Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008D0366

    2008/366/KE: Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 30 ta’ Jannar 2008 dwar għajnuna mill-Istat C 35/06 (ex NN 37/06) implimentata mill-Iżvezja għal Konsum Jämtland Ekonomisk Förening (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 311) Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 126, 14.5.2008, p. 3–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/366/oj

    14.5.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 126/3


    ID-DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tat-30 ta’ Jannar 2008

    dwar għajnuna mill-Istat C 35/06 (ex NN 37/06) implimentata mill-Iżvezja għal Konsum Jämtland Ekonomisk Förening

    (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 311)

    (Il-verżjoni ta’ l-Iżvezja biss hija awtentika)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (2008/366/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 88(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidrat il-Ftehim li jistabbilixxi ż-Żona Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 61(1)(a) tiegħu,

    Wara li talbet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom skond id-dispożizzjonijiet imsemmijin hawn fuq (1) u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

    Billi:

    I.   PROĊEDURA

    (1)

    Permezz ta’ ilment reġistrat fl-14 ta’ Novembru 2005, Den Nya Välfärden għarraf lill-Kummissjoni dwar il-bejgħ ta’ biċċa art mill-Muniċipalità ta’ lill-Konsum Jämtland Ekonomisk Förening (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “Konsum”) li allegatament jinvolvi għajnuna illegali mill-Istat.

    (2)

    Permezz ta’ ittra bid-data tat-3 ta’ Jannar 2006, il-Kummissjoni talbet iżjed informazzjoni dwar it-tranżazzjoni mill-awtoritajiet Żvediżi, li ġiet sottomessa permezz ta’ ittri bid-data tat-2 ta’ Marzu 2006 u tat-28 ta’ Marzu 2006.

    (3)

    Permezz ta’ ittra bid-data tat-3 ta’ Jannar 2006, il-Kummissjoni talbet iżjed informazzjoni mingħand il-kwerelant dwar it-tranżazzjoni li ġiet sottomessa permezz ta’ ittra bid-data ta’ l-1 ta’ Frar 2006.

    (4)

    Permezz ta’ ittra bid-data tad-19 ta’ Lulju 2006, il-Kummissjoni informat lill-Iżvezja li kienet iddeċidiet tibda l-proċedura stipulata fl-Artikolu 88(2) tat-Trattat ta’ l-UE fir-rigward tal-miżura (2).

    (5)

    Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni biex tibda l-proċedura ġiet ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea (3) Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar il-miżura.

    (6)

    L-Iżvezja sottomettiet l-osservazzjonijiet tagħha permezz ta’ ittra bid-data tas-27 ta’ Settembru 2006.

    (7)

    Il-Kummissjoni ma’ rċeviet l-ebda kummenti mill-partijiet interessati.

    (8)

    Permezz ta’ ittra ta’ l-24 ta’ Jannar 2007 il-Kummissjoni talbet iżjed informazzjoni, li ngħatat mill-awtoritajiet Żvediżi permezz ta’ ittra bid-data tal-21 ta’ Frar 2007.

    II.   DESKRIZZJONI DDETTALJATA TAL-MIŻURA

    1.   Il-kwerelant (4)

    (9)

    Il-kwerelant, Den Nya Välfärden, hija organiżżazzjoni tan-neġozju ffinanzjata minn kontribuzzjonijiet ġejjin minn numru kbir ta’ kumpaniji, li qegħdin jaġixxu f'isem wieħed mill-membri tagħha, Lidl Sverige KB (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “Lidl”).

    (10)

    Lidl daħlet fis-suq Żvediż f'Settembru ta’ l-2003 u attwalment għandha 130 ħanut ta’ skont (discount stores) fl-Iżvezja. Huwa mistenni li se tilħalq 3 % tas-suq sa l-aħħar ta’ l-2007, filwaqt li kellha sehem fis-suq ta’ 2,2 % sa l-aħħar ta’ l-2006. Kellha dħul ta’ SEK 3,7 biljun (madwar EUR 393 miljun) fl-2006/2007. Lidl għamlet it-telf minn mindu bdiet l-attivitajiet tagħha fl-Iżvezja u ddikjarat telf operattiv ta’ SEK 339 miljun (madwar EUR 36 miljun) għall-2006/2007.

    (11)

    Lidl hija relattivament parteċipanta żgħira fis-suq ta’ l-ikel fl-Iżvezja.

    2.   Benefiċarju ta’ l-Għajnuna (5)

    (12)

    Konsum hija impriża kooperativa li tbiegħ prodotti tal-konsumatur, li jinkludu prodotti ta’ l-ikel u prodotti tal-merċa, madwar il-Kontea kollha ta’ Jämtland. Fl-2004, kellha dħul ta’ SEK 260 miljun (madwar EUR 28 miljun).

    (13)

    Fl-1 ta’ Jannar 2006, Konsum Jämtland Ekonomisk Förening amalgamat ma’ Nord Ekonomisk Förening Iż-żewġ kumpaniji huma membri ta’ Kooperativa Förbundet, l-Unjoni Kooperativa Żvediża li tiġbor il-51 impriża kooperativa tal-konsumatur tal-pajjiż b'madwar 3 miljun membru. Hija proprjetarja ta', fost oħrajn, 42 % tal-kumpanija Coop Norden, it-tieni l-akbar parteċipanta fis-settur tal-Prodotti b'Rata Mgħaġġla ta’ Konsum (minn hawn 'il quddiem msemmija “PRMK”) fl-Iżvezja, b'sehem fis-suq ta’ 16,2 % fl-2005, u wieħed mill-iżjed partecipanti kbar fid-Denimarka u n-Norveġja. Kooperativa Förbundet hija attiva wkoll fil-kummerċ tal-proprjetà, il-midja u attivitajiet oħrajn. Għamlet profitti ta’ SEK 701 miljun (madwar EUR 74 miljun) u bejgħ ta’ SEK 24,4 biljun (madwar EUR 2,6 biljun) fl-2006.

    3.   Il-bejgħ ta’ art

    (14)

    L-ilment jikkonċerna l-bejgħ ta’ art mill-Muniċipalità ta’ Åre lil Konsum għall-prezz li kien allegatament taħt il-valur tas-suq.

