Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007R1354

    Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1354/2007 tal- 15 ta’ Novembru 2007 li jaddatta r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni tas-Sustanzi Kimiċi (REACH) minħabba l-adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    ĠU L 304, 22.11.2007, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2007/1354/oj

    22.11.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 304/1


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1354/2007

    tal-15 ta’ Novembru 2007

    li jaddatta r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni tas-Sustanzi Kimiċi (REACH) minħabba l-adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-2005, u b’mod partikolari l-Artikolu 56 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Skond l-Artikolu 56 ta’ l-Att ta’ l-Adeżjoni ta’ l-2005, fejn atti ta’ l-istituzzjonijiet adottati qabel l-adeżjoni jeħtieġu addattament minħabba l-adeżjoni, u addattamenti meħtieġa ma kinux previsti fl-Att għall-Adeżjoni jew fl-Annessi tiegħu, l-atti meħtieġa għandhom jiġu adottati mill-Kunsill sakemm il-Kummissjoni ma tadottax l-att oriġinali.

    (2)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 (1) dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni, u r-Restrizzjoni tas-Sustanzi Kimiċi (REACH) u li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi ġie adottat qabel l-adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija ma’ l-Unjoni Ewropea, u jeħtieġ addattament minħabba din l-adeżjoni.

    (3)

    Għalhekk jixraq li tiġi modifikata d-definizzjoni ta’ sustanza li qed tiġi introdotta sabiex is-sustanzi manifatturati jew li jitqiegħdu fis-suq ġewwa l-Bulgarija u r-Rumanija qabel l-adeżjoni ma’ l-Unjoni Ewropea jkunu soġġetti għall-istess kondizzjonijiet bħalma jsir għas-sustanzi manifatturati jew li jitqiegħdu fis-swieq ta’ Stati Membri oħrajn,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Fl-Artikolu 3(20) il-punti (b) u (ċ) għandhom jinbidlu b’dan li ġej:

    “(b)

    ġiet manifatturata fil-Komunità, jew f’pajjiżi li aderew ma’ l-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Jannar 1995, fl-1 ta’ Mejju 2004 jew fl-1 ta’ Jannar 2007, iżda li ma tqiegħditx fis-suq tal-manifattur jew ta’ l-importatur, ta’ l-anqas darba fl-aħħar ħmistax–il sena qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, bil-kondizzjoni li l-manifattur jew l-importatur ikollu evidenza dokumentata dwar dan;

    (ċ)

    tqiegħdet fis-suq tal-Komunità, jew ta’ pajjiżi li aderew ma’ l-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Jannar 1995, fl-1 ta’ Mejju 2004 jew fl-1 ta’ Jannar 2007, qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament mill-manifattur jew mill-importatur u ġiet ikkunsidrata bħala li kienet notifikata skond l-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 67/548/KEE iżda li ma tikkonformax mad-definizzjoni ta’ polymer kif stabbilit f’dan ir-Regolament, bil-kondizzjoni li l-manifattur jew l-importatur ikollu evidenza dokumentata dwar dan;”.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussel, 15 ta’ Novembru 2007.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. de Lurdes RODRIGUES


    (1)  ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1. Ikkoreġuta fil-ĠU L 136, 29.5.2007, p. 3.


    Top