Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008L0043

    Direttiva tal-Kummissjoni 2008/43/KE ta’ l- 4 ta’ April 2008 li twaqqaf, skond id-Direttiva tal-Kunsill 93/15/KEE, sistema għall-identifikazzjoni u t-traċċabilità ta' l-isplussivi għall-użi ċivili Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 94, 5.4.2008, p. 8–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 14/03/2012

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2008/43/oj

    5.4.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 94/8


    DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2008/43/KE

    ta’ l-4 ta’ April 2008

    li twaqqaf, skond id-Direttiva tal-Kunsill 93/15/KEE, sistema għall-identifikazzjoni u t-traċċabilità ta' l-isplussivi għall-użi ċivili

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 93/15/KEE tal-5 ta' April 1993 dwar l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mat-tqegħid fis-suq u s-sorveljar ta' splussiv għall-użu ċivili (1) u b'mod partikolari it-tieni sentenza tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 14 tagħha,

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva 93/15/KEE tistipula regoli li jiżguraw iċ-ċirkulazzjoni taħt sikurezza u sigurtà ta' l-isplussivi fis-suq komunitarju.

    (2)

    Kif stipulat f'dik id-Direttiva, huwa neċessarju li jkun żġurat li l-impriżi fis-settur ta' l-isplussivi jippossedu sistema li żżomm traċċi ta' l-isplussivi sabiex tkun tista' tidentifika dawk li għandhom l-isplussivi fi kwalunkwe żmien.

    (3)

    Identifikazzjoni unika ta' l-isplussivi hija essenzjali jekk rekords preċiżi u sħaħ ta' l-isplussivi jridu jinżammu fl-istadji kollha tal-katina ta' provvista. Dan għandu jippermetti l-identifikazzjoni u t-traċċabilità ta' l-isplussiv mis-sit tal-produzzjoni u l-ewwel tqegħid tiegħu fis-suq sa l-utent finali tiegħu u l-użu tiegħu bil-ħsieb li jkun evitat l-użu ħażin u s-serq u tingħata għajununa lill-awtoritajiet ta' l-infurzar tal-liġi fit-traċċabilità ta' splussivi mitlufa jew misruqa.

    (4)

    Il-miżuri previsti f'din id-Direttiva huma bi qbil ma' l-opinjoni tal-Kumitat tat-Tmexxija stabbilit skond l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 1993/15/KEE.

    ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

    KAPITOLU 1

    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

    Artikolu 1

    Suġġett

    Din id-Direttiva twaqqaf sistema armonizzata għal identifikazzjoni unika u t-traċċabilità ta' l-isplussivi għal użi ċivili.

    Artikolu 2

    Ambitu

    Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal dawn li ġejjin:

    (a)

    Splussivi trasportati u fornuti mhux ippakkjati jew fi trakkijiet bil-pompi biex jinħattu direttament fil-fornelli tal-mina;

    (b)

    Splussivi manifatturati fuq is-siti ta' l-isplużjoni, u li jitgħabbew immedjatament wara li jkunu prodotti (produzzjoni “in situ”);

    (ċ)

    munizzjon

    KAPITOLU 2

    IDENTIFIKAZZJONI TAL-PRODOTT

    Artikolu 3

    Identifikazzjoni unika

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi fis-settur ta' l-isplussivi li jimmanifattura jew jimporta l-isplussivi jew jgħaqqdu d-detonaturi għandhom jimmarkaw l-isplussivi u kull unità ta' l-ippakkjar sa l-iżgħar waħda b'identifikazzjoni unika.

    Fejn splussiv huwa soġġett għal proċessi ulterjuri ta' manifattura, il-manifatturi ma għandhomx jintalbu jimmarkaw l-isplussiv b'identifikazzjoni unika ġdida ħlief jekk l-identifikazzjoni unika oriġinali ma baqgħetx immarkata iżjed b'konformità ma' l-Artikolu 4.

