Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008D0050

    2008/50/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 13 ta’ Diċembru 2007 li tistipula regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Konvenzjoni ta’ Aarhus fir-rigward ta’ talbiet għal reviżjoni interna ta’ l-atti amministrattivi

    ĠU L 13, 16.1.2008, p. 24–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 28/04/2023; Imħassar b' 32023D0748

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/50(1)/oj

    16.1.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 13/24


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tat-13 ta’ Diċembru 2007

    li tistipula regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Konvenzjoni ta’ Aarhus fir-rigward ta’ talbiet għal reviżjoni interna ta’ l-atti amministrattivi

    (2008/50/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1367/2006 jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità.

    (2)

    It-Titolu IV ta’ dan ir-Regolament jistipula dispożizzjonijiet għar-reviżjoni interna ta’ l-atti amministrattivi u ommissjonijiet, li l-applikazzjoni tagħhom teħtieġ l-applikazzjoni ta’ regoli ddettaljati dwar il-kontenut tat-talbiet u l-mod li bihom jiġu ppreżentati.

    (3)

    L-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 jistipula l-kriterji għad-dritt fil-livell Komunitarju lil organizzazzjonijiet mhux governattivi li jressqu talba biex issir reviżjoni interna skond l-Artikolu 10 tiegħu, li l-applikazzjoni trasparenti u konsistenti tagħha jeħtieġu regoli ddettaljati dwar l-evidenza li għandha tiġi ppreżentata mat-talbiet, il-kalkolu tal-limitu ta’ żmien li fih tingħata risposta għat-talbiet u l-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità.

    (4)

    Sabiex tiżgura l-applikazzjoni konsistenti ta’ l-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006, din id-Deċiżjoni għandha tibda tapplika mit-28 ta’ Ġunju 2007,

    IDDEĊIEDIET KIF ĠEJ:

    KAPITOLU I

    Artikolu 1

    Kontenut tat-talba għal reviżjoni interna

    Kwalunkwe organizzazzjoni mhux governattiva li tissottometti talba għal reviżjoni interna ta’ att amministrattiv jew ommissjoni msemmija fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 għandha:

    (1)

    tispeċifika l-att amministrattiv jew l-ommissjoni amministrattiva allegata li għaliha qiegħda ssir talba għar-reviżjoni u d-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni ambjentali li ma ġewx konformati minnu/ha;

    (2)

    tindika għal-liema raġunijiet saret it-talba;

    (3)

    tipprovdi l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni rilevanti li jiġġustifikaw dawn ir-raġunijiet;

    (4)

    tispeċifika l-isem u d-dettalji meħtieġa biex tikkuntattja lill-persuna li tkun ingħatat is-setgħa li tirrappreżenta lill-organizzazzjoni mhux governattiva quddiem partijiet terzi biex tressaq it-talba għal reviżjoni interna tal-każ konċernat;

    (5)

    tippreżenta evidenza tad-dritt tagħha li tressaq it-talba skond l-Artikolu 3.

    Artikolu 2

    Sottomissjoni ta’ talbiet

    It-talbiet għal reviżjoni interna ta’ atti amministrattivi jew li għandhom x’jaqsmu ma’ ommissjonijiet amministrattivi għandhom jinbagħtu bil-posta, faks jew posta elettronika lill-persuna/persuni jew dipartiment(i) maħtura mill-istituzzjoni jew korp Komunitarju/a konċernat/a.

    Id-dettalji ta’ kuntatt ta’ dik/dawk il-persuna/persuni jew dipartiment(i) għandhom jiġu ppubblikati b’kull mezz possibbli.

    KAPITOLU II

    Artikolu 3

    Kriterji għad-dritt lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jressqu talba għal reviżjoni interna

    1.   Kwalunkwe organizzazzjoni mhux governattiva li tissottometti talba għal reviżjoni interna ta’ atti amministrattivi jew ommissjonijiet kif imsemmi fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 għandha tippreżenta evidenza li hija tissodisfa l-kriterji stipulati fl-Artikolu 11(1) ta’ dan ir-Regolament, fil-forma tad-dokumenti elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

    Meta ebda wieħed minn dawn id-dokumenti ma jkun jista’ jiġi ppreżentat għal raġunijiet li ma jistgħux jiġu attribwiti għall-organizzazzjoni mhux governattiva, dik l-organizzazzjoni tista’ tippreżenta evidenza fil-forma ta’ dokumentazzjoni ekwivalenti oħra.

