Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008E0652

Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/652/PESK tas- 7 ta’ Awwissu 2008 li temenda l-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran

ĠU L 213, 8.8.2008, p. 58–70 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 25/07/2010; Impliċitament imħassar minn 32010D0413

ELI: http://data.europa.eu/eli/compos/2008/652/oj

8.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 213/58


POŻIZZJONI KOMUNI TAL-KUNSILL 2008/652/PESK

tas-7 ta’ Awwissu 2008

li temenda l-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 15 tiegħu,

Billi:

(1)

Fis-27 ta’ Frar 2007 l-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea adotta l-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (1) li implimentat ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonjiet Uniti 1737 (2006) (“UNSCR 1737(2006)”).

(2)

Fit-23 ta’ April 2007 l-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2007/246/PESK (2) li implimentat ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonjiet Uniti 1747 (2007) (“UNSCR 1747 (2007)”).

(3)

Fit-3 ta’ Marzu 2008, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 1803 (2008) (“UNSCR 1803 (2008)”) li wessgħat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri restrittivi imposti mill-UNSCR 1737 (2006) u l-UNSCR 1747 (2007) u talbet lill-Istati kollha jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jimplimentaw dawk id-dispożizzjonijiet b’mod effettiv.

(4)

Fit-23 ta’ Ġunju 2008, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2008/479/PESK li identifikat persuni u entitajiet addizzjonali li għandhom ikunu koperti mir-restrizzjonijiet dwar id-dħul u l-iffriżar ta’ fondi.

(5)

Il-UNSCR 1803 (2008) tappella lill-Istati kollha biex jeżerċitaw viġilanza meta jidħlu f’impenji ġodda għal appoġġ finanzjarju pubbliku għal kummerċ ma’ l-Iran, sabiex jiġi evitat li tali appoġġ finanzjarju jikkontribwixxi għal attivitajiet nukleari sensittivi f’termini ta’ proliferazzjoni jew għall-iżvilupp ta’ sistemi ta’ forniment ta’ armi nukleari.

(6)

Għall-istess raġunijiet, il-UNSCR 1803 (2008) tappella wkoll lill-Istati kollha biex jeżerċitaw viġilanza fir-rigward ta’ l-attivitajiet ta’ l-istituzzjonijiet finanzjarji fit-territorju tagħhom mal-banek b’domiċilju fl-Iran, u l-fergħat u s-sussidjarji tagħhom barra ‘l pajjiż, sabiex ikun evitat li tali attivitajiet jikkontribwixxu għal attivitajiet nukleari sensittivi f’termini ta’ proliferazzjoni jew għall-iżvilupp ta’ sistemi għall-forniment ta’ armi nukleari. Bil-ħsieb li tkun eżerċitata tali viġilanza, ċerti dispożizzjonijiet f’din il-Pożizzjoni Komuni huma relatatimad-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2005 dwar il-prevenzjoni ta’ l-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-money laundering u l-finanzjament tat-terroriżmu (3).

(7)

Il-UNSCR 1803 (2008) tilqa’ l-gwida maħruġa mit-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja (FATF) biex tassisti lill-Istati fl-implimentazzjoni ta’ l-obbligi finanzjarji tagħhom skond l-UNSCR 1737 (2006).

(8)

Barra minn hekk il-UNSCR 1803 (2008) tappella lill-Istati kollha, f’konformità ma’ l-awtoritajiet legali u l-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom u konsistenti mad-dritt internazzjonali, biex jispezzjonaw merkanzija lejn u mill-Iran, ta’ inġenji ta’ l-ajru u ta’ bastimenti, fl-ajruporti u l-portijiet tal-baħar tagħhom, proprjetà ta’ jew imħaddma minn Iran Air Cargo and Islamic Republic of Iran Shipping Line, dment li jkun hemm raġunijiet raġonevoli biex wieħed jemmen li l-inġenju ta’ l-ajru jew il-bastiment ikun qed iġorr merkanzija pprojbita.

(9)

Il-UNSCR 1803 (2008) testendi l-miżuri restrittivi għal persuni u entitajiet addizzjonali li huma impenjati fi, direttament assoċjati ma’ jew li jipprovdu appoġġ għal attivitajiet nukleari sensittivi f’termini ta’ proliferazzjoni ta’ l-Iran jew għall-iżvilupp ta’ sistemi ta’ forniment ta’ armi nukleari, jew li ġew determinati mill-Kunsill tas-Sigurtà jew il-Kumitat tas-Sanzjonijiet li assistew lill-persuni u l-entitajiet nominati biex jevadu sanzjonijiet ta’, jew biex jiksru d-dispożizzjonijiet ta’ l-UNSCR 1737 (2006), 1747 (2007) jew 1803 (2008).

(10)

Għandhom jittieħdu wkoll il-miżuri meħtieġa sabiex jiġi żgurat li ma jingħata l-ebda kumpens lill-Gvern ta’ l-Iran jew lil kwalunkwe persuna jew entità fl-Iran, jew lil persuni jew entitajiet nominati jew lil kwalunkwe persuna li taġixxi permezz ta’ jew għall-benefiċċju ta’ kwalunkwe tali persuna jew entità, relatat ma’ kuntratti jew transazzjonijiet oħra li t-twettiq tagħhom kien twaqqaf minħabba l-miżuri li dwarhom ittieħdet deċiżjoni skondil-UNSCR 1803 (2008), UNSCR 1737 (2006) jew UNSCR 1747 (2007), inklużi miżuri tal-Komunitajiet Ewropej jew ta’ kwalunkwe Stat Membru konformement ma’, kif rikjest minn, jew b’konnessjoni ma’ l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet rilevanti.

(11)

Barra minn hekk, huwa xieraq li jkun ipprojbit il-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment lill-Iran ta’ ċerti prodotti, materjali, tagħmir, merkanzija u teknoloġija minn barra dawk determinati mill-Kunsill tas-Sigurtà jew il-Kumitat tas-Sanzjonijiet, li jistgħu jikkontribwixxu għal attivitajiet Iranjani relatati ma’ l-arrikkiment, l-ipproċessar mill-ġdid jew l-ilma tqil, kif ukoll ma’ l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ forniment ta’ armi nukleari jew it-twettiq ta’ attivitajiet relatati ma’ suġġetti oħra fir-rigward ta’ liema l-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Atomika (IAEA) esprimiet tħassib jew li identifikat bħala pendenti.

(12)

Il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK għandha tiġi emendata skond il-każ.

(13)

Hija meħtieġa azzjoni mill-Komunità sabiex jiġu implimentati ċerti miżuri,

ADOTTA DIN IL-POŻIZZJONI KOMUNI:

Artikolu 1

Il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK hija b’dan emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1(1), il-punt li ġej għandu jiġi miżjud:

“(d)

ċerti oġġetti, materjali, tagħmir, merkanzija u teknoloġija oħra li jistgħu jikkontribwixxu għal attivitajiet relatati ma’ l-arrikkiment, l-ipproċessar mill-ġdid jew l-ilma tqil, kif ukoll ma’ l-iżvilupp ta’ sistema ta’ forniment ta’ armi nukleari jew mat-twettiq ta’ attivitajiet relatati ma’ suġġetti oħra fir-rigward ta’ liema l-IAEA esprimiet tħassib jew li identifikat bħala pendenti. Il-Komunita’ Ewropea għandha tieħu il-miżuri neċessarji sabiex tiddetermina l-oġġetti rilevanti li għandhom jkunu koperti b’din id-dispożizzjoni.”

