EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007R1315

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1315/2007 tat- 8 ta’ Novembru 2007 dwar sorveljanza tas-sikurezza fl-amministrazzjoni tat-traffiku ta’ l-ajru u li temenda r-Regolament (KE) Nru 2096/2005 (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 291, 9.11.2007, p. 16–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 06/11/2011; Imħassar b' 32011R1034

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2007/1315/oj

9.11.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 291/16


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1315/2007

tat-8 ta’ Novembru 2007

dwar sorveljanza tas-sikurezza fl-amministrazzjoni tat-traffiku ta’ l-ajru u li temenda r-Regolament (KE) Nru 2096/2005

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 550/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-10 ta’ Marzu 2004 dwar il-forniment ta’ servizzi ta’ navigazzjoni ta’ l-ajru fl-Ajru Uniku Ewropew (ir-Regolament tal-forniment ta’ servizz) (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

Skond ir-Regolament (KE) Nru 550/2004, il-Kummissjoni għandha tidentifika u tadotta d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Rekwiżiti Regolatorji ta’ Sikurezza ta’ l-Eurocontrol (“ESARRs”), wara li tkun ikkunsidrat il-leġislazzjoni Komunitarja eżistenti. L-ESARR 1 jipprevedi sett ta’ rekwiżiti regolatorji ta’ sikurezza għall-implimentazzjoni ta’ funzjoni effettiva ta’ sorveljanza tas-sikurezza operazzjonali ta’ l-amministrazzjoni tat-traffiku ta’ l-ajru (ATM).

(2)

Ir-rwol u l-funzjoni ta’ l-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza huma stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-10 ta’ Marzu 2004 li jippreskrivi l-qafas għall-ħolqien ta’ l-Ajru Uniku Ewropew (ir-Regolament qafas) (2), fir-Regolament (KE) Nru 550/2004, fir-Regolament (KE) Nru 552/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-10 ta’ Marzu 2004 dwar l-interoperabbiltà tax-Xibka Ewropea ta’ Amministrazzjoni ta’ Traffiku ta’ l-Ajru (ir-Regolament ta’ l-interoperabilità) (3) u fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2096/2005 ta’ l-20 ta’ Diċembru 2005 li jistabbilixxi r-rekwiżiti komuni għall-forniment tas-servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru. Dawn ir-Regolamenti jinkludu rekwiżiti għas-sikurezza tas-servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru (4). Filwaqt li r-responsabbiltà għall-forniment sikur tas-servizzi hija ta’ min jipprovdi s-servizz, l-Istati Membri għandhom jiżguraw sorveljanza effettiva minn naħa ta’ l-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza.

(3)

Dan ir-Regolament ma jkoprix l-operazzjonijiet u t-taħriġ militari, kif imniżżel fl-Artikolu (1)2 tar-Regolament (KE) Nru 549/2004.

(4)

L-Awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza għandhom iwettqu l-verifiki u r-reviżjonijiet regolatorji tas-sikurezza b'konformità ma’ dan ir-Regolament, bħala parti mill-ispezzjonijiet u stħarriġ xieraq meħtieġa mir-Regolament (KE) Nru 550/2004.

(5)

L-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza għandhom jikkunsidraw l-użu ta’ l-istrateġija ta’ sorveljanza tas-sikurezza ta’ dan ir-Regolament f'oqsma oħra ta’ sorveljanza skond kif xieraq sabiex jiżviluppaw sorveljanza effiċjenti u koerenti.

(6)

B'konsistenza ma’ l-Anness 11, it-Taqsima 2.26 tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO), l-ESARR 1 jitlob għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-livelli ta’ sikurezza li jintlaħqu, mqabbla mal-livelli ta’ sikurezza tollerabbli kif stipulati għal taqsimiet speċifiċi ta’ l-ispazju ta’ l-ajru. Madankollu, fuq livell Ewropew, dawn il-livelli ta’ sikurezza tolerabbli għadhom ma ġewx stabbiliti kollha, u għalhekk, dawn għandhom jitqiesu aktar 'il quddiem f'dan ir-Regolament.

(7)

Is-servizzi kollha ta’ navigazzjoni ta’ l-ajru, kif ukoll l-amministrazzjoni tal-fluss ta’ traffiku ta’ l-ajru u l-amministrazzjoni ta’ l-ispazju ta’ l-ajru, jużaw sistemi funzjonali li jippermettu l-amministrazzjoni tat-traffiku ta’ l-ajru. Għaldaqstant, kwalunke tibdil fis-sistemi funzjonali għandu jkun soġġett għas-sorveljanza tas-sikurezza.

(8)

L-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 552/2004 jitlob li l-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji f'każ li xi sistema jew kostitwent tagħha ma jkunux konformi mar-rekwiżiti rilevanti. F'dan il-kuntest, u partikolarment meta tkun trid tinħareġ struzzjoni dwar is-sikurezza, l-awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza għandha tikkunsidra jekk ikunx xieraq li tordna lill-entitajiet notifikati involuti fil-pubblikazzjonijiet ta’ Stqarrijiet tal-KE biex iwettqu investigazzjonijiet speċifiċi fir-rigward ta’ dik is-sistema teknika.

(9)

L-Awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza għandhom jingħataw żmien biżżejjed biex jippreparaw għas-sorveljanza tas-sikurezza ta’ tibdil, speċjalment f'dak li għandu x'jaqsam ma’ l-identifikazzjoni tal-miri u standards. Din l-identifikazzjoni għandha tiġi appoġġjata mill- Ispeċifikazzjonijiet tal-Komunità u mid-dokumenti ta’ gwida oħra rilevanti.

(10)

Ir-rapporti annwali ta’ l-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza dwar is-sorveljanza tas-sikurezza għandhom jikkontribwixxu għat-trasparenza u r-responsabbiltà ta’ din is-sorveljanza. Ir-rapporti għandhom jintbagħtu lill-Istat Membru li jinnomina jew jistabbilixxi l-awtorità. Barra minn hekk, dawn għandhom jintużaw fil-kuntest tal-kooperazzjoni reġjonali u tal-monitoraġġ internazzjonali tas- sorveljanza tas-sikurezza. L-azzjonijiet li għandhom jiġu dokumentati għandhom jinkludu informazzjoni dwar il-monitoraġġ ta’ rendiment tas-sikurezza, il-konformità mar-rekwiżiti regolatorji tas-sikurezza applikabbli mill-organizzazzjoni sorveljata, il-programm ta’ verifiki regolatorji tas-sikurezza, l-eżami ta’ dimostrazzjonijiet tas-sikurezza, it-tibdil fis-sistemi funzjonali li jsir mill-organizzazzjonijiet skond il-proċeduri aċċettati mill-awtorità u d-struzzjonijietdwar is-sikurezza li jinħarġu mill-awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza.

(11)

Skond l-Artikolu 2(4) tar-Regolament (KE) Nru 550/2004, l-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza għandhom jagħmlu arranġamenti xierqa għal kooperazzjoni stretta bejniethom biex jiżguraw sorveljanza adegwata fuq il-fornituri ta’ servizz ta’ navigazzjoni ta’ l-ajru li jipprovdi wkoll servizzi relatati ma’ l-ispazju ta’ l-ajru li jaqa' taħt ir-responsabbiltà ta’ Stat Membru li ma jkunx l-Istat Membru li jkun ħareġ iċ-ċertifikat. L-awtoritajiet għandhom b'mod partikolari jagħmlu skambju ta’ l-informazzjoni xierqa dwar is-sorveljanza tas-sikurezza ta’ l-organizzazzjonijiet.

(12)

Ir-Regolament (KE) Nru 2096/2005 għandu jkun emendat f'dan is-sens, sabiex jiżgura l-konsistenza fl-implimentazzjoni ta’ l-Ajru Uniku Ewropew.

(13)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat ta’ l-Ajru Uniku,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Is-suġġett u l-kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi funzjoni ta’ sorveljanza tas-sikurezza għas-servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru, għall-amministrazzjoni tal-fluss ta’ traffiku ta’ l-ajru (ATFM) u għall-amministrazzjoni ta’ l-ispazju ta’ l-ajru (ASM) għat-traffiku ġenerali ta’ l-ajru billi jidentifika u jadotta d-dispożizzjonijiet obbligatorji relevanti tar-Rekwiżiti Regolatorji ta’ Sikurezza ta’ l-Eurocontrol għas- sorveljanza tas-sikurezza ta’ l-amministