Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008L0110

Direttiva 2008/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta’ Diċembru 2008 li temenda d-Direttiva 2004/49/KE dwar is-sigurtà tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità (Id-Direttiva tas-Sigurtà Tal-Linji tal-Ferrovija) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 345, 23.12.2008, p. 62–67 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/10/2020; Imħassar b' 32016L0798

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2008/110/oj

23.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 345/62


DIRETTIVA 2008/110/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-16 ta’ Diċembru 2008

li temenda d-Direttiva 2004/49/KE dwar is-sigurtà tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità (Id-Direttiva tas-Sigurtà Tal-Linji tal-Ferrovija)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 71(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Sabiex ikomplu l-isforzi maħsuba biex jinħoloq suq wieħed tas-servizzi tat-trasport ferrovjarju, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw id-Direttiva 2004/49/KE (3) li tistabbilixxi qafas ta’ regolamenti komuni għas-sigurtà tal-ferroviji.

(2)

Oriġinarjament, proċeduri ta’ awtorizzazzjoni għat-tqegħid f'servizz ta’ vetturi ferrovjarji kienu ttrattati fid-Direttiva tal-Kunsill 96/48/KE tat-23 ta’ Lulju 1996 dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja trans-Ewropea ta’ veloċità għolja (4) u d-Direttiva 2001/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2001 dwar l-interoperabblità tas-sistema ferrovjarja konvenzjonali trans-Ewropea (5) għal partijiet ġodda jew imtejba tas-sistema ferrovjarja tal-Komunità, u d-Direttiva 2004/49/KE għal vetturi li diġà qed jintużaw. Skond il-prinċipji ta’ regolazzjoni aħjar, u bil-ħsieb li tiġi simplifikata u modernizzata l-leġiżlazzjoni Komunitarja, id-dispożizzjonijiet kollha li jirrigwardaw awtorizzazzjonijiet għat-tqegħid f'servizz tal-vetturi ferrovjarji għandhom jiġu inkorporati f'test legali uniku. Għalhekk, l-Artikolu 14 attwali tad-Direttiva 2004/49/KE għandu jitħassar u għandha tiġi inkluża dispożizzjoni ġdida dwar l-awtorizzazzjonijiet għat-tqegħid f'servizz tal-vetturi li diġà qed jintużaw fid-Direttiva 2008/57/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja tal-Komunità (tfassil mill-ġdid) (6) (minn hawn 'il quddiem imsejjħa “id-Direttiva dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja”) li ssostitwiet id-Direttivi 96/48/KE u 2001/16/KE.

(3)

Id-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni tal-1999 dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) fl-1 ta’ Lulju 2006 daħħal regoli ġodda li jirregolaw kuntratti għall-użu ta’ vetturi. Skond l-appendiċi CUV (Regoli Uniformi dwar Kuntratti għall-Użu ta’ Vetturi fit-Traffiku Internazzjonali tal-Ferrovija) tagħha, id-detenturi tal-vaguni m'għadhomx obbligati li jirreġistraw il-vaguni tagħhom ma’ impriża ferrovjarja. Il-Ftehim “Regolamento Internazionale Veicoli” (RIV) preċedenti bejn impriżi ferrovjarji waqaf milli japplika u kien sostitwit parzjalment minn ftehim privat u volontarju ġdid (Kuntratt Ġenerali ta’ Użu għall-Vaguni, GCU) bejn impriżi ferrovjarji u detenturi tal-vaguni fejn dawn ta’ l-aħħar huma responsabbli għall-manutenzjoni tal-vaguni tagħhom. Sabiex jiġu riflessi dawn it-tibdiliet u biex tiġi ffaċċilitata aktar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2004/49/KE fir-rigward taċ-ċertifikazzjoni tas-sigurtà ta’ impriżi ferrovjarji, il-kunċett tad-“detentur” u l-kunċett ta’ “entità responsabbli għall-manutenzjoni” għandhom ikunu definiti, kif ukoll l-ispeċifikazzjoni tar-relazzjoni bejn dawn l-entitajiet u impriżi ferrovjarji.