(2)

L-Artikolu 3a għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 3a

1.   L-Istati Membri m’għandhomx jidħlu f’impenji ġodda għal għotjiet, assistenza finanzjarja u self aġevolanti għall-Gvern ta’ l-Iran, inkluż permezz tal-parteċipazzjoni tagħhom f’istituzzjonijiet finanjarji internazzjonali, ħlief għal finijiet umanitarji u ta’ żvilupp.

2.   Sabiex jiġi evitat kwalunkwe appoġġ finanzjarju li jikkontribwixxi għall-proliferazzjoni ta’ attivitajiet nukleari sensittivi, jew għall-iżvilupp ta’ sistemi ta’ forniment ta’ armi nukleari, l-Istati Membri għandhom joqgħodu lura milli jidħlu f’impenji ġodda għal appoġġ finanzjarju pubbliku għall-kummerċ ma’ l-Iran, inkluż l-għoti ta’ krediti, garanziji jew assigurazzjoni fuq l-esportazzjoni, liċ-ċittadini jew l-entitajiet tagħhom involuti f’tali kummerċ.”

(3)

għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 3b

1.   L-Istati Membri għandhom jeżerċitaw viġilanza fuq l-attivitajiet ta’ l-istituzzjonijiet finanzjarji fil-ġurisdizzjoni tagħhom ma’:

(a)

banek b’domiċilju fl-Iran, b’mod partikolari mal-Bank Saderat,

(b)

fergħat u sussidjarji fil-ġurisdizzjoni ta’ l-Istati Membri ta’ banek b’domiċilju fl-Iran, kif elenkati fl-Anness III,

(c)

fergħat u sussidjarji barra mill-ġurisdizzjoni ta’ l-Istati Membri ta’ banek b’domiċilju fl-Iran, kif elenkati fl-Anness IV,

(d)

entitajiet finanzjarji li la għandhom domiċilju fl-Iran u lanqas fil-ġurisdizzjoni ta’ l-Istati Membri iżda li huma kkontrollati minn persuni u entitajiet b’domiċilju fl-Iran, kif elenkati fl-Anness IV,

sabiex ikun evitat li tali attivitajiet jikkontribwixxu għal attivitajiet nukleari sensittivi f’termini ta’ proliferazzjoni jew għall-iżvilupp ta’ sistemi ta’ forniment ta’ armi nukleari.

2.   Għall-fini ta’ hawn fuq, l-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom ikunu rikjesti, fl-attivitajiet tagħhom mal-banek u l-istituzzjonijiet finanzjarji kif imniżżel fil-paragrafu 1, li:

(a)

jeżerċitaw viġilanza kontinwa fir-rigward ta’ l-attività relatata mal-kontijiet, inkluż permezz tal-programmi tagħhom ta’ diliġenza dovuta mill-klijenti u f’konformità ma’ l-obbligi tagħhom relatati mal-money laundering u l-finanzjament tat-terroriżmu,

(b)

jirrikjedu li jimtlew il-partijiet kollha ta’ informazzjoni ta’ l-istruzzjonijiet ta’ ħlas li għandhom x’jaqsmu ma’ l-oriġinatur u l-benefiċjarju tat-transazzjoni in kwistjoni; u jekk dik l-informazzjoni ma tkunx provduta, tiġi rifjutata t-transazzjoni,

(c)

iżommu r-reġistrazzjonijiet kollha tat-transazzjonijiet għal perijodu ta’ ħames snin u jagħmluhom disponibbli għall-awtoritajiet nazzjonali fuq talba,

(d)

jekk jissuspettaw jew għandhom raġunijiet raġonevoli biex jissuspettaw li l-fondi huma relatati mal-finanzjament ta’ proliferazzjoni, jirrapurtaw minnufih is-suspetti tagħhom lill-Unità ta’ Intelligence Finanzjarja (UIF) jew lil awtorità oħra maħtura mill-Istat Membru kkonċernat. L-UIF jew tali awtorità kompetenti oħra għandu jkollhom aċċess, direttament jew indirettament, fuq bażi f’waqtha għall-informazzjoni finanzjarja, amministrattiva u ta’ infurzar tal-liġi li jeħtieġu biex iwettqu tajjeb din il-funzjoni, inkluża l-analiżi ta’ rapporti ta’ transazzjonijiet suspettużi.

3.   Fergħat u sussidjarji tal-Bank Saderat fil-ġurisdizzjoni ta’ l-Istati Membri għandhom ikunu rikjesti wkoll jinnotifikaw lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru fejn ikunu stabbiliti dwar it-trasferimenti kollha ta’ fondi mwettqa jew riċevuti minnhom, fi żmien ħamest ijiem minn meta jwettqu jew jirċievu t-trasferiment rispettiv tal-fondi.

Soġġett għal arranġamenti ta’ kondiviżjoni ta’ informazzjoni, l-awtoritajiet kompetenti notifikati għandhom mingħajr dewmien jgħaddu din id-data, skond il-każ, lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħra, fejn il-kontropartijiet għal tali transazzjonijiet ikunu stabbiliti.”;

(4)

Għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 3c

1.   Barra mill-ispezzjonijiet sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-UNSCR 1737 (2006), UNSCR 1747 (2007) u UNSCR 1803 (2008) u tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 1 ta’ din il-pożizzjoni Komuni, l-Istati Membri, skond l-awtoritajiet u l-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom u konsistenti mad-dritt internazzjonali, b’mod partikolari l-liġi tal-baħar u ftehim internazzjonali rilevanti dwar l-avjazzjoni ċivili, għandhom jispezzjonaw fl-ajruporti u l-portijiet tal-baħar tagħhom il-merkanzija, lejn u mill-Iran, ta’ inġenji ta’ l-ajru u ta’ bastimenti, b’mod partikolari dawk li huma proprjeta’ ta’ jew imħaddma minn Iran Air Cargo and Islamic Republic of Iran Shipping Line, dment li jkun hemm raġunijiet raġonevoli biex wieħed jemmen li l-inġenju ta’ l-ajru jew il-bastiment ikunu qed iġorru merkanzija pprojbita skond din il-Pożizzjoni Komuni.

2.   F’każijiet fejn l-ispezzjoni msemmija fil-paragrafu 1 titwettaq fir-rigward ta’ merkanzija ta’ inġenji ta’ l-ajru jew bastimenti proprjetà ta’ jew imħaddma minn Iran Air Cargo and Islamic Republic of Iran Shipping Line, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti fi żmien ħamest ijiem rapport bil-miktub dwar l-ispezzjoni li jkun fih, b’mod partikolari, spjegazzjoni tar-raġunijiet għall-ispezzjoni, kif ukoll informazzjoni dwar il-ħin, il-post, iċ-ċirkostanzi u r-riżultati tagħha u dettalji rilevanti oħra.