    (15)

    Fil-5 ta’ Ottubru 2005, il-Kunsill Municipali ta’ Åre ddeċieda jbiegħ biċċa art f' Produkthusområdet (Åre Prästbord 1:30, 1:68 u 1:69) lil Konsum għal SEK 2 miljun (madwar EURO 0.2 miljun) Il-bejgħ ma’ ġiex preċedut minn offerta pubblika.

    (16)

    Il-bejgħ ta’ l-art kellha tiġi approvata fil-laqgħa tal-Kunsill Muniċipali ta’ l-24 ta’ Awissu 2005 għall-prezz ta’ SEK 1.

    (17)

    Iżda, fit-23 ta’ Awissu 2005, Lidl sottomettiet offerta ta’ SEK 6,6 miljun (madwar EUR 0,7 miljun) għall-istess biċċa art permezz ta’ telefonata lill-Uffiċjal Kap Eżekuttiv Muniċipali li ġiet segwita minn messaġġ bil-posta elettronika fl-istess ġurnata.

    (18)

    Fl-24 ta’ Awissu 2005 ir-Radju Sweden P4 Jämtland ippubblikat l-offerta ta’ Lidl u intervistat Kummissarju Muniċipali, li kkonferma s-sottomissjoni ta’ l-offerta.

    (19)

    Wara li saret l-offerta ta’ Lidl, l-uffiċjal Ezekuttiv Muniċipali rega' nnegozja l-prezz tal-bejgħ ma’ Konsum u t-tnejn ftehmu fuq prezz irrivedut ta’ SEK 1 miljun.

    (20)

    Fl-24 ta’ Awissu 2005, Il-Bord Eżekuttiv Muniċipali approvat il-bejgħ għall-prezz ta’ SEK 1 miljun. Il-minuti ta’ din il-laqgħa jirreferu għall-offerta ta’ Lidl bħala l-bażi li fuqha saret id-deċiżjoni li jinbiegħ l-art għall-prezz ta’ SEK 1 miljun u mhux SEK 1, kif kien miftiehem oriġinalment. Skond il-minuti, L-uffiċjal Eżekuttiv Muniċipali ngħata l-inkarigu li jipprova jsib lok ieħor f'Åre għal Lidl.

    (21)

    Il-bejgħ għall-prezz ta’ SEK 1 miljun ġie irtirat mill-Bord Eżekutiv Muniċipali fil-laqgħa tagħha ta’ l-20 ta’ Settembru 2005 wara li sar appell minn zewġ membri tal-Muniċipalità lill-Qorti Amministrattiva tal-Kontea.

    (22)

    Fl-aħħarnett, il-bejgħ għall-prezz ta’ SEK 2 miljun ġie approvat mill-Bord Eżekuttiv Muniċipali fil-5 ta’ Ottubru 2005. Ittra uffiċjali mill-Uffiċċju Eżekuttiv Muniċipali lill-Kunsill Muniċipali bid-data ta’ l-20 ta’ Settembru 2005 tirreferi għall-offerta ta’ Lidl u ssemmi li l-Uffiċċju tal-Municipal Eżekuttiv kien qiegħed f'kuntatt ma’ Lidl fir-rigward ta’ l-istabbiliment tiegħu f'post ieħor.

    (23)

    Permezz ta’ ittri tat-28 ta’ Ottubru 2005 lill-Bord Muniċipali Eżekuttiv u tat-30 ta’ Novembru 2005 lil Den Nya Välfärden, Lidl ikkonfermat li l-offerta tagħha kienet għadha valida u li kienet interessata tipparteċipa fi kwalunkwe stedina għax-xiri ta’ l-art.

    (24)

    Fiż-żmien li fih sar il-bejgħ, Konsum kienet diġà stabbilita fil-Muniċipalità ta’ Åre u Lidl kienet qiegħda tipprova tiftaħ l-ewwel ħanut tagħha f'Åre.

    III.   DEĊIŻJONI BIEX JINBDEW PROĊEDURI SKOND L-ARTIKOLU 88(2) TAT-TRATTAT TAL-KE

    (25)

    Il-Kummissjoni ddeċidiet tiftaħ il-proċedura ta’ investiġazzjoni formali prinċipalment minħabba r-raġunijiet li ġejjin:

    Qabel il-bejgħ ma’ saritx offerta pubblika;

    L-awtoritajiet Żvediżi ma setgħux iressqu evidenza ta’ evalwazzjoni indipendenti ta’ l-art, anke jekk semmew evalwazzjoni ta’ xi artijiet fl-istess żona li saret minn Ernst & Young Real Estate;

    Il-prezz tal-bejgħ lil Konsum u l-offerta ta’ Lidl jidhru li huma direttament kumparabbli u milli jidher ma kienx hemm kundizzjonijiet speċifiċi marbutin ma’ l-offerta ta’ Lidl. Id-diversi żidied fil-prezz ippjanat tal-bejgħ li ġew wara l-offerta ta’ Lidl (minn SEK 1 għal SEK 1 miljun, u finalment, għal SEK 2 miljun) jidhru li jappoġġjaw din is-sejba. Peress li l-offerta ta’ Lidl kienet ogħla mill-prezz tal-bejgħ reali, milli jidher kienu involuti riżorsi ta’ l-Istat;

    Il-miżura tista' taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, b'mod partikolari peress li kemm Konsum kif ukoll Lidl huma parteċipanti internazzjonali;

    Milli jidher, il-miżura ma’ kinitx kumpatibbli mal-linji ta’ gwida dwar għajnuna reġjonali u ma jidhirx li kien hemm il-possibbilità li l-għajnuna setgħet ġiet approvata minħabba xi bażi legali oħra.

    IV.   KUMMENTI MINN PARTIJIET INTERESSATI

    (26)

    Il-Kummissjoni ma irċeviet l-ebda kummenti minn partijiet interessati.

    V.   KUMMENT MILL-IŻVEZJA

    (27)

    L-argument ewlieni mressaq mill-awtoritajiet Żvediżi kien li l-bejgħ li sar lil Konsum kien parti minn numru ta’ ftehimiet dwar art, li notevolment jinvolvu l-bejgħ minn Konsum ta’ biċċa art f'żona oħra ta’ Åre (Åre Torg, li jinsab fiċ-ċentru tal-belt), li kellha tintuża mill-Muniċipalità għall-finijiet ta’ żvilupp.