(4)

Id-definizzjoni ta’ detentur għandha tkun kemm jista' jkun possibbli qrib għad-definizzjoni użata fil-Konvenzjoni COTIF 1999. Bosta entitajiet jistgħu jkunu identifikati bħala detentur ta’ vettura, per eżempju, il-proprjetarju, kumpanija li tagħmel negozju minn flotta ta’ vaguni, kumpanija li tikri vetturi lil impriża ferrovjarja, impriża ferrovjarja, amministrattur ta’ l-infrastruttura li juża vetturi għall-manutenzjoni ta’ l-infrastruttura tagħha, eċċ. Dawn l-entitajiet ikollhom il-kontroll tal-vettura bil-ħsieb li din tintuża bħala mezz ta’ trasport mill-impriżi ferrovjarji u l-amministratturi ta’ l-infrastruttura. Sabiex jiġi evitat kwalunkwe dubju, id-detentur għandu jkun identifikat b'mod ċar fir-Reġistru Nazzjonali tal-Vetturi (NVR) previst fl-Artikolu 33 tad-Direttiva dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja.

(5)

Sabiex tkun żgurata l-konsistenza mal-leġiżlazzjoni ferrovjarja eżistenti u jkun evitat piż żejjed, L-Istati Membri għandhom jitħallew jeskludu l-ferroviji ta’ patrimonju, tal-mużewijiet u dawk għat-turisti mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

(6)

Qabel ma vettura titqiegħed fis-servizz jew tintuża fin-network, għandha tiġi identifikata entità responsabbli għall-manutenzjoni tagħha fl-NVR. Impriża tal-ferroviji, maniġer ta’ l-infrastruttura jew detentur jistgħu jkunu entità inkarigata mill-manutenzjoni.

(7)

L-Istati Membri għandhom jitħallew iwettqu l-obbligi sabiex jidentifikaw l-entità responsabbli mill-manutenzjoni u jiċċertifikawha permezz ta’ miżuri alternattivi fil-każ ta’ vetturi rreġistrati f'pajjiż terz u miżmuma skond il-liġi ta’ dak il-pajjiż, vetturi li jkunu użati fuq netwerks jew linji ta’ track gauge li jkunu differenti minn dawk tan-netwerk tal-ferrovija prinċipali fil-Komunità, u li għalihom ir-rekwiżit li tkun identifikata entità responsabbli mill-manutenzjoni jkun żgurat b'mod alternattiv permezz ta’ ftehimiet internazzjonali ma’ pajjiżi terzi u vetturi użati minn ferroviji ta’ patrimonju, tal-mużewijiet u tat-turisti jew tagħmir militari u trasport speċjali li jeħtieġu li jingħata permess ad hoc ta’ l-awtorita tas-sigurtà nazzjonali qabel is-servizz. F'dawn is-sitwazzjonijiet l-Istat Membru rilevanti għandu jkun permess jaċċetta vetturi fin-netwerk li għalih hu jkun kompetenti mingħajr ma tkun assenjata għal dawn il-vetturi entità responsabbli mill-manutenzjoni jew mingħajr ma din l-entità tkun iċċertifikata. Madankollu, dawn id-derogi għandhom ikunu suġġetti għal deċiżjonijiet formali ta’ l-Istat Membru rilevanti u jkunu analizzati mill-Aġenzija Ewropea tal-Ferroviji (minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-Aġenzija”) fil-kuntest tar-rapporti tagħha dwar il-prestazzjoni ta’ sigurtà.

