Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008D0272

2008/272/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 28 ta’ Novembru 2007 dwar għajnuna statali C 6/07 (ex N 558/06) ippjanata mill-Polonja għal Techmatrans S.A. (notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 5616) Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 86, 28.3.2008, p. 28–33 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/272/oj

28.3.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 86/28


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-28 ta’ Novembru 2007

dwar għajnuna statali C 6/07 (ex N 558/06) ippjanata mill-Polonja għal Techmatrans S.A.

(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 5616)

(Il-verżjoni Pollakka biss hija awtentika)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2008/272/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 88(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li talbet lill-partijiet interessati sabiex iressqu l-kummenti tagħhom skond dawk id-dispożizzjonijiet (1),

Billi:

I.   IL-PROĊEDURA

(1)

B’ittra tal-21 ta’ Awissu 2006, il-Polonja nnotifikat lill-Kummissjoni dwar l-għajnuna ppjanata ta’ ristrutturazzjoni għal Techmatrans. Il-Polonja forniet lill-Kummissjoni b’aktar informazzjoni permezz ta’ ittra ta’ l-14 ta’ Diċembru 2006. B’ittra tal-21 ta’ Frar 2007, il-Kummissjoni informat lill-Polonja li kienet iddeċidiet li tagħti bidu għall-proċedura stipulata fl-Artikolu 88(2) tat-Trattat tal-KE fir-rigward ta’ l-għajnuna għal Techmatrans. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħti bidu għall-proċedura ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċċjali ta’ l-Unjoni Ewropea  (2). Il-Kummissjoni talbet lill-partijiet interessati jressqu l-kummenti tagħhom u ma rċeviet l-ebda kumment mill-partijiet interessati. L-awtoritajiet Pollakki ppreżentaw informazzjoni ulterjuri permezz ta’ l-ittri ta’ l-10 ta’ April u l-24 ta’ Lulju 2007.

II.   DESKRIZZJONI DETTALJATA TAL-MIŻURI

Il-Benefiċjarju

(2)

Techmatrans hija kumpanija ta’ l-inġinerija bi sjieda statali ta’ 100 % maħluqa fl-1972. Hija timpjega 112-il ħaddiem. Fl-2006 l-fatturat tal-kumpanija kien jammonta għal PLN 8,1 u l-karta tal-bilanċ kienet tammonta għal PLN 6,3 (EUR 1,6) miljun. B’dawn iċ-ċifri l-kumpanija tinsab fil-limiti massimi ta’ l-SMEs, iżda minħabba s-sjieda Statali tagħha hija kklassifikata bħala intrapriża kbira. Hi ma tappartjenix għal grupp ikbar ta’ negozju.

(3)

L-attivitajiet ewlenin tal-kumpanija huma li tipprovdi tiswija, manutenzjoni u modernizzazzjoni tas-sistemi tat-teknoloġija tat-trasport kif ukoll il-forniment ta’ sistemi ġodda ta’ teknoloġija ta’ trasport u ta’ rfigħ għall-impjanti industrijali tas-settur awtomottiv, dak metallurġiku u dak tal-kostruzzjoni. Il-kumpanija għandha sehem żgħir mis-suq fis-suq Pollakk (0,2-1,0 %) u sehem mis-suq saħansitra iżgħar fis-suq Ewropew.

(4)

Mill-2002 is-sid u l-amministrazzjoni ta’ Techmatrans għamlu sforzi biex jipprivatizzaw il-kumpanija. F’Lulju 2005 bi tweġiba għal stedina ta’ xiri ta’ bejn 51 % u 85 % ta’ l-ishma tal-kumpanija, żewġ appaltaturi tefgħu offerta tagħhom. Ma tnedew l-ebda negozjati u f’Settembru 2005 ntemmet il-proċedura. L-awtoritajiet Pollakki ma spjegawx ir-raġuni għaliex twaqqfet il-proċedura.

(5)

Techmatrans hija bbażata f’reġjun eliġibbli għall-għajnuna skond l-Artikolu 87(3)(a) tat-Trattat tal-KE.

Id-diffikultajiet tal-kumpanija

(6)

Bejn l-2000 u l-2004 l-kumpanija ġarrbet telf nett kumulat li kien jammonta għal PLN 7,7 miljun u l-kapital proprju niżel minn PLN 11,2 miljun fl-2001 għal PLN 4,0 miljun fl-2004. Fl-2005 il-kumpanija għamlet profitt ta’ PLN 277 000, iżda fl-2006 l-kumpanija reġgħet għamlet telf, li kien jammonta għal PLN 1,1 miljun.

(7)

F’dak li għandu x’jaqsam mar-raġunijiet ewlenin għad-diffikultajiet l-awtoritajiet Pollakki jsemmu nuqqas ta’ ordnijiet, profittabilità baxxa ta’ kuntratti mwettqa, u spejjeż għolja ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-impjieg.

(8)

Techmatrans tammetti li d-diffikultajiet huma kkawżati minn nuqqasijiet interni: livell baxx ta’ teknoloġija tal-produzzjoni meta mqabbel mal-kompetituri, ġestjoni dgħajfa tal-produzzjoni, kwalità dgħajfa u livell tekniku baxx tal-prodotti, u assi antikwati u skaduti (bħala medja l-assi tal-produzzjoni ddeprezzaw b’90 %). Fil-fatt mill-2001 ‘l hawn ma ġiet implimentata l-ebda modernizzazzjoni maġġuri kif ukoll ma sar l-ebda investiment ta’ sostituzzjoni.

(9)

Minħabba nuqqas ta’ fondi l-attività tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ Techmatrans hija limitata; bħala riżultat ta’ dan, il-bażi attwali tal-konsumaturi tal-kumpanija hija magħmula fil-biċċa l-kbira minn kumpaniji li Techmatrans ikkooperat magħhom preċedentement. Il-problemi tagħha ta’ likwidità komplew jaggravaw aktar il-qagħda tal-kumpanija.

(10)

L-indiċijiet tal-likwidità tal-kumpanija huma baxxi żżejjed sabiex tikseb self li jifrex fuq medda twila ta’ żmien fis-suq. Minħabba t-telf l-ekwità ta’ Techmatrans naqset b’65 % mill-2001 ‘l hawn, filwaqt li l-kumpanija ma kinitx kapaċi tidħol għal dejn li jifrex fit-tul. Minħabba dan, madwar 30 % ta’ l-attivitajiet huma ffinanzjati minn debiti li jifirxu fuq medda qasira ta’ żmien fir-rigward ta’ fornituri jew awtoritajiet pubbliċi.

Ir-ristrutturazzjoni

(11)

Ir-ristrutturazzjoni ppjanata tikkonsisti fil-biċċa l-kbira minn ristrutturazzjoni ta’ l-assi. Il-pjan ta’ ristrutturazzjoni jipprevedi investimenti sinifikanti fl-assi ta’ produzzjoni: ix-xiri ta’ magni, ħila esperta u liċenzji ġodda u modernizzazzjoni ta’ sistemi ta’ TI. L-iskop ta’ dawn l-investimenti huwa li jżid l-effiċjenza ta’ produzzjoni u jestendi l-firxa tal-prodotti tal-kumpanija.

(12)

Sabiex tnaqqas l-ispejjeż il-kumpanija tippjana li tixtri vetturi ġodda u timmodernizza s-sistemi ta’ provvista tat-tisħin, l-ilma u l-elettriku.

(13)

Injezzjoni ppjanata tal-kapital għandha tistabbilixxi l-qagħda finanzjarja tal-kumpanija u għandha ttejjeb l-indiċijiet finanzjarji.

(14)

Ċerti miżuri ta’ ristruturazzjoni diġà ġew implimentanti. L-ispejjeż ġenerali tnaqqsu: l-attività tal-kumpanija kienet ikkonċentrata f’lokalità waħda, li naqqset l-ispejjeż ta’ manutenzjoni u spejjeż ta’ l-operat; parti mill-assi skaduti nbiegħet fl-2004, u l-impjieg tnaqqas minn 133 ħaddiem fl-2003 għal 112 fl-2005. Bħala riżultat, il-kumpanija għamlet profitt żgħir fl-2005. Ir-ristrutturazzjoni ta’ l-impjieg meqjusa li twettqet, u għalhekk ma hemm l-ebda tnaqqis ieħor ippjanat.

(15)

Sabiex tnaqqas l-ispejjeż fissi u takkumula kapital għar-ristrutturazzjoni, Techmatrans tippjana li tbiegħ l-assi skaduti: proprjetà ta’ beni immobbli fl-2007, skorta superfluwa (li għandha ‘l fuq minn sena) u magni u karozzi antiki matul il-perjodu ta’ ristrutturazzjoni, meta jinxtraw il-ġodda. Il-valur tas-suq tal-proprjetà ta’ beni immobbli skond espert indipendenti huwa bejn PLN 1,8 miljun u PLN 3,1 miljun, skond il-metodu ta’ valutazzjoni. Għalhekk il-kumpanija assumiet li l-introjtu ppjanat mill-bejgħ tal-proprjetà ta’ beni immobbli għandu jammonta għal PLN 2 miljun. Fir-rigward tal-bejgħ ta’ l-iskorti, huwa preżunt li l-introjtu jammonta għal 25 % tal-valur tal-kontabilità, jiġifieri l-iskorta għandha tammonta għal PLN 100 000. L-introjtu stmat mill-bejgħ tal-karozzi u l-magni jammonta għal PLN 100 000.