    2.   Il-Paragrafu 1 ma għandux japplika fejn l-isplussiv huwa mmanifatturat għall-esportazzjoni u huwa mmarkat b'identifikazzjoni skond ir-rekwiżiti tal-pajjiż ta' importazzjoni, li tippermetti traċċabilità ta' l-isplussiv.

    3.   L-identifikazzjoni unika għandha tkun magħmula minn komponenti deskritti fl-Anness.

    4.   Kull sit tal-manifattura għandha tingħata kodiċi ta' 3 figuri diġitali mill-awtorità nazzjonali ta' l-Istati Membri fejn hija stabbilita.

    5.   Fejn is-sit tal-manifattura jinsab barra l-Komunità, il-manifattur minħabba li huwa stabbilit fil-Komunità għandu jagħmel kuntatt ma' l-awtorità nazzjonali ta' l-Istat Membru li qed jimporta sabiex is-sit tal-manifattura tingħata kodiċi.

    Fejn is-sit tal-manifattura jinsab barra l-Komunità u l-manifattur mhuwiex stabbilit fil-Komunità, l-importatur ta' l-isplussivi kkonċernati għandu jagħmel kuntatt ma' l-Istat Membru li qed jimporta sabiex is-sit tal-manifattura tingħata kodiċi.

    6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-distributuri li jippakkjaw mill-ġdid l-isplussivi jiżguraw li l-identifikazzjoni unika titwaħħal fuq l-isplussiv u fuq l-iżgħar biċċa ta' l-ippakkjar.

    Artikolu 4

    Immarkar u twaħħil

    L-identifikazzjoni unika għandha tkun immarkata fuq l-oġġett ikkonċernat jew imwaħħla sewwa fuqu b'mod li jibqa' matul iż-żmien sabiex ikun żgurat li hija tkun tista' tinqara ċar.

    Artikolu 5

    Splussivi f'skartoċċ u splussivi fi xkejjer

    Għall-isplussivi bl-iskartoċċ u l-isplussivi fi xkejjer, l-identifikazzjoni unika għandha tikkonsisti f'tikketta adeżiva jew stampar dirett fuq kull skartoċċ jew xkora. Tikketta assoċjata għandha titqiegħad fuq kull kaxxa ta' skrataċ.

    Barra minn hekk, l-impriżi jistgħu jużaw tikketta elettronika ta' materjal inerti u passiv imwaħħla ma' kull skartoċċ jew xkora u bl-istess mod, titwaħħal tikketta elettronika assoċjata fuq kull kaxxa ta' skrataċ.

    Artikolu 6

    Splussivi b'komponent ta' bi tnejn

    Għall-isplussivi b'komponent ta' bi tnejn, l-identifikazzjoni unika għandha tikkonsisti f'tikketta adeżiva jew stampar dirett fuq kull unità ta' l-ippakkjar sa l-iżgħar waħda li fiha ż-żewġ komponenti.

    Artikolu 7

    Detonaturi sempliċi u fjusijiet

    Għad-detonaturi sempliċi jew il-fjusijiet, l-identifikazzjoni għandha tikkonsisti f'tikketta adeżiva jew stampar dirett jew timbru fuq il-qoxra tad-detonatur. Tikketta assoċjata għandha titwaħħal fuq kull kaxxa ta' detonaturi jew fjusijiet.

    Barra minn hekk, l-impriżi jistgħu jużaw tikketta elettonika ta' materjal inerti u passiv imwaħħla ma' kull detonatur jew fjus, u titwaħħal tikketta elettronika assoċjata fuq kull kaxxa ta' detonaturi jew fjusijiet.

    Artikolu 8

    Detonaturi elettriċi, mhux elettriċi u elettroniċi

    Għad-detonaturi elettriċi, mhux elettriċi u elettroniċi, l-identifikazzjoni unika għandha tikkonsisti jew f'tikketta adeżiva fuq il-wajers jew it-tubu, jew tikketta adeżiva jew stampar dirett jew timbru fuq il-qoxra tad-detonatur. Tikketta assoċjata għandha titwaħħal fuq kull kaxxa ta' detonaturi.