(8)

Meta impriża ferrovjarja jew amministratur ta’ l-infrastruttura juża vettura li għaliha l-ebda entità responsabbli mill-manutenzjoni ma tkun irreġistrata, huwa għandu jikkontrolla r-riskji kollha assoċjati ma’ l-użu ta’ vettura bħal din. Il-ħila li jiġu kkontrollati dawn ir-riskji għandha tintwera mill-impriża ferrovjarja jew mill-aministratur ta’ l-infrastruttura permezz taċ-ċertifikazzjoni tas-sistema tal-ġestjoni tas-sigurtà tagħhom u, fejn applikabbli, permezz taċ-ċertifikazzjoni jew ta’ l-awtorizzazzjoni tas-sigurtà tagħhom.

(9)

Għall-vaguni tal-merkanzija, l-entità responsabbli mill-manutenzjoni għandha tkun iċċertifikata skond sistema li għandha tkun żviluppata mill-Aġenzija u adottata mill-Kummissjoni. Meta l-entità responsabbli mill-manutenzjoni tkun impriża ferrovjarja jew amministratur ta’ l-infrastruttura, din iċ-ċertifikazzjoni għandha tkun inkluża fil-proċedura għaċ-ċertifikazzjoni tas-sigurtà jew ta’ l-awtorizzazzjoni. Iċ-ċertifikat mogħti lil entità bħal din għandu jiggarantixxi li l-ħtiġiet ta’ manutenzjoni ta’ din id-Direttiva ikunu sodisfatti għal kwalunkwe vagun tal-merkanzija li għalih tkun responsabbli. Dan iċ-ċertifikat għandu jkun validu fil-Komunità kollha u għandu jingħata minn entità li tkun fil-qagħda li tivverifika s-sistema ta’ manutenzjoni stabbilita minn dawn l-entitajiet. Ladarba l-vaguni tal-merkanzija huma spiss użati fit-traffiku internazzjonali u billi entità responsabbli mill-manutenzjoni jista' jkun li tkun trid tuża workshops stabbiliti f'aktar minn Stat Membru wieħed, l-entità ta’ ċertifikazzjoni għandha tkun kapaċi twettaq il-kontrolli tagħha fil-Komunità kollha.

(10)

Qed jiġu żviluppati ħtiġiet ta’ manutenzjoni fil-kuntest tad-Direttiva dwar l-Interoperabilita' tal-Ferroviji, b'mod partikolari bħala parti mill-“materjal bir-roti” ta’ l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-interoperabilita' (TSIs). Bħala riżultat tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva hemm il-ħtieġa li tkun żgurata koerenza bejn dawn it-TSIs u l-ħtiġiet ta’ ċertifikazzjoni għall-entità responsabbli mill-manutenzjoni li għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tikseb dan billi timmodifika, fejn xieraq, it-TSIs rilevanti bl-użu tas-sistema prevista fid-Direttiva dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja.

(11)

Peress li l-għanijiet ta’ din id-Direttiva, jiġifieri aktar żvilupp u titjib tas-sigurtà fuq il-ferroviji Kommunitarji ma jistgħux jinkisbu b’ mod sodisfaċenti mill-Istati Membri, u għalhekk jistgħu, minħabba l-iskala ta’ l-azzjoni, jinkisbu aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’tadotta miżuri skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkiseb dak il-għan.

(12)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 2004/49/KE għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (7).

(13)

B'mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tirrevedi u tadatta l-annessi tad-Direttiva 2004/49/KE, li tadotta u tirrevedi metodi komuni ta’ sigurtà u miri komuni ta’ sigurtà, u wkoll li tistabbilixxi sistema ta’ ċertifikazzjoni tal-manutenzjoni. Ladarba dawn il-miżuri huma ta’ ambitu ġenerali u huma mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali tad-Direttiva 2004/49/KE, inter alia, billi jissumplimentawha biż-żieda ta’ elementi mhux essenzjali ġodda, huma għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5(a) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(14)

Stat Membru li m'għandu l-ebda sistema tal-ferroviji, u l-ebda ħsieb immedjat li jkollu waħda, ikun taħt obbligu sproporzjonat u mingħajr skop kieku kellu jittrasponi u jimplimenta din id-Direttiva. Għalhekk, tali Stat Membru għandu, sakemm jibqa' ma jkollux sistema tal-ferroviji, jiġi eżentat mill-obbligu li jittrasponi u jimplimenta din id-Direttiva.

(15)

Skond il-paragrafu 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar leġislazzjoni aħjar (8), l-Istati Membri huma mħeġġa jfasslu, għalihom infushom u fl-interessi tal-Komunità, it-tabelli tagħhom stess, li, sa fejn ikun possibbli, juru l-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta’ traspożizzjoni, u jagħmluhom pubbliċi.

(16)

Id-Direttiva 2004/49/KE għandha għalhekk tiġi emendata kif xieraq,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi

Id-Direttiva 2004/49/KE għandha tiġi emendata kif ġej:

(1)

il-punti li ġejjin għandhom jiżdiedu ma’ l-Artikolu 2(2):

“(d)

vetturi ta’ patrimonju li jaħdmu fuq netwerks nazzjonali kemm-il darba ikunu jikkonformaw mar-regoli u r-regolamenti nazzjonali tas-sigurtà bil-għan li tkun żgurata iċ-ċirkolazzjoni sikura ta’ dawn il-vetturi;

(e)

il-ferroviji ta’ patrimonju, tal-mużewijiet u dawk għat-turisti li joperaw fuq in-netwerk tagħhom stess, inklużi l-workshops, il-vetturi u l-istaff.”;

(2)

Għandhom jiżdiedu il-punti li ġejjin ma’ l-Artikolu 3:

“(s)

‘detentur’ tfisser il-persuna jew l-entità li, peress li tkun il-proprjetarju ta’ vettura jew ikollha d-dritt li tużaha, tisfrutta l-vettura bħala mezz ta’ trasport u tkun reġistrata bħala tali fir-Reġistru Nazzjonali tal-Vetturi (NVR) previst fl-Artikolu 33 tad-Direttiva 2008/57/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar l-interoperabblità tas-sistema ferrovjarja fil-Komunita' (tfassil mill-ġdid) (*) (minn hawn 'il quddiem imsejjħa ‘id-Direttiva dwar l-interoperabblità tas-sistema ferrovjarja’);

(t)

‘entità responsabbli għall-manutenzjoni’ tfisser entità responsabbli għall-manutenzjoni ta’ vettura, u reġistrata bħala tali fl-NVR;

(u)

‘vettura’ tfisser vettura ferrovjarja adatta biex tiġri fuq ir-roti tagħha stess fuq linji ferrovjarji, b'ġibda jew mingħajr. Vettura hija magħmula minn subsistema strutturali u funzjonali waħda jew aktar jew partijiet ta’ tali subsistemi.

(*)  ĠU L 191, 18.7.2008, p. 1.”;"

(3)

Fl-Artikolu 4(4), it-terminu “detentur tal-vaguni” għandu jinbidel b’ “detentur”;

(4)

L-Artikolu 5(2) għandu jinbidel b’dan li ġej:

“2.   Qabel it-30 ta’ April 2009, l-Anness I għandu jiġi rivedut, b'mod partikolari sabiex jiġu inkorporati fih d-definizzjonijiet komuni tas-CSI u l-metodi komuni għall-kalkolu ta’ l-ispiża ta’ l-inċidenti. Din il-miżura, imfassla biex temenda elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva, għandha tiġi adottata skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 27(2a).”;

(5)

L-Artikolu 6 għandu jinbidel kif ġej:

(a)

Il-paragrafu 1 għandu jinbidel b'dan li ġej:

“1.   L-ewwel serje ta’ CSMs, li bħala minimu jkopru l-metodi deskritti fil-paragrafu 3(a), għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni qabel it-30 ta’ April 2008. Dawn għandhom ikunu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

It-tieni serje ta’ CSMs li jkopru l-bqija tal-metodi deskritti fil-paragrafu 3 għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni qabel it-30 ta’ April 2010. Dawn għandhom ikunu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dawn il-miżuri, imfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jżidu magħha, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 27(2a).”;

(b)

Il-punt (c) tal-paragrafu 3 għandu jinbidel b'dan li ġej:

“(c)

sa fejn ma jkunux koperti mit-TSIs, il-metodi biex ikunu verifikati s-subsistemi strutturali tas-sistema ferrovjarja trans-Ewropea huma mħaddma u miżmuma skond il-ħtiġiet essenzjali rilevanti.”;

(c)

Il-paragrafu 4 għandu jinbidel b'dan li ġej:

“4.   Is-CSMs għandhom jiġu riveduti f'intervalli regolari, filwaqt li titqies l-esperjenza miksuba mill-applikazzjoni tagħhom u l-iżvilupp globali tas-sigurtà ferrovjarja u l-obbligi ta’ l-Istati Membri kif stabbiliti fl-Artikolu 4(1). Din il-miżura, imfassla biex temenda elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva, inter alia, billi żżid magħha, għandha tiġa adottata skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 27(2a).”;

(6)

L-Artikolu 7 għandu jiġi emendat kif ġej:

a)

l-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-paragrafu 3 għandhom jinbidlu b'dan li ġej:

“3.   L-ewwel sett ta’ abbozz ta’ CSTs għandu jkun ibbażat fuq eżami tal-miri eżistenti u tal-presatazzjoni ta’ sigurtà fl-Istati Membri u għandu jiżgura li l-prestazzjoni ta’ sigurtà attwali tas-sistema ferrovjarja ma tonqosx fi kwalunkwe Stat Membru. Dan għandu jiġi adottat mill-Kummissjoni qabel it-30 ta’ April 2009 u għandu jkun ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea. Din il-miżura, imfassla biex temenda elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva, inter alia, billi tissupplimentaha, għandha tiġi adottata skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 27(2a).

It-tieni sett ta’ abbozz ta’ CSTs huwa bbażat fuq l-esperjenza miksuba mill-ewwel sett ta’ CSTs u l-implimentazzjoni tagħhom. Huwa għandu jirrifletti kwalunkwe qasam prijoritarju fejn jeħtieġ li s-sigurtà tittejjeb aktar. Huwa għandu jiġi adottat mill-Kummissjoni qabel it-30 ta’ April 2011 u għandu ikunu ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea. Din il-miżura, imfassla biex temenda elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva, inter alia, billi tissupplimentaha, għandha tiġi adottata skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 27(2a).”;

(b)

Il-paragrafu 5 għandu jinbidel b'dan li ġej:

“5.   Is-CSTs għandhom jiġu riveduti f'intervalli regolari, b'kont meħud ta’ l-iżvilupp globali tas-sigurtà ferrovjarja. Din il-miżura, imfassla biex temenda elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva, inter alia, billi tissupplimentaha, għandha tiġi adottata skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 27(2a).”;

(7)

L-Artikolu 10 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

Fil-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu għandu jinbidel b'dan li ġej:

“L-iskop taċ-ċertifikat tas-sigurtà huwa li jipprovdi evidenza li l-impriża ferrovjarja stabbilixxiet is-sistema ta’ amministrazzjoni tas-sigurtà tagħha u tista' tissodisfa l-ħtiġiet stabbiliti fit-TSIs u f’leġislazzjoni Komunitarja rilevanti oħra u f'regoli nazzjonali ta’ sigurtà sabiex jiġu kkontrollati r-riskji u jkunu provduti servizzi ta’ trasport siguri fuq in-network.”;

(b)

Il-punt (b) tal-paragrafu 2 għandu jinbidel b'dan li ġej:

“(b)