(16)

Barra minn hekk, Techmatrans kisbet kreditu ta’ PLN 110 000 b’limitu ta’ żmien ta’ ripagament itwal mis-soltu fis-suq. Il-Polonja pproponiet ukoll li tqis il-profitti li saru minn Techmatrans fl-2005 bħala kontribuzzjoni proprja.

(17)

L-ispejjeż ta’ ristrutturazzjoni skond il-pjan notifikat ta’ ristrutturazzjoni kienu jammontaw għal PLN 5,35 miljun, PLN 2,8 miljun kienu ppjanati li jiġu ffinanzjati mill-għajnuna statali u PLN 2,55 miljun li fadal kellhom jiġi ffinanzjati minn Techmatrans.

(18)

Fir-rigward tal-miżuri kompensatorji, il-kumpanija ppjanat li ttemm waħda mill-attivitajiet tagħha, jiġifieri d-disinn ta’ sistemi ta’ kontroll tat-trasport teknoloġiku. Is-sistemi ta’ kontroll għandhom jibqgħu parti mill-offerta tal-kumpanija, iżda d-disinn tagħhom għandu jiġi kkummissjunat lill-kumpaniji oħra.

Il-miżura

(19)

L-għajnuna notifikata tikkonsisti minn injezzjoni tal-kapital mill-Aġenzija ta’ l-Iżvilupp Industrijali (IDA) bi sjieda statali li tammonta għal PLN 2,8 (EUR 0,7) miljun. Il-bażi legali għall-injezzjoni tal-kapital hija l-Att ta’ Kummerċjalizzazzjoni u Privatizzazzjoni tat-30 ta’ Awissu 1996 (3).

(20)

Is-sid attwali – It-Teżor ta’ l-Istat – għandu jnaqqas il-kapital tas-sehem ta’ Techmatrans sabiex ikopri t-telf li ġarrab fl-2001-2004. Imbagħad il-kumpanija se toħroġ ishma ġodda, li se jinxtraw mill-IDA, li b’dan il-mod se takkwista 41,5 % ta’ l-ishma ta’ Techmatrans. Il-kapital injettat se jintefaq f’investimenti.

(21)

Barra minn din il-miżura notifikata ta’ hawn fuq, l-awtoritajiet Pollakki informaw lill-Kummissjoni li Techmatrans irċeviet sostenn statali fl-2004 u fl-2005 fl-għamla ta’ arranġamenti għall-ħlas lura tad-dejn bin-nifs. Is-sostenn ingħata bħala għajnuna de minimis.

III.   ID-DEĊIŻJONI LI TINFETAĦ PROĊEDURA FORMALI TA’ INVESTIGAZZJONI

(22)

Il-proċedura formali ta’ investigazzjoni nfetħet minħabba li l-Kummissjoni kellha dubji dwar jekk l-għajnuna ppjanata ta’ ristrutturazzjoni kinitx konformi mal-Linjigwida tal-Komunità dwar l-għajnuna statali għas-salvataġġ u r-ristrutturazzjoni ta’ ditti li jinsabu f’diffikultà (4) (minn issa ‘l quddiem “il-Linjigwida”).

(23)

L-ewwel nett, il-Kummissjoni kellha dubji dwar jekk ir-ristrutturazzjoni prevista kinitx biżżejjed sabiex treġġa’ lura l-vijabilità fit-tul. Il-marġini previst ta’ profitt kien baxx, u għalhekk probabbilment ma kienx se jkun aċċettabbli għal investitur privat. Barra minn hekk, il-qagħda reali tal-kumpanija fl-2006 kienet ħafna agħar milli kif prevista, u għalhekk il-pjan ta’ ristrutturazzjoni kellu jiġi aġġornat.

(24)

It-tieni, il-kontribuzzjoni proprja proposta kienet iktar baxxa milli kif obbligata mil-Linjigwida. Flimkien ma’ dan, ċerti miżuri proposti bħala kontribuzzjoni proprja qajmu dubji dwar il-konformità tagħhom mal-Linjigwida. L-ispejjeż ta’ ristrutturazzjoni wkoll dehru li kienu sottostmati. Minnha nnifisha, il-kopertura ta’ l-ispejjeż ta’ ristrutturazzjoni mill-kontribuzzjoni proprja kienet probabbilment saħansitra iċken milli kif kienet indikata.

(25)

Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni kellha dubji f’dak li għandu x’jaqsam ma’ razzjonalità ekonomika tal-miżuri kompensatorji proposti. L-attività li suppost kellha tintemm dehret teknoloġikament aktar avvanzata u aktar profittabbli mill-attivitajiet l-oħra tal-kumpanija. Dan ukoll qajjem dubji dwar l-istrateġija industrijali tal-kumpanija.

