Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008D0903

    2008/903/KE: Deċiżjoni tal-Kunsill tas- 27 ta' Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal- acquis ta’ Schengen fil-Konfederazzjoni Svizzera

    ĠU L 327, 5.12.2008, p. 15–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/903/oj

    5.12.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 327/15


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tas-27 ta' Novembru 2008

    dwar l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fil-Konfederazzjoni Svizzera

    (2008/903/KE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim”) (1), li ġie ffirmat fis-26 ta’ Ottubru 2004 (2) u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu 2008 (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(1) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 15(1) tal-Ftehim jipprevedi li d-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen għandhom japplikaw fil-Konfederazzjoni Svizzera biss skont Deċiżjoni tal-Kunsill għal dak il-għan wara verifika li l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni ta’ dak l-acquis ikunu ġew sodisfatti.

    (2)

    Il-Kunsill, wara li vverifika li l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni tal-parti dwar il-protezzjoni tad-data tal-acquis ta’ Schengen ikkonċernat ġew sodisfatti mill-Konfederazzjoni Svizzera, irrenda, bid-Deċiżjoni 2008/421/KE (4) tiegħu, d-dispożizzjoniiet tal-acquis ta’ Schengen relatati mas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen applikabbli għall-Konfederazzjoni Svizzera mill-14 ta’ Awwissu 2008.

    (3)

    Il-Kunsill, f’konformità mal-proċeduri ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen applikabbli kif stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tas-16 ta’ Settembru 1998 li stabbilixxiet Kumitat Permanenti dwar l-evalwazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ Schengen (SCH/Com-ex (98) 26 def.) (5), ivverifika li l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen ġew sodisfatti f’oqsma oħra tal-acquis ta’ Schengen — Fruntieri fuq l-Art, Kooperazzjoni tal-Pulizija, is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen, u l-Viża — fil-Konfederazzjoni Svizzera.

    (4)

    Fis-27 ta' Novembru 2008, il-Kunsill ikkonkluda li l-kondizzjonijiet f’kull wieħed minn dawn l-oqsma msemmijin ġew sodisfatti mill-Konfederazzjoni Svizzera.

    (5)

    Rigward l-evalwazzjoni u l-implimentazzjoni tal-acquis ta’ Schengen fil-fruntieri tal-ajru, għandhom jitwettqu aktar żjarat ta’ evalwazzjoni fi stadju suċċessiv.

    (6)

    Għaldaqstant huwa possibbli li jiġu ffissati dati għall-applikazzjoni sħiħa tal-acquis ta’ Schengen, jiġifieri dati li minnhom għandhom jitneħħew il-kontrolli fuq persuni fil-fruntieri interni mal-Konfederazzjoni Svizzera. Jekk iż-żjajjar ulterjuri fil-fruntieri tal-ajru jisfaw bla suċċess, id-data ffissata għall-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen li tirregola t-tneħħija ta’ kontrolli fuq persuni fil-fruntieri tal-ajru għandha tiġi kkunsidrata mill-ġdid.

    (7)

    Sa mill-ewwel mit-tali dati, ir-restrizzjonijiet tal-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen, previsti fid-Deċiżjoni 2008/421/KE, għandhom jitneħħew.

    (8)

    Skont l-Artikolu 15(4) tal-Ftehim u l-Artikolu 14(1) tal-Ftehim bejn il-Komunità u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar il-kriterji u l-mekkaniżmi għall-istabbiliment tal-Istat li hu responsabbli biex jeżamina talba għall-asil ippreżentata fi Stat Membru jew fl-Isvizzera (6), il-Ftehim tal-aħħar għandu jiġi implimentat mit-12 ta’ Diċembru 2008.

    (9)

    Il-Ftehim bejn il-Konfederazzjoni Svizzera u r-Renju tad-Danimarka dwar il-ħolqien ta’ drittijiet u obbligi bejn id-Danimarka u l-Konfederazzjoni Svizzera rigward id-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li jaqgħu taħt it-Titolu IV tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, jistabbilixxi li huwa għandu jidħol fis-seħħ fir-rigward tal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen fl-istess data li fiha jidħol fis-seħħ il-Ftehim.

    (10)

    Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tal-Ftehim u b’riżultat tal-applikazzjoni parzjali tal-acquis ta’ Schengen mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq prevista fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/926/KE tat-22 ta’ Diċembru 2004 dwar it-tqegħid fis-seħħ ta’ partijiet tal-acquis ta’ Schengen mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (7), u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1 tiegħu, għandha tapplika biss parti mid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen applikabbli għall-Konfederazzjoni Svizzera fir-relazzjonijiet tagħha mal-Istati Membri li japplikaw l-acquis ta’ Schengen bis-sħiħ fir-relazzjonijiet tal-Konfederazzjoni Svizzera mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq.

    (11)

    F’konformità mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tal-Ftehim u b’riżultat tal-applikazzjoni parzjali tal-acquis ta’ Schengen minn Ċipru min-naħa waħda, u l-Bulgarija u r-Rumanija min-naħa l-oħra, kif previst fl-Artikolu 3(2) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 u l-Artikolu 4(2) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2005 rispettivament, hija biss il-parti tal-acquis ta’ Schengen applikabbli f’dawn l-Istati Membri li għandha tapplika wkoll għall-Konfederazzjoni Svizzera fir-relazzjonijiet tagħha ma’ dawn l-Istati Membri.