    Barra minn hekk, l-impriżi jistgħu jużaw tikketta elettronika ta' materjal inerti u passiv imwaħħla ma' kull detonatur u tikketta assoċjata fuq kull kaxxa ta' detonaturi.

    Artikolu 9

    Kapsijiet u aċċelleraturi ta' l-isplużjoni

    Għall-kapsijiet u l-aċċelleraturi ta' l-isplużjoni, l-identifikazzjoni unika għandha tikkonsisti f'tikketta adeżiva jew stampar dirett fuq il-kaps u l-aċċelleratur ta' l-isplużjoni. Tikketta assoċjata għandha titwaħħal fuq kull kaxxa tal-kapsijiet u l-aċċelleraturi ta' l-isplużjoni.

    Barra minn hekk, l-impriżi jistgħu jużaw tikketta elettronika ta' materjal inerti u passiv imwaħħla ma' kull kaps jew aċċelleratur ta' l-isplużjoni u tikketta assoċjata fuq kull kaxxa tal-kapsijiet u l-aċċelleraturi ta' l-isplużjoni.

    Artikolu 10

    Miċeċ tad-detonazzjoni u fjusijiet tas-sikurezza

    Għall-miċeċ tad-detonazzjoni u l-fjusijiet tas-sikurezza, l-identifikazzjoni unika għandha tikkonsisti f'tikketta adeżiva jew stampar dirett fuq ir-rukkel. L-identifikazzjoni unika għandha tkun immarkata kull 5 metri jew fuq l-invilopp estern tal-miċċa jew il-fjus jew in-naħa interna tal-plastik estruż immedjatament taħt il-fibra esterna tal-miċċa jew il-fjus. Tikketta assoċjata għandha titwaħħal fuq kull kaxxa ta' miċeċ ta' detonazzjoni jew fjus.

    Barra minn hekk, l-impriżi jistgħu jużaw tikketta elettronika ta' materjal inerti u passiv imdaħħla ġol-miċċa, u tikketta assoċjata fuq kull kaxxa ta' miċeċ jew fjus.

    Artikolu 11

    Bottijiet u ċilindri li fihom l-isplussiv

    Għall-bottijiet u ċ-ċilindri li fihom l-isplussiv, l-identifikazzjoni unika għandha tikkonsisti f'tikketta adeżiva jew stampar dirett fuq il-bott jew iċ-ċilindru li fih l-isplussiv.

    Barra minn hekk, l-imprżi jistghu jużaw tikketta elettronika ta' materjal inerti u passiv imwaħħla fuq kull bott u ċilindru.

    Artikolu 12

    Kopji tat-tikketta oriġinali

    L-impriżi jistgħu jwaħħlu kopji tat-tikketta oriġinali adeżivi li jistgħu jinqalgħu fuq l-isplussivi għall-użu tal-klijenti tagħhom. Dawn il-kopji għandhom jidhru b'mod ċar bħala kopji ta' l-oriġinal biex ikun evitat l-użu ħażin.

    KAPITOLU 3

    ĠBIR U ARKIVJAR TAD-DATA

    Artikolu 13

    Ġbir ta' data

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi fis-settur ta' l-isplussivi jwaqqfu sistema għall-ġbir ta' data f'relazzjoni ma' l-isplussivi inkluża l-identifikazzjoni unika tagħhom matul il-katina kollha ta' forniment u l-eżistenza tagħhom.

    2.   Is-sistema ta' ġbir ta' data għandha tippermetti li l-impriżi jkunu jistgħu jittraċċaw l-isplussivi b'tali mod li dawk li jkollhom l-isplussivi jistgħu jkunu identifikati fi kwalunkwe ħin.

    3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-data miġbura inklużi l-identifikazzjonijiet uniċi tinżamm u tkun arkivjata għal perjodu ta' 10 snin wara l-forniment jew meta jkun magħruf fi tmiem ta' l-eżistenza ta' l-isplussiv anke jekk l-impriżi jkunu waqqfu l-attività kummerċjali tagħhom.