IV.   IL-KUMMENTI MILL-POLONJA

(26)

L-ewwelnett, il-Polonja mhijiex ta’ l-istess fehma tal-Kummissjoni dwar id-dubji fir-rigward tal-marġini futuri tal-profitt previsti mill-kumpanija fil-pjan ta’ ristrutturazzjoni. Ingħatat evidenza li turi li marġini ta’ profitt ta’ madwar 2 % sa 4 % huwa tipiku fis-settur ta’ l-inġinerija mekkanika għal kumpaniji simili li jipproduċu sistemi ta’ trasportazzjoni teknoloġika bħal Techmatrans. Il-Polonja ppreżentat eżempju ta’ kumpanija ta’ suċċess elenkata fuq il-Borża Pollakka, li hija attiva fl-istess segment tas-suq u li tikseb l-istess marġini baxxi ta’ profitt.

(27)

L-awtoritajiet Pollakki enfasizzaw li l-injezzjoni ppjanata tal-kapital suppost hija sostenn temporanju għal Techmatrans li jippermetti r-ristrutturazzjoni effettiva tal-kumpanija u jippermetti li l-privatizzazzjoni tagħha tirnexxi fl-2009/2010. Il-Polonja enfasizzat li l-parteċipazzjoni ta’ l-IDA fil-kumpanija kienet ippjanata purament bħala investiment temporanju u li kemm l-IDA kif ukoll it-Teżor ta’ l-Istat għandhom ibiegħu l-ishma tagħhom f’Techmatrans ladarba titjieb il-qagħda tal-kumpanija.

(28)

L-awtoritajiet Pollakki enfasizzaw li l-miżuri sinifikanti ta’ ristrutturazzjoni, bħalma huma t-tnaqqis fl-impjiegi, it-tnaqqis ta’ l-ispejjeż ġenerali u r-ristrutturazzjoni organizzazzjonali b’impatt li jifrex fit-tul fuq ir-riżultati tal-kumpanija diġà ġew implimentati minn Techmatrans.

(29)

L-awtoritajiet Pollakki ressqu pjan aġġornat ta’ ristrutturazzjoni ta’ Techmatrans. Il-previżjonijiet finanzjarji ġew ikkoreġuti filwaqt li tqiesu r-riżultati li nkisbu mill-kumpanija fl-2006 u li jinkludu l-ħlas lura tas-self ta’ salvataġġ.

(30)

Il-Polonja enfasizzat li l-kumpanija rnexxielha tikseb finanzjament privat addizzjonali fil-perjodu ta’ ristrutturazzjoni. Techmatrans iffirmat ftehimiet ma’ banek dwar skont tal-krediti pendenti tagħha (fid-19 ta’ Lulju 2006 u s-27 ta’ Marzu 2007). Fuq il-bażi ta’ dawn il-ftehimiet il-bank jieħu kontroll tal-krediti pendenti tat-Techmatrans li huma skedati f’inqas minn 90 jum, filwaqt li jħallas minnufih lil Techmatrans f’kontanti. Il-Polonja tikkontendi li dan il-finanzjament għandu effett simili għar-riżoluzzjoni tal-kreditu u għandu jitqies bħala kontribuzzjoni proprja ta’ Techmatrans.

V.   IL-VALUTAZZJONI

1.   L-Għajnuna Statali fis-sens ta’ l-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE

(31)

L-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE jiddikjara li kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti prodotti hija, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, inkompatibbli mas-suq komuni.

(32)

L-injezzjoni tal-kapital ta’ PLN 2,8 (EUR 0,7) miljun se titħallas mill-Aġenzija ta’ l-Iżvilupp Industrijali (IDA) statali minn fond maħluq mil-liġi u ffinanzjat permezz ta’ introjtu pubbliku u għalhekk minn riżorsi Statali.

(33)

It-Techmatrans tikkompeti ma’ kumpaniji Ewropej oħra fis-suq Pollakk u f’dak ta’ l-UE. Għalhekk intlaħaq il-kriterju fir-rigward ta’ l-impatt dwar il-kummerċ fi ħdan il-Komunità.

(34)

Għalhekk, il-miżura msemmija hawn fuq hija meqjusa bħala għajnuna statali fis-sens ta’ l-Artikolu 87(1) tat-Trattat KE.

(35)

Il-miżuri li rċeviet Techmatrans bħala għajnuna de minimis fl-2004 u l-2005 ma jilħqux il-kriterji kollha ta’ l-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE u għalhekk ma humiex se jkunu koperti b’dawn il-proċedimenti skond il-punt 69 tal-Linjigwida.