ċertifikazzjoni li tikkonferma aċċettazzjoni tad-dispożizzjonijiet adottati mill-impriża ferrovjarja biex jinkisbu ħtiġiet speċifiċi meħtieġa għall-provvediment sigur tas-servizzi tagħha fuq in-network rilevanti. Dawn il-ħtiġiet jistgħu jikkonċernaw l-applikazzjoni tat-TSIs u regoli nazzjonali tas-sigurtà, inklużi r-regoli tat-tħaddim tan-network, l-aċċettazzjoni taċ-ċertifikati tal-persunal u l-awtorizzazzjoni biex jitħaddmu l-vetturi wżati mill-impriżi ferrovjarji. Iċ-ċertifikazzjoni għandha tkun ibbażata fuq dokumentazzjoni ippreżentata mill-impriża ferrovjarja deskritta fl-Anness IV.”;

(8)

għandu jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 14a

Manutenzjoni ta’ vetturi

1.   Kull vettura, qabel ma titqiegħed fis-servizz jew tintuża fin-netwerk, għandu jkollha entità responsabbli għall-manutenzjoni assenjata lilha u din l-entità għandha tkun irreġistrata fl-NVR skond l-Artikolu 33 tad-Direttiva dwar l-interoperabblità tas-sistema ferrovjarja.

2.   Jistgħu jikkostitwixxu entità inkarigata mill-manutenzjoni impriża tal-ferroviji, maniġer ta’ l-infrastruttura jew detentur.

3.   Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà ta’ l-impriżi ferrovjarji u amministratturi ta’ l-infrastruttura għat-tħaddim sigur tal-ferroviji kif previst fl-Artikolu 4, l-entità għandha tiżgura li l-vetturi li hi tkun responsabbli għall-manutenzjoni tagħhom ikunu fi stat sigur permezz ta’ sistema ta’ manutenzjoni. Għal dan il-għan, l-entità responsabbli mill-manutenzjoni għandha tiżgura li l-vetturi jkunu miżmuma skond:

(a)

il-fajl tal-manutenzjoni ta’ kull vettura;

(b)

ir-rekwiżiti fis-seħħ li jinkludu r-regoli ta’ manutenzjoni u d-dispożizzjonijiet tat-TSI.

L-entità inkarigata mill-manutenzjoni għandha twettaq il-manutenzjoni hija nnifisha u tagħmel użu minn workshops ta’ manutenzjoni b'kuntratt.

4.   Fil-każ ta’ vaguni tal-merkanzija, kull entità responsabbli mill-manutenzjoni għandha tkun ċċertifikata minn entità akkreditata jew rikonoxxuta skond il-paragrafu 5, jew minn awtorità nazzjonali tas-sigurtà. Il-proċess ta’ akkreditazzjoni għandu jkun ibbażat fuq kriterji ta’ indipendenza, kompetenza u imparzjalità, bħall-istandards Ewropej rilevanti tas-serje EN 45 000. Ir-rikonoxximent tal-proċess għandu jkun ibbażat ukoll fuq kriterji ta’ indipendenza, kompetenza u imparzjalità.

Meta l-entità responsabbli għall-manutenzjoni tkun impriża ferrovjarja jew amministrattur ta’ l-infrastruttura, il-konformità mar-rekwiżiti li għandhom ikunu adottati taħt il-paragrafu 5 għandhom ikunu vverifikati mill-awtorità nazzjonali tas-sigurtà relevanti skond il-proċeduri msemmija fl-Artikolu 10 jew 11 u għandhom ikunu kkonfermati fuq iċ-ċertifikati speċifikati f'dawk il-proċeduri.

5.   Fuq il-bażi ta’ rakkomandazzjoni mill-Aġenzija, il-Kummissjoni għandha, sa 24 ta’ Diċembru 2010, tadotta miżura li tistabbilixxi sistema ta’ ċertifikazzjoni ta’ l-entità responsabbli għall-manutenzjoni għal vaguni tal-merkanzija. Ċertifikati mogħtija skond din iċ-ċertifikazzjoni għandhom jikkonfermaw il-konformità mar-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 3.

Il-miżura għandha tinkludi r-rekwiżiti dwar:

(a)

is-sistema ta’ manutenzjoni stabbilita mill-entità;

(b)

il-format u l-validità taċ-ċertifikat mogħti lill-entità;

(c)

il-kriterji għall-akkreditazzjoni jew ir-rikonoxximent ta’ entità jew entitajiet responsabbli għall-ħruġ taċ-ċertifikati u li jiżguraw il-kontrolli meħtieġa għat-tħaddim tas-sistema taċ-ċertifikazzjoni;

(d)

id-data ta’ applikazzjoni għas-sistema ta’ ċertifikazzjoni, li tinkludi perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ sena għal entitajiet eżistenti responsabbli mill-manutenzjoni.

Din il-miżura, imfassla biex temenda l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi tissupplimentaha, għandha tiġi adottata skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 27(2a).

Fuq il-bażi ta’ rakkomandazzjoni mill-Aġenzija, il-Kummissjoni għandha sa 24 ta’ Diċembru 2018, tirrevedi din il-miżura sabiex tinkludi l-vetturi kollha u taġġorna, jekk meħtieġ, is-sistema ta’ ċertifikazzjoni applikabbli għall-vaguni tal-merkanzija.

6.   Iċ-ċertifikati mogħtija skond il-paragrafu 5 għandhom ikunu validi fil-Komunità kollha.

7.   L-Aġenzija għandha tevalwa l-proċess ta’ ċertifikazzjoni implimentat skond il- paragrafu 5 billi tressaq rapport lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard minn tliet snin wara d-dħul fis-seħħ tal-miżura rilevanti.

8.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jwettqu l-obbligi tagħhom biex jidentifikaw l-entità responsabbli mill-manutenzjoni u biex jiċċertifikawha permezz ta’ miżuri alternattivi, fil-każijiet li ġejjin:

(a)

vetturi reġistrati f'pajjiż terz u miżmuma skond il-liġi ta’ dak il-pajjiż;

(b)

vetturi li huma użati fuq netwerks jew fuq linji li t-track gauge tagħhom ikun differenti minn dak tan-netwerk ferrovjarju ewlieni fil-Komunità u li għalihom it-twettiq tar-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 3 huma żgurati minn ftehimiet internazzjonali ma’ pajjiżi terzi;

(c)

vetturi identifikati fl-Artikolu 2(2), u tagħmir militari u trasport speċjali li jeħtieġu li jkun ingħata permess ad hoc ta’ l-awtorità nazzjonali tas-sigurtà qabel jingħata s-servizz. F'dan il-każ id-derogi għandhom jingħataw għal perjodu ta’ mhux aktar minn ħames snin.

Miżuri alternattivi bħal dawn għandhom ikunu implimentati permezz ta’ derogi li għandhom jingħataw mill-awtorità nazzjonali tas-sigurtà rilevanti:

(a)

meta l-vetturi jkunu qed jiġu rreġistrati skond l-Artikolu 33 tad-Direttiva dwar l-Interoperabblità tas-Sistema Ferrovjarja, sa fejn tkun ikkonċernata l-identifikazzjoni ta’ l-entità responsabbli mill-manutenzjoni;

(b)

meta jkunu qed jingħataw ċertifikati ta’ sigurtà u awtorizzazzjonijiet għall-impriżi ferrovjarji u għall-maniġers ta’ l-infrastruttura skond l-Artikoli 10 u 11 ta’ din id-Direttiva, sa fejn tkun ikkonċernata l-identifikazzjoni jew iċ-ċertifikazzjoni ta’ l-entità responsabbli mill-manutenzjoni.