    (12)

    Il-Ftehim bejn il-Konfederazzjoni Svizzera, ir-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja li jikkonċerna l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen u li jikkonċerna l-kriterji u l-mekkaniżmi biex jiġi stabbilit l-Istat responsabbli li jeżamina talba għall-asil ippreżentata fl-Isvizzera, l-Islanda jew in-Norveġja jipprevedi li huwa għandu jidħol fis-seħħ fir-rigward tal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen fl-istess data li fiha jidħol fis-seħħ il-Ftehim,

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    1.   Id-dispożizzjonijiet kollha msemmija fl-Annessi A u B għall-Ftehim u kwalunkwe att li jikkostitwixxi żvilupp ulterjuri ta’ waħda jew aktar minn dawn id-dispożizzjonijiet, għandhom japplikaw għall-Konfederazzjoni Svizzera, fir-relazzjonijiet tagħha mar-Renju tal-Belġju, mar-Repubblika Ċeka, mar-Renju tad-Danimarka, mar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, mar-Repubblika tal-Estonja, mar-Repubblika Ellenika, mar-Renju ta’ Spanja, mar-Repubblika ta’ Franza, mar-Repubblika Taljana, mar-Repubblika tal-Latvja, mar-Repubblika tal-Litwanja, mal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, mar-Repubblika tal-Ungerija, mar-Repubblika ta’ Malta, mar-Renju tal-Olanda, mar-Repubblika tal-Awstrija, mar-Repubblika tal-Polonja, mar-Repubblika Portugiża, mar-Repubblika tas-Slovenja, mar-Repubblika Slovakka, mar-Repubblika tal-Finlandja, u mar-Renju tal-Isvezja, mit-12 ta’ Diċembru 2008.

    Sa fejn dawk id-dispożizzjonijiet jirregolaw l-abolizzjoni tal-kontrolli fuq persuni fi fruntieri interni, huma għandhom japplikaw mid-29 ta’ Marzu 2009 għall-fruntieri tal-ajru. Il-Kunsill jista’ jiddeċiedi li jiddifferixxi din id-data, b’maġġoranza sempliċi tal-Membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw lill-gvernijiet tal-Istati Membri li għalihom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li jirregolaw l-abolizzjoni tal-kontrolli fuq persuni fi fruntieri interni. F’dak il-każ, il-Kunsill għandu jistabbilixxi data ġdida, b’unanimità ta’ dawk il-Membri.

    Ir-restrizzjonijiet kollha dwar l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen mill-Istati Membri kkonċernati għandhom jitneħħew sa mit-8 ta’ Diċembru 2008.

    2.   Id-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen imdaħħla fis-seħħ mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq abbażi tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2004/926/KE u kwalunkwe att li jikkostitwixxi żvilupp ulterjuri ta’ waħda jew aktar minn dawk id-dispożizzjonijiet, għandhom japplikaw għall-Konfederazzjoni Svizzera, fir-relazzjonijiet tagħha mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mit-12 ta’ Diċembru 2008.

    3.   Id-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen applikabbli għal Ċipru min-naħa waħda, u għall-Bulgarija u r-Rumanija min-naħa l-oħra abbażi tal-Artikolu 3(1) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 u l-Artikolu 4(1) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2005 rispettivament u kwalunkwe att li jikkostitwixxi żvilupp ulterjuri ta’ waħda jew aktar minn dawk id-dispożizzjonijiet, għandhom japplikaw għall-Konfederazzjoni Svizzera, fir-relazzjonijiet tagħha ma’ Ċipru, mal-Bulgarija u mar-Rumanija mit-12 ta’ Diċembru 2008.

    Artikolu 2

    B’deroga għall-Anness II tar-Regolament tal-Kunsill 539/2001 tal-15 ta’ Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa (8), l-Isvizzera hija awtorizzata li żżomm l-eżenzjoni mill-viża għal Antigwa u Barbuda, il-Baħamas, il-Barbados u Saint Kitts u Nevis mit-12 ta’ Diċembru 2008 sad-dħul fis-seħħ tal-istrumenti ta’ ftehim għat-tneħħija tal-viża bejn il-Komunità Ewropea u kull wieħed minn dawn il-pajjiżi.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, 27 ta’ Novembru 2008.

    Ghall-Kunsill

    Il-President

    M. ALLIOT-MARIE


    (1)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

    (2)  Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2004/849/KE (ĠU L 368, 15.12.2004, p. 26) u 2004/860/KE (ĠU L 370, 17.12.2004, p. 78).

    (3)  Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2008/146/KE (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1) u 2008/149/ĠAI (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 50).

    (4)  ĠU L 149, 7.6.2008, p. 74.

    (5)  ĠU L 239, 22.9.2000, p. 138.

    (6)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 5.

    (7)  ĠU L 395, 31.12.2004, p. 70.

    (8)  ĠU L 81, 21.3.2001, p. 1.


    Top