Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008D0593

2008/593/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 11 ta’ Lulju 2008 li temenda d-Deċiżjoni Nru 2007/60/KE dwar il-modifika tal-kompiti u l-perjodu ta’ l-operat ta’ l-Aġenzija Eżekuttiva tan-Netwerk Trans-Ewropew

ĠU L 190, 18.7.2008, p. 35–36 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2013; Imħassar b' 32013D0801

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/593/oj

18.7.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 190/35


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-11 ta’ Lulju 2008

li temenda d-Deċiżjoni Nru 2007/60/KE dwar il-modifika tal-kompiti u l-perjodu ta’ l-operat ta’ l-Aġenzija Eżekuttiva tan-Netwerk Trans-Ewropew

(2008/593/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003 tad-19 ta’ Diċembru 2002 li jistabbilixxi l-istatut għall-aġenziji eżekuttivi li jridu jiġu fdati b’ċerti kompiti fit-tmexxija tal-programmi tal-Komunità (1), u partikolarment l-Artikolu 3 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Aġenzija Eżekuttiva tan-Netwerk Trans-Ewropew (minn issa ’l quddiem “l-Aġenzija”) ġiet imwaqqfa bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni KE/2007/60 (2) tas-26 ta’ Ottubru 2006, biex tmexxi l-azzjoni Komunitarja fil-qasam tan-netwerk tat-trasport Trans-Ewropew sal-31 ta’ Diċembru 2008 għall-implimentazzjoni tal-ħidmiet li jikkonċernaw l-għoti ta’ l-għajnuna finanzjarja Komunitarja skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2236/95 tat-18 ta’ Settembru 1995 li jistabbilixxi regoli ġenerali għall-għoti ta’ għajnuna finanzjarja Komunitarja fil-qasam tan-netwerks trans-Ewropej (3). Ħafna minn dawn il-proġetti se jibqgħu għaddejjin sa ferm wara l-31 ta’ Diċembru 2008.

(2)

L-Aġenzija għandha ssir responsabbli wkoll għall-proġetti li jirċievu għajnuna finanzjarja abbażi tar-Regolament (KE) Nru 680/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), għaliex dan ir-Regolament għadu qed jiffinanzja azzjonijiet simili għan-netwerk tat-trasport trans-Ewropew, kif ukoll skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) 2236/95, li l-Aġenzija diġà ġiet iddelegata għalihom.

(3)

L-Aġenzija ma għandhiex issir responsabbli għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet individwali marbuta ma’ l-għoti ta’ għajnuna finanzjarja Komunitarja. Madankollu, biex l-implimentazzjoni tal-programm tkun aktar effiċjenti u effettiva, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tiddelega lill-Aġenzija l-adozzjoni ta’ l-emendi għat-tali deċiżjonijiet.

(4)

L-Aġenzija, b’mod partikolari għandha ssir responsabbli għal attivitajiet relatati ma’ proġetti indipendentement mis-sura u l-metodu ta’ l-għajnuna finanzjarja Komunitarja kif definita fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 680/2007. L-attivitajiet kollha relatati mal-programm, bħal kontroll u tfassil ta’ politika għandhom jiġu esklużi u jinżammu għand il-Kummissjoni.

(5)

L-Aġenzija b’mod partikolari għandha tkun responsabbli wkoll għal miżuri ta’ akkumpanjament biex jikkontribwixxu għall-effiċjenza u l-effettività tal-programm TEN-T, sabiex jiġi massimizzat il-Valur Miżjud Ewropew tiegħu, inkluż il-promozzjoni tal-programm TEN-T lill-partijiet kollha kkonċernati u t-titjib fil-viżibbiltà tiegħu fl-Istati Membri u l-pajjiżi terzi li jmissu magħhom. Tali miżuri jistgħu jinkludu kampanji mmirati għat-trawwim ta’ l-għarfien u għall-promozzjoni, inkluż l-organizzazzjoni ta’ ġranet ta’ TEN-T, workshops u konferenzi, tħabbir u tixrid ta’ riżultati u ta’ l-aħjar prassi permezz ta’ pubblikazzjonijiet adegwati, inkluż l-użu tal-midja elettronika, per eżempju permezz ta’ tħejjija ta’ stqarrijiet għall-istampa, gwida għal applikanti potenzjali, fuljetti dwar stejjer ta’ suċċess u rapporti annwali, u l-organizzazzjoni tal-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti ta’ l-aġenzija u/jew tal-Kummissjoni f’avvenimenti rilevanti, bħat-tnedija ta’ l-infrastruttura tat-trasport.

(6)

Twettqet analiżi aġġornata minn konsulenti esterni ta’ l-ispejjeż mal-benefiċċji li turi li r-riżorsi amministrattivi ta’ l-Aġenzija eżistenti, u b’mod partikolari il-persunal, jirrikjedu żieda sinifikanti. L-Aġenzija tibqa’ tkun l-aktar għażla ekonomika.