    (28)

    Permezz tal-bejgħ ta’ din l-art, Konsum ċaqlaq il-ħanut tiegħu 'l barra minn dik iż-żona, u ħalla lill-Muniċipalità tilħaq l-iskop tagħha. L-aċċettazzjoni ta’ l-offerta ta’ Lidl ma ħallietx lill-Muniċipalità ssegwi dan il-pjan ta’ żvilupp ġdid, peress li Konsum kienet se tibqa' fl-istabbiliment attwali tagħha.

    (29)

    Iżda l-kuntratt ta’ bejgħ ma jsemmi l-ebda ftehim ieħor dwar art u lanqas il-valur ta’ l-art mibjugħa minn Konsum fiż-żona ta’ Åre (6).

    (30)

    Żewġ dokumenti relevanti ġodda ġew sottomessi mill-awtoritajiet Żvediżi, jiġifieri r-rapport maħruġ minn Ernst & Young Real Estate u ġudizzju mill-Qorti Amministrattiva tal-Kontea ta’ Jämtland ta’ l-24 ta’ Mejju 2006 dwar l-appell kontra d-deċiżjoni tal-Kunsill Muncipali ta’ Åre biex jiġi approvat il-bejgħ ta’ l-art lill-Konsum.

    1.   Rapport ta’ Evalwazzjoni

    (31)

    Ir-rapport ta’ evalwazzjoni ma jikkonċernax b'mod speċifiku l-biċċa art li nbiegħet lill-Konsum, iżda pjuttost jirrigwarda artijiet oħrajn fl-istess żona, li waħda fosthom tinsab ħdejn l-art li nxtrat minn Konsum. L-evalwazzjoni, li bdiet f'Mejju ta’ l-2003 (7) hija bbażata fuq informazzjoni li tinsab fid-databases tal-konsulent, f'kuntratti ta’ kiri u xiri u fi spejjeż ta’ operazzjonijiet u manutenzjoni standardizzati skond proprjetajiet kumparibbli. L-evalwazzjoni ġiet ibbażata fuq analiżi tal-fluss tal-kontanti, b'kunsiderazzjoni għall-użu previst ta’ l-art.

    (32)

    Skond l-evalwazzjoni, l-art li nbiegħet lil Konsum kellha valur fis-suq ta’ SEK 1,65 miljun – prezz li jikkompara mal-prezz reali tat-tranżitu ta’ SEK 2 miljun.

    (33)

    L-awtoritajiet Żvediżi qalu li, meta biegħu l-art, ikkunsidraw il-fatt li l-evalwazzjoni minn Ernst & Young Real Estate kienet saret f'Mejju ta’ l-2003 filwaqt li l-bejgħ sar f'Ottubru ta’ l-2005, kważi sentejn u nofs wara. Iżda ma tressqet l-ebda evidenza dwar dan.

    2.   Sentenza tal-qorti amministrattiva tal-kontea

    (34)

    L-eżaminazzjoni tal-Qorti Amministrattiva tal-Kontea ġiet illimitata għall-legalità tad-deċiżjoni. Il-Qorti vvalutat jekk il-Muniċipalità keneitx qiegħda taġixxi b'mod li jeċċedi l-awtorità li għandha billi ffavorixxiet neġożju privat mingħajr l-ebda raguni partikolari.

    (35)

    Il-Qorti tal-Kontea ddeċidiet li d-deċiżjoni kienet legali u ma kienx hemm preferenzi fil-konfront tax-xerrej għar-raġunijiet li ġejjin:

    L-offerta ta’ Lidl waslet eżattament qabel mal-Kunsill Municipali ħabbar id-deċiżjoni tiegħu;

    Il-bejgħ jikkonċerna art li kienet soġġetta għal kundizzjonijiet ta’ użu speċjali, skond il-pjan ta’ żvilupp ġenerali applikabbli għal dik iż-żona;

    Ma kienx hemm biżżejjed evidenza li turi li l-prezz tal-bejgħ kien taħt il-valur tas-suq.

    Id-deċiżjoni tal-Kunsill Muniċipali għandu jiġi kkunsidrat bħala parti minn pjan akbar biex jiċċaqilqu n-negozji 'l bogħod miċ-ċentru tal-belt. Dan il-pjan kien jinkludi l-bejgħ ta’ l-art lill-Konsum.

    3.   Informazzjoni ulterjuri sottomessa mill-awtoritajiet żvediżi

    (36)

    F'Jannar ta’ l-2007, id-DĠ KOMP talab lill-awtoritajiet Żvediżi jispjegaw il-metodoloġija li kienu użaw biex jirriflettu d-dewmien taż-żmien bejn id-data tal-evalwazzjoni maħruga minn Ernst & Young Real Estate (Mejju ta’ l-2003) u d-data tat-tranżazzjoni (Ottubru ta’ l-2005) dwar il-prezz tal-bejgħ u biex iressqu evidenza f'dan ir-rigward.

    (37)

    Fi Frar ta’ l-2007 l-awtoritajiet Żvediżi bagħtu ittra ffirmata mill-Kap tal-Kunsill tal-Belt ta’ Åre, li fiha diversi indiċi tas-suq ġenerali (Indiċi tal-Prezz tal-Bejgħ, indiċi tal-prezz tal-Proprjetà għall-ħwienet, eċċ.) huma applikati fuq il-prezz tal-bejgħ sabiex tiġi stmata ż-żieda fil-prezz ta’ l-art fil-perjodu msemmi hawn fuq.

    (38)

    L-iżjed indiċi relevanti huwa l-indiċi tal-prezz tal-proprjetà għall-ħwienet, li huwa relatat ma’ żoni mibnija fi bliet akbar u, għall-2005, huwa magħmul minn madwar terz shopping centres u żewġ terzi ħwienet oħrajn li jbighu bl-imnut. L-indiċi kollha jwasslu għall-valur aġġornat ta’ l-art fil-żmien tal-bejgħ li huwa inqas mill-prezz tal-bejgħ reali.

    (39)

    L-awtoritajiet Żvediżi argumentaw li bażikament ma hemmx suq għal attivitajiet ta’ negozju/bejgħ f'Åre u għalhekk din l-evalwazzjoni ma setgħetx tikkunsidra l-prezzijiet tat-tranżazzjonijiet reali.