    Artikolu 14

    L-obbligi ta' l- impriżi

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi fis-settur ta' l-isplussivi jissodisfaw dan li ġej:

    (a)

    jarkivjaw l-identifikazzjonijiet kollha ta' l-isplussivi, flimkien ma' l-informazzjoni pertinenti inklużi t-tip ta' splussiv, il-kumpanija u l-persuna li ngħatat il-kustodja ta' l-isplussiv;

    (b)

    l-arkivjar tal-lok ta' kull splussiv fil-waqt li l-isplussiv hu fil-possessjoni jew il-kustodja tagħhom sakemm tkun jew trasferita lil impriża oħra jew użata;

    (ċ)

    jittestjaw fuq intervalli regolari s-sistema ta' ġbir ta' data sabiex ikun żgurat l-effettività tagħha u l-kwalità tad-data arkivjata;

    (d)

    iżommu u jarkivjaw id-data miġbura inklużi l-identifikazzjonijiet uniċi għall-perjodu speċifikata fil-paragrafu 3 ta' l-Artikolu 13;

    (e)

    jipproteġu d-data miġbura kontra kull ħsara aċċidentali jew malizzjuża;

    (f)

    jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti, meta jintalbu, l-informazzjoni li tikkonċerna l-oriġni u l-lok ta' kull splussiv matul l-eżistenza tiegħu u matul il-katina ta' forniment;

    (g)

    jipprovdu lill-awtoritajiet responsabbli ta' l-Istati Membri l-isem u d-dettalji tal-kuntatt ta' persuna li kapaċi tagħti l-informazzjoni deskritta f'punt (f) barra l-ħinijiet normali tan-negozju.

    Għall-għan tal-punt d, l-impriża għandha, fil-każ ta' splussivi mmanifatturati jew importati qabel id-data speċifikata fit-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 15 (1), iżżomm ir-reġistri skond id-dispożizzjonijiet nazzjonali attwali.

    KAPITOLU 4

    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

    Artikolu 15

    It-traspożizzjoni

    1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard minn 5 ta' April 2009, il-liġijiet, ir-regolamenti, u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jaslu f'konformità ma' din id-Direttiva. Huma għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet u t-tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

    Għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet mill-5 ta' April 2012

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom ikollhom fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir tali referenza.

    2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

    Artikolu 16

    Id-dħul fis-seħħ

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 17

    Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussell, 4 ta’ April 2008.

    Għall-Kummissjoni

    Günter VERHEUGEN

    Viċi President


    (1)  ĠU L 121, 15.5.1993, p. 20. Id-Direttiva kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).


    ANNESS

    L-identifikazzjoni unika għandha tkun magħmula minn:

    1.

    parti li tinqara mill-bniedem ta' l-identifikazzjoni li fiha dan li ġej:

    (a)

    l-isem tal-manifattur;

    (b)

    kodiċi alfanumeriku li fih:

    (i)

    2 ittri li jidentifikaw l-Istat Membru (il-post tal-produzzjoni jew importazzjoni fis-suq Komunitarju, e.g. AT = l-Awstrija);

    (ii)

    3 figuri diġitali li jidentifikaw l-isem tas-sit ta' manifattura (mogħti mill-awtoritajiet nazzjonali);

    (iii)

    il-kodiċi ta' prodott uniku u l-informazzjoni loġistika mfassla mill-manifattur;

    2.

    identifikazzjoni elettronika li tinqara f'format ta' barcode u/jew matrix code li għandu x'jaqsam direttament mal-kodiċi ta' identifikazzjoni alfanumeriku.

    Eżempju:

    Image

    3.

    Għal oġġetti żgħar ħafna biex jitwaħħlilhom kodiċi ta' prodott uniku u informazzjoni loġistika mfassla mill-manifattur, l-informazzjoni taħt 1 (b) (i), 1 (b) (ii) u 2 għandha titqies suffiċjenti.


    Top