This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32008D0886
2008/886/EC: Commission Decision of 12 November 2008 on a temporary derogation from the rules of origin laid down in Annex II to Council Regulation (EC) No 1528/2007 to take account of the special situation of Kenya with regard to tuna loins (notified under document number C(2008) 6644)
2008/886/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 12 ta’ Novembru 2008 dwar deroga temporanja mir-regoli tal-oriġini stipulati fl-Anness II għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1528/2007 biex titqies is-sitwazzjoni speċjali tal-Kenja fir-rigward tal-flettijiet tat-tonn (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 6644)
2008/886/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 12 ta’ Novembru 2008 dwar deroga temporanja mir-regoli tal-oriġini stipulati fl-Anness II għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1528/2007 biex titqies is-sitwazzjoni speċjali tal-Kenja fir-rigward tal-flettijiet tat-tonn (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 6644)
ĠU L 317, 27.11.2008, p. 16–18
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
27.11.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 317/16 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tat-12 ta’ Novembru 2008
dwar deroga temporanja mir-regoli tal-oriġini stipulati fl-Anness II għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1528/2007 biex titqies is-sitwazzjoni speċjali tal-Kenja fir-rigward tal-flettijiet tat-tonn
(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 6644)
(2008/886/KE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1528/2007 tal-20 ta’ Diċembru 2007 li japplika l-arranġamenti għall-prodotti li joriġinaw f’ċerti stati li huma parti mill-Grupp ta’ Stati Afrikani, Karibej u Paċifiċi (AKP) previsti fi ftehimiet li jistabbilixxu, jew li jwasslu biex jiġu stabbiliti, Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 36(4) tal-Anness II tiegħu,
Billi:
(1) |
Fil-5 ta’ Awwissu 2008, il-Kenja, skond l-Artikolu 36 tal-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1528/2007, talbet deroga mir-regoli tal-oriġini stipulati f’dak l-Anness għal perjodu ta’ sena. Fid-19 ta’ Awwissu 2008, il-Kenja ppreżentat tagħrif addizzjonali relatat mat-talba li għamlet. It-talba tkopri kwantità totali ta’ 2 000 tunnellata ta’ flettijiet tat-tonn taħt l-intestatura HS 1604. It-talba saret minħabba li l-qabdiet u l-provvista ta’ tonn nej tal-oriġini naqsu fl-Oċean Indjan. |
(2) |
Skond l-informazzjoni provduta mill-Kenja l-qbid tat-tonn nej tal-oriġini kien baxx iktar mis-soltu anke meta mqabbel mal-varjazzjonijiet normali tal-istaġun u wassal għal tnaqqis fil-produzzjoni tal-flettijiet tat-tonn. Din is-sitwazzjoni anormali twassal biex ikun impossibbli li l-Kenja tikkonforma mar-regoli tal-oriġini stipulati fl-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1528/2007 matul perjodu partikolari. |
(3) |
Sabiex ikun żgurat li l-Kenja tkun tista’ tkompli bl-esportazzjoni tagħha lejn il-Komunità Ewropea, wara l-iskadenza tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE (2), għandha tingħata deroga ġdida. |
(4) |
Biex tkun żgurata tranżizzjoni bla xkiel mill-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE għall-Ftehim li jistabbilixxi qafas għal Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Istati msieħba tal-Komunità tal-Afrika tal-Lvant fuq naħa u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha fuq l-oħra (il-Ftehim Interim ta’ Sħubija EAC-UE) għandha tingħata deroga ġdida b’effett retroattiv mill-1 ta’ Jannar 2008. |
(5) |
Deroga temporanja mir-regoli tal-oriġini stipulati fl-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1528/2007 ma għandhiex tikkawża ħsara serja f’industrija Komunitarja stabbilita meta wieħed iqis l-importazzjonijiet konċernati, dejjem jekk jitħarsu ċerti kundizzjonijiet relatati mal-kwantitajiet, is-sorveljanza u t-tul ta’ żmien. |
(6) |
Huwa għalhekk iġġustifikat li tingħata deroga temporanja skond l-Artikolu 36(1)(a) tal-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1528/2007. |
(7) |
Il-Kenja se tibbenefika minn deroga awtomatika mir-regoli tal-oriġini għall-flettijiet tat-tonn taħt l-intestatura HS 1604 skond l-Artikolu 41(8) tal-Protokoll tal-Oriġini mehmuż mal-Ftehim Interim ta’ Sħubija EAC-UE, meta dak il-Ftehim jidħol fis-seħħ jew jiġi applikat provviżorjament. |
(8) |
Skond l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1528/2007 r-regoli tal-oriġini stipulati fl-Anness II għal dan ir-Regolament u d-derogi minnhom għandhom jiġu ssostitwiti bir-regoli tal-Ftehim Interim ta’ Sħubija EAC-EU, li d-dħul fis-seħħ tiegħu jew l-applikazzjoni provviżorja mistennija li jseħħu fl-2008. Għalhekk id-deroga għandha tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2008, kif mitlub mill-Kenja, sakemm il-Ftehim Interim ta’ Sħubija EAC-UE ma jidħolx fis-seħħ jew jiġi applikat provviżorjament qabel dik id-data. |
(9) |
Skond l-Artikolu 41(8) tal-Protokoll tal-Oriġini mehmuż mal-Ftehim Interim ta’ Sħubija EAC-EU, id-deroga awtomatika mir-regoli tal-oriġini hija limitata għall-kwota annwali ta’ 2 000 tunnellata ta’ flettijiet tat-tonn għall-pajjiżi li jkunu inizjalizzaw il-Ftehim ta’ Sħubija Interim EAC-UE (il-Kenja, l-Uganda, it-Tanżanija, ir-Rwanda, il-Burundi). Il-Kenja hija l-uniku pajjiż fir-reġjun li bħalissa tesporta flettijiet tat-tonn lill-Komunità. Huwa għalhekk xieraq li l-Kenja tingħata deroga skond l-Artikolu 36 tal-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1528/2007 fir-rigward ta’ 2 000 tunnellata ta’ flettijiet tat-tonn, kwantità li ma taqbiżx il-kwota annwali sħiħa mogħtija lir-reġjun tal-EAC taħt il-Ftehim ta’ Sħubija Interim EAC-UE. |
(10) |
Skond dan, għandha tingħata deroga lill-Kenja għal 2 000 tunnellata ta’ flettijiet tat-tonn għal perjodu ta’ sena. |
(11) |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (3) jistipula r-regoli li għandhom x’jaqsmu mal-ġestjoni tal-kwoti tariffarji. Sabiex tkun żgurata ġestjoni effiċjenti mwettqa b’kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet tal-Kenja, l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni, dawk ir-regoli għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-kwantitajiet importati skond id-deroga mogħtija b’din id-Deċiżjoni. |
(12) |
Sabiex ikun hemm sorveljanza effiċjenti tal-operat tad-deroga, l-awtoritajiet tal-Kenja għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni b’mod regolari d-dettalji taċ-ċertifikati ta’ moviment tal-EUR.1 maħruġin. |
(13) |
Il-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali, |
ADDOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
B’deroga mill-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1528/2007 u skond l-Artikolu 36(1)(a) ta’ dan l-Anness, il-flettijiet tat-tonn tal-Intestatura HS 1604 mmanifatturat minn materjali li mhumiex tal-oriġini għandhom jitqiesu bħala li oriġinaw mill-Kenja skond it-termini stipulati fl-Artikoli 2 sa 6 ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Id-deroga stipulata fl-Artikolu 1 għandha tapplika għall-prodotti u l-kwantitajiet stabbiliti fl-Anness li huma ddikjarati għal ċirkolazzjoni ħielsa ġewwa l-Komunità mill-Kenja matul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2008 sal-31 ta’ Diċembru 2008.
Artikolu 3
Il-kwantitajiet stipulati fl-Anness għal din id-Deċiżjoni għandhom jiġu amministrati skond l-Artikoli 308a, 308b u 308c tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93.
Artikolu 4
L-awtoritajiet doganali tal-Kenja għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex iwettqu l-kontrolli kwantitattivi fuq l-esportazzjonijiet tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1.
Iċ-ċertifikati kollha ta’ moviment EUR.1 li joħorġu għal dawk il-prodotti għandhom jinkludu referenza għal din id-Deċiżjoni.
L-awtoritajiet kompetenti tal-Kenja għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni dikjarazzjoni kull tliet xhur tal-kwantitajiet li għalihom ikunu nħarġu ċertifikati ta’ moviment EUR.1 skond din id-Deċiżjoni u n-numri tas-serje ta’ dawk iċ-ċertifikati.
Artikolu 5
Il-kaxxa Nru 7 taċ-ċertifikati ta’ moviment tal-EUR.1 maħruġin skond din id-Deċiżjoni għandha tinkludi dan li ġej:
“Deċiżjoni tad-Deroga/2008/886/KE”.
Artikolu 6
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2008.
Għandha tapplika sakemm ir-regoli tal-oriġini stipulati fl-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1528/2007 jiġu ssostitwiti b’dawk l-annessi ma’ kwalunkwe ftehim mal-Kenja meta dan il-ftehim jew ikun applikat provviżorjament, jew jidħol fis-seħħ, skond liema minnhom iseħħ l-ewwel, iżda fi kwalunkwe każ din id-Deċiżjoni ma għandhiex tapplika wara l-31 ta’ Diċembru 2008.
Artikolu 7
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmula fi Brussell, 12 ta’ Novembru 2008.
Għall-Kummissjoni
László KOVÁCS
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 348, 31.12.2007, p. 1.
(2) ĠU L 317, 15.12.2000, p. 1.
(3) ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1. .
ANNESS
IL-KENJA
In-Nru tal-Ordni |
Il-kodiċi NM |
Id-deskrizzjoni tal-prodotti |
Il-perjodu |
Il-kwantitajiet |
09.1667 |
1604 14 16 |
Flettijiet tat-tonn |
mill-1.1.2008 sal-31.12.2008 |
2 000 tunnellata |