    VI.   EVALWAZZZJONI TAL-MIŻURA

    1.   Għajnuna mill-istat taħt l-artikolu 87(1)

    (40)

    L-eżistenza ta’ l-għajnuna mill-Istat għandu jigi evalwat b'riferenza għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-elementi ta’ għajnuna mill-Istat fil-bejgħ ta’ art jew bini minn awtoritajiet pubbliċi (8) (minn hawn 'il quddiem imsejħa ‘il-Komunikazzjoni’).

    1.1.   Użu ta’ riżorsi ta’ l-istat

    1.1.1.   Applikazzjoni tal-komunikazzjoni

    (41)

    Il-Kommunikazzjoni tistipula żewġ possibbiltajiet biex teskludi l-preżenza ta’ għajnuna mill-Istat mill-bejgħ ta’ art jew bini minn awtoritajiet pubbliċi: meta jsir il-bejgħ permezz ta’ proċedura mhux kondizzjonata għall-ġbir ta’ offerti, fejn tinġabar l-aħjar offerta jew, fejn ma jkunx hemm proċedura bħal din, meta l-prezz tal-bejgħ ta’ l-inqas jaqbel mal-valur stabbilit minn evalwazzjoni maħruġa minn espert indipendenti.

    (42)

    Evalwazzjoni bħal din għandha ssir minn evalwatur wieħed jew iżjed (9).

    (43)

    F'dan il-każ, ma kienx hemm proċedura formali għall-ġbir ta’ l-offerti. Kien hemm evalwazzjoni ex ante ta’ bicca art fil-qrib, li bla dubju ta’ xejn, saret minn evalwatur ta’ l-assi independenti u fuq il-bażi ta’ l-istandards ta’ ewalvazzjoni ġenerlament aċċettati, fl-ambitu tat-tifsira tal-Kommunikazzjoni (ara t-taqsima V.1. hawn fuq). Għalkemm l-evalwazzjoni ma kinitx tikkonċerna l-biċċa art li nbiegħet iżda biċċa art li tinsab fil-qrib, ir-rizultat ta’ l-evalwazzjoni jista' jiġi kkunsidrat bħala stima raġjonevoli tal-prezz fis-suq ta’ l-art fiż-żmien li fih saret l-ewalvazzjoni.

    (44)

    Madankollu, din l-evalwazzjoni saret f'Mejju ta’ l-2003, kważi sentejn u nofs qabel ma’ sar il-bejgħ (f'Ottubru ta’ l-2005). Matul perjodu ta’ żmien daqshekk twil, il-valur ta’ l-art seta' nbidel b'mod sinifikanti.

    (45)

    Matul il-proċedura ta’ l-investigazzjoni formali u fuq il-bażi ta’ talba li saret mill-Kummissjoni, l-awtoritajiet Żvediżi taw verżjoni aġġornata ta’ din l-evalwazzjoni (ara t-taqsima V.3. hawn fuq).

    (46)

    Jidher li ma kienx hemm aġġornament formali ta’ l-evalwazzjoni ta’ Ernst & Young qabel ma sar il-bejgħ, biex jiġi kkunsidrat d-dewmien ta’ zmien bejn id-data ta’ l-evalwazzjoni u d-data ta’ meta l-art inbiegħet lil Konusum. Inkella, l-awtoritajiet Żvedizi kienu jfornu din l-evidenza bejn wieħed u ieħor fl-istess żmien ta’ meta saret it-tranżazzjoni. Għalhekk, x'aktarx l-informazzjoni pprovduta mill-Iżvezja fi Frar ta’ l-2007 hija ġustifikazzjoni ex post għall-prezz tal-bejgħ.

    (47)

    Għall-kontrarju ta’ l-evalwazzjoni ta’ Ernst & Young, l-aġġornament ma sarx fuq il-bażi ta’ l-standards għall-evalwazzjoni ġeneralment aċċettati (analiżi tal-fluss tal-kontanti), li jikkunsidra dħul mistenni tal-futur. Dan l-aġġornament ma jikkostitwixxix evalwazzjoni sħiħa ta’ l-art, imma pjuttost applikazzjoni ta’ l-indiċi ġenerali tas-suq biex tiġi stmata ż-żieda teoretika tal-prezz ta’ l-art. Il-biċċa l-kbira ta’ l-indiċi huma ġenerali ħafna (eż. l-Indiċi tal-Prezz tal-Bejgħ) u nazzjonali fl-iskop tagħhom u għalhekk ma jidhrux adekwati fil-kuntest tal-bejgħ speċifiku.

    (48)

    L-indiċi tal-proprjetà immobbli jidher li huwa l-iżjed wieħed xieraq. Iżda, huwa nazzjonali fl-iskop tiegħu u ma jikkunsidrax l-speċifiċità tar-reġjun fejn sar il-bejgħ. Iżjed minn hekk, huwa relatatat ma’ bliet akbar, filwaqt li Åre huwa belt żgħir. Barra dan, m'huwiex relatat mas-settur partikolari tal-bejgħ tal-prodotti ta’ l-ikel, imma pjuttost mal-bejgħ ta’ prodotti tal-konsumatur b'mod ġenerali. Għalhekk, m'huwiex ċert jekk dan l-indiċi rnexxilux jaqbad it-tendenzi reali tal-prezzijiet tal-bejgħ tal-proprjetà għal finijiet tal-bejgħ tal-prodotti ta’ l-ikel f'Åre minn Mejju ta’ l-2003 sa Ottubru ta’ l-2005.

    (49)

    Jikkontradixxi b'xi mod l-argument ta’ l-awtoritajiet Żvediżi li ma hemm bażikament l-ebda suq għall-attivitajiet ta’ bejgħ/negozju f'Åre – argument li tqajjem bħala ġustifikazzjoni għaliex ma ġewx ikkunsidrati l-prezzijiet ta’ trażazzjonijiet reali, huwa l-fatt li, fl-2003, Ernst & Young irnexxielha tagħmel ewalvazzjoni sħiħa bbażata fuq il-prospetti tas-suq ta’ l-art għall-attività partikolari tal-bejgħ bl-imnut ta’ l-ikel u fuq kuntratti attwali ta’ kiri u xiri fl-istess żona.

