Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008D0161

    2008/161/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 22 ta’ Frar 2008 dwar ċerti miżuri ta’ protezzjoni li għandhom x’jaqsmu ma’ l-influwenza tat-tjur ta’ patoġeniċità għolja fl-Iżrael u li tidderoga mid-Deċiżjoni 2006/696/KE (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 679) Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 52, 27.2.2008, p. 21–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/161/oj

    27.2.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 52/21


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tat-22 ta’ Frar 2008

    dwar ċerti miżuri ta’ protezzjoni li għandhom x’jaqsmu ma’ l-influwenza tat-tjur ta’ patoġeniċità għolja fl-Iżrael u li tidderoga mid-Deċiżjoni 2006/696/KE

    (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 679)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (2008/161/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/496/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni ta’ kontrolli veterinarji fuq annimali li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi u li temenda d-Direttivi 89/662/KEE, 90/425/KEE u 90/675/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 18(1) u (5) tagħha,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE tat-18 ta’ Diċembru 1997 li tistipula l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-kontrolli veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi (2), u b’mod partikulari l-Artikolu 22(1) u (6) tagħha,

    Billi:

    (1)

    L-influwenza tat-tjur hija marda virali infettiva fit-tjur ta’ l-irziezet u f’għasafar oħra, li tikkawża mwiet u disturbi li malajr jistgħu jiżviluppaw fi proporzjonijiet epiżootiċi li kapaċi jwasslu għal theddida serja għas-saħħa ta’ l-annimali u dik pubblika u jnaqqsu sew il-qligħ mit-trobbija tat-tjur ta’ l-irziezet. Hemm riskju li l-aġent tal-marda jista’ jiddaħħal fil-Komunità permezz tal-kummerċ internazzjonali fit-tjur ħajjin u ċerti għasafar oħra u l-prodotti tagħhom.

    (2)

    L-Iżrael ġibed l-attenzjoni tal-Kummissjoni dwar tifqigħa fit-tjur ta’ influwenza tat-tjur ta’ patoġeniċità għolja kkawżata mill-vajrus A ta’ l-influwenza tas-sottotip H5N1. L-Iżrael ħa l-miżuri kollha meħtieġa u għarraf lill-Kummissjoni dwar dan.

    (3)

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/696/KE tat-28 ta’ Awwissu 2006 li tistabbilixxi lista ta’ pajjiżi terzi li minnhom tjur, bajd għat-tifqis, flieles ta’ ġurnata, laħam ta’ tjur, ta’ ratiti u ta’ tjur selvaġġi tal-kaċċa, bajd u prodotti tal-bajd u bajd speċifikat bħala liberu mill-patoġeni jistgħu jiġu importati ġewwa u jgħaddu mill-Komunità u l-kondizzjonijiet applikabbli għaċ-ċertifikazzjoni veterinarja (3) u emendata bid-deċiżjonijiet 93/342/KEE, 2000/585/KE u 2003/812/KE, tistabbilixxi kondizzjonijiet ta’ ċertifikazzjoni veterinarja għall-importazzjonijiet u t-tranżitu mill-Komunità ta’ dawn il-prodotti. Filwaqt li jitqies it-tagħrif ipprovdut mill-Iżrael u l-livell ta’ kontroll tal-marda applikat, huwa xieraq li jiġu stipulati miżuri li jistgħu jiġu applikati f’partijiet ta’ dak il-pajjiż terz skond il-qagħda epidemjoloġika u li ssir deroga temporanja mir-rekwiżiti kif stipulat fid-Deċiżjoni 2006/696/KE.

    (4)

    Fid-dawl tat-theddida għas-saħħa ta’ l-annimali li ġejja mir-riskju ta’ l-introduzzjoni ta’ l-influwenza tat-tjur fil-Komunità, huwa xieraq li jiġu sospiżi l-importazzjonijiet ta’ tjur ħajjin, ta’ għasafar li ma jtirux u ta’ tjur ta’ irziezet u tal-kaċċa bir-rix u tal-bajd għat-tifqis ta’ dawk l-ispeċi mill-partijiet affettwati ta’ l-Iżrael.

    (5)

    Filwaqt li jitqies ir-riskju għas-saħħa ta’ l-annimali, huwa wkoll xieraq li jiġu sospiżi l-importazzjonijiet lejn il-Komunità mill-parti affettwata ta’ l-Iżrael ta’ laħam frisk tat-tjur, ta’ għasafar li ma jtirux, ta’ għasafar ta’ l-irziezet u tal-kaċċa bir-rix u l-importazzjonijiet ta’ laħam ikkapuljat, laħam isseparat bil-magni, preparazzjonijiet ta’ laħam u prodotti tal-laħam magħmula minn jew li fihom il-laħam ta’ dawn l-ispeċi, kif ukoll ċerti prodotti oħra ta’ l-għasafar.

    (6)

    Ċerti prodotti ġejjin mit-tjur, mill-għasafar li ma jtirux u minn dawk ta’ l-irziezet u tal-kaċċa bir-rix maqtula jew ikkaċċjati qabel it-12 ta’ Diċembru 2007 għandhom ikomplu jiġu awtorizzati mill-pajjiż kollu ta’ l-Iżrael, filwaqt li jitqies il-perjodu ta’ inkubazzjoni ta’ l-influwenza tat-tjur.

    (7)

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/777/KE tad-29 ta’ Novembru 2007 li tistipula l-kundizzjonijiet tas-saħħa ta’ l-annimali u tas-saħħa pubblika kif ukoll il-mudelli taċ-ċertifikati għall-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-laħam u ta’ l-istonku, il-bżieżaq ta’ l-awrina u l-imsaren ittrattati għall-konsum mill-bniedem minn pajjiżi terzi (4) u mħassara bid-deċiżjoni 2005/432/KE tistipula trattamenti speċifiċi f’Parti 4 ta’ l-Anness II għal din id-Deċiżjoni li tikkonċerna dawn l-importazzjonijiet. Skond dan, l-importazzjonijiet tal-prodotti tal-laħam tat-tjur, ta’ l-għasafar li ma jtirux u ta’ dawk imrobbija u tal-kaċċa bir-rix li joriġinaw mill-Iżrael u li huma ttrattati b’temperatura ta’ mill-inqas 70 C li tiddiżattiva l-patoġenu għall-influwenza tat-tjur fil-prodott kollu għandhom ikomplu jibqgħu awtorizzati.

    (8)

    Huwa xieraq li jiġi limitat il-perjodu li matulu l-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni għandhom japplikaw. Skond dan, filwaqt li jitqies il-ħin meħtieġ biex jiġi konkluż definittivament li t-tifqigħa ma nfirxitx, dawn il-miżuri għandhom jieqfu milli japplikaw għat-tjur importati wara t-2 ta’ April 2008 u għal prodotti magħmula wara din id-data.

    (9)

    Mandankollu, biex ikun f’pożizzjoni li jiffirma ċ-ċertifikati veterinarji għall-importazzjonijiet fil-Komunità ta’ tjur ħaj u ta’ prodotti tat-tjur, l-Iżrael huwa mitlub skond id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 93/342/KEE (5) u 94/438/KE (6) li jkun liberu mill-influwenza tat-tjur ta’ patoġeniċità għolja għal perjodu ta’ mill-inqas sitt xhur li matulu qed tiġi pprattikata politika ta’ qatla sanitarja u mingħajr ma tingħata ebda tilqima ta’ emerġenza.

    (10)

    Meta l-Iżrael jerġa’ jikseb l-istatus tiegħu ta’ qabel, jerġa’ jkun għal darb’oħra f’pożizzjoni li fiha jkun jista’ jiċċertifika li huwa pajjiż liberu mill-influwenza tat-tjur ta’ patoġeniċità għolja, skond id-Deċiżjonijiet 93/342/KEE u 94/438/KE. Madankollu, meta jitqies li l-miżuri applikati mill-Iżrael jistgħu jitqiesu bħala ekwivalenti għall-miżuri Komunitarji, l-importazzjonijiet mit-territorju kollu ta’ dak il-pajjiż terz għandhom jiġu awtorizzati, soġġetti għal ċerti rekwiżiti ta’ ċertifikazzjoni, mit-3 ta’ April 2008.

    (11)

    Iżda mit-3 ta’ April sad-data tat-tmiem ta’ l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, iċ-ċertifikat għandu jsemmi li l-prodotti huma importati skond din id-Deċiżjoni.

    (12)

    Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

    ADDOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Deroga mill-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2006/696/KE

    B’deroga mill-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2006/696/KE, minflok il-kitbiet fil-Parti I ta’ l-Anness K ta’ dik id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw il-kitbiet fit-tabella li ġejja għall-importazzjonijiet mill-Iżrael.

    IL – L-Iżrael

    IL-0

    L-Iżrael kollu

     

     

     

    IL-1

    Parti mill-Iżrael barra mill-fruntieri li ġejjin:

    Fil-parti tal-Punent, il-Baħar Mediterran

    Fil-parti ta’ Nofsinħar, l-awtostrada numru 65.

    Fil-parti tat-Tramuntana, l-awtostrada numru 70 (Il-Wied ta’ Milek).

    Fil-parti tal-Lvant, ir-rotta ta’ l-awtostrada numru 6 li qed isirilha xi xogħol tul il-medda tal-punent ta’ Mount Carmel.

    BPR, BPP, DOC, DOR, HEP, HER, SPF, SRP

     

     

    IL-2

    Parti mill-Iżrael ġewwa l-fruntieri li ġejjin:

    Fil-parti tal-Punent, il-Baħar Mediterran

    Fil-parti ta’ Nofsinħar, l-awtostrada numru 65.

    Fil-parti tat-Tramuntana, l-awtostrada numru 70 (Il-Wied ta’ Milek).

    Fil-parti tal-Lvant, ir-rotta ta’ l-awtostrada numru 6 li qed isirilha xi xogħol tul il-medda tal-Punent ta’ Mount Carmel.

     

     

     

    Artikolu 2

    Deroga mill-Artikolu 15 tad-Deċiżjoni 2006/696/KE

    B’deroga mill-Artikolu 15 tad-Deċiżjoni 2006/696/KE, minflok il-kitbiet f’Parti I ta’ l-Anness II ta’ dik id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw il-kitbiet fit-tabella li ġejja għall-importazzjonijiet mill-Iżrael.

    IL – L-Iżrael

    IL-0

    L-Iżrael kollu

     

     

     

    IL-1

    Parti mill-Iżrael barra mill-fruntieri li ġejjin:

    Fil-parti tal-Punent, il-Baħar Mediterran

    Fil-parti ta’ Nofsinħar, l-awtostrada numru 65.

    Fil-parti tat-Tramuntana, l-awtostrada numru 70 (Il-Wied ta’ Milek).

    Fil-parti tal-Lvant, ir-rotta ta’ l-awtostrada numru 6 li qed isirilha xi xogħol tul il-medda tal-Punent ta’ Mount Carmel.

    WGM

    III

     

    EP, E POU, RAT

     

     

    IL-2

    Parti mill-Iżrael ġewwa l-fruntieri li ġejjin:

    Fil-parti tal-Punent, il-Baħar Mediterran

    Fil-parti ta’ Nofsinħar, l-awtostrada numru 65.

    Fil-parti tat-Tramuntana, l-awtostrada numru 70 (Il-Wied ta’ Milek).

    Fil-parti tal-Lvant, ir-rotta ta’ l-awtostrada numru 6 li qed isirilha xi xogħol tul il-medda tal-Punent ta’ Mount Carmel.

     

     

     

    Artikolu 3

    Sospensjoni ta’ ċerti importazzjonijiet mill-Iżrael

    L-Istati Membri għandhom jissospendu l-importazzjonijiet mill-Iżrael ta’:

    (a)

    tjur ħaj, għasafar li ma jtirux u tjur tal-kaċċa bir-rix, u bajd għat-tifqis ta’ dawk l-ispeċi li ġejjin mit-territorju IL-2, kif iddefinit fit-tabella fl-Artikolu 1;

    (b)

    il-prodotti li ġejjin magħmula qabel it-2 ta’ April 2008 u li ġejjin mit-territorju IL-2, kif iddefinit fit-tabella fl-Artikolu 2:

    (i)

    laħam frisk tat-tjur, ta’ ratiti u ta’ għasafar ta’ l-irziezet u tal-kaċċa bir-rix;

    (ii)

    laħam ikkapuljat, laħam isseparat mekkanikament, preparazzjonijiet tal-laħam u prodotti tal-laħam li jikkonsistu minn, jew li fihom, laħam imsemmi f’(i);

    (iii)

    ikel nej għall-annimali domestiċi u materjal mhux ipproċessat għall-għalf li fih kwalunkwe parti minn tjur, u minn ratiti u minn tjur ta’ l-irziezet u tal-kaċċa bir-rix.

    Artikolu 4

    Deroga mill-Artikolu 3(b) ta’ din id-Deċiżjoni

    B’deroga mill-Artikolu 3(b), l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-importazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 3(b)(i), (ii) u (iii), li jkunu nkisbu minn għasafar maqtula jew li jkunu ġew ikkaċċjati qabel it-12 ta’ Diċembru 2007.

