Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008L0054

Direttiva 2008/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 17 ta’ Ġunju 2008 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 95/50/KE dwar proċeduri uniformi għal verifiki fuq it-trasport ta’ merkanzija perikoluża bit-triq, fir-rigward tas-setgħat ta’ implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni

ĠU L 162, 21.6.2008, pp. 11–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 12/11/2022; Imħassar b' 32022L1999

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2008/54/oj

21.6.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 162/11


DIRETTIVA 2008/54/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-17 ta’ Ġunju 2008

li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 95/50/KE dwar proċeduri uniformi għal verifiki fuq it-trasport ta’ merkanzija perikoluża bit-triq, fir-rigward tas-setgħat ta’ implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 71 tiegħu,

Wara li kkunsidraw l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 95/50/KE (3) tipprovdi li ċerti miżuri għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ l-implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (4).

(2)

Id-Deċiżjoni 1999/468/KE ġiet emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE, li introduċiet il-proċedura regolatorja bi skrutinju għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ ambitu ġenerali u mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ strument bażiku adottat skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat, inter alia billi jitħassru uħud minn dawk l-elementi jew billi l-istrument jiġi supplementat b’elementi ġodda mhux essenzjali.

(3)

Skond id-dikjarazzjoni mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni (5) dwar id-Deċiżjoni 2006/512/KE, sabiex din il-proċedura regolatorja bi skrutinju tkun applikabbli għal strumenti adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat li huwa diġà fis-seħħ, dawk l-istrumenti għandhom jiġu aġġustati skond il-proċeduri applikabbli.

(4)

B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadatta l-Annessi għad-Direttiva 95/50/KE dwar il-progress xjentifiku u tekniku. Ladarba dawk il-miżuri għandhom ambitu ġenerali u huma mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali tad-Direttiva 95/50/KE, iridu jkunu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(5)

Id-Direttiva 95/50/KE għandha għalhekk tiġi emendata kif jixraq.

(6)

Ladarba l-emendi li qed isiru fid-Direttiva 95/50/KE permezz ta’ din id-Direttiva huma ta’ natura teknika u jikkonċernaw biss il-proċedura tal-kumitat, m’hemmx bżonn li dawn jiġu trasposti mill-Istati Membri. Għaldaqstant, mhux meħtieġ li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet għal dak il-għan,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi

L-Artikolu 9a u 9b tad-Direttiva 95/50/KE għandhom jinbidlu b’dan li ġej:

“Artikolu 9a

Il-Kummissjoni għandha tadatta l-Annessi għall-progress xjentifiku u tekniku fl-oqsma koperti minn din id-Direttiva, speċjalment biex tieħu kont ta’ l-emendi għad-Direttiva 94/55/KE. Dawk il-miżuri, mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 9b(2).

Artikolu 9b

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat dwar it-Trasport ta’ Merkanzija Perikoluża mwaqqaf mill-Artikolu 9 tad-Direttiva 94/55/KE.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a(1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.”

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, 17 ta’ Ġunju 2008.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

J. LENARČIČ


(1)   ĠU C 44, 16.2.2008, p. 52.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Jannar 2008 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ l-14 ta’ Mejju 2008.

(3)   ĠU L 249, 17.10.1995, p. 35. Id-Direttiva kif emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/112/KE (ĠU L 367, 14.12.2004, p. 23).

(4)   ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Id-Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).

(5)   ĠU C 255, 21.10.2006, p. 1.


Top