    (50)

    Hu x'inhu l-każ, qabel ma sar il-bejgħ kien hemm alternattiva oħra u, fl-opinjoni tal-Kummissjoni, indikatur iżjed affidabbli tal-prezz ta’ l-art fis-suq, u dan l-indikatur kien l-offerta magħmula minn Lidl (ara it-taqsima VI.1.1.1.3. hawn isfel).

    1.1.2.   Kundizzjonijiet marbutin mal-bejgħ

    (51)

    L-art li qegħdin nitkellmu dwarha kienet soġġetta għar-restrizzjonijiet ta’ l-ippjanar urbani, jiġifieri rigward l-użu intenzjonat tagħha li kien għal ħanut kummerċjali tal-prodotti ta’ l-ikel, u bħala superfiċje kummerċjali. Dawn ir-restrizzjonijiet għandhom ikunu kkunsidrati fl-ambitu tal-poteri legali pubbliċi u leġittimi tal-Muniċipalità.

    (52)

    L-awtoritajiet Żvediżi argumentaw li l-ftehim dwar l-art fil-kwistjoni kien parti minn ftehim globali, li jinvolvi l-bejgħ ta’ art fiċ-ċentru tal-belt minn Konsum lill-Muniċiplaità biex tintuża għal skopijiet oħra ta’ żvilupp, skond il-pjan ġenerali mfassal mill-Municiplaità għal żvilupp. Iżda, ma hemm l-ebda rabta formali bejn iż-żewġ tranżazzjonijiet fil-kuntratt tal-bejgħ u matul l-investigazzjoni tal-Kummissjoni l-Iżvezja ma sottomettiet l-ebda informazzjoni konkreta dwar it-tranżazzjoni l-oħra jew li turi li ż-żewg tranżazzjonijiet kienu parti minn ftehim uniku.

    (53)

    Ma kienx hemm restrizzjonijiet relevanti imposti fuq il-kuntratt tal-bejgħ. Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li ma kienx hemm “obligazzjonijiet speċjali” marbutin mal-bejgħ, f’ambitu tat-tifsira tal-Kommunikazzjoni.

    (54)

    Ma kienx hemm kundizzjonjiet marbutin ma’ l-offerta ta’ Lidl jew mal-kuntratt tal-bejgħ. L-attività li kellha tiġi żviluppata fil-biċċa art kienet tkun simili (ħanut tal-bejgħ bl-imnut tal-merċa u l-prodotti ta’ l-ikel) u konformi mar-restrizzjonijiet ta’ l-ippjanar urbani imposti leġittimament mill-Muniċipalità. Għalhekk, l-offerta magħmula minn Lidl u l-prezz tal-bejgħ attwali lil Konsum huma direttament komparabbli.

    1.1.3.   Applikazzjoni tal-prinċipju ta’ l-investitur fis-suq ekonomiku

    (55)

    Skond il-każistika eżistenti (10), il-punt tat- tluq fl-evalwazzjoni ta’ jekk il-bejgħ kienx jinvolvi riżorsi mill-Istat għandu jkun il-prinċipju ta’ l-investitur fl-ekonomija tas-suq (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “PIES”) Skond dan il-prinċipju, l-ammont ta’ għajnuna involut f'dan il-bejgħ ta’ ass pubbliku huwa ugwali għad-differenza bejn x'ħallas fil-fatt ir-reċipjent u x'kien ikollu jħallas fi tranzazzjoni fuq l-idejn fis-suq ħieles biex jixtri proprjetà simili mingħand bejjiegħ privat fiż-żmien li fih sar il-bejgħ.

    (56)

    Għalhekk, li kieku bejjiegħ privat rnexxielu jbiegħ l-art lil Lidl bil-prezz ta’ l-offerta, jigifieri jekk l-offerta ta’ Lidl kienet kredibbli u li torbot, kieku kien ikun hemm involuti r-riżorsi mill-Istat.

    (57)

    Il-Kummissjoni tikkonsidra li l-offerta ta’ Lidl kienet kredibbli u li torbot, għar-raġunijiet li ġejjin:

    L-offerta ta’ Lidl tressqet fit-23 ta’ Awissu 2005 permezz ta’ telefonata lill-uffiċjal Kap Eżekuttiv Muniċipali segwita minn messaġġ bil-posta elettronika fl-istess ġurnata. L-offerta ma ġietx sottomessa b'metodi iżjed formali għaliex Lidl saret taf li l-bejgħ kien se jsir għall-prezz ta’ SEK 1 miljun il-ġuranta ta’ wara. Nistgħu nassumu li minħabba hekk ma kienx hemm ħin biżżejjed biex l-offerta tiġi formalizzata bi kwalunkwe mod ieħor.

    Fl-24 ta’ Awissu 2005 ixxandet pubbliċità dwar l-offerta fuq l-istazzjoni tar-radju li intervista lill-Kummissarju Muniċipali dwar is-suggett. Il-kredibbiltà ta’ l-offerta qatt ma ġiet ikkontestata;

    Fl-istess ġurnata li Lidl issottomettiet l-offerta tagħha, l-uffiċjal Eżekuttiv Muniċipali rega' nnegozja l-prezz tal-bejgħ ma’ Konsum, li immedjatament aċċettat li tħallas SEK 1 miljun għall-art, minflok SEK 1. Fil-ġurnata ta’ wara, il-Bord Eżekuttiv Muniċipali approva l-bejgħ għall-prezz ta’ SEK 1 miljun. Il-minuti ta’ din il-laqgħa jirreferu għall-offerta ta’ Lidl bħala l-bażi li fuqha saret id-deċiżjoni li tinbigħ l-art għall-prezz ta’ SEK 1 miljun u mhux SEK 1, kif kien ippjanat oriġinalment. Skond il-minuti, l-uffiċjal Eżekuttiv Muniċipali ngħata l-inkarigu li jipprova jsib sit ieħor għal Lidl. Dan juri li l-awtoritajiet muniċipali kienu diġà ħasbu li l-offerta ta’ Lidl kienet kredibbli u li torbot;

    ittra uffiċjali mill-Uffiċċju Eżekuttiv Muniċipali lill-Kunsill Muniċipali bid-data ta’ l-20 ta’ Settembru 2005 tirreferi għall-offerta ta’ Lidl u ssemmi li l-Uffiċċju Eżekuttiv Miniċipali kien qiegħed f'kuntatt ma’ Lidl fir-rigward ta’ l-istabbiliment tiegħu f'post ieħor f'Åre;

    Permezz ta’ l-ittri tat-28 ta’ Ottubru 2005 lill-Eżekuttiv Muniċipali u tat-30 ta’ Novembru 2005 lil Den Nya Välfärden, Lidl ikkonfermat li l-offerta tagħha ta’ SEK 6,6 miljun kienet għadha valida u li kienet interessata tipparteċipa fi kwalunkwe stedina għax-xiri ta’ l-art.