3.   Inġenji ta’ l-ajru tal-merkanzija u bastimenti kummerċjali proprjetà ta’ jew ikkontrollati minn Iran Air Cargo and Islamic Republic of Iran Shipping Line għandhom ikunu soġġetti għar-rekwiżit ta’ informazzjoni addizzjonali ta’ qabel il-wasla u ta’ qabel it-tluq fir-rigward tal-merkanzija kollha mdaħħla fi jew maħruġa minn Stat Membru.”;

(5)

l-Artikolu 4(1), punt (b) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

persuni oħra mhux koperti mill-Anness I li huma involuti fi, direttament assoċjati ma’, jew li jipprovdu appoġġ għal attivitajiet nukleari ta’ l-Iran sensittivi f’termini ta’ proliferazzjoni jew għall-iżvilupp ta’ sistemi ta’ forniment ta’ armi nukleari, inkluż permezz ta’ l-involviment fl-akkwist tal-prodotti, il-merkanzija, it-tagħmir, il-materjali u t-teknoloġija pprojbiti, kif ukoll persuni li għenu lil persuni jew entitajiet indikati biex jevadu jew jiksru d-dispożizzjonijiet tal-UNSCR 1737 (2006), 1747 (2007) jew 1803 (2008) jew din il-Pożizzjoni Komuni, kif elenkati fl-Anness II.”;

(6)

l-Artikolu 5 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, huma proprjetà ta’, miżmuma jew ikkontrollati, direttament jew indirettament, minn

(a)

persuni u entitatjiet indikati fl-Anness għall-UNSCR 1737 (2006) kif ukoll dawk ta’ persuni u entitajiet addizzjonali indikati mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kumitat skond il-paragrafu 12 tal-UNSCR 1737 (2006) u l-paragrafu 7 tal-UNSCR 1803 (2008), fejn tali persuni jew entitajiet huma elenkati fl-Anness I,

(b)

persuni u entitajiet mhux koperti mill-Anness I li huma involuti fi, direttament assoċjati ma’, jew li jipprovdu appoġġ għall-attivitajiet nukleari ta’ l-Iran sensittivi f’termini ta’ proliferazzjoni jew għall-iżvilupp ta’ sistemi ta’ forniment ta’ armi nukleari, jew persuni jew entitajiet li jaġixxu f’isimhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom, jew entitajiet li huma proprjeta’ tagħhom jew ikkontrollati minnhom, inkluż permezz ta’ mezzi illeċiti kif ukoll persuni li għenu lil persuni jew entitajiet indikati biex jevadu jew jiksru d-dispożizzjonijiet tal-UNSCR 1737 (2006), 1747 (2007) jew 1803 (2008) jew din il-Pożizzjoni Komuni, kif elenkati fl-Anness II, għandhom jiġu ffriżati.”;

(7)

għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 6a

L-ebda kumpens jew pretensjoni oħra ta’ dan it-tip, bħal dritt ta’ kumpens (set-off) jew pretensjoni koperta minn garanzija, f’rabta ma’ kwalunkwe kuntratt jew transazzjoni li t-twettiq tagħhom kien affettwat, direttament jew indirettament, kompletament jew parzjalment, minħabba miżuri deċiżi skond il-UNSCR 1737 (2006), 1747 (2007) jew 1803 (2008), inklużi miżuri tal-Komunitajiet Ewropej jew kwalunkwe Stat Membru f’konformità ma’, kif rikjest mill-implimentazzjoni jew b’konnessjoni ma’ l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà, ma għandhom jingħataw lill-persuni jew l-entitajiet elenkati fl-Annessi I jew II, jew lil kwalunkwe persuna jew entità fl-Iran, inkluż il-Gvern ta’ l-Iran, jew kwalunkwe persuna jew entità li tressaq pretensjoni permezz ta’ jew għall-benefiċċju ta’ kwalunkwe tali persuna jew entità.”;

(8)

l-Artikolu 7(2) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’unanimità fuq proposta mill-Istati Membri jew il-Kummissjoni, għandu jistabbilixxi l-listi fl-Annessi II, III, u IV u jadotta modifiki għalihom.”;

(9)

L-Annessi I u II għandhom jiġu sostitwiti bit-test stabbilit fl-Annessi I u II għal din il-Pożizzjoni Komuni;

(10)

L-Annessi III u IV stabbiliti f’din il-Pożizzjoni Komuni għandhom jiżdiedu bħala Annessi III u IV għall-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK.

Artikolu 2

Din il-Pożizzjoni Komuni għandha jkollha effett fid-data ta’ l-adozzjoni tagħha.

Artikolu 3

Din il-Pożizzjoni Komuni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussell, 7 ta’ Awwissu 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

B. KOUCHNER


(1)  ĠU L 61, 28.2.2007, p. 49. Il-Pożizzjoni Komuni kif emendata bil-Pożizzjoni Komuni 2008/479/PESK (ĠU L 163, 24.6.2008, p. 43).

(2)  Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2007/140/PESK tat-23 ta’ April 2007 li temenda il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK li tikkonċerna il-miżuri restritivi konra l-Iran (ĠU L 106, 24.4.2007, p. 67).

(3)  ĠU L 309, 25.11.2005, p. 15. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2008/20/KE (ĠU L 76, 19.3.2008, p. 46).


ANNESS I

“ANNESS I

Lista tal-persuni msemmija fl-Artikolu 4(1)(a) u tal-persuni u l-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 5(1)(a)

A.   Persuni fiżiċi

(1)

Fereidoun Abbasi-Davani. Data ta’ l-indikazzjoni tan-NU: 24.3.2007. Informazzjoni oħra: Xjenzjat Anzjan mal-Ministeru tad-Difiża u l-Loġistika tal-Forzi Armati (MODAFL), b’rabtiet ma’ l-Istitut tal-Fiżika Applikata. Jaħdem mill-qrib ma’ Mohsen Fakhrizadeh-Mahabadi.

(2)

Dawood Agha-Jani. Funzjoni: Kap tal-PFEP (Natanz). Informazzjoni oħra: Persuna involuta fil-programm nukleari ta’ l-Iran. Data ta’ l-indikazzjoni tan-NU: 23.12.2006.

(3)

Ali Akbar Ahmadian. Titolu: Viċi Ammiral. Funzjoni: Kap tal-Korpi tal-Gwardji Rivoluzzjonarji Iranjani (IRGC) Persunal Konġunt. Data ta’ l-indikazzjoni tan-NU: 24.3.2007.

(4)

Amir Moayyed ALAI. Informazzjoni oħra: involut fil-ġestjoni ta’ l-assemblaġġ u l-inġinerija taċ-ċentrifugi. Data ta’ l-indikazzjoni ta’ l-UE: 24.4.2007 (NU: 3.3.2008).

(5)

Behman Asgarpour. Funzjoni: Maniġer Operattiv (Arak). Informazzjoni oħra: Persuna involuta fil-programm nukleari ta’ l-Iran. Data ta’ l-indikazzjoni tan-NU: 23.12.2006.

(6)

Mohammed Fedai ASHIANI. Informazzjoni oħra: involut fil-produzzjoni tal-karbonat ta’ l-uranil ta’ l-ammonju u l-ġestjoni tal-kumpless ta’ arrikkiment ta’ Natanz. Data ta’ l-indikazzjoni ta’ l-UE: 24.4.2007 (NU: 3.3.2008).