(7)

Id-Deċiżjoni 2007/60/KE għandha għalhekk tiġi emendata skond dan.

(8)

Id-dispożizzjonijiet stabbiliti f’din id-Deċiżjoni huma konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat Regolatorju għall-Aġenziji Eżekuttivi,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu

Id-Deċiżjoni 2007/60/KE hi emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 3 jinbidel b’dan li ġej:

“L-Artkolu 3

Tul ta’ l-iskema

L-Aġenzija għandha tiġi mwaqqfa għal perjodu li jibda fl-1 ta’ Novembru 2006 u jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2015.”.

(2)

Fl-Artikolu 4, il-paragrafu 1 jinbidel b’dan li ġej:

“1.   L-Aġenzija għandha tkun responsabbli, fl-ambitu ta’ l-azzjoni Komunitarja fil-qasam tan-netwerk tat-trasport trans-Ewropew, għall-implimentazzjoni tal-ħidmiet li jikkonċernaw l-għoti ta’ għajnuna finanzjarja Komunitarja skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2236/95 (*) u r-Regolament (KE) Nru 680/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (**), minbarra l-ħidmiet li jirrikjedu setgħat ta’ diskrezzjoni fil-bdil ta’ għażliet ta’ politika f’azzjoni, bħall-ipprogrammar, l-istabbiliment ta’ prijoritajiet, l-għażla ta’ proġetti skond l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 680/2007, il-valutazzjoni tal-programm u s-sorveljanza ġuridika. L-Aġenzija għandha tkun responsabbli b’mod partikolari għal dan li ġej:

(a)

għajnuna lill-Kummissjoni matul il-fażijiet ta’ l-ipprogrammar u ta’ l-għażla, kif ukoll it-tmexxija tal-fażi tas-sorveljanza ta’ l-għajnuna finanzjajra mogħtija għal proġetti ta’ interess komuni taħt il-baġit tan-netwerk tat-trasport trans-Ewropew, kif ukoll it-twettiq tal-verifiki meħtieġa għal dan il-għan, billi tadotta d-deċiżjonijiet rilevanti bis-saħħa tas-setgħat mogħtija lill-Aġenzija mill-Kummissjoni;

(b)

koordinament ma strumenti finanzjarji oħra tal-Komunità, b’mod partikolari billi tiżgura l-koordinament ta’ l-għoti ta’ l-għajnuna finanzjarja, tul ir-rotta sħiħa għall-proġetti kollha ta’ interess komuni li wkoll jirċievu finanzjament taħt il-Fondi Strutturali, il-Fond ta’ Koeżjoni u mill-Bank Ewropew ta’ l-Investiment;

ċ)

assistenza teknika lil dawk li jippromwovu l-proġett, fir-rigward tal-ksib tal-finanzjament għal proġetti u l-iżvilupp ta’ metodi komuni ta’ evalwazzjoni;

(d)

adozzjoni ta’ l-istrumenti għall-implimentazzjoni tal-baġit għad-dħul u n-nefqa u l-implimentazzjoni, fejn il-Kummissjoni tkun iddelegat ir-responsabbiltà lill-Aġenzija, ta’ kull operat meħtieġ għat-tmexxija ta’ l-azzjonijiet Komunitarji fil-qasam tan-netwerk tat-trasport trans-Ewropew, kif ipprovdut fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2236/95 u r-Regolament (KE) Nru 680/2007;

(e)

ġbir, analiżi u trażmissjoni lill-Kummissjoni ta’ kull tagħrif meħtieġ mill-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tan-netwerk tat-trasport trans-Ewropew;

(f)

miżuri ta’ akkumpanjament biex jikkontribwixxu għall-effiċjenza u l-effettività tal-programm TEN-T, sabiex jiġi massimizzat il-Valur Miżjud Ewropew tiegħu, inklużi l-promozzjoni tal-programm TEN-T lill-partijiet kollha kkonċernati u t-titjib fil-viżibbiltà tiegħu fl-Istati Membri u l-pajjiżi terzi li jmissu magħhom;

(g)

kwalunkwe appoġġ tekniku u amministrattiv mitlub mill-Kummissjoni.

(*)  ĠU L 228, 23.9.1995, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1159/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 191, 22.7.2005, p. 16)."

(**)  ĠU L 162, 22.6.2007, p. 1.”"

Magħmula fi Brussell, 11 ta’ Lulju 2008.

Għall-Kummissjoni

Antonio TAJANI

Viċi Peresident


(1)  ĠU L 11, 16.1.2003, p. 1.

(2)  ĠU L 32, 6.2.2007, p. 88.

(3)  ĠU L 228, 23.9.1995, p. 1, kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1159/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 191, 22.7.2005, p. 16).

(4)  ĠU L 162, 22.6.2007, p. 1.


Top