    Fiċ-ċertifikati veterinarji/dokumenti kummerċjali li jakkumpanjaw il-kunsinni ta’ dawn il-prodotti, il-kliem li ġejjin kif xieraq għall-ispeċi għandhom jiġu inklużi:

    “Laħam frisk/laħam ikkapuljat/laħam isseparat mekkanikament tat-tjur, tar-ratiti, ta’ l-għasafar ta’ l-irziezet jew tat-tjur tal-kaċċa bir-rix (1) jew preparazzjonijiet ta’ laħam/prodotti tal-laħam li jikkonsistu minn, jew li fihom laħam tat-tjur, ta’ l-għasafar li ma jtirux, ta’ l-għasafar ta’ l-irziezet jew tal-kaċċa bir-rix (1) jew ikel ta’ l-annimali domestiċi nej u materjal ta’ l-għalf mhux ipproċessat li fih partijiet mit-tjur, mill-għasafar li ma jtirux, mit-tjur ta’ l-irziezet jew tal-kaċċa bir-rix (1) miksub minn għasafar maqtula jew ikkaċċjati qabel it-12 ta’ Diċembru 2007 u skond l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/161/KE.

    Artikolu 5

    Derogi mill-Artikolu 3(b)(ii) ta’ din id-Deċiżjoni

    B’deroga minn paragrafu 3(b)(ii), l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-importazzjoni tal-prodotti tal-laħam li jikkonsistu minn, jew li fihom, laħam tat-tjur, tar-ratiti, tat-tjur ta’ l-irziezet jew tal-kaċċa bir-rix bil-kundizzjoni li l-prodott tal-laħam ikun għadda minn għall-anqas wieħed mit-trattamenti speċifiċi msemmija taħt il-punti B, C jew D fil-Parti 4 ta’ l-Anness II tad-Deċiżjoni 2007/777/KE.

    It-trattament speċifiku applikat skond l-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu għandu jiġi ċċertifikat billi jiżdied dan il-kliem li ġej:

    (a)

    għall-punt II.1.1, kolonna B ta’ l-attestazzjoni tas-saħħa ta’ l-annimali fiċ-ċertifikat tas-saħħa ta’ l-annimali u tas-saħħa pubblika, stipulat skond il-mudell imfassal fl-Anness III tad-Deċiżjoni 2007/777/KE:

    “Prodotti tal-laħam ittrattati skond id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/161/KE”

    (b)

    għall-punt I.28 fil-kolonna “Tip ta’ trattament” taċ-ċertifikat veterinarju tas-saħħa ta’ l-annimali u tas-saħħa pubblika, stipulat skond il-mudell imfassal fl-Anness IV tad-Deċiżjoni 2007/777/KE:

    “Prodotti tal-laħam ittrattati skond id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/161/KE”

    Artikolu 6

    Ħtieġa ta’ ċertifikazzjoni

    Mit-3 ta’ April 2008, l-importazzjonijiet fil-Komunità mill-prodotti msemmija fl-Artikolu 3 għandhom jitħallew mit-territorju kollu ta’ l-Iżrael, suġġetti għall-inklużjoni tal-kliem li ġej fiċ-ċertifikati veterinarji li jakkumpanjaw il-kunsinni ta’ dawn il-prodotti:

    “Il-kunsinna skond id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/161/KE.”

    Artikolu 7

    Konformità

    L-Istati Membri għandhom immedjatament jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Deċiżjoni u jippubblikaw dawk il-miżuri. Huma għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b’dan minnufih.

    Artikolu 8

    Applikabbilità

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sat-2 ta’ Lulju 2008.

    L-Artikoli 1 sa 5 għandhom japplikaw sat-2 ta’ April 2008.

    Artikolu 9

    Id-destinatarji

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, 22 ta’ Frar 2008.

    Għall-Kummissjoni

    Markos KYPRIANOU

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 268, 24.9.1991, p. 56. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2006/104/KE (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 352).

    (2)  ĠU L 24, 30.1.1998, p. 9. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2006/104/KE.

    (3)  ĠU L 295, 25.10.2006, p. 1. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1237/2007 (ĠU L 280, 24.10.2007, p. 5).

    (4)  ĠU L 312, 30.11.2007, p. 49.

    (5)  ĠU L 137, 8.6.1993, p. 24. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar mid-Deċiżjoni 2006/696/KE.

    (6)  ĠU L 181, 15.7.1994, p. 35.


    Top