Derogi bħal dawn għandhom ikunu identifikati u ġġustifikati fir-rapport tas-sigurtà annwali msemmi fl-Artikolu 18 ta’ din id-Direttiva. Meta jidher li jkunu qed jittieħdu riskji għas-sigurtà mhux meħtieġa fis-sistema tal-ferroviji tal-Komunità, l-Aġenzija għandha tgħarraf minnufih lill-Kummissjoni bihom. Il-Kummissjoni għandha tikkuntattja lill-partijiet involuti u, fejn xieraq, titlob lill-Istat Membru biex jirtira d-deċiżjoni tiegħu dwar id-deroga.”;

(9)

L-Artikolu 16(2) għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

il-punt (a) għandu jinbidel b'dan li ġej:

“(a)

bl-awtorizzazzjoni tat-tpoġġija fis-servizz tas-subsistemi struttuali li jikkostitwixxu s-sistema ferrovjarja skond l-Artikolu 15 tad-Direttiva dwar l-Interoperabblità tas-Sistema Ferrovjarja u li jiġi verifikat li huma mħaddma u miżmuma skond il-ħtiġiet essenzjali rilevanti;”;

(b)

Il-punt (b) għandu jitħassar;

(c)

Il-punt (g) għandu jinbidel b'dan li ġej:

“(g)

superviżjoni li l-vetturi jkunu reġistrati fl-NVR kif dovut u li l-informazzjoni relatata mas-sigurtà li jkun fiha tkun preċiża u miżmuma aġġornata;”;

(10)

Il-punt li ġej għandu jiżdied ma’ l-Artikolu 18:

“(e)

derogi li ġew deċiżi skond l-Artikolu 14a(8).”;

(11)

L-Artikolu 26 għandu jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 26

Adattament ta’ l-Annessi

L-Annessi għandhom jiġu adattati skond il-progress xjentifiku u tekniku. Din il-miżura, imfassla biex temenda elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva, għandha tiġi adottata skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 27(2a).”;

(12)

L-Artikolu 27 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

Għandu jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“2a   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a(1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, filwaqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.”;

(b)

Il-paragrafu 4 għandu jitħassar;

(13)

Il-punt 3 ta’ l-Anness II għandu jitħassar.

Artikolu 2

Implimentazzjoni u traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa 24 ta’ Diċembru 2010. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, huma għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

L-obbligi għat-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva m'għandhomx japplikaw għar-Repubblika ta’ Ċipru u għar-Repubblika ta’ Malta sakemm l-ebda sistema ferrovjarja ma tiġi stabbilita fit-territorji rispettivi tagħhom.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġijiet nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, 16 ta’ Diċembru 2008.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

B. LE MAIRE


(1)  ĠU C 256, 27.10.2007, p. 39.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-29 ta' Novembru 2007 (ĠU C 297 E, 20.11.2008, p. 133), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tat-3 ta' Marzu 2008 (ĠU C 122E, 20.5.2008, p. 10) u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Lulju 2008 (għada mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Deċiżjoni tal-Kunsill tal-1 ta' Diċembru 2008.

(3)  Direttiva 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 fuq is-sigurtà tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 95/18/KE fuq l-għoti tal-liċenzi ta' l-impriżi tal-linji tal-ferrovija u d-Direttiva 2001/14/KE fuq l-allokazzjoni tal-kapaċità ta' l-infrastruttura tal-linji tal-ferrovija u l-intaxxar tal-piżijiet għall-użu ta' l-infrastruttura tal-linji tal-ferrovija u ċ-ċertifikazzjoni tas-sigurtà (Id-Direttiva tas-Sigurtà Tal-Linji tal-Ferrovija ĠU L 164, 30.4.2004, p. 44. Verżjoni rettifikata fil-ĠU L 220, 21.6.2004, p. 16).

(4)  ĠU L 235, 17.9.1996, p. 6.

(5)  ĠU L 110, 20.4.2001, p. 1.

(6)  ĠU L 191, 18.7.2008, p. 1.

(7)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(8)  ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.


Top