Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007R1383

    Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1383/2007 tas- 26 ta’ Novembru 2007 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 779/98 rigward il-ftuħ u l-ġestjoni ta’ ċerti kwoti li jirrigwardaw l-importazzjoni fil-Komunità ta’ prodotti tas-settur tal-laħam tat-tjur li joriġinaw fit-Turkija

    ĠU L 309, 27.11.2007, p. 34–39 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2009; Imħassar b' 32009R0933

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2007/1383/oj

    27.11.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 309/34


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1383/2007

    tas-26 ta’ Novembru 2007

    li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 779/98 rigward il-ftuħ u l-ġestjoni ta’ ċerti kwoti li jirrigwardaw l-importazzjoni fil-Komunità ta’ prodotti tas-settur tal-laħam tat-tjur li joriġinaw fit-Turkija

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2777/75 tad-29 ta’ Ottubru 1975 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-laħam tat-tjur (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 779/98 tas-7 ta' April 1998 fuq l-importazzjoni fil-Komunità ta’ prodotti agrikoli li ġejjin mit-Turkija, li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 4115/86 u jemenda r-Regolament (KE) Nru 3010/95 (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 1 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1396/98 tat-30 ta’ Ġunju 1998 li jippreskrivi proċeduri sabiex jiġi applikat fis-settur tal-laħam tat-tjur ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 779/98 dwar l-importazzjoni fil-Komunità ta’ prodotti agrikoli li joriġinaw fit-Turkija (3) kien emendat diversi drabi b'mod sostanzjali, u jeħtieġ isirulu emendi ġodda. Jeħtieġ għalhekk li r-Regolament (KE) Nru 1396/98 jitħassar u jinbidel b'Regolament ġdid.

    (2)

    Jeħtieġ li l-ġestjoni tal-kwoti tariffarji tiġi żgurata permezz ta’ liċenzji ta’ l-esportazzjoni. Għal dan il-għan, jeħtieġ li jiġu definiti r-regoli għat-tressiq ta’ l-applikazzjonijiet u t-tagħrif li għandu jingħata fl-applikazzjonijiet għal-liċenzji.

    (3)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1291/2000 tad-9 ta’ Ġunju 2000 li jistabbilixxi regoli dettaljati komuni għall-applikazzjoni tas-sistema tal-liċenzji ta’ l-importazzjoni u ta’ l-esportazzjoni u ta’ ċertifikati ta’ ffissar bil-quddiem għal prodotti agrikoli (4) u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1301/2006 tal-31 ta’ Awissu 2006 li jistabbilixxi regoli komuni għall-amministrazzjoni tal-kwoti tariffarji ta’ l-importazzjoni għall-prodotti agrikoli ġestiti permezz ta’ sistema ta’ liċenzji ta’ l-importazzjoni (5), ħlief fejn dan ir-Regolament jipprovdi mod ieħor.

    (4)

    Sabiex tiġi żgurata r-regolarità ta’ l-importazzjonijiet, jeħtieġ li l-perjodu tal-kwota mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru jinqasam f'diversi subperjodi. Fi kwalunkwe każ, ir-Regolament (KE) Nru 1301/2006 jillimita l-perjodu ta’ validità tal-liċenzji għall-importazzjoni għall-aħħar jum tal-perjodu tal-kwota tariffarja.

    (5)

    Fid-dawl tar-riskju ta’ spekulazzjoni inerenti fis-sistema kkonċernata fis-settur tal-laħam tat-tjur, għandhom ikunu stabbiliti kundizzjonijiet preċiżi rigward l-aċċess ta’ l-operaturi għas-sistema tal-kwota tariffarja.

    (6)

    Biex tiġi żgurata ġestjoni adegwata tal-kwoti tariffarji, jeħtieġ li l-ammont tal-garanzjia relattiva għal-liċenzji ta’ l-importazzjoni jiġi stabbilit fil-livell ta’ EUR 20 għal kull 100 kilogramma.

