuljum. Fejn jinstabu difetti, dawn għandhom jiġu rranġati minnufih jew, jekk dan ma jkunx possibbli, għandhom jittieħdu l-passi meħtieġa biex tiġi mħarsa s-saħħa ta’ l-għoġiela sakemm id-difett jiġi irranġat, l-aktar bl-użu ta’ metodi alternattivi ta’ għalf u li jinżamm ambjent sodisfaċenti.

    Fejn sistema artifiċjali ta’ ventilazzjoni hija użata, għandha tiġi provduta sistema supplimentari adegwata sabiex tiggarantixxi li l-arja tinbidel biżżejjed biex tippriserva s-saħħa u l-benessere ta’ l-għoġiela fil-każ li ma taħdimx is-sistema prinċipali u għandha tiġi provduta sistema ta’ alarm biex tavża lil dak li jżomm l-għoġiela bil-ħsara. Is-sistema ta’ l-alarm trid tkun eżaminata regolarment.

    5.

    L-għoġiela ma għandhomx jinżammu fid-dlam b'mod permanenti. Biex jitħarsu l-bżonnijiet ta’ l-imġiba u fisjoloġika tagħhom, trid issir dispożizzjoni li tippermetti għall-kondizzjonijiet differenti ta’ klima fl-Istati Membri, għal dawl xieraq naturali jew artifiċjali; fil-każ ta' dan ta’ l-aħħar, irid jaħdem għal perjodu ta’ mill-inqas għall-perijodu tad-dawl naturali normalment disponibbli bejn id-9 a.m. u l-5 p.m. Barra minn hekk, irid ikun disponibbli dawl xieraq (imwaħħal jew jista’ jinġarr) b’saħħtu biżżejjed biex jippermetti li l-għoġiela jkunu spezzjonati f’kull ħin.

    6.

    L-għoġiela li jinżammu ġewwa għandhom jiġu spezzjonati mis-sid jew mill-persuna responsabbli għall-annimali ta’ l-anqas darbtejn kull jum u l-għoġiela li jinżammu barra ta’ l-anqas darba kull jum; Kull għoġol li jkun jidher marid jew korrut għandu jiġi kurat kif imiss mingħajr dewmien u għandu jinkiseb il-parir veterinarju kemm jista’ jkun malajr għal kull għoġol li ma jkunx jirrispondi għall-kura ta’ dak li jkun irabbih. Fejn meħtieġ, l-għoġiela morda jew korruti għandhom jiġu iżolati f’akkommodazzjoni adegwata b’post fejn jimteddu li jkun niexef u komdu.

    7.

    L-akkommodazzjoni għall-għoġġiela għandha tkun mibnija b’tali mod li tkun tippermetti li kull għoġol ikun jista’ jimtedd, jistrieħ, iqum bil-wieqfa u jnaddaf lilu nnifsu mingħajr diffikultà.

    8.

    L-għoġiela m’għandhomx jintrabtu bl-eċċezzjoni ta’ l-għoġġiela li jinżammu fi gruppi li jistgħu jintrabtu għal perjodi ta’ mhux aktar minn siegħa waqt li jinsqew il-ħalib jew is-sostitut tal-ħalib. Meta jintuża l-irbit, dan m’għandux ikorri lill-għoġiela u għandu jiġi spezzjonat regolarment u aġġustat skond kif meħtieġ biex jiġi żgurat li ma jkunx issikkat. Kull irbit għandu jkun magħmul biex jevita r-riskju ta’ strangolazzjoni jew korriment u jkun jippermetti li l-għoġol jiċċaqlaq skond il-punt 7.

    9.

    Akkomodazzjoni, maqjel, tagħmir u għodda użati għall-għoġiela jridu jitnaddfu u jkunu disinfettati sew biex ikunu evitati infezzjonijiet minn wieħed għall-ieħor u ż-żieda ta’ l-organiżmi li jġorru l-mard. Ħmieġ, urina u ikel mhux mittiekel jew maqlub irid jitneħħa kull meta hemm bżonn biex titnaqqas ir-riħa u jkun evitat li jiġbdu l-attenzjoni tad-dubbien u l-gerriema.

    10.

    L-art trid tkun lixxa imma mhux tiżloq biex ikun evitat l-korriment ta’ l-għoġiela u ddisinjata biex ma tkorrix jew tikkawża sofferenza lill-għoġġiela weqfin jew li jimteddu fuqha. Għandha tkun adattata għad-daqs u t-toqol ta’ l-għoġiela u tifforma wiċċ riġidu, indaqs u stabbli. In-naħa fejn jimteddu trid tkun komda, nadifa, u jitneħħa l-ilma b’mod adegwat u ma tridx taffettwa ħażin lill-għoġiela. Sodod xierqa jridu jkunu provduti għall-għoġiela kollha li għandhom inqas minn ħmistax.

    11.

    L-għoġiela kollha għandhom jiġu provduti b’dieta tajba li tkun addattata għall-età, il-piż u l-ħtiġiet tagħhom f’dak li huwa komportament u fiżjoloġija, biex jikbru b’saħħithom u kkurati kif imiss. Għal dan il-għan, l-ikel tagħhom għandu jkun fih ħadid biżżejjed biex jiġi żgurat li l-livell medju ta’ l-emoglobina fid-demm ikun ta’ l-anqas ta’ 4,5 mmol/litru u r-razzjon minimu ta’ l-ikel fibruż ta’ kull jum għandu jiġi provdut għal kull għoġol li jkollu aktar minn ġimgħatejn, filwaqt li l-kwantità tiegħu tiżdied minn 50 g għall-250 g kull jum fil-każ ta’ l-għoġġiela ta’ minn tmienja sa 20 ġimgħa. L-għoġiela m’għandux ikollhom sarima.

    12.

    L-għoġiela kollha jridu jitgħallfu għall-inqas darbtejn kuljum. Fejn l-għoġiela jinżammu fi gruppi u mhux mgħalfa ad libitum, jew b’sistema awtomatika ta’ għalf, kull għoġol irid ikollu aċċess għall-ikel fl-istess ħin bħall-oħrajn tal-grupp.

    13.

    L-għoġiela kollha li għandhom iktar minn ħmistax irid ikollhom aċċess għal kwantità suffiċjenti ta’ ilma frisk jew ikunu jistgħu jaqtgħu l-għatx tagħhom billi jixorbu likwidu oħra. Iżda, f’kondizzjonijiet ta’ temp sħun jew fil-każ ta’ l-għoġiela li jkunu morda, l-ilma tax-xorb għandu jkun disponibbli l-ħin kollu.

    14.

    It-tagħmir ta’ l-għalf u ta’ l-ilma jrid ikun iddisinjat, mibni, impoġġi u miżmum sabiex il-kontaminazzjoni ta’ l-għalf u l-ilma ta’ l-għoġiela jitnaqqas kemm jista’.

    15.

    Kull għoġol għandu jirċievi kolostrum bovin kemm jista’ jkun malajr malli jitwieled u f’kull każ fl-ewwel sitt sigħat tal-ħajja.


    ANNESS II

    PARTI A

    Direttiva mħassra flimkien ma’ l-emendamenti suċċessivi tagħha

    (imsemmi fl-Artikolu 12)

    Direttiva tal-Kunsill 91/629/KEE

    (ĠU L 340, 11.12.1991, p. 28)

     

    Direttiva tal-Kunsill 97/2/KE

    (ĠU L 25, 28.1.1997, p. 24)

     

    Deċiżjoni tal-Kummissjoni 97/182/KE

    (ĠU L 76, 18.3.1997, p. 30)

     

    Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 806/2003

    (ĠU L 122, 16.5.2003, p. 1)

    Anness III, punt 25 biss

    PARTI B

    Lista tal-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali

    (imsemmi fl-Artikolu 12)

    Direttivi

    Limitu ta’ żmien għat-traspożizzjoni

    91/629/KEE

    1 ta’ Jannar 1994

    97/2/KE

    31 ta’ Diċembru 1997


    ANNESS III

    TABELLA TA’ KORRELAZZJONI

    Direttiva 91/629/KEE

    Din id-Direttiva

    Artikoli 1 u 2

    Artikoli 1 u 2

    Artikolu 3(1)

    Artikolu 3(2)

    Artikolu 3(3), l-ewwel subparagrafu

    Artikolu 3(1), l-ewwel subparagrafu

    Artikolu 3(3), it-tieni subparagrafu, kliem introduttorju

    Artikolu 3(1), it-tieni subparagrafu, kliem introduttorju

    Artikolu 3(3), it-tieni subparagrafu, l-ewwel inċiż

    Artikolu 3(1), it-tieni subparagrafu, punt (a)

    Artikolu 3(3), it-tieni subparagrafu, it-tieni inċiż

    Artikolu 3(1), it-tieni subparagrafu, punt (b)

    Artikolu 3(3), it-tielet subparagrafu

    Artikolu 3(2)

    Artikolu 3(4)

    Artikolu 4(1)

    Artikolu 4

    Artikoli 5 sa 10

    Artikoli 5 sa 10

    Artikolu 11(1)

    Artikolu 11(2)

    Artikolu 11

    Artikolu 12

    Artikolu 13

    Artikolu 12

    Artikolu 14

    Anness

    Anness I

    Anness II

    Anness III


    Top