EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008D0590

2008/590/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas- 16 ta’ Ġunju 2008 rigward l-istabbiliment ta’ Kumitat Konsultattiv dwar l-Opportunitajiet Ugwali għan-Nisa u għall-Irġiel (Verżjoni kodifikata)

ĠU L 190, 18.7.2008, p. 17–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 01/07/2013

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/590/oj

18.7.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 190/17


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-16 ta’ Ġunju 2008

rigward l-istabbiliment ta’ Kumitat Konsultattiv dwar l-Opportunitajiet Ugwali għan-Nisa u għall-Irġiel

(Verżjoni kodifikata)

(2008/590/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 82/43/KEE tad-9 ta’ Diċembru 1981 rigward l-istabbiliment ta’ Kumitat Konsultattiv dwar l-Opportunitajiet Ugwali għan-Nisa u l-Irġiel (1) ġiet emendata kemm-il darba (2) b’mod sostanzjali. Għal iktar ċarezza u razzjonalità, l-imsemmija Deċiżjoni għandha tiġi kkodifikata.

(2)

L-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hija essenzjali għad-dinjità umana u d-demokrazija, u tikkostitwixxi prinċipju fundamentali tal-liġi Komunitarja, tal-kostituzzjonijiet u tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri, u tal-konvenzjonijiet internazzjonali u Ewropej.

(3)

Fil-prattika l-applikazzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali għan-nisa u għall-irġiel għandu jitħeġġeġ permezz ta’ kooperazzjoni mtejba u skambju ta’ opinjonijiet u esperjenzi bejn dawk il-korpi fl-Istati Membri li għandhom responsabbiltà speċjali biex iġibu ‘l quddiem l-ugwaljanza ta’ l-opportunitajiet, u l-Kummissjoni.

(4)

L-implimentazzjoni sħiħa fil-prattika tad-direttivi, tar-rakkomandazzjonijiet u tar-riżoluzzjonijiet adottati mill-Kunsill fil-qasam ta’ l-opportunitajiet ugwali tista’ titħaffef sew bl-għajnuna ta’ korpi nazzjonali li għandhom network ta’ informazzjoni speċjalizzata għad-dispozizzjoni tagħhom.

(5)

It-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-miżuri tal-Komunità dwar l-impjegar tan-nisa, it-titjib tal-qagħda tan-nisa li jaħdmu għal rashom u dawk imqabbda biex jaħdmu fl-agrikoltura, u t-tmexxija ‘l quddiem ta’ l-opportunitajiet ugwali jeħtieġu kooperazzjoni mill-qrib mal-korpi speċjalizzati fl-Istati Membri.

(6)

Għalhekk, huwa meħtieġ qafas istituzzjonali għall-iskop ta’ konsultazzjonijiet regolari ma’ dawk il-korpi,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-Kummissjoni b’dan qiegħda tistabbilixxi Kumitat Konsultattiv dwar l-Opportunitajiet Ugwali għan-Nisa u għall-Irġiel, minn issa ‘l quddiem imsejjaħ “il-Kumitat”.

Artikolu 2

1.   Il-Kumitat għandu jassisti lill-Kummissjoni biex tifformula u timplimenta l-attivitajiet Komunitarji li għandhom l-iskop li jġibu ‘l quddiem l-opportunitajiet ugwali għan-nisa u għall-irġiel u għandu jinkoraġġixxi skambju kontinwu ta’ l-esperjenza, tal-politiki u tal-prattiki rilevanti bejn l-Istati Membri u l-partijiet differenti involuti.

2.   Biex jilħaq l-iskopijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-Kumitat għandu:

(a)

jassisti lill-Kummissjoni fl-iżvilupp ta’ l-istrumenti għall-monitoraġġ, il-valutazzjoni u t-tifrix tar-riżultati tal-miżuri meħuda fuq livell Komunitarju biex jippromwovu l-opportunitajiet ugwali;

(b)

jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-programmi ta’ azzjoni Komunitarja fil-qasam, l-aktar billi janalizza r-riżultati u jissuġġerixxi titjib għall-miżuri meħuda;

(ċ)

jikkontribwixxi, permezz ta’ l-opinjoni tiegħu, għat-tħejjija tar-rapport annwali tal-Kummissjoni dwar il-progress li jkun sar f’li tintlaħaq l-ugwaljanza ta’ opportunità għan-nisa u għall-irġiel;