    (7)

    Fl-interess ta’ l-operaturi, jeħtieġ li jkun previst li l-Kummissjoni tiddetermina l-kwantitajiet li għalihom ma jkunux saru applikazzjonijiet u li jiżdiedu mas-subperjodu tal-kwota skond l-Artikolu 7(4) tar-Regolament (KE) Nru 1301/2006.

    (8)

    Il-miżuri pprovduti b'dan ir-Regolament huma konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għal-Laħam tat-Tjur u għall-Bajd,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    1.   Il-kwota tariffarja fl-Anness I hija miftuħa għall-importazzjoni tal-prodotti tas-settur tal-laħam tat-tjur koperti bil-kodiċijiet tan-NM msemmija fl-Anness I.

    Il-kwota tariffarja hija miftuħa fuq bażi annwali għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru.

    2.   Il-kwantità tal-prodotti li jibbenefikaw mill-kwota msemmija fil-paragrafu 1, id-dazju applikabbli, in-numri tas-serje kif ukoll in-numru tal-grupp korrispondenti huma definiti fl-Anness I.

    Artikolu 2

    Għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1291/2000 u tar-Regolament (KE) Nru 1301/2006, ħlief fejn ir-Regolament preżenti jipprovdi mod ieħor.

    Artikolu 3

    Il-kwantità stabbilita għall-perjodu annwali tal-kwota għandha titqassam kif ġej f'erba' subperjodi:

    a)

    25 % mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Marzu,

    b)

    25 % mill-1 ta’ April sat-30 ta’ Ġunju,

    c)

    25 % mill-1 ta’ Lulju sat-30 ta’ Settembru,

    d)

    25 % mill-1 ta’ Ottubru sal-31 ta’ Diċembru.

    Artikolu 4

    1.   Għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1301/2006, l-applikant għal liċenzja ta’ l-importazzjoni għandu jressaq, flimkien ma’ l-ewwel applikazzjoni għall-perjodu tal-kwota tariffarja partikolari, prova li importa jew esporta, matul kull wieħed miż-żewġ perjodi msemmija fl-imsemmi Artikolu 5, talanqas 50 tunnellata ta’ prodotti koperti bir-Regolament (KEE) Nru 2777/75.

    2.   L-applikazzjoni għal liċenzja tista' tkopri diversi prodotti koperti b'kodiċijiet tan-NM differenti. F'dan il-każ, jeħtieġ li l-kodiċijiet kollha tan-NM u d-desinjazzjonijiet tagħhom jitniżżlu, rispettivament, fil-kaxex 16 u 15 ta’ l-applikazzjoni għal liċenzja u tal-liċenzja nnifisha.

    L-applikazzjoni għal liċenzja għandha tkopri minimu ta’ 10 tunnellati u massimu ta’ 10 % tal-kwantità disponibbli għall-kwota kkonċernata matul is-subperjodu kkonċernat.

    3.   Il-liċenzji jobbligaw li l-importazzjoni ssir mit-Turkija.

    L-applikazzjoni għal liċenzja u l-liċenzja nnifisha għandu jkun fihom:

    a)

    fil-kaxxa 8, jiġu mmarkati b'salib l-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ l-oriġini u l-kelma “iva”

    b)

    fil-kaxxa 20, waħda mill-entrati li jingħataw fl-Anness II, il-parti A.

    Il-liċenzja għandu jkun fiha, fil-kaxxa 24, waħda mill-entrati li jingħataw fl-Anness II, il-parti B.

    Artikolu 5

    1.   Applikazzjoni għal liċenzja ma tistax titressaq ħlief matul l-ewwel seba' ġranet tax-xahar qabel kull perjodu sekondarju msemmi fl-Artikolu 3.

    2.   Mat-tressiq ta’ applikazzjoni għal liċenzja, għandha tiġi ddepożitata garanzija ta’ EUR 20 għal kull 100 kilogramma.