    Matul il-procedura sħiħa ta’ l-investigazzjoni, l-awtoritajiet Żvediżi qatt ma kkontestaw il-kredebbiltà ta’ l-offerta ta’ Lidl;

    Lidl hija kumpanija internazzjonali popolari li qiegħda tikkompeti direttament ma’ Konsum fis-suq bl-imnut tal-prodotti ta’ l-ikel u l-merċa. Lidl kienet ilha tiftaħ ħwienet fl-Iżvezja mill-2003 bħala mossa strateġika biex tagħmel qligħ mid-domanda dejjem tikber għas-segment ta’ ħwienet li jagħtu skontijiet goffi fis-settur tal-Prodotti li Jinbiegħu b'Rata Mgħaġġla (PJRM), u s-sehem ta’ dan is-segment fis-suq tal-pajjiżi Nordiċi. Għalhekk, nistgħu b'mod raġonevoli nassumu li l-Iżvezja kienet tassew interessata fl-art li nbiegħet lil Konsum.

    (58)

    Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-offerta kredibbli u li torbot ta’ Lidl, li kienet ogħla mill-prezz ta’ l-art kif ġiet stmata minn evalwazzjoni aġġornata, huwa indikatur aħjar mill-valur fis-suq ta’ l-art, peress li tirrefletti kemm huwa kien lest iħallas is-suq għall-art fid-data li fiha sar il-bejgħ.

    (59)

    Anke li kieku l-evalwazjoni minn espert saret skond din il-Komunikazzjoni, jigifieri evalwazzjoni tal-biċċa art li attwalment kienet ser tinbigħ magħmula ftit qabel ma sar il-bejgħ tagħha u fuq il-bażi ta’ l-standards ta’ evalwazzjoni ġeneralment aċċettati, din l-evalwazzjoni kienet se tkun strument inferjuri biex tiddertermina l-prezz fis-suq ta’ l-art, fin-nuqqas ta’ offerti bi prezzijiet reali. Mill-mument li offerta kredibbli u li torbot tkun sottomessa u sakemm l-offerta tkun direttament komparabbli ma’ u ogħla mill-istima tal-prezz skond l-evalwazzjoni, din ta’ qabel għandha tieħu preferenza. L-offerta tistabbilixxi prezz fis-suq reali u għandha tiġi kkunsidrata bħala prokura aħjar għar-riżorsi ta’ l-Istat mitlufin minn evalwazzjoni minn espert.

    (60)

    Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li kien hemm telf ta’ riżorsi ta’ l-Istat, li jammontaw għad-differenza bejn l-offerta li tresssqet minn Lidl u l-prezz tal-bejgħ attwali (SEK 4,6 miljun, madwar EUR 0,5 miljun).

    1.2.   Vantagg ekonomiku

    (61)

    Li kieku saret sejħa pubblika għall-offerti, il-prezz ta’ l-art kienet tilħaq mill-inqas il-prezz offrut minn Lidl, u Konsum kien ikollha tħallas mill-inqas dan il-prezz għall-art. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonsidra li, f'dan il-każ, il-bejgħ ta’ l-art jista' jitqies bħala vantaġġ ekonomiku selettiv għal Konsum li huwa ugwali għad-differenza bejn l-offerta ta’ Lidl u l-prezz attwali tal-bejgħ.

    1.3.   Tfixkil tal-kompetizzjoni u effett fuq il-kummerċ bejn l-istati membri (11)

    (62)

    Kemm il-kwerelant kif ukoll il-benefiċjarju ta’ l-ghajnuna huma attivi fis-settur tal-PJRM Dan is-settur jista' jerga' jinqasam f'erba' subsetturi: skont ħafif, skont goff, ipermerkati u supermarkits/ħwienet li joffru servizz/ħwienet oħra annessi mal-pompi tal-petrol. Fl-2005, l-ishma tas-suq ta’ dawn is-subsetturi kienu: supermarkits – 68,4 % ipermerkati – 16,4 % skont ħafif – 11,5 %; u skont goff – 3,7 % Is-sehem tas-suq kooperattiv tal-konsumatur tas-settur PJRM kien 16,2 % fl-istess sena.

    (63)

    Is-suq Żvediż tal-bejgħ bl-imnut u l-bejgħ bl-ingrossa tal-prodotti ta’ l-ikel huwa ddominat minn erba' gruppi: ICA Ahold, Axfood AB, Coop Norden u BergendahlsGruppen AB, li flimkien jagħmlu madwar 80 % tas-suq tal-bejgħ tal-kommoditajiet (12).

    (64)

    L-industrija tal-bejgħ tal-prodotti ta’ l-ikel bl-imnut fl-Iżvezja ilha żmiem ikkaratteriżżata minn strutturi stabbli u livell baxx ta’ internazzjonalizzazzjoni. Iżda, din l-istampa bdiet tinbidel fl-1999 meta bejjiegħ bl-imnut kbir tal-prodotti ta’ l-ikel bl-isem ta’ Ahold, xtara sehem ta’ 50 % fl-akbar bejjiegħ bl-imnut Żvediż, ICA. Sussegwentement, kien hemm mewġa ta’ amalgamazzjonijiet fost il-bejjiegħa Nordiċi u l-kumpaniji qegħdin isiru iżjed Nordiċi minn domestiċi fil-perspettiva tagħhom.

    (65)

    It-tendenza ġenerali hija żieda fil-volumi tal-bejgħ mill-ipermerkati u s-supermarkits il-kbar, filwaqt li ħwienet zgħar jew ta’ daqs medju marru lura.

