EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008L0023

Direttiva 2008/23/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta’ Marzu 2008 li temenda d-Direttiva 2006/49/KE dwar l-adegwatezza tal-kapital tal-kumpaniji ta’ l-investiment u istituzzjonijiet tal-kreditu, fir-rigward tas-setgħat ta’ implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni

ĠU L 76, 19.3.2008, p. 54–55 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2013; Imħassar b' 32013L0036

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2008/23/oj

19.3.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 76/54


DIRETTIVA 2008/23/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta’ Marzu 2008

li temenda d-Direttiva 2006/49/KE dwar l-adegwatezza tal-kapital tal-kumpaniji ta’ l-investiment u istituzzjonijiet tal-kreditu, fir-rigward tas-setgħat ta’ implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL ta’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 47(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (2),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2006/49/KE (4) tistipula li ċerti miżuri għandhom jiġu adottati konformement mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (5).

(2)

Id-Deċiżjoni 1999/468/KE ġiet emendata mid-Deċiżjoni 2006/512/KE, li introduċiet il-proċedura regolatorja bi skrutinju għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ ambitu ġenerali u mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ strument bażiku adottat skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat, inter alia billi jħassru xi wħud minn dawn l-elementi jew billi jissupplimetaw l-istrument b’elementi ġodda mhux essenzjali.

(3)

Skond id-dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (6) dwar id-Deċiżjoni 2006/512/KE, sabiex il-proċedura regolatorja bi skrutinju tkun applikabbli għall-istrumenti adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat, li jkunu diġà fis-seħħ, dawk l-istrumenti għandhom jiġu aġġustati skond il-proċeduri applikabbli.

(4)

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa sabiex tadotta l-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 2006/49/KE sabiex jittieħed kont ta’, inter alia, l-iżviluppi tekniċi fis-swieq finanzjarji u tiżgura l-applikazzjoni uniformi ta’ dik id-Direttiva. Dawk il-miżuri huma mfassla sabiex jiċċaraw id-definizzjonijiet, sabiex jaġġustaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva permezz ta’ adattamenti tekniċi relatati mad-determinazzjoni tal-fondi proprji, l-organizzazzjoni, il-kalkolu u l-evalwazzjoni tar-riski u l-espożizzjonijiet, u mal-kategoriji ta’ kumpaniji ta’ l-investiment li huma suġġetti għal dik id-Direttiva. Billi dawk il-miżuri huma ta’ ambitu ġenerali u mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali tad-Direttiva 2006/49/KE, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(5)

Id-Direttiva 2006/49/KE tistipula limitu ta’ żmien għas-setgħat ta’ implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni. Fid-dikjarazzjoni tagħhom dwar id-Deċiżjoni 2006/512/KE, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni ddikjaraw li d-Deċiżjoni 2006/512/KE tipprovdi soluzzjoni orizzontali u sodisfaċenti għax-xewqa tal-Parlament Ewropew li janalizza l-implimentazzjoni ta’ strumenti adottati taħt il-proċedura ta’ kodeċiżjoni u li, f’konformità ma’ dan, is-setgħat ta’ implimentazzjoni għandhom jingħataw lill-Kummissjoni mingħajr limitu ta’ żmien. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill iddikjaraw ukoll li huma se jiżguraw li l-proposti mmirati għat-tħassir tad-dispożizzjonijiet fl-istrumenti li jipprovdu għal limitu ta’ żmien għad-delega ta’ setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni jiġu adottati malajr kemm jista’ jkun. Wara l-introduzzjoni tal-proċedura regolatorja bi skrutinju, id-dispożizzjoni li tistabbilixxi dak il-limitu ta’ żmien fid-Direttiva 2006/49/KE għandha titħassar.

(6)

Il-Kummissjoni għandha, b’intervalli regolari, tanalizza l-funzjonament tad-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw is-setgħat ta’ implimentazzjoni mogħtija lilha sabiex tippermetti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jiddeterminaw jekk il-limitu ta’ dawn is-setgħat u r-rekwiżiti proċedurali imposti fuq il-Kummissjoni humiex adegwati u jekk dawn jiżgurawx kemm l-effikaċja kif ukoll ir-responsabbiltà demokratika.

(7)

Id-Direttiva 2006/49/KE għandha għalhekk tiġi emendata kif meħtieġ.

(8)

Ladarba l-emendi lid-Direttiva 2006/49/KE permezz ta’ din id-Direttiva huma ta’ natura teknika u jirrigwardaw biss il-proċedura ta’ kumitat, huma ma jeħtiġux traspożizzjoni mill-Istati Membri. Għalhekk, m’huwiex meħtieġ li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet għal dan il-għan,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi

Id-Direttiva 2006/49/KE hija b’dan emendata kif ġej:

(1)

l-Artikolu 41 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, il-kliem “skond il-proċeduri msemmija fl-artikolu 42(2)” għandhom jitħassru;

(b)

il-paragrafu 2 għandu jiġi sostitwit minn dan li ġej:

“2.   Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1, imfassla sabiex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 42(2).”;

(2)

l-Artikolu 42 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5a(1) sa (4), u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.”;

(b)

il-paragrafi 3 u 4 għandhom jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

“3.   Sal-31 ta’ Diċembru 2010, u, wara din id-data, għall-inqas kull tliet snin, il-Kummissjoni għandha tirrivedi d-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw is-setgħat ta’ implimentazzjoni u tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-funzjonament ta’ dawk is-setgħat. Dan ir-rapport għandu jeżamina, partikolarment, il-ħtieġa li l-Kummissjoni tipproponi emendi għad-Direttiva preżenti sabiex tiżgura l-ambitu xieraq tas-setgħat ta’ implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni. Il-konklużjoni dwar jekk hemmx il-ħtieġa ta’ emendament jew le għandha tiġi akkumpanjata minn dikjarazzjoni dettaljata tar-raġunijiet għal din il-konklużjoni. Jekk meħtieġ, ir-rapport għandu jiġi akkumpanjat minn proposta leġiżlattiva għall-emendament tad-dispożizzjonijiet li jagħtu setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni.”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, 11 ta’ Marzu 2008.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

J. LENARČIČ


(1)  ĠU C 161, 13.7.2007, p. 45.

(2)  ĠU C 39, 23.2.2007, p. 1.

(3)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta’ l-14 ta’ Novembru 2007 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-3 ta’ Marzu 2008.

(4)  ĠU L 177, 30.6.2006, p. 201.

(5)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Id-Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).

(6)  ĠU C 255, 21.10.2006, p. 1.


Top