(7)

Abbas Rezaee Ashtiani. Informazzjoni oħra: uffiċjal anzjan fl-Uffiċċju għall-Affarijiet ta’ l-Esplorazzjoni u t-Tħaffir tal-Minjieri ta’ l-AEOI. Data ta’ l-indikazzjoni tan-NU: 3.3.2008.

(8)

Bahmanyar Morteza Bahmanyar. Funzjoni: Kap tad-Dipartiment tal-Finanzi u l-Baġit, Organizzazzjoni ta’ l-Industriji Aerospazjali (AIO). Informazzjoni oħra: Persuna involuta fil-programm tal-missili ballistiċi ta’ l-Iran. Data ta’ l-indikazzjoni tan-NU: 23.12.2006.

(9)

Haleh Bakhtiar. Informazzjoni oħra: involut fil-produzzjoni tal-manjesju f’konċentrazzjoni ta’ 99,9 %. Data ta’ l-indikazzjoni ta’ l-UE: 24.4.2007 (NU: 3.3.2008).

(10)

Morteza Behzad. Informazzjoni oħra: involut fil-fabbrikazzjoni ta’ komponenti taċ-ċentrifugi. Data ta’ l-indikazzjoni ta’ l-UE: 24.4.2007 (NU: 3.3.2008).

(11)

Ahmad Vahid Dastjerdi. Funzjoni: Kap ta’ l-Organizzazzjoni ta’ l-Industriji Aerospazjali (AIO). Informazzjoni oħra: Persuna involuta fil-programm tal-missili ballistiċi ta’ l-Iran. Data ta’ l-indikazzjoni tan-NU: 23.12.2006.

(12)

Ahmad Derakhshandeh. Funzjoni: President u Direttur Maniġerjali tal-Bank Sepah. Data ta’ l-indikazzjoni tan-NU: 24.3.2007.

(13)

Mohammad Eslami. Titolu: Dr. Informazzjoni oħra: Kap ta’ l-Istitut għat-Taħriġ u r-Riċerka ta’ l-Industriji tad-Difiża. Data ta’ l-indikazzjoni tan-NU: 3.3.2008.

(14)

Reza-Gholi Esmaeli. Funzjoni: Kap tad-Dipartiment tal-Kummerċ u l-Affarijiet Internazzjonali, Organizzazzjoni ta’ l-Industriji Aerospazjali (AIO). Informazzjoni oħra: Persuna involuta fil-programm tal-missili ballistiċi ta’ l-Iran. Data ta’ l-indikazzjoni tan-NU: 23.12.2006.

(15)

Mohsen Fakhrizadeh-Mahabadi. Informazzjoni oħra: Xjenzjat anzjan tal-MODAFL u eks kap taċ-Ċentru tar-Riċerka Fiżika (PHRC). Data ta’ l-indikazzjoni tan-NU: 24.3.2007.

(16)

Mohammad Hejazi. Titolu: Brigadier Ġenerali. Funzjoni: Kmandant tal-forza ta’ reżistenza ta’ Bassij. Data ta’ l-indikazzjoni tan-NU: 24.3.2007.

(17)

Mohsen Hojati. Funzjoni: Kap tal-Fajr Industrial Group. Data ta’ l-indikazzjoni tan-NU: 24.3.2007.

(18)

Seyyed Hussein Hosseini. Informazzjoni oħra: Uffiċjal ta’ l-AEOI involut fil-proġett ta’ reattur ta’ riċerka b’ilma tqil f’Arak. Data ta’ l-indikazzjoni ta’ l-UE: 24.4.2007 (NU: 3.3.2008).

(19)

M. Javad Karimi Sabet. Informazzjoni oħra: Kap tan-Novin Energy Company, indikata fir-riżoluzzjoni 1747 (2007). Data ta’ l-indikazzjoni ta’ l-UE: 24.4.2007 (NU: 3.3.2008).

(20)

Mehrdada Akhlaghi Ketabachi. Funzjoni: Kap tax- Shahid Bagheri Industrial Group (SBIG). Data ta’ l-indikazzjoni tan-NU: 24.3.2007.

(21)

Ali Hajinia Leilabadi. Funzjoni: Direttur Ġenerali tal-Mesbah Energy Company. Informazzjoni oħra: Persuna involuta fil-programm nukleari ta’ l-Iran. Data ta’ l-indikazzjoni tan-NU: 23.12.2006.

(22)

Naser Maleki. Funzjoni: Kap tax-Shahid Hemmat Industrial Group (SHIG). Informazzjoni oħra: Naser Maleki huwa wkoll uffiċjal tal-MODAFL li jissorvelja xogħol fuq il-programm tal-missili ballistiċi Shahab-3. Is-Shahab-3 hija l-missila ballistika ta’ medda twila ta’ l-Iran attwalment fis-servizz. Data ta’ l-indikazzjoni tan-NU: 24.3.2007.

(23)

Hamid-Reza Mohajerani. Informazzjoni oħra: involut fil-ġestjoni tal-produzzjoni tal-Faċilità għall-Konverżjoni ta’ l-Uranju (UCF) f’Esfahan. Data ta’ l-indikazzjoni ta’ l-UE: 24.4.2007 (NU: 3.3.2008).

(24)

Jafar Mohammadi. Funzjoni: Konsulent Tekniku għall-Organizzazzjoni ta’ l-Enerġija Atomika ta’ l-Iran (AEOI) (inkarigat mill-ġestjoni tal-produzzjoni ta’ valvijiet għaċ-ċentrifugi). Informazzjoni oħra: Persuna involuta fil-programm nukleari ta’ l-Iran. Data ta’ l-indikazzjoni tan-NU: 23.12.2006.

(25)

Ehsan Monajemi. Funzjoni: Maniġer tal-Proġett ta’ Kostruzzjoni, Natanz. Informazzjoni oħra: Persuna involuta fil-programm nukleari ta’ l-Iran. Data ta’ l-indikazzjoni tan-NU: 23.12.2006.

(26)

Mohammad Reza Naqdi. Titolu: Brigadier Ġenerali. Informazzjoni oħra: eks Viċi Kap ta’ l-Istat Maġġur tal-Forzi Armati għal-Loġistika u r-Riċerka Industrijali/Kap tal-Kwartieri Ġenerali ta’ l-Istat Kontra l-Kuntrabandu, impenjat fi sforzi biex jiġu evitati s-sanzjonijiet imposti bir-riżoluzzjonijiet 1737 (2006) u 1747 (2007). Data ta’ l-indikazzjoni tan-NU: 3.3.2008.

(27)

Houshang Nobari. Informazzjoni oħra: Involut fil-ġestjoni tal-kumpless għall-arrikkiment ta’ Natanz. Data ta’ l-indikazzjoni ta’ l-UE: 24.4.2007 (NU: 3.3.2008).

(28)

Mohammad Mehdi Nejad Nouri. Titolu: Ten Ġen. Rettur ta’ l-Università ta’ Malek Ashtar għat-Teknoloġija tad-Difiża. Informazzjoni oħra: Id-dipartiment tal-kimika ta’ l-Università ta’ Ashtar għat-Teknoloġija tad-Difiża huwa affiljat mal-MODALF u wettaq esperimenti bil-berillju. Persuna involuta fil-programm nukleari ta’ l-Iran. Data ta’ l-indikazzjoni tan-NU: 23.12.2006.