(d)

jinkoraġġixxi skambji ta’ informazzjoni dwar il-miżuri meħuda fuq il-livelli kollha biex iġibu ‘l quddiem l-opportunitajiet ugwali u, meta xieraq, jissuġġerixxi proposti li fuqhom tkun tista’ tissokta li tittieħed azzjoni;

(e)

jibgħat opinjonijiet jew jagħti rapporti lill-Kummissjoni, jew fuq it-talba ta’ din ta’ l-aħħar jew fuq l-inizjattiva tiegħu stess, dwar kull materja ta’ rilevanza biex iġib ‘il quddiem l-opportunitajiet indaqs fil-Komunità.

3.   Il-proċeduri għad-distribuzzjoni ta’ l-opinjonijiet u r-rapporti tal-Kumitat għandhom jiġu stabbiliti bi ftehim mal-Kummissjoni. Dawn jistgħu jiġu ippubblikati bħala anness għar-rapport annwali tal-Kummissjoni dwar opportunitajiet ugwali għan-nisa u l-irġiel tal-Kummissjoni.

Artikolu 3

1.   Il-Kumitat għandu jkun kompost minn 68 membru, i.e.:

(a)

rappreżentant wieħed għal kull Stat Membru mill-ministeri jew dipartimenti tal-gvern responsabbli biex imexxi ‘l quddiem l-opportunitajiet ugwali; ir-rappreżentant għandu jintgħażel mill-Gvern ta’ kull Stat Membru;

(b)

rappreżentant wieħed għal kull Stat Membru mill-kumitati jew korpi nazzjonali stabbiliti b’deċiżjoni uffiċjali, li jkollu ir-responsabbiltà speċifika għall-opportunitajiet ugwali bejn in-nisa u l-irġiel permezz ta’ rappreżentanza tas-setturi interessati; meta f’xi Stat Membru ikun hemm aktar minn kumitat jew korp wieħed li jaħdmu f’dawn il-materji il-Kummissjoni għandha tistabixxi liema korp, skond l-iskopijiet, l-istruttura, ir-rappreżentattività u livell ta’ indipendenza tiegħu, huwa l-aktar ikkwalifikat biex ikun rappreżentat fil-Kumitat; kull pajjiż li ma jkollux dawn il-kumitati għandu jkun rappreżentat minn membri ta’ korpi kkunsidrati mill-Kummissjoni li jaqdu dmirijiet analogi; ir-rappreżentant għandu jinħatar mill-Kummissjoni, li taġixxi fuq proposta tal-kumitat jew korp nazzjonali li għandu x’jaqsam;

(ċ)

sebgħa membri li jirrappreżentaw l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem fuq il-livell Komuntarju;

(d)

sebgħa membri li jirrappreżentaw l-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema fuq il-livell Komunitarju.

Ir-rappreżentanti għandhom jinħatru mill-Kummissjoni, li taġixxi fuq proposta mis-sieħba soċjali fuq il-livell Komunitarju.

2.   Żewġ rappreżentanti tal-European Women’s Lobby għandhom jattendu l-laqgħat tal-Kumitat bħala osservaturi.

3.   Ir-rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali u professjonali u assoċjazzjonijiet oħra li jagħmlu talbiet motivati kif dovut lill-Kummissjoni jistgħu jingħataw status ta’ osservaturi.

Artikolu 4

Persuna alternattiva għandha tinħatar għal kull membru tal-Kumitat taħt l-istess kondizzjonijiet bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 3.

Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 7, il-persuna alternattiva la tattendi l-laqgħat tal-Kumitat u lanqas tipparteċipa fix-xogħol tiegħu sakemm il-membru rilevanti ma jkunx miżmum milli jagħmel dan.

Artikolu 5

Iż-żmien tal-kariga tal-membri tal-Kumitat għandu jkun ta’ tliet snin u jista’ jiġġedded.

Meta jagħlaq il-perjodu ta’ tliet snin, il-membri tal-Kumitat ikomplu fil-kariga sakemm ikun provdut xi ħadd li jeħdilhom posthom jew jiġġedded iż-żmien tal-kariga tagħhom.