    3.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni, sa mhux aktar tard mill-ħames jum wara dak ta’ tmiem il-perjodu tat-tressiq ta’ l-applikazzjonijiet, il-kwantitajiet totali mitluba għal kull grupp, espressi f'kilogrammi.

    4.   Il-liċenzji għandhom jinħarġu mis-seba' ġurnata tax-xogħol, u mhux aktar tard mill-ħdax-il ġurnata tax-xogħol, wara tmiem il-perjodu ta’ komunikazzjoni pprovdut bil-paragrafu 3.

    5.   Il-Kummissjoni għandha tiddetermina, jekk ikun il-każ, il-kwantitajiet li għalihom ma jkunux tressqu applikazzjonijiet u li għandhom jiżdiedu awtomatikament mal-kwantità stabbilita għas-subperjodu tal-kwota ta’ wara.

    Artikolu 6

    1.   B'deroga mill-Artikolu 11(1), it-tieni inċiż, tar-Regolament (KE) Nru 1301/2006, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni, qabel tmiem l-ewwel xahar ta’ kull perjodu sekondarju tal-kwota, il-kwantitajiet totali espressi f'kilogrammi li għalihom ikunu nħarġu l-liċenzji, imsemmija fl-Artikolu 11(1)(b) tar-Regolament imsemmi.

    2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni, qabel tmiem ir-raba' xahar wara kull perjodu annwali tal-kwota, il-kwantitajiet, espressi f'kilogrammi, li fil-fatt ikunu tqiegħdu fil-kummerċ ħieles skond dan ir-Regolament matul il-perjodu kkonċernat u għal kull numru tas-serje.

    3.   B'deroga mill-Artikolu 11(1), it-tieni inċiż, tar-Regolament (KE) Nru 1301/2006, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni il-kwantitajiet totali, espressi f'kilogrammi, relattivi għal-liċenzji ta’ l-importazzjoni li ma ntużawx jew intużaw biss parzjalment, l-ewwel darba fl-istess waqt tat-talba għall-aħħar perjodu sekondarju, u darba oħra qabel tmiem ir-raba' xahar wara kull perjodu annwali.

    Artikolu 7

    1.   B'deroga mill-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 1291/2000, il-validità tal-liċenzji ta’ l-importazzjoni għandha tkun mija u ħamsin jum mill-ewwel jum tas-subperjodu li għalih ikunu nħarġu.

    2.   Bla ħsara għall-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 1291/2000, it-trasferiment tad-drittijiet mogħtija bil-liċenzji huwa limitat għall-konċessjonarji li jissodisfaw il-kundizzzjonijiet ta’ eliġibbiltà stipulati bl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1301/2006 u l-Artikolu 4(1) tar-Regolament preżenti.

    Artikolu 8

    It-tqegħid fil-kummerċ ħieles huwa suġġett għall-preżentazzjoni ta’ prova ta’ l-oriġini, skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 16 tal-Protokoll Nru 3 anness għad-Deċiżjoni Nru 1/98 tal-Kunsill ta’ l-Assoċjazzjoni KE - Turkija (6).

    Artikolu 9

    Ir-Regolament (KE) Nru 1396/98 huwa abrogat.

    Ir-referenzi li jsiru għar-regolament mħassar għandhom jinftiehmu li jkunu qed isiru għar-Regolament preżenti, u għandhom jinqraw skond it-tabella ta’ korrispondenza li tingħata fl-Anness III.

    Artikolu 10

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 26 ta’ Novembru 2007

    Għall-Kummissjoni

    Mariann FISCHER BOEL

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 282, 1.11.1975, p. 77. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 679/2006 (ĠU L 119, 4.5.2006, p. 1).

    (2)  ĠU L 113, 15.4.1998, p. 1.