(29)

Mohammad Qannadi. Funzjoni: Viċi President ta’ l-AEOI għar-Riċerka u l-Iżvilupp. Informazzjoni oħra: Persuna involuta fil-programm nukleari ta’ l-Iran. Data ta’ l-indikazzjoni tan-NU: 23.12.2006.

(30)

Amir Rahimi. Funzjoni: Kap taċ-Ċentru ta’ Riċerka u Produzzjoni ta’ Fjuwil Nukleari ta’ Esfahan. Informazzjoni oħra: Iċ-Ċentru ta’ Riċerka u Produzzjoni ta’ Fjuwil Nukleari ta’ Esfahan huwa parti mill-Kumpannija ta’ Produzzjoni u Akkwist ta’ Karburant Nukleari ta’ l-AEOI, li hija involuta f’attivitajiet relatati ma’ l-arrikkiment. Data ta’ l-indikazzjoni tan-NU: 24.3.2007.

(31)

Abbas Rashidi. Informazzjoni oħra: involut f’ħidma ta’ arrikkiment f’Natanz. Data ta’ l-indikazzjoni ta’ l-UE: 24.4.2007 (NU: 3.3.2008).

(32)

Morteza Rezaie. Titolu: Brigadier Ġenerali. Funzjoni: Viċi Kmandant ta’ l-IRGC Data ta’ l-indikazzjoni tan-NU: 24.3.2007.

(33)

Morteza Rezaie. Titolu: Viċi Ammiral. Funzjoni: Kmandant tal-qawwa Navali ta’ l-IRGC. Data ta’ l-indikazzjoni tan-NU: 24.3.2007.

(34)

Yahya Rahim Safavi. Titolu: Maġġ Ġen. Kmandant, IRGC (Pasdaran). Informazzjoni oħra: Persuna involuta kemm fil-programm tal-missili ballistiċi kif ukoll dak nukleari ta’ l-Iran. Data ta’ l-indikazzjoni tan-NU: 23.12.2006.

(35)

Seyed Jaber Safdari. Informazzjoni oħra: Maniġer tal-Faċilitajiet ta’ Arrikkiment ta’ Natanz. Data ta’ l-indikazzjoni tan-NU: 24.3.2007.

(36)

Hosein Salimi. Titolu: Ġeneral. Funzjoni: Kmandant tal-Forza ta’ l-Ajru, IRGC (Pasdaran). Informazzjoni oħra: Persuna involuta fil-programm tal-missili ballistiċi ta’ l-Iran. Data ta’ l-indikazzjoni tan-NU: 23.12.2006.

(37)

Qasem Soleimani. Titolu: Brigadier Ġenerali. Funzjoni: Kmandant tal-forza Qods. Data ta’ l-indikazzjoni tan-NU: 24.3.2007.

(38)

Ghasem Soleymani. Informazzjoni oħra: Direttur ta’ l-Operazzjonijiet ta’ Tħaffir tal-Minjieri ta’ l-Uranju fil-Minjiera ta’ l-Uranju ta’ Saghand. Data ta’ l-indikazzjoni tan-NU: 3.3.2008.

(39)

Mohammad Reza Zahedi. Titolu: Brigadier Ġenerali. Funzjoni: Kmandant tal-Forzi ta’ l-Art ta’ l-IRGC. Data ta’ l-indikazzjoni tan-NU: 24.3.2007.

(40)

Il-Ġeneral Zolqadr. Funzjoni: Viċi Ministru ta’ l-Intern għall-Affarijiet tas-Sigurtà, uffiċjal ta’ l-IRGC. Data ta’ l-indikazzjoni tan-NU: 24.3.2007.

B.   Persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi

(1)

Abzar Boresh Kaveh Co. (alias BK Co.). Informazzjoni oħra: involut fil-produzzjoni ta’ komponenti taċ-ċentrifugi. Data ta’ l-indikazzjoni tan-NU: 3.3.2008.

(2)

Grupp ta’ l-Industriji Metallurġiċi u ta’ Munizzjon (alias (a) AMIG, (b) Ammunition Industries Group). Informazzjoni oħra: (a) l-AMIG jikkontrolla s-7th of Tir, (b) l-AMIG hu l-proprjetà ta’ u hu kkontrollat mill-Organizzazzjoni ta’ l-Industriji tad-Difiża (DIO). Data ta’ l-indikazzjoni tan-NU: 24.3.2007.

(3)

Organizzazzjoni ta’ l-Enerġija Atomika ta’ l-Iran (AEOI). Informazzjoni oħra: Involuta fil-programm nukleari ta’ l-Iran. Data ta’ l-indikazzjoni tan-NU: 23.12.2006.

(4)

Il-Bank Sepah u l-Bank Sepah International. Informazzjoni oħra: Il-Bank Sepah jipprovdi appoġġ lill-Organizzazzjoni ta’ l-Industriji Aerospazjali (AIO) u lis-subordinati, inkluż ix-Shahid Hemmat Industrial Group (SHIG) u x-Shahid Bagheri Industrial Group (SBIG). Data ta’ l-indikazzjoni tan-NU: 24.3.2007.

(5)

Barzagani Tejarat Tavanmad Saccal companies. Informazzjoni oħra: (a) sussidjarja tas-Saccal System companies, (b) din il-kumpannija ppruvat tixtri prodotti sensittivi għal entità elenkata fir-riżoluzzjoni 1737 (2006). Data ta’ l-indikazzjoni tan-NU: 3.3.2008.

(6)

Cruise Missile Industry Group (alias Naval Defence Missile Industry Group). Data ta’ l-indikazzjoni tan-NU: 24.3.2007.

(7)

Organizzazzjoni ta’ l-Industriji tad-Difiża (DIO). Informazzjoni oħra: (a) Entità globali kkontrollata mill-MODAFL, li xi wħud mis-subordinati tagħha kienu involuti fil-produzzjoni ta’ komponenti għall-programm taċ-ċentrifugi, u fil-programm missilistiku, (b) Involuta fil-programm nukleari ta’ l-Iran. Data ta’ l-indikazzjoni tan-NU: 23.12.2006.

(8)

Electro Sanam Company (alias (a) E. S. Co., (b) E. X. Co.). Informazzjoni oħra: Kumpannija fittizja ta’ l-AIO, involuta fil-programm tal-missili ballistiċi. Data ta’ l-indikazzjoni tan-NU: 3.3.2008.

(9)

Iċ-Ċentru ta’ Riċerka u Produzzjoni ta’ Karburant Nukleari ta’ Esfahan (NFRPC) u ċ-Ċentru tat-Teknoloġija Nukleari ta’ Esfahan (ENTC). Informazzjoni oħra: Dawn jagħmlu parti mill-Kumpannija għall-Produzzjoni u l-Akkwist ta’ Karburant Nukleari ta’ l-Organizzazzjoni ta’ l-Enerġija Atomika ta’ l-Iran (AEOI). Data ta’ l-indikazzjoni tan-NU: 24.3.2007.

(10)

Ettehad Technical Group. Informazzjoni oħra: Kumpannija fittizja ta’ l-AIO, involuta fil-programm tal-missili ballistiċi. Data ta’ l-indikazzjoni tan-NU: 3.3.2008.