Iż-żmien ta’ kariga ta’ kull membru jintemm qabel ma jagħlaq il-perjodu ta’ tliet snin fil-każ tar-riżenja tagħha/tiegħu, tat-tmiem tas-sħubija tagħha/tiegħu fl-organizzazzjoni li tirrappreżenta jew jirrappreżenta, jew il-mewt tagħha/tiegħu. Iż-żmien ta’ kariga ta’ xi membru jista’ jintemm ukoll jekk l-organizzazzjoni li nnominatu titlob li jinbidel.

Il-membru jinbidel għall-kumplament taż-żmien tal-kariga skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 4.

Ma jkun hemm ebda ħlas għad-dmirijiet tal-membru; spejjeż ta’ l-ivvjaġġar u ta’ kuljum għal-laqgħat tal-Kumitat u gruppi ta’ xogħol stabbiliti skond l-Artikolu 8 għandhom jitħallsu mill-Kummissjoni skond ir-regoli amministrattivi li jkun hemm fis-seħħ.

Artikolu 6

Il-Kumitat għandu jaħtar president, għal mandat ta’ sena, minn fost il-membri tiegħu. L-elezzjoni ssir b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri preżenti; iżda ikun jeħtieġ minimu ta’ nofs il-voti kollha favur.

Għandhom jiġu eletti żewġ viċi-presidenti bl-istess maġġoranza u taħt l-istess kundizzjonijiet. Dawn ikollhom jaġixxu flok il-president fl-assenza ta’ dan ta’ l-aħħar. Il-president u l-viċi-presidenti għandhom jappartjenu għal Stati Membri differenti. Għandhom jikkostitwixxu il-Bureau tal-Kumitat, li għandu jiltaqa’ qabel kull laqgħa tal-Kumitat.

Il-Kummissjoni għandha torganizza x-xogħol tal-Kumitat b’kooperazzjoni mill-qrib mal-president. L-abbozz ta’ l-aġenda għal-laqgħat tal-Kumitat għandu jiġi stabbilit mill-Kummissjoni bi ftehim mal-president. Is-Segretarjat tal-Kumitat għandu jiġi pprovdut mill-Unità ta’ l-Opportunitajiet Ugwali tal-Kummissjoni. Il-minuti tal-laqgħat tal-Kumitat għandhom jinkitbu mis-servizzi tal-Kummissjoni u jingħataw lill-Kumitat għall-approvazzjoni.

Artikolu 7

Il-President jista’ jistieden lil xi persuna li tkun speċjalment kwalifikata f’xi suġġett partikulari li jkun fl-aġenda biex tieħu sehem fix-xogħol tiegħu bħala espert.

L-esperti għandhom jieħdu sehem fix-xogħol fuq is-suġġett partikolari li għalih intalbet l-attendenza tagħhom.

Artikolu 8

1.   Il-Kumitat jista’ jistabbilixxi gruppi ta’ xogħol.

2.   Għat-tħejjija ta’ l-opinjonijiet tiegħu, il-Kumitat jista’ jafda x-xogħol tat-tfassil tar-rapporti f’idejn rapporteur jew xi espert minn barra skond il-proċeduri li għandhom jiġu stabbiliti.

3.   Membru wieħed jew aktar tal-Kumitat jista’ jipparteċipa bħala osservatur fl-attivitajiet ta’ kumitati konsultattivi oħra tal-Kummissjoni, u għandu jinforma lill-Kumitat b’dan.

Artikolu 9

Il-miżuri adottati skond l-Artikoli 7 u 8 li jkollhom implikazzjonijiet finanzjarji għall-bilanċ tal-Komunitajiet Ewropej għandhom jingħataw qabel għall-qbil tal-Kummissjoni u għandhom ikunu implimentati skond ir-regoli amministrattivi li jkun hemm fis-seħħ.

Artikolu 10

Il-Kumitat għandu jitlaqqa mill-Kummissjoni u għandu jiltaqa’ fil-bini tagħha. Għandu jiltaqa’ mill-inqas darbtejn fis-sena.

Artikolu 11

Id-diskussjonijiet tal-Kumitat għandhom jittrattaw fuq it-talbiet formulati mill-Kummissjoni jew fuq l-opinjonijiet li l-Kumitat jagħti fuq l-inizjattiva tiegħu proprja. Ma jitteħidx vot fuqhom.

