EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008D0361

2008/361/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas- 6 ta’ Mejju 2008 dwar il-kontribut finanzjarju tal-Komunità għas-sena 2008 għall-kompjuterizzazzjoni tal-proċeduri veterinarji, is-sistema ta’ notifika tal-mard ta’ l-Annimali, miżuri ta’ komunikazzjoni u studji u valutazzjonijiet

ĠU L 120, 7.5.2008, p. 18–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/361/oj

7.5.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 120/18


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-6 ta’ Mejju 2008

dwar il-kontribut finanzjarju tal-Komunità għas-sena 2008 għall-kompjuterizzazzjoni tal-proċeduri veterinarji, is-sistema ta’ notifika tal-mard ta’ l-Annimali, miżuri ta’ komunikazzjoni u studji u valutazzjonijiet

(2008/361/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju (1), u partikolarment l-Artikoli 17, 20, u 37(2) u 37a(2) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni 90/424/KEE tfassal il-proċeduri li jirregolaw il-kontribut finanzjarju Komunitarju lejn miżuri veterinarji speċifiċi, b'mod partikolari fir-rigward tal-politika ta’ tagħrif għal saħħet l-annimali, il-benessri ta’ l-annimali u s-sigurtà fl-ikel, miżuri tekniċi u xjentifiċi u kontroll.

(2)

L-Artikolu 37a(1)(b) tad-Deċiżjoni 90/424/KEE tistipula li kontribut finanzjarju Komunitarju jista' jingħata għall-kompjuterizzazzjoni tal-proċeduri veterinarji relatati ma’ l-akkomodazzjoni, il-ġestjoni u l-manutenzjoni ta’ sistemi veterinarji kompjuterizzati integrati, inklużi interfaces mad-databases nazzjonali, fejn xieraq. Għalhekk għandu jingħata kontribut finanzjarju Komunitarju għall-akkomodazzjoni, ġestjoni u manutenzjoni tas-sistema veterinarja kompjuterizzata integrata TRACES (Trade Control and Expert System), introdotta mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/24/KE tat-30 ta’ Diċembru 2002 li tirrigwarda l-iżvilupp ta’ sistema veterinarja integrata u kompjuterizzata (2), biex ikun żgurat li s-sistema hija disponibbli, sikura u aġġornata.

(3)

L-Artikolu 37(1) tad-Deċiżjoni 90/424/KEE tistipula li l-introduzzjoni ta’ sistemi sabiex jiġu identifikati annimali u jiġi nnotifikat mard skond il-leġiżlazzjoni li tikkonċerna kontrolli veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju ta’ annimali ħajjin, bil-ħsieb li jitlesta s-suq intern, tista’ tirċevi għajnuna finanzjarja mill-Komunità. Għalhekk għandu jingħata kontribut finanzjarju Komunitarju biex tiġi aġġornata s-sistema ta’ notifika tal-mard ta’ l-annimali (ADNS), ibbażat fuq id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/176/KE ta’ l-1 ta’ Marzu 2005 li twaqqaf l-għamla kkodifikata u l-kodiċi għan-notifika tal-mard ta’ l-annimali skond id-Direttiva tal-Kunsill 82/894/KEE (3), bit-titjib tekniku neċessarju.

(4)

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Strateġija ġdida tas-Saħħa ta’ l-Annimali għall-Unjoni Ewropea (2007-2013) fejn “Il-prevenzjoni hija aqwa mill-kura” (4) (”il-Komunikazzjoni dwar strateġija ta’ saħħa ġdida għall-annimali”) tistipula li l-Kummissjoni hija impenjata biex ittejjeb il-komunikazzjoni lejn il-konsumaturi u l-partijiet interessati.

(5)

L-Artikolu 16 tad-Deċiżjoni 90/424/KEE jistipula li l-Komunità għandha tagħti kontribut finanzjarju għat-twaqqif ta’ politika informattiva fil-qasam tas-saħħa ta’ l-annimali, tal-benessri ta’ l-annimali u tas-sigurtà fl-ikel fil-prodotti li joriġinaw mill-annimali. Għalhekk għandu jingħata kontribut finanzjarju Komunitarju għall-implimentazzjoni tal-miżuri mmirati lejn it-titjib tal-komunikazzjoni lejn il-konsumaturi u l-partijiet interessati fil-qasam tas-saħħa ta’ l-annimali u l-benessri ta’ l-annimali fil-qafas tal-Komunikazzjoni dwar strateġija ġdida għas-saħħa ta’ l-annimali.

(6)

Skond l-Artikolu 19 tad-Deċiżjoni 90/424/KEE, il-Komunità għandha twettaq, jew tgħin lill-Istati Membri jew lill-organizzazzjonijiet internazzjonali biex iwettqu, il-miżuri tekniċi u xjentifiċi meħtieġa għall-iżvilupp ta’ leġiżlazzjoni veterinarja tal-Komunità u għall-iżvilupp ta’ edukazzjoni jew taħriġ veterinarju.

(7)

L-introduzzjoni gradwali ta’ identifikazzjoni elettronika għal ruminanti hija waħda mir-riżultati mistennija ta’ l-istrateġija. Minħabba f'hekk, studju li jqabbel kwistjonijiet bħall-ispejjeż mal-benefiċċju u l-effikaċja fl-ispiża li għandhom x'jaqsmu ma’ l-identifikazzjoni elettronika tal-baqar huwa neċessarju qabel l-introduzzjoni ta’ leġiżlazzjoni ġdida f'dan il-qasam. Sabiex jitjieb ir-rwol tal-laboratorji ta’ referenza tal-Komunità, valutazzjoni tal-funzjonament u r-rendiment tagħhom huwa meqjus neċessarju. Ir-riżultat ta’ dawn l-istudji u valutazzjonijiet se jkun il-bażi għal reviżjoni leġiżlattiva f'dawn l-oqsma jekk ikun hemm bżonn. Għalhekk għandu jingħata kontribut finanzjarju Komunitarju biex jiġu ffinanzjati studji u valutazzjonijiet fl-oqsma tas-sigurtà fl-ikel, is-saħħa u l-benessri ta’ l-annimali u ż-żooteknika. L-ammont massimu li għandu jiġi allokat għal dawn l-azzjonijiet għandu jkun speċifikat. Se jitnedew sejħiet għall-offerti fl-2008 għat-twettiq, taħt kuntratti, studji u valutazzjonijiet speċifiċi fl-oqsma tas-sigurtà fl-ikel, is-saħħa u l-benessri ta’ l-annimali u ż-żooteknika. Skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal-21 ta’ Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni (5), il-miżuri veterinarji jridu jiġu ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija. Għal finijiet ta’ kontroll finanzjarju, għandhom japplikaw l-Artikoli 9, 36 u 37 ta’ dak ir-Regolament.

(8)

Il-ħlas tal-kontribut finanzjarju mill-Komunità għandu jkun suġġett għall-kundizzjoni li l-azzjonijiet effettivament twettqu u li l-kuntratturi jipprovdu t-tagħrif meħtieġ kollu.

(9)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Almentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

TRACES (Trade Control and Expert system – Sistema Esperta u ta’ Kontroll tal-Kummerċ)

Qiegħed jingħata kontribut finanzjarju Komunitarju għall-akkomodazzjoni, il-ġestjoni u l-manteniment tas-sistema TRACES, introdotta mid-Deċiżjoni 2003/2/KE, għall-ammonti u l-objettivi li ġejjin:

(a)

EUR 1 000 000 għall-akkomodazzjoni;

(b)

EUR 500 000 għall-akkwist ta’ l-appoġġ loġistiku neċessarju fi ħdan il-qafas ta’ l-għajnuna għall-utenti;

(ċ)

EUR 300 000 għax-xiri ta’ sostenn ta’ manutenzjoni neċessarju sabiex is-sistema tiġi konformi ma’ l-iżviluppi legali u tekniċi.

(d)

EUR 200 000 għall-iżviluppi neċessarji ta’ l-ipproċessar tad-data;

(e)

EUR 250 000 għall-iżvilupp ta’ l-interface bejn id-databases nazzjonali ta’ identifikazzjoni tal-bovini

Artikolu 2

ADNS (Animal disease notification system – Sistema ta’ notifika tal-mard ta’ l-annimali)

Qiegħed jingħata kontribut finanzjarju Komunitarju ta’ EUR 270 000 għall-aġġornament tas-sistema ta’ notifika tal-mard ta’ l-annimali bbażata fuq id-Deċiżjoni 2005/176/KE

Artikolu 3

Komunikazzjoni fl-oqsma tas-saħħa ta’ l-annimali u l-benessri ta’ l-annimali

Qiegħed jingħata kontribut finanzjarju għall-miżuri ta’ komunikazzjoni lil awtoritajiet kompetenti u ċittadini, bl-għan li jinxtered tagħrif dwar il-leġiżlazzjoni Komunitarja fl-oqsma tas-saħħa ta’ l-annimali u l-benessri ta’ l-annimali, għall-ammonti li ġejjin:

(a)

EUR 2 500 000 fil-qasam tas-saħħa ta’ l-annimali;

(b)

EUR 150 000 fil-qasam tal-benessri ta’ l-annimali.

Artikolu 4

Studji u valutazzjonijiet

Qiegħed jingħata kontribut finanzjarju Komunitarju ta’ ammont massimu ta’ EUR 300 000 għal-istudji u l-valutazzjonijiet li ġejjin:

(a)

studju tal-benfiċċju għall-ispejjeż dwar l-identifikazzjoni elettronika tal-baqar;

(b)

valutazzjoni tal-laboratorji ta’ referenza Komunitarja fil-qasam tas-saħħa ta’ l-annimali u ż-żooteknika.

Artikolu 5

Approprjazzjonijiet

1.   Il-kontributi finanzjarji stipulati fl-Artikoli 1 sa 4 għandhom ikunu ffinanzjati permezz tal-linja tal-baġit 17 04 02 01 tal-baġit tal-Komunitajiet Ewropej għall-2008.

2.   L-azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4 se jitwettqu permezz ta’ żewġ kuntratti speċifiċi. Dawn iż-żewġ kuntratti speċifiċi se jiġu ffirmati matul l-2008.

Magħmula fi Brussell, 6 ta’ Mejju 2008.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 19. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).

(2)  ĠU L 8, 14.1.2003, p. 44.

(3)  ĠU L 59, 5.3.2005, p. 40. Id-Deċiżjoni kif emendata mid-Deċiżjoni 2006/924/KE (ĠU L 354, 14.12.2006, p. 48).

(4)  COM(2007) 539 finali.

(5)  ĠU L 209, 11.8.2005, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1437/2007 (ĠU L 322, 7.12.2007, p. 1).


Top