(11)

Fajr Industrial Group. Informazzjoni oħra: (a) Kien jissejjaħ Instrumentation Factory Plant, (b) Entità subordinata ta’ l-AIO, (c) Involut fil-programm tal-missili ballistiċi ta’ l-Iran. Data ta’ l-indikazzjoni tan-NU: 23.12.2006.

(12)

Farayand Technique. Informazzjoni oħra: (a) Involuta fil-programm nukleari ta’ l-Iran (programm taċ-ċentrifugi), (b) Identifikata fir-rapporti ta’ l-IAEA. Data ta’ l-indikazzjoni tan-NU: 23.12.2006.

(13)

Industrial Factories of Precision (IFP) Machinery (alias Instrumentation Factories Plant). Informazzjoni oħra: użat mill-AIO għal xi tentattivi ta’ akkwiżizzjoni. Data ta’ l-indikazzjoni tan-NU: 3.3.2008.

(14)

Jabber Ibn Hayan. Informazzjoni oħra: laboratorju ta’ l-AEOI involut f’attivitajiet taċ-ċiklu tal-karburant. Data ta’ l-indikazzjoni ta’ l-UE: 24.4.2007 (NU: 3.3.2008).

(15)

Joza Industrial Co. Informazzjoni oħra: Kumpannija fittizja ta’ l-AIO, involuta fil-programm tal-missili ballistiċi. Data ta’ l-indikazzjoni tan-NU: 3.3.2008.

(16)

Kala-Electric (alias Kalaye Electric). Informazzjoni oħra: (a) Fornitur għall-PFEP - Natanz, (b) Involuta fil-programm nukleari ta’ l-Iran. Data ta’ l-indikazzjoni tan-NU: 23.12.2006.

(17)

Ċentru ta’ Riċerka Nukleari ta’ Karaj. Informazzjoni oħra: Parti mit-taqsima tar-riċerka ta’ l-AEOI. Data ta’ l-indikazzjoni tan-NU: 24.3.2007.

(18)

Kavoshyar Company. Informazzjoni oħra: Kumpannija sussidjarja ta’ l-AEOI. Data ta’ l-indikazzjoni tan-NU: 24.3.2007.

(19)

Khorasan Metallurgy Industries. Informazzjoni oħra: (a) sussidjarja ta’ l-Ammunition Industries Group (AMIG) li jiddependi fuq id-DIO, (b) involuta fil-produzzjoni ta’ komponenti taċ-ċentrifugi. Data ta’ l-indikazzjoni tan-NU: 3.3.2008.

(20)

Mesbah Energy Company. Informazzjoni oħra: (a) Fornitriċi għar-reattur tar-riċerka A40 - Arak, (b) Involuta fil-programm nukleari ta’ l-Iran. Data ta’ l-indikazzjoni tan-NU: 23.12.2006.

(21)

Niru Battery Manufacturing Company. Informazzjoni oħra: (a) sussidjarja tad-DIO, (b) ir-rwol tagħha hu li timmanifattura unitajiet tal-qawwa għall-militar Iranjan, inkluż sistemi missilistiċi. Data ta’ l-indikazzjoni tan-NU: 3.3.2008.

(22)

Novin Energy Company (alias Pars Novin). Informazzjoni oħra: Tiffunzjona fi ħdan l-AEOI. Data ta’ l-indikazzjoni tan-NU: 24.3.2007.

(23)

Parchin Chemical Industries. Informazzjoni oħra: Fergħa tad-DIO. Data ta’ l-indikazzjoni tan-NU: 24.3.2007.

(24)

Pars Aviation Services Company. Informazzjoni oħra: twettaq manutenzjoni ta’ inġenji ta’ l-ajru. Data ta’ l-indikazzjoni tan-NU: 24.3.2007.

(25)

Pars Trash Company. Informazzjoni oħra: (a) Involuta fil-programm nukleari ta’ l-Iran (programm taċ-ċentrifugi), (b) Identifikata fir-rapporti ta’ l-IAEA. Data ta’ l-indikazzjoni tan-NU: 23.12.2006.

(26)

Pishgam (Pioneer) Energy Industries. Informazzjoni oħra: ipparteċipat fil-kostruzzjoni tal-faċilità għall-konverżjoni ta’ l-uranju f’Esfahan. Data ta’ l-indikazzjoni tan-NU: 3.3.2008.

(27)

Qods Aeronautics Industries. Informazzjoni oħra: Tipproduċi vetturi ta’ l-ajru bla ekwipaġġ (UAVs), parachutes, paragliders, paramuturi, eċċ. Data ta’ l-indikazzjoni tan-NU: 24.3.2007.

(28)

Sanam Industrial Group. Informazzjoni oħra: subordinat ta’ l-AIO. Data ta’ l-indikazzjoni tan-NU: 24.3.2007.

(29)

Safety Equipment Procurement (SEP). Informazzjoni oħra: Kumpannija fittizja ta’ l-AIO, involuta fil-programm tal-missili ballistiċi. Data ta’ l-indikazzjoni tan-NU: 3.3.2008.

(30)

7th of Tir. Informazzjoni oħra: (a) Subordinata tad-DIO, rikonoxxuta ġeneralment li hi involuta direttament fil-programm nukleari ta’ l-Iran, (b) Involuta fil-programm nukleari ta’ l-Iran. Data ta’ l-indikazzjoni tan-NU: 23.12.2006.

(31)

Shahid Bagheri Industrial Group (SBIG). Informazzjoni oħra: (a) Entità subordinata ta’ l-AIO, (b) Involuta fil-programm tal-missili ballistiċi ta’ l-Iran. Data ta’ l-indikazzjoni tan-NU: 23.12.2006.

(32)

Shahid Hemmat Industrial Group (SHIG). Informazzjoni oħra: (a) Entità subordinata ta’ l-AIO, (b) Involuta fil-programm tal-missili ballistiċi ta’ l-Iran. Data ta’ l-indikazzjoni tan-NU: 23.12.2006.

(33)

Sho’a’ Aviation. Informazzjoni oħra: Tipproduċi microlights. Data ta’ l-indikazzjoni tan-NU: 24.3.2007.

(34)

TAMAS Company. Informazzjoni oħra: (a) involuta f’attivitajiet relatati ma’ l-arrikkiment, (b) it-TAMAS huwa korp ġenerali, li taħtu ġew stabbiliti erba’ sussidjarji, inkluża waħda għall-estrazzjoni sal-konċentrazzjoni ta’ l-uranju u oħra inkarigata mill-ipproċessar, l-arrikkiment u l-iskart ta’ l-uranju. Data ta’ l-indikazzjoni ta’ l-UE: 24.4.2007 (NU: 3.3.2008).

(35)

Ya Mahdi Industries Group. Informazzjoni oħra: subordinat ta’ l-AIO. Data ta’ l-indikazzjoni tan-NU: 24.3.2007.”


ANNESS II

“ANNESS II

Lista tal-persuni msemmija fl-Artikolu 4(1)(b) u tal-persuni u l-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 5(1)(b)

A.   Persuni fiżiċi

 

Isem

Informazzjoni identifikattiva

Raġunijiet

Data ta' l-elenkar

1.