    (66)

    Ħwienet li joffru skontijiet qegħdin ikabbru is-sehem tagħhom fis-suq. Bejn l-1990 u 1-2002, il-ħwienet li joffru skont żiedu s-sehem tagħhom tat-total tal-bejgħ minn 3 % sa 13 %. B'risposta għal din it-tendenza, il-bejjiegħa Nordiċi kienu qegħdin jiftħu ħwienet li jagħtu l-iskont taghħom u kienu qed iżidu n-numru ta’ prodotti għall-bejgħ taħt il-marka tagħhom.

    (67)

    Matul il-proċedura formali ta’ l-investigazzjoni, Il-Kummissjoni kkonfermat fl-ewwel evalwazzjoni tagħha li l-miżura xekklet il-kompetizzjoni u kellha l-potenzjal li tinfluwenza l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

    (68)

    Il-kompetizzjoni ġiet affettwata permezz ta’ xkiel fl-allokazzjoni ta’ assi bejn kumpaniji li qegħdin jikkompetu ma’ xulxin. Is-suq tal-bejgħ tal-prodotti ta’ l-ikel bl-imnut huwa ġeneralment ta’ karattru lokali jew reġjonali. Iżda, peress li tokkupa post fis-suq u dan affetwa l-istragetija tad-dħul fis-suq ta’ kompetitur barrani, il-miżura kellha l-potenzjal li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

    (69)

    Ta’ min jinnota wkoll li l-għajnuna rifdet il-pożizzjoni finanzjara ta’ impriża b'attivitajiet internazzjonali. Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti (13)“meta għajnuna finazjarja mill-Istat isaħħaħ il-pożizzjoni ta’ impriża meta mqabbla ma’ imprizi oħrajn li qegħdin jikkompetu f'kummerċ intra-Kommunitarju għandu jiġi kkunsidrat li dan ta’ l-aħħar se jiġi affettwat minn din l-għajnuna (sentenza fil-Kawża 730/79 Philip Morris v Commission [1980] ECR 2671, il-paragrafu 11). Għal dan il-għan, m'huwiex neċessarju li l-impriża benefiċjarja tesporta l-prodotti tagħha. Meta Stat Membru jagħti għajnuna finanzjarja lill-impriża, il-produzzjoni domestika tista' għal din ir-raguni tkompli għaddejja jew tiżdied bir-riżultat li impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra għandhom inqas ċans li jesportaw il-prodotti tagħhom lejn is-suq f'dak l-Istat Membru (sentenza fil-Kawża 102/87 France v Commission [1980] ECR 2671, il-paragrafu 19).”.

    1.4.   Konkluzzjoni

    (70)

    Il-miżura tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, fit-tifsira ta’ l-Artikolu 87(1) tat-Trattat ta’ l-UE.

    2.   Kompatibbiltà

    (71)

    Fid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni wriet li, jekk tiġi kkonfermata l-preżenza ta’ għajnuna mill-Istat, jidher li ma hemmx bażi biex tiddikkjara l-miżura kumpatibbli mat-Trattat (14) B'mod partikolari, il-bejgħ ta’ l-art ma jistax jitqies bħala għajnuna għall-investiment kumpatibbli taħt il-Linji ta’ Gwida dwar għajnuna reġjonali nazzjonali (15) Pjuttost, dan jikkonstitwixxi għajnuna operattiva li, skond il-punt 4,15 ta’ dawn il-Linji ta’ Gwida m'hijiex permessa fl-oqsma assistiti taħt l-Artikolu 87(3)(ċ) tat-Trattat ta'l-UE (16) Il-Kummissjoni tikkonferma wkoll l-ewwel konklużjoni tagħha li ma kienx hemm raġunijiet legali alternattivi li jeżentaw l-għajnuna finazjarja mill-prinċipju ta’ projbizzjoni ġenerali.

    (72)

    Anke jekk it-tfixkil tal-kompetizzjoni jidher li hu kemmxejn lokali fin-natura tiegħu u l-effett fuq il-kummerc jista' pjuttost ikun limitat, l-Iżvezja ma pprovdiet l-ebda evidenza ta’ għanijiet ta’ interess komuni indirizzati mill-għajnuna. Pjuttost, l-awtorijiet Żvediżi kkonċentraw l-argumenti tagħhom fuq l-eżistenza ta’ għajnuna finanzjarja u ma pprovdew l-ebda argumenti kumpatibbli.

    (73)

    Din il-konkluzzjoni preliminari hija għalhekk ikkonfermata.

    3.   Rkuprar

    (74)

    Peress li l-miżura ġiet implimentata mingħajr avviż minn qabel lill-Kummissjoni u hija inkompatibbli mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, l-awtoritajiet Żvediżi huma meħtiega jirkupraw l-għajnuna mingħand il-benefiċarju.

    (75)

    Għandu jiġi mfakkar, f'dan il-kuntest, li l-iskop ta’ dan l-irkuprar huwa li jfittex li jġib is-sitwazzjoni bħalma kienet qabel ma ngħatat l-ghajnuna. Dan se jinkiseb hekk kif l-għajnuna illegali u inkompatibbli titħallas lura minn min irċevieha, ħalli b'hekk ikun ċeda l-vantaġġ li kellu fuq il-kompetituri tiegħu fis-suq. L-ammont li għandu jiġi rkuprat għandu jkun tali li jelimina l-vantaġġ ekonomiku li ngħata lill-beneficjarju.

    (76)

    Peress li l-għajnuna li ngħatat lil Konsum hija ugwali għad-differnenza bejn l-offerta ta’ Lidl u l-prezz tal-bejgħ attwali – SEK 4.6 miljun (madwar EUR 0,5 miljun) – dan huwa l-ammont ta’ għajnuna finanzjarja, li għandu jiġi rkuprat.

    (77)

    Għalhekk, l-awtoritajiet Żvediżi huma meħtiega jirkupraw minn Konsum l-ammont ta’ SEK 4,6 miljun flimkien ma’ l-interessi ta’ rkuprar, ikkalkolati skond l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta’ April 2004 li timplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jistipula regoli dettaljati għall-applikazzojni ta’ l-Artikolu 93 tat-Trattat ta’ l-UE (17) L-intressi għandhom jitħallsu mid-data ta’ meta l-għajnuna illegali tpoġġiet għad-dispożizzjoni ta’ Konsum sad-data ta’ l-irkuprar effettiv.