    (3)  ĠU L 187, 1.7.1998, p. 41. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1961/2006 (ĠU L 408, 30.12.2006, p. 1)

    (4)  ĠU L 152, 24.6.2000, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1913/2006 (ĠU L 365, 21.12.2006, p. 52).

    (5)  ĠU L 238, 1.9.2006, p. 13. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 289/2007 (ĠU L 78, 17.3.2007, p. 17).

    (6)  ĠU L 86, 20.3.1998, p. 1.


    ANNESS I

    In-numru tal-grupp

    In-numru tas-serje

    Kodiċi NM

    Dazju doganali skond il-kwota tariffarja

    (f'EUR/tunnellata)

    Kwota tariffarja annwali

    (f'tunnellati piż nett)

    T1

    09.4103

    0207 25 10

    170

    1 000

    0207 25 90

    186

    0207 27 30

    134

    0207 27 40

    93

    0207 27 50

    339

    0207 27 60

    127

    0207 27 70

    230


    ANNESS II

    A.   Indikazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(3), it-tieni inċiż, il-punt (b):

    bil-Bulgaru

    :

    Регламент (ЕО) № 1383/2007.

    bl-Ispanjol

    :

    Reglamento (CE) no 1383/2007.

    biċ-Ċek

    :

    Nařízení (ES) č. 1383/2007.

    bid-Daniż

    :

    Forordning (EF) nr. 1383/2007.

    bil-Ġermaniż

    :

    Verordnung (EG) Nr. 1383/2007.

    bl-Estonjan

    :

    Määrus (EÜ) nr 1383/2007.

    bil-Grieg

    :

    Kανονισμός (ΕΚ) αριθ. 1383/2007.

    bl-Ingliż

    :

    Regulation (EC) No 1383/2007.

    bil-Franċiż

    :

    Règlement (CE) no 1383/2007.

    bit-Taljan

    :

    Regolamento (CE) n. 1383/2007.

    bil-Latvjan

    :

    Regula (EK) Nr. 1383/2007.

    bil-Litwan

    :

    Reglamentas (EB) Nr. 1383/2007.

    bl-Ungeriż

    :

    1383/2007/EK rendelet.

    bil-Malti

    :

    Ir-Regolament (KE) Nru 1383/2007.

    bl-Olandiż

    :

    Verordening (EG) nr. 1383/2007.

    bil-Pollakk

    :

    Rozporządzenie (WE) nr 1383/2007.

    bil-Portugiż

    :

    Regulamento (CE) n.o 1383/2007.

    bir-Rumen

    :

    Regulamentul (CE) nr. 1383/2007.

    bis-Slovakk

    :

    Nariadenie (ES) č. 1383/2007.

    bis-Sloven

    :

    Uredba (ES) št. 1383/2007.

    bil-Finlandiż

    :

    Asetus (EY) N:o 1383/2007.

    bl-Iżvediż

    :

    Förordning (EG) nr 1383/2007.

    B.   Indikazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(3), it-tielet inċiż:

    bil-Bulgaru

    :

    намаляване на общата митническа тарифа съгласно предвиденото в Регламент (ЕО) № 1383/2007.

    bl-Ispanjol

    :

    reducción del arancel aduanero común prevista en el Reglamento (CE) no 1383/2007.

    biċ-Ċek

    :

    snížení společné celní sazby tak, jak je stanoveno v nařízení (ES) č. 1383/2007.

    bid-Daniż

    :

    toldnedsættelse som fastsat i forordning (EF) nr. 1383/2007.

    bil-Ġermaniż

    :

    Ermäßigung des Zollsatzes nach dem GZT gemäß der Verordnung (EG) Nr. 1383/2007.

    bl-Estonjan

    :

    ühise tollitariifistiku maksumäära alandamine vastavalt määrusele (EÜ) nr 1383/2007.

    bil-Grieg

    :

    Μείωση του δασμού του κοινού δασμολογίου, όπως προβλέπεται στον κανονισμό (ΕΚ) αριθ. 1383/2007.

    bl-Ingliż

    :

    reduction of the common customs tariff pursuant to Regulation (EC) No 1383/2007.

    bil-Franċiż

    :

    réduction du tarif douanier commun comme prévu au règlement (CE) no 1383/2007.

    bit-Taljan

    :

    riduzione del dazio della tariffa doganale comune a norma del regolamento (CE) n. 1383/2007.

    bil-Latvjan

    :

    Regulā (EK) Nr. 1383/2007 paredzētais vienotā muitas tarifa samazinājums.

    bil-Litwan

    :

    bendrojo muito tarifo muito sumažinimai, nustatyti Reglamente (EB) Nr. 1383/2007.

    bl-Ungeriż

    :

    a közös vámtarifában szereplő vámtétel csökkentése az 1383/2007/EK rendelet szerint.

    bil-Malti

    :

    tnaqqis tat-tariffa doganali komuni kif jipprovdi r-Regolament (KE) Nru 1383/2007.

    bl-Olandiż

    :

    Verlaging van het gemeenschappelijke douanetarief overeenkomstig Verordening (EG) nr. 1383/2007.

    bil-Pollakk

    :

    Cła WTC obniżone jak przewidziano w rozporządzeniu (WE) nr 1383/2007.

    bil-Portugiż

    :

    redução da Pauta Aduaneira Comum como previsto no Regulamento (CE) n.o 1383/2007.

    bir-Rumen

    :

    reducerea tarifului vamal comun astfel cum este prevăzut de Regulamentul (CE) nr. 1383/2007.

    bis-Slovakk

    :

    Zníženie spoločnej colnej sadzby, ako sa ustanovuje v nariadení (ES) č. 1383/2007.

    bis-Sloven

    :

    znižanje skupne carinske tarife v skladu z Uredbo (ES) št. 1383/2007.

    bil-Finlandiż

    :

    Asetuksessa (EY) N:o 1383/2007 säädetty yhteisen tullitariffin alennus.

    bl-Iżvediż

    :

    nedsättning av den gemensamma tulltaxan i enlighet med förordning (EG) nr 1383/2007.


    l-ANNESS III

    Tabella ta' korrispondenza

    Ir-Regolament (KE) Nru 1396/98

    Dan ir-Regolament

    l-Artikolu 1

    l-Artikolu 1

    l-Artikolu 2

    l-Artikolu 3

    L-Artikolu 3(1)(a)

    l-Artikolu 4(1)

    l-Artikolu 3(1)(b)

    l-Artikolu 4(2)

    l-Artikolu 3(1)(c)

    l-Artikolu 4(3)

    l-Artikolu 3(1)(d)

    l-Artikolu 4(3)

    l-Artikolu 3(1)(e)

    l-Artikolu 4(3)

    l-Artikolu 4(1), l-ewwel inċiż

    l-Artikolu 5(1)

    l-Artikolu 4(1), it-tieni inċiż

    l-Artikolu 4(2)

    l-Artikolu 4(3)

    l-Artikolu 5(2)

    l-Artikolu 4(4), l-ewwel inċiż

    l-Artikolu 5(3)

    l-Artikolu 4(4), it-tieni inċiż

    l-Artikolu 4(5)

    l-Artikolu 4(6)

    l-Artikolu 5(4)

    l-Artikolu 4(7)

    l-Artikolu 4(8), l-ewwel inċiż

    l-Artikolu 6(2)

    l-Artikolu 4(8), it-tieni inċiż

    l-Artikolu 5, l-ewwel inċiż

    l-Artikolu 7(1)

    l-Artikolu 5, it-tieni inċiż

    l-Artikolu 6

    l-Artikolu 7

    l-Artikolu 8

    l-Artikolu 8

    l-Artikolu 10

    l-Anness I

    l-Anness I

    l-Anness II

    l-Anness III

    l-Anness IV


    Top