2.   Id-derogi taħt l-Artikolu 87(2) u 87(3) tat-Trattat tal-KE

(36)

L-eżenzjonijiet fl-Artikolu 87(2) tat-Trattat tal-KE ma japplikawx għall-każ attwali. F’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-eżenzjonijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 87(3) tat-Trattat tal-KE, minħabba li l-għan primarju ta’ l-għajnuna jikkonċerna li titreġġa’ lura l-vijabilità li tifrex fit-tul ta’ impriża li tinsab f’diffikultà, tista’ tiġi applikata eżenzjoni waħda biss ta’ l-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat tal-KE, li tawtorizza għajnuna statali mogħtija sabiex tippromwovi l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet ekonomiċi fejn għajnuna ta’ dan it-tip ma taffetwax b’mod negattiv il-kondizzjonijiet tal-kummerċ sa tali punt li jkun kuntrarju għall-interess komuni. Għalhekk, l-għajnuna tista’ titqies kompatibbli biss fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat tal-KE jekk il-kondizzjonijiet stipulati fil-Linjigwida jiġu rrispettati.

2.1.   L-eliġibilità tal-kumpanija

(37)

Il-Linjigwida jqisu li d-ditta tinsab f’diffikultajiet jekk din ma tkunx kapaċi tirkupra permezz tar-riżorsi proprji tagħha billi tikseb il-fondi li teħtieġ mid-detenturi ta’ l-ishma jew tissellef, u jekk mingħajr l-intervent ta’ l-awtoritajiet pubbliċi kważi ċertament se tfalli. Il-Linjigwida jelenkaw ukoll uħud mill-karatteristiċi tipiċi ta’ kumpaniji bħal dawn, bħalma huma dejn li qiegħed jiżdied jew jonqos jew valur nett żero ta’ l-assi.

(38)

Techmatrans għandha titqies bħala “ditta f’diffikultà” fi ħdan it-tifsira tal-Linjigwida. F’dawn l-aħħar 5 snin Techmatrans tilfet aktar min-nofs l-ekwità tagħha u għamlet telf kemm fil-bejgħ kif ukoll fir-riżultat nett tagħha. It-telf akkumulat fil-perjodu 2002-2004 ammonta għal PLN 7,3 (EUR 1,9) miljun. Fl-istess perjodu l-bejgħ naqas minn PLN 15,7 (EUR 4,1) miljun (fl-2001) għal PLN 8,5 (EUR 2,2) miljun (stmati għall-2006), jiġifieri b’46 %.

(39)

Fil-perjodu 2001-2005 l-kapital ta’ ħidma naqas minn PLN 7,7 (EUR 1,9) miljun għal PLN 2,3 (EUR 0,6) miljun. Fl-istess perjodu s-sehem ta’ l-iskorta fil-kapital tal-ħidma kiber minn 16 % għal 38,5 %.

(40)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li Techmatrans tikkwalifika bħala “ditta f’diffikultà” fi ħdan it-tifsira tal-Linjigwida u għalhekk hija eliġibbli għall-għajnuna statali.

2.2.   Titreġġa’ lura l-vijabilità

(41)

Sabiex miżura titqies kompatibbli mal-liġi tal-Komunità taħt il-punti 34-37 tal-Linjigwida, il-pjan ta’ ristrutturazzjoni jrid janalizza bir-reqqa l-problemi li wasslu għad-diffikultajiet u jistipula l-mezzi li bihom jitreġġħu lura l-vijabilità u s-saħħa tad-ditta fi żmien raġjonevoli skedat. Dan għandu jsir fuq il-bażi ta’ postulazzjonijiet realistiċi fir-rigward tal-kondizzjonijiet futuri ta’ l-operat. Il-qligħ mistenni fuq il-kapital irid ikun biżżejjed sabiex id-ditta ristrutturata tkun tista’ tikkompeti fis-suq fuq il-merti tagħha stess.

(42)

Fid-deċiżjoni tagħha tal-ftuħ, il-Kummissjoni qajmet dubji dwar jekk ir-ristrutturazzjoni ppjanata kinitx biżżejjed sabiex Techmatrans tikseb il-vijabilità u enfasizzat li l-pjan ta’ ristrutturazzjoni kien jeħtieġ li jiġi aġġornat u jitlesta. Flimkien ma’ l-informazzjoni mressqa wara d-deċiżjoni li tingħata bidu l-proċedura formali ta’ investigazzjoni, l-awtoritajiet Pollakki taffew dawn id-dubji dwar it-treġġigħ lura tal-vijabilità.