    VII.   KONKLUŻŻJONI

    (78)

    Il-Kummissjoni ssib li l-Iżvezja implimentat illegalment, bi ksur ta’ l-Artikolu 88(3) tat-Trattat ta’ l-UE, il-bejgħ ta’ l-art li qegħdin nitkellmu dwarha. Il-Kummissjoni tikkonsidra li miżura bħal din, li tikkostiwixxi għajnuna finanzjara purament operattiva, m'hi elegibbli għal ebda deroga taħt it-Trattat ta’ l-UE, u hija għalhekk inkompatibbli mas-suq komuni. Għalhekk, l-għajnuna għandha tiġi rkuprata,

    HADET DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-għajnuna mill-Istat, li tammonta għal SEK 4,6 miljun, li ngħatat illegalment mill-Iżvezja, bi ksur ta’ l-Artikolu 88(3) tat-Trattat, lil Konsum Jämtland Ekonomisk Förening hija inkompatibbli mas-suq komuni.

    Artikolu 2

    1.   L-Iżvezja għandha tirkupra mingħand il-benefiċarju l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1.

    2.   Is-somma li għandha tiġi rkuprata se tinkludi interessi għall-perjodu sħiħ mid-data ta’ minn meta tpoġġiet għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju sa meta ġiet attwalment irkuprata.

    3.   L-interessi se jiġu kkalkulati bħala interessi kapitalizzati b'komformità mal-Kapitolu V tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004.

    Artikolu 3

    1.   L-irkuprar ta’ l-għajnuna msemmi fl-Artikolu 1 se jkun immedjat u effettiv.

    2.   L-Iżvezja se tiżgura li din id-Deċiżjoni tkun implimentata fi żmien erba' xhur mid-data ta’ dan l-avviż.

    Artikolu 4

    1.   Fi żmien xahrejn mill-avviż ta’ din id-Deċiżjoni, l-Iżvezja għandha tissottometti l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni:

    (a)

    L-ammont totali (il-kapital flimkien ma’ l-interessi ta’ l-irkuprar) li għandu jiġi rkuprat mingħand il-benefiċjarju;

    (b)

    Deskrizzjoni ddettaljata tal-miżuri meħudin diġà u u ta’ dawk ippjanati b'tali mod li jikkomformaw ma’ din id-deċiżjoni;

    (ċ)

    Dokumenti li juru li l-benefiċjarju ġie ordnat iħallas lura l-għajnuna finanzjarja.

    2.   l-Iżvezja għandha żżomm lill-Kummissjoni aġġornata dwar il-progress tal-miżuri nazzjonali meħudin biex tiġi rkuprata l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 sakemm dan l-irkupru jkun komplut. Għandha tissottometti immedjatament, fuq talba tal-Kummissjoni, informazzjoni dwar il-miżuri meħudin diġà u dwar dawk ippjanati b'tali mod li jikkonformaw ma’ din id-Deċiżjoni. Għandha tipprovdi wkoll informazzjoni ddettaljata li tikkonċerna l-ammonti ta’ l-għajnuna fianazjara u l-interessi ta’ rkuprar li ġew rkuprati digà mingħand il-benefiċjarju.

    Artikolu 5

    Din id-Deċizjoni hija indirizzata lill-Iżvezja.

    Magħmula fi Brussell, 30 ta’ Jannar 2008

    Għall-Kummissjoni

    Neelie KROES

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU C 204, 26.8.2006, p. 5.

    (2)  Il-kawża C 35/06.

    (3)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna nru 1.

    (4)  Is-sors tad-data f'din is-taqsima: “Just-food.com”; 26 ta’ Ottubru 2007.

    (5)  Is-sors tad-data f'din it-taqsima: l-informazzjoni sottomessa mill-kwerelant u r-rapporti annwali tal-Kooperativa Förbundet għall-2005 u l-2006.

    (6)  Abbozz ta’ kuntratt li kien sar qabel għall-bejgħ ta’ l-art għall-prezz ta’ SEK 1 miljun ma kienx fih l-obbligu ta’ Konsum li jbiegħ il-biċċa art li tinsab fiċ-ċentru tal-belt sa skadenza partikolari, iżda din il-klawżola ma kinitx preżenti fil-kuntratt finali.

    (7)  Il-bejgħ attwali sar f'Ottubru ta’ l-2005

    (8)  ĠU C 209, 10.7.1997, p. 3.

    (9)  Evalwatur ta’ l-assi huwa persuna bi kwalifiki u esperjenza akademika xierqa. L-evalwatur għandu jkun independenti, fis-sens li l-awtoritajiet pubbliċi m'għandhomx ikunu intitolati joħorġu ordnijiet fir-rigward tar-riżultat ta’ l-evalwazzjoni. Uffiċċji ta’ evalwazzjoni ta’ l-Istat u uffiċjali jew impjegati pubbliċi huma meqjusin bħala independenti sakemm ma jkunx hemm influwenza bla bżonn fuq is-sejbiet tagħhom.

    (10)  Ara, per eżempju, is-Sentenza tal-Qorti ta’ Prim' Istanza tad-29 ta’ Marzu 2007 fil-kawża T-366/00 (“Scott”).

    (11)  Is-sors tad-data f'din it-taqsima: Ir-rapport annwali ta’ Kooperative Forbundet għall-2005 u r-rapport imħejji minn Global Agriculture Information Network bl-isem “Il-Finlandja, is-settur tal-bejgħ tal-prodotti ta’ l-ikel bl-imnut, 2003”.

    (12)  Id-data tirreferi għall-2002 iżda m'huwiex mistenni li tbidlet b'mod sinifikanti min dak iż-żmien l'hawn.

    (13)  Ara, per eżempju, il-paragrafu 40 tas-żsentenza tal-Qorti ta’ l-14 ta’ Settembru 1994, Ir-Renju ta’ Spanja v il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewroprej, Kawżi Marbutin C-278/92, C-279/92 u C-280/92.

    (14)  Ara l-paragrafi 29-32 tad-deċiżjoni biex tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

    (15)  ĠU C 74, 10.3.1998, p. 9.

    (16)  F'dan ir-rigward ara, b'mod partikolari, il-paragrafi 30 u 31 tad-deċiżjoni biex tinfetaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali.

    (17)  ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1935/2006 (ĠU L 407, 30.12.2006, p. 1).


    Top