Reza AGHAZADEH

DtT: 15.3.1949 Numru tal-Passaport: S4409483 validu 26.4.2000–27.4.2010 Maħruġ: Tehran, Numru tal-passaport diplomatiku: D9001950, maħruġ fit-22.1.2008 validu sal-21.1.2013 Post tat-twelid: Khoy

Kap ta' l-Atomic Energy Organisation of Iran (AEOI). L-AEOI tissorvelja l-programm nukleari ta' l-Iran u hija indikata taħt l-UNSCR 1737 (2006).

24.4.2007

2.

Brigadier-Ġenerali ta' l-IRGC Javad DARVISH-VAND

 

MODAFL, Deputat għall-Ispezzjoni. Responsabbli għall-faċilitajiet u l-installazzjonijiet kollha ta' MODAFL

24.6.2008

3.

Brigadier-Ġenerali ta' l-IRGC Seyyed Mahdi FARAHI

 

Direttur Maniġerjali tad-Defence Industries Organisation (DIO) li hija indikata fl-UNSCR 1737 (2006)

24.6.2008

4.

Dr Hoseyn (Hossein) FAQIHIAN

Indirizz ta' l-NFPC: AEOI-NFPD, Kaxxa Postali: 11365-8486, Tehran/Iran

Deputat u Direttur-Ġenerali tal-Nuclear Fuel Production and Procurement Company (NFPC), parti mill-AEOI. L-AEOI tissorvelja l-programm nukleari ta' l-Iran u hija indikata taħt l-UNSCR 1737 (2006). L-NFPC hija involuta f'attivitajiet marbutin ma' l-arrikkiment li l-Iran huwa rikjest jissospendi mill-Bord ta' l-IAEA u l-Kunsill tas-Sigurtà.

24.4.2007

5.

Inġinier Mojtaba HAERI

 

MODAFL, Deputat għall-Industrija. Rwol superviżorju fuq l-AIO u d-DIO

24.6.2008

6.

Brigadier-Ġenerali ta' l-IRGC Ali HOSEYNITASH

 

Kap tad-Dipartiment Ġenerali tal-Kunsill Suprem tas-Sigurtà Nazzjonali u involut fit-tfassil tal-politika dwar il-kwistjoni nukleari

24.6.2008

7.

Mohammad Ali JAFARI, IRGC

 

Għandu post ta' Kmandant fi ħdan l-IRGC

24.6.2008

8.

Mahmood JANNATIAN

 

Viċi Kap ta' l-Atomic Energy Organisation of Iran

24.6.2008

9.

Said Esmail KHALILIPOUR

DtT: 24.11.1945, PtT: Langroud

Viċi Kap ta' l-AEOI. L-AEOI tissorvelja l-programm nukleari ta' l-Iran u hija indikata taħt l-UNSCR 1737 (2006).

24.4.2007

10.

Ali Reza KHANCHI

Indirizz ta' l-NRC: AEOI-NRC Kaxxa Postali: 11365-8486 Tehran/ Iran; Fax: (+9821) 8021412

Kap ta' Tehran Nuclear Research Centre ta' l-AEOI. L-IAEA għadha tfittex kjarifika mill-Iran dwar esperimenti ta' separazzjoni tal-plutonju mwettqin fit-TNRC, inkluż dwar il-preżenza ta' partiċelli ta' HEU fil-kampjuni ambjentali meħudin mill-Karaj Waste Storage Facility fejn jinsabu kontenituri użati għall-ħażna ta' miri ta' l-uranju eżawrit f'dawk l-esperimenti. L-AEOI tissorvelja l-programm nukleari ta' l-Iran u hija indikata taħt l-UNSCR 1737 (2006).

24.4.2007

11.

Ebrahim MAHMUDZADEH

 

Direttur Maniġerjali ta' Iran Electronic Industries

24.6.2008

12.

Brigadier-Ġenerali Beik MOHAMMADLU

 

MODAFL, Deputat għall-Provvisti u l-Loġistika

24.6.2008

13.

Anis NACCACHE

 

Amministratur tal-kumpanniji Barzagani Tejarat Tavanmad Saccal; il-kumpannija tiegħu ppruvat takkwista merkanzija sensittiva, għall-benefiċċju ta' l-entitajiet indikati fil-UNSCR 1737 (2006)

24.6.2008

14.

Brigadier-Ġenerali Mohammad NADERI

 

Kap ta' l-Organizzazzjoni ta' l-Industriji Ajruspazjali (AIO), l-AIO ħadet sehem fi programmi sensittivi Iranjani

24.6.2008

15.

Brigadier-Ġenerali ta' l-IRGC Mostafa Mohammad NAJJAR

 

Ministru ta' MODAFL, responsabbli għall-programmi militari kollha, inklużi l-programmi tal-missili ballistiċi.

24.6.2008

16.

Dr Javad RAHIQI

DtT: 21.4.1954, PtT: Mashad

Kap ta' Esfahan Nuclear Technology Centre ta' l-AEOI. Din tissorvelja l-impjant għall-konverżjoni ta' l-uranju f'Esfahan. L-Iran huwa rikjest mill-Bord ta' l-IAEA u l-Kunsill tas-Sigurtà biex jissospendi l-attivitajiet kollha marbutin ma' l-arrikkiment. Dawn jinkludu l-ħidma kollha ta' konverżjoni ta' l-uranju. L-AEOI tissorvelja l-programm nukleari ta' l-Iran u hija indikata taħt l-UNSCR 1737 (2006).

24.4.2007

17.

Kontro-Ammirall Mohammad SHAFI’I RUDSARI

 

MODAFL, Deputat għall-Koordinazzjoni

24.6.2008

18.

Brigadier-Ġenerali ta' l-IRGC Ali SHAMSHIRI

 

MODAFL, Deputat għall-Kontro-Intelligence, responsabbli għas-sigurtà tal-persunal u l-Installazzjonijiet ta' MODAFL

24.6.2008

19.

Abdollah SOLAT SANA

 

Direttur Maniġerjali ta' l-Uranium Conversion Facility (UCF) f'Esfahan. Din hija l-faċilità li tipproduċi l-materja prima (UF6) għall-faċilitajiet ta' arrikkiment f'Natanz. Fis-27 ta' Awissu 2006, Solat Sana rċieva onorifiċenza speċjali mill-President Ahmadinejad għar-rwol tiegħu.

24.4.2007

20.

Brigadier-Ġenerali ta' l-IRGC Ahmad VAHIDI

 

Viċi Kap ta' MODAFL

24.6.2008


B.   Persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi

 

Isem

Informazzjoni identifikattiva

Raġunijiet

Data ta' l-elenkar

1.

Aerospace Industries Organisation, AIO

AIO, 28 Shian 5, Lavizan, Tehran

L-AIO tissorvelja l-produzzjoni Iranjana tal-missili, inkluż ix-Shahid Hemmat Industrial Group, ix-Shahid Bagheri Industrial Group u l-Fajr Industrial Group, li kollha kienu indikati fl-UNSCR 1737 (2006). Il-kap ta' l-AIO u żewġ uffiċjali anzjani oħra kienu wkoll msemmija fl-UNSCR 1737 (2006)

24.4.2007

2.

Armament Industries

Pasdaran Av., Kaxxa Postali 19585/777, Tehran

Sussidjarja tad-DIO (Defence Industries Organisation).

24.4.2007

3.

Armed Forces Geographical Organisation

 

Ivvalutata li tipprovdi data ġeospazzjali għall-programm tal-Missili Ballistiċi

24.6.2008

4.

Bank Melli,

 

Jipprovdi jew jipprova jipprovdi appoġġ finanzjarju lil kumpaniji li huma involuti fi jew li jakkwistaw merkanzija għall-programmi nukleari u tal-missili ta' l-Iran (AIO, SHIG, SBIG, AEOI, Novin Energy Company, Mesbah Energy Company, Kalaye Electric Company u d-DIO). Il-Bank Melli jagħmilha ta' faċilitatur għall-attivitajiet sensittivi ta' l-Iran. Huwa ffaċilita bosta akkwisti ta' materjali sensittivi għall-programmi nukleari u tal-missili ta' l-Iran. Huwa pprovda firxa ta' servizzi finanzjarji f'isem entitajiet marbuta ma' l-industriji nukleari u tal-missili ta' l-Iran, inkluż il-ftuħ ta' ittri ta' kreditu u ż-żamma tal-kontijiet. Bosta mill-kumpaniji t'hawn fuq ġew indikati fl-UNSCR 1737 u 1747.

24.6.2008

Bank Melli Iran u kull fergħa u sussidjarja tiegħu, inklużi

Ferdowsi Avenue, Kaxxa Postali 11365-171, Tehran

a)

Melli Bank plc

London Wall, 11th floor, London EC2Y 5EA, United Kingdom

b)

Bank Melli Iran Zao

Number 9/1, Ulitsa Mashkova, Moscow, 130064, Russia

5.

Defence Technology and Science Research Centre (DTSRC) – magħruf ukoll bl-isem ta' l-Educational Research Institute/Moassese Amozeh Va Tahgiaghati (ERI/MAVT Co.)

Pasdaran Av., Kaxxa Postali 19585/777, Tehran

Responsabbli għar-R&Ż. Sussidjarja tad-DIO. Id-DTSRC jittratta ħafna mill-akkwisti għad-DIO.

24.4.2007

6.

Iran Electronic Industries

Kaxxa Postali 18575-365, Tehran, Iran

Sussidjarja sħiħa ta' proprjetà ta' MODAFL (u għaldaqstant organizzazzjoni li tagħmel parti mill-istress grupp bħall-AIO, l-AvIO u d-DIO). Ir-rwol tagħha hu li timmanifattura komponenti elettroniċi għas-sistema Iranjana ta' l-armi.

24.6.2008

7.

IRGC Air Force

 

Tħaddem l-inventarju ta' l-Iran tal-missili ballistiċi ta' firxa qasira u medja. Il-kap tal-forza ta' l-ajru ta' l-IRGC kien indikat fil-UNSCR 1737.

24.6.2008

8.

Khatem-ol Anbiya Construction Organisation

Number 221, North Falamak-Zarafshan Intersection, 4th Phase, Shahkrak-E-Ghods, Tehran 14678, Iran

Grupp ta' kumpaniji ta' proprjetà ta' l-IRGC. Juża r-riżorsi ta' inġinerija ta' l-IRGC għall-kostruzzjoni filwaqt li jaġixxi bħala l-kuntrattur ewlieni fi proġetti ewlenin inkluż il-bini ta' mini, ivvalutat li jappoġġa l-programmi ta' missili ballistiċi u l-programmi nukleari Iranjani.

24.6.2008

9.

Malek Ashtar University

 

Marbuta mal-Ministeru tad-Difiża, fl-2003 ħolqot taħriġ dwar il-missili, f'kollaborazzjoni mill-qrib ma' l-AIO

24.6.2008

10.

Marine Industries

Pasdaran Av., Kaxxa Postali 19585/777, Tehran

Sussidjarja tad-DIO.

24.4.2007

11.

Mechanic Industries Group

 

Ħadet sehem fil-produzzjoni ta' komponenti għall-programm ballistiku

24.6.2008

12.

Ministeru tad-Difiża u l-Loġistika tal-Forzi Armati (MODAFL)

West side of Dabestan Street, Abbas Abad District, Tehran

Responsabbli għall-programmi ta' riċerka, żvilupp u manifattura għad-difiża ta' l-Iran, inkluż appoġġ għall-programmi tal-missili u nukleari

24.6.2008

13.

Ministeru ta' l-Esportazzjoni tal-Loġistika għad-Difiża (MODLEX)

Kaxxa Postali 16315-189, Tehran, Iran

Huwa t-taqsima ta' MODAFL marbuta ma' l-esportazzjoni, u l-aġenzija użata għall-esportazzjoni ta' armi lesti f'transazzjonijiet bejn stati. Skond l-UNSCR 1747 (2007) MODLEX m'għandhiex tkun involuta f'kummerċ.

24.6.2008

14.

3M Mizan Machinery Manufacturing

 

Soċjeta fittizja ta' l-AIO, li tieħu sehem f'akkwisti fil-qasam ballistiku

24.6.2008

15.

Nuclear Fuel Production and Procurement Company (NFPC)

AEOI-NFPD, Kaxxa Postali: 11365-8486, Tehran/Iran

Id-Diviżjoni tal-Produzzjoni ta' Karburant Nukleari (NFPD) ta' l-AEOI hija responsabbli għar-riċerka u l-iżvilupp fil-qasam taċ-ċiklu tal-karburant nukleari inklużi: l-esplorazzjoni ta' l-uranju, ix-xogħol fil-minjieri, it-tħin, il-konverżjoni u l-ġestjoni ta' l-iskart nukleari. L-NFPC hija s-suċċessur ta' l-NFPD, il-kumpanija sussidjarja taħt l-AEOI li tmexxi r-riċerka u l-iżvilupp fiċ-ċiklu tal-karburant nukleari inkluż il-konverżjoni u l-arrikkiment

24.4.2007

16.

Parchin Chemical Industries

 

Ħadmet fuq tekniċi ta' propulsjoni għall-programmi ballistiku ta' l-Iran

24.6.2008

17.

Special Industries Group

Pasdaran Av., Kaxxa Postali 19585/777, Tehran

Sussidjarja tad-DIO.

24.4.2007

18.

State Purchasing Organisation (SPO)

 

Jidher li l-SPO tiffaċilita l-importazzjoni ta' armi sħaħ. Jidher li hija sussidjarja ta' MODAFL

24.6.2008”


ANNESS III

“ANNESS III

Fergħat u sussidjarji fil-ġurisdizzjoni ta' l-Istati Membri ta' banek b'domiċilju fl-Iran imsemmija fl-Artikolu 3b (1)”


ANNESS IV

“ANNESS IV

Fergħat u sussidjarji, barra mill-ġurisdizzjoni ta' l-UE, ta' banek b'domiċilju fl-Iran kif ukoll entitajiet finanzjarji li la għandhom domiċilju fl-Iran u lanqas fil-ġurisdizzjoni ta' l-Istati Membri iżda kkontrollati minn persuni u entitajiet b'domiċilju fl-Iran imsemmija fl-Artikolu 3b(1)(c) u (d)”


Top