(43)

L-ewwelnett, ir-riżultati dgħajfa ġġenerati minn Techmatrans fl-2006 ġew spjegati kif suppost. Minħabba li l-injezzjoni notifikata tal-kapital kellha tiġi posposta, il-kumpanija, iffaċjata bi problemi ta’ likwidità, bdiet titlob ħlasijiet bil-quddiem mill-klijenti tagħha li kienu jammontaw għal 40 % tal-valur ta’ l-ordnijiet. Bħala riżultat, intilfu numru konsiderevoli ta’ ordnijiet. Meta l-kumpanija rnexxielha ttejjeb il-likwidità tagħha matul it-tieni nofs ta’ l-2006, ir-riżultati tagħha tjiebu b’mod sinifikanti. Il-pjan ta’ ristrutturazzjoni ġie aġġornat skond dan, filwaqt li tqiesu r-riżultati minn Techmatrans fl-2006.

(44)

It-tieni, f’dak li għandu x’jaqsam mat-tħassib tal-Kummissjoni fir-rigward tal-livell baxx tal-marġini mistenni ta’ profitt ta’ 3 % fl-aħħar tal-perjodu ta’ ristrutturazzjoni fl-2010, l-awtoritajiet Pollakki spjegaw li livell bħal dan ta’ marġini mistenni ta’ profitt jikkorrispondi għall-qagħda fis-settur, fejn il-marġini jitbandal bejn 2 % u 4 %. Tressqu eżempji ta’ kumpaniji privati li huma attivi fl-istess settur u li jiġġeneraw marġini simili ta’ profitt, inkluża kumpanija waħda elenkata fil-Borża Pollakka.

(45)

Analiżi aktar iddettaljata tal-qagħda fis-segment tas-suq li Techmatrans hija attiva fih ikkonfermat li marġini relattivament żgħir ta’ profitt huwa tipiku għal kumpaniji li jipproduċu u jipprovdu servizzi għall-industrija awtomottiva, minħabba li l-marġini jingħafsu minn klijenti li għandhom pożizzjoni b’saħħitha ta’ negozjar. Għalhekk il-livell previst ta’ qligħ huwa ġġustifikat.

(46)

L-attivitajiet ta’ ristrutturazzjoni jikkonsistu fil-biċċa l-kbira minn investimenti ġodda li għandhom jippermettu l-kumpanija sabiex tisfrutta l-potenzjal tagħha fuq medda twila ta’ żmien (u li, fuq medda qasira ta’ żmien, għandhom impatt negattiv fuq ir-riżultat nett). Miżuri sinifikanti ta’ ristrutturazzjoni, bħalma huma ristrutturazzjoni ta’ impjieg, ristrutturazzjoni parzjali ta’ assi u ristrutturazzjoni ta’ l-organizzazzjoni diġà ġew implimentati. Fl-aħħar nett, il-kumpanija ma għandha l-ebda dejn sinifikanti xi tħallas lura, u l-għajnuna kollha ta’ ristrutturazzjoni għandha tintefaq fuq it-titjib tal-produttività u l-kompetittività.

(47)

L-industrija ta’ l-inġinerija mekkanika hija industrija b’kumpaniji fil-biċċa l-kbira tagħhom ta’ daqs żgħir u medju, l-aktar minħabba li l-prodotti huma speċifiċi skond l-ordni u jinbiegħu f’lottijiet żgħar. It-talba hija ċiklika u dan iġiegħel il-kumpaniji biex jirranġaw b’mod flessibbli l-kapaċitajiet tagħhom. F’ħafna kumpaniji l-prodotti huma bbażati fuq il-ħila esperta u tinħtieġ esperjenza stabbilita. It-Techmatrans tidher li hija kumpanija li tilħaq dawn ir-rekwiżiti u l-implimentazzjoni tal-programm ta’ l-investiment previst fil-pjan ta’ ristrutturazzjoni għandu jiżgura li jreġġa’ lura l-vijabilità li tifrex fit-tul.

(48)

Fl-aħħar nett, l-awtoritajiet Pollakki qed jippjanaw li jipprivatizzaw il-kumpanija fl-2009/2010 wara proċess ta’ ristrutturazzjoni. Dan għandu wkoll jiżgura l-pożizzjoni tal-kumpanija fil-perspettiva li tifrex fuq medda twila ta’ żmien. It-twemmin tas-suq fil-kumpanija diġà ntwera fl-2005 meta żewġ investituri potenzjali esprimew l-interess tagħhom li jakkwistawha (iżda dak iż-żmien in-negozjati ma rnexxilhomx iwasslu għal privatizzazzjoni).

(49)

Wara li analizzat u vverifikat l-ispjegazzjonijiet ta’ hawn fuq u r-ristrutturazzjoni ppjanata, b’mod partikolari l-programm ta’ investiment, il-Kummissjoni qieset li, jekk din ir-ristrutturazzjoni tiġi implimentata, Techmatrans għandha tkun tista’ tikseb il-vijabilità li tifrex fuq medda twila ta’ żmien. Fuq il-bażi ta’ dawn l-elementi, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni għandha twassal sabiex treġġa’ lura l-vijabilità.