Il-Kummissjoni, meta tkun qiegħda titlob l-opinjoni tal-Kumitat, tista’ tagħti limitu ta’ żmien li fih trid tingħata l-opinjoni.

L-opinjonijiet espressi mid-diversi kategoriji rrappreżentati fil-Kumitat huma rreġistrati fil-minuti, li jintbagħtu lill-Kummissjoni.

Meta l-opinjoni mitluba tkun intlaħqet b’mod unanimu mill-Kumitat, dan għandu jabbozza konklużjonijiet komuni li jkunu annessi mal-minuti.

Artikolu 12

Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 287 tat-Trattat, il-membri tal-Kumitat m’għandhomx ikunu mitluba jiżvelaw informazzjoni miksuba fil-qadi tax-xogħol tal-Kumitat jew tal-gruppi tax-xogħol tiegħu meta jiġu infurmati mill-Kummissjoni li l-opinjoni mitluba jew il-mistoqsija magħmula jkollha x’taqsam ma’ xi ħaġa kunfidenzjali.

F’dawn il-każijiet, membri tal-Kumitat u r-rappreżentanti tad-dipartimenti tal-Kummissjoni biss għandhom jattendu l-laqgħat.

Artikolu 13

Id-Deċiżjoni 82/43/KEE hi mħassra.

Referenzi għad-Deċiżjoni li ġiet imħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Deċiżjoni u għandhom jinqraw skond it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness II.

Magħmula fi Brussell, 16 ta’ Ġunju 2008.

Għall-Kummissjoni

José Manuel BARROSO

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 20, 28.1.1982, p. 35. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1792/2006 (ĠU L 362, 20.12.2006, p. 1).

(2)  Ara l-Anness I.


ANNESS I

Deċiżjoni mħassra flimkien ma’ lista ta’ l-emendi suċċessivi tagħha

Deċiżjoni tal-Kummissjoni 82/43/KEE

(ĠU L 20, 28.1.1982, p. 35)

 

Punt VIII.12. ta’ l-Anness I ta’ l-Att ta’ Adeżjoni 1985

(ĠU L 302, 15.11.1985, p. 209)

 

Punt IV.Ċ. ta’ l-Anness I ta’ l-Att ta’ Adeżjoni 1994

(ĠU C 241, 29.8.1994, p. 115)

 

Deċiżjoni tal-Kummissjoni 95/420/KE

(ĠU L 249, 17.10.1995, p. 43)

 

Punt 11.4. ta’ l-Anness II ta’ l-Att ta’ Adeżjoni 2003

(ĠU L 236, 23.9.2003, p. 585)

 

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1792/2006

(ĠU L 362, 20.12.2006, p. 1)

Biss fir-rigward tar-referenza magħmula fis-sitt inċiż ta’ Artikolu 1(2) għad-Deċiżjoni 82/43/KEE u l-Anness, punt 9.1.


ANNESS II

Tabella ta’ Korrelazzjoni

Deċiżjoni 82/43/KEE

Din id-Deċiżjoni

Artikolu 1 u 2

Artikolu 1 u 2

Artikolu 3(1), l-ewwel subparagrafu, (a)

Artikolu 3(1), l-ewwel subparagrafu, (a)

Artikolu 3(1), l-ewwel subparagrafu, (b)

Artikolu 3(1), l-ewwel subparagrafu, (b)

Artikolu 3(1), l-ewwel subparagrafu, (ċ), l-ewwel inċiż

Artikolu 3(1), l-ewwel subparagrafu, (ċ)

Artikolu 3(1), l-ewwel subparagrafu, (ċ), it-tieni inċiż

Artikolu 3(1), l-ewwel subparagrafu, (d)

Artikolu 3(1), it-tieni subparagrafu

Artikolu 3(1), it-tieni subparagrafu

Artikolu 3(2) u (3)

Artikolu 3(2) u (3)

Artikolu 4, l-ewwel sentenza

Artikolu 4, l-ewwel subparagrafu

Artikolu 4, it-tieni sentenza

Artikolu 4, it-tieni subparagrafu

Artikoli 5-12

Artikoli 5-12

Artikolu 13

Artikolu 13

Anness I

Anness II


Top