    2.   Meta mid-dokumenti msemmija fil-punti 1, 2 u 3 ta’ l-Anness ma jkunx jidher b’mod ċar li r-raġuni li għaliha tkun tressqet it-talba għal reviżjoni interna hija koperta mill-għanijiet u l-attivitajiet ta’ l-organizzazzjoni mhux governattiva, dik l-organizzazzjoni għandha tippreżenta kwalunkwe dokumentazzjoni oħra li tkun ta’ evidenza li dan il-kriterju qiegħed jintlaħaq.

    3.   Meta mid-dokumenti msemmija fil-punti 1, 2 u 3 ta’ l-Anness ma jkunx jidher b’mod ċar li l-organizzazzjoni mhux governattiva hija indipendenti u ma tagħmilx qliegħ, dik l-organizzazzjoni għandha tippreżenta dikjarazzjoni f’dan is-sens, iffirmata minn persuna li jkollha s-setgħa li tagħmel dan fi ħdan l-organizzazzjoni mhux governattiva.

    Artikolu 4

    Valutazzjoni tad-dritt lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jressqu talba għal reviżjoni interna

    1.   L-istituzzjoni jew korp tal-Komunità konċernat/a għandu/ha tafferma li l-organizzazzjoni mhux governattiva tissodisfa l-kriterji stipulati fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 billi tivvaluta l-informazzjoni mogħtija skond l-Artikoli 1 u 3 ta’ din id-Deċiżjoni.

    2.   Meta, abbażi ta’ dik l-informazzjoni, l-istituzzjoni jew korp tal-Komunità konċernat/a ma jkunx/tkunx jista’/tista’ j/tivvaluta jekk l-organizzazzjoni mhux governattiva tissodisfax il-kriterji stipulati fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006, l-organizzazzjoni għandha tintalab tippreżenta aktar dokumenti u informazzjoni fi żmien raġonevoli li jiġi speċifikat mill-istituzzjoni jew korp tal-Komunità. Matul dan il-perjodu, il-limiti ta’ żmien stipulati fl-Artikolu 10 tar-Regolament għandhom jiġu sospiżi.

    3.   Meta jkun rilevanti, l-istituzzjoni jew korp tal-Komunità konċernat/a jista’/tista’ jikkonsulta/tikkonsulta l-awtoritajiet nazzjonali tal-pajjiż li fih tkun reġistrata jew li toriġina minnu l-organizzazzjoni mhux governattiva, biex jivverifikaw u jivvalutaw l-informazzjoni mogħtija minn dik l-organizzazzjoni.

    Artikolu 5

    Kooperazzjoni amministrattiva

    L-istituzzjonijiet u korpi tal-Komunità għandhom jikkooperaw bejniethom biex jiżguraw l-applikazzjoni trasparenti u konsistenti ta’ din id-Deċiżjoni.

    Huma għandhom jagħmlu skambju ta’ informazzjoni dwar liema organizzazzjonijiet mhux governattivi huma rikonoxxuti bi dritt li jressqu talba għal reviżjoni interna.

    Artikolu 6

    Data ta’ l-applikazzjoni

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ mit-28 ta’ Ġunju 2007.

    Magħmul fi Brussell, 13 ta’ Diċembru 2007.

    Għall-Kummissjoni

    Stavros DIMAS

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 264, 25.9.2006, p. 13.


    ANNESS

    Lista ta’ dokumenti li għandhom jiġu ppreżentati skond l-Artikolu 3(1)

    1.

    Statut jew liġijiet lokali ta’ l-organizzazzjoni mhux governattiva, jew kwalunkwe dokument ieħor li jwettaq l-istess rwol skond il-prattika nazzjonali, fir-rigward ta’ dawk il-pajjiżi fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma teħtieġx jew tipprevedi li l-organizzazzjonijiet li mhumiex nazzjonali jadottaw statut jew liġijiet lokali (by-laws).

    2.

    Rapport annwali dwar l-attivitajiet ta’ l-organizzazzjoni mhux governattiva għall-aħħar sentejn.

    3.

    Fir-rigward ta’ l-organizzazzjonijiet mhux governattivi stabbiliti f’pajjiżi fejn it-twettiq ta’ dawn il-proċeduri huwa prerekwiżit biex l-organizzazzjoni mhux governattiva tingħata personalità legali, kopja tar-reġistrazzjoni legali ma’ l-awtoritajiet nazzjonali (reġistru pubbliku, pubblikazzjoni uffiċjali, jew kwalunkwe dokument rilevanti ieħor).

    4.

    Meta tkun rilevanti, dokumentazzjoni li turi li fil-passat, l-organizzazzjoni mhux governattiva kienet ġiet rikonoxxuta bid-dritt li tressaq talbiet għal reviżjoni interna, minn istituzzjoni jew korp tal-Komunità.


    Top