2.3.   L-għajnuna limitata għall-inqas livell possibbli

(50)

Skond il-punti 43-45 tal-Linjigwida, l-għajnuna trid tkun limitata għall-inqas livell meħtieġ u l-benefiċjarju mistenni jagħmel kontribuzzjoni sinifikanti għar-ristrutturazzjoni mir-riżorsi tiegħu proprji jew minn finanzjament kummerċjali estern. Il-Linjigwida jindikaw biċ-ċar li parti sinifikanti tal-finanzjament tar-ristrutturazzjoni trid tiġi mir-riżorsi proprji, inkluż il-bejgħ ta’ l-assi li mhumiex essenzjali għas-sopravivenza tad-ditta u minn finanzjament estern bir-rati tas-suq.

(51)

Il-kontribuzzjoni proprja għall-kopertura ta’ l-ispejjeż ta’ ristrutturazzjoni ta’ Techmatrans għandha tiġi mill-bejgħ ta’ l-assi: il-bejgħ ta’ proprjetà ta’ beni immobbli (PLN 2 miljuni), ishma (PLN 0,1 miljun) u karozzi u magni tal-produzzjoni antiki (PLN 0,1 miljun). Barra minn hekk Techmatrans żgurat kreditu kummerċjali li jifrex fit-tul ta’ PLN 0,11 miljun.

(52)

Barra minn dan Techmatrans kisbet skont tal-krediti pendenti. It-total mistenni tal-krediti pendenti li jridu jingħataw skont fl-2007 jammonta għal PLN 3 160 000. L-istima hija bbażata fuq il-ftehimiet dwar skont tal-krediti pendenti diġà ffirmati mal-banek u l-klijenti. Jekk nassumu li t-tqassir previst tal-perjodu ta’ ħlas ikun simili għall-effett li nkiseb fl-2006 (80 jum), il-finanzjament li jinkiseb fuq din il-bażi fl-2007 għandu jkollu effett li jkun ekwivalenti għall-finanzjament li jifrex fit-tul ta’ PLN 702 000 (PLN 3 160 000 × 80 jum/360 jum).

(53)

Billi Tecmatrans kisbet finanzjament fir-rati tas-suq, meta kienet tinsab f’diffikultajiet u qabel ma ngħatat l-għajnuna statali, il-Kummissjoni tqis li hija ġustifikata li tassumi li se jkun disponibbli finanzjament simili lill-kumpanija għall-perjodu sħiħ ta’ ristrutturazzjoni taħt kondizzjonijiet finanzjarji li huma tajbin mill-inqas bl-istess mod. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li dan il-finanzjament jista’ jiġi aċċettat bħala kontribuzzjoni proprja fi ħdan it-tifsira tal-Linjigwida.

(54)

L-ispejjeż ta’ ristrutturazzjoni skond il-pjan aġġornat ta’ ristrutturazzjoni għandhom jammontaw għal PLN 5,959 miljun (investimenti: PLN 5,359 miljun, ħlas lura tas-self ta’ salvataġġ: PLN 0,6 miljun). Il-kontribuzzjoni proprja għall-finanzjament għandha tammonta għal PLN 3,012-il miljun (introjtu mill-bejgħ ta’ l-assi: PLN 2,2 miljun, kreditu kummerċjali li jifrex fuq medda itwal ta’ żmien: PLN 110 000, skont tal-krediti pendenti: PLN 702 000).

(55)

Il-kontribuzzjoni proprja ta’ Techmatrans għar-ristrutturazzjoni ġenerali tista’ titqies l-ogħla possibbli u li tgħodd daqs mill-inqas 50 % ta’ l-ispejjeż ta’ ristrutturazzjoni li hija konformi mal-Linjigwida. Għalhekk il-Kummissjoni tista’ taċċetta l-livell ta’ kontribuzzjoni proprja.

2.4.   L-evitar ta’ distorsjonijiet żejda tal-kompetizzjoni

(56)

Skond il-punti 38-42 tal-Linjigwida, trid tittieħed azzjoni biex ittaffi kemm jista’ jkun kwalunkwe effett negattiv li l-għajnuna tħalli fuq il-kompetituri. L-għajnuna ma għandhiex twettaq distorsjoni bla bżonn tal-kompetizzjoni. Dan normalment ifisser ir-restrizzjoni tas-sehem mis-suq tal-kumpanija fl-aħħar tal-perjodu ta’ ristrutturazzjoni. Il-limitazzjoni jew it-tnaqqis obbligatorju tas-sehm mis-suq tal-kumpanija tas-suq relevanti jirrappreżenta fattur kompensatorju favur il-kompetituri tagħha. Dan għandu jkun proporzjonat għall-effetti ta’ distorsjoni ta’ l-għajnuna u għall-importanza relattiva tad-ditta fis-suq jew is-swieq tagħha.

(57)

Skond il-punt 56 tal-Linjigwida, il-kondizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni ta’ l-għajnuna huma inqas stretti f’dak li għandu x’jaqsam mal-miżuri kompensatorji neċessarji f’oqsma assistiti. Fl-analiżi tal-konsegwenzi ta’ l-għajnuna ta’ ristrutturazzjoni fis-suq u fuq il-kompetituri, il-Kummissjoni qieset il-fatt li Techmatrans tinsab f’żona assistita ta’ l-Artikolu 87(3)(a) tat-Trattat tal-KE.

(58)

Fir-rigward ta’ miżuri kompensatorji, id-dubji li hemm dwar ir-razzjonalità ekonomika tal-miżuri proposti mqajma mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tal-ftuħ ittaffew. Techmatrans tippjana li ttemm l-attivitajiet konnessi mad-disinn u l-iskala tas-sistemi ta’ gwida tat-trasport teknoloġiku minħabba li l-għoti ta’ sottokuntratti f’dan il-qasam se jkun wieħed aktar razzjonali milli f’oqsma oħra li fihom hija attiva l-kumpanija. Kuntrarjarment għall-attivitajiet l-oħra tal-kumpanija, l-għoti ta’ sottokuntratti ta’ din l-attività mhuwiex se jirrikjedi l-allokar ta’ għarfien speċjalizzat intrinsiku fl-attività ewlenija tal-kumpanija lill-kompetituri potenzjali. Barra minn hekk, it-tmiem ta’ dawn l-attivitajiet mhuwiex se jirrikjedi li jsiru aġġustamenti sinifikanti fi ħdan il-kumpanija.

(59)

L-attività li Techmatrans qed tippjana li ttemm hija profittabbli, u għalhekk ir-riżenja mhijiex motivata minn tħassib ta’ vijabilità. F’dawn l-aħħar snin din l-attività ġġenerat bejn 5 u 8,6 % ta’ l-introjtu ta’ Techmatrans.

(60)

Il-Kummissjoni tenfasizza li s-sehem mis-suq ta’ Techmatrans huwa żgħir, li mil-lat ta’ daqs hija SME (filwaqt li formalment ma tikkwalifikax bħala SME għaliex għandha sjieda Statali) u l-ammont ta’ l-għajnuna ppjanata huwa pjuttost limitat (EUR 0,7 miljun). Għalhekk id-distorsjoni tal-kompetizzjoni li l-miżuri kompensatorji jimmiraw li jindirizzaw hija insinifikanti. Il-Kummissjoni għalhekk tqis li din il-miżura kompensatorja proposta hija biżżejjed.

VI.   IL-KONKLUŻJONI

(61)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna statali notifikata favur Techmatrans għall-implimentazzjoni tal-proċess ta’ ristrutturazzjoni msemmi hawn fuq tista’ titqies kompatibbli mas-suq komuni,

ADDOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-għajnuna statali li l-Polonja qiegħda tippjana li timplimenta għall-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ Techmatrans, li tammonta għal PLN 2 800 000, hija kompatibbli mas-suq komuni fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat tal-KE.

L-implimentazzjoni ta’ l-għajnuna msemmija hawn fuq ta’ PLN 2 800 000 hija awtorizzata skond dan.

Artikolu 2

Din id-deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Polonja.

Magħmula fi Brussell, 28 ta’ Novembru 2007.

Għall-Kummissjoni

Neelie KROES

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU C 77, 5.4.2007, p. 43.

(2)  Ara n-nota tal-qiegħ 1.

(3)  Skond l-Artikolu 56(2) ta’ l-Att, 15 % tal-profitti annwali mill-privatizzazzjoni u l-imgħax akkumulat huma trasferiti għall-Fond ta’ Ristrutturazzjoni ta’ l-Intraprendituri. L-assi tal-Fond jintużaw għas-salvataġġ u r-ristrutturazzjoni ta’ impriżi li jinsabu f’diffikultà. Skond l-Artikolu 56(5) ta’ l-Att, it-Teżor ta’ l-Istat iżid il-kapital ta’ ARP S.A. b’ammont li huwa daqs 1/3 ta’ l-introjtu tal-Fond ta’ Ristrutturazzjoni ta’ l-Intraprendituri bl-iskop ta’ appoġġ ta’ salvataġġ u ristrutturazzjoni ta’ kumpaniji kbar f’diffikultà, inklużi dawk li se jiġu privatizzati.

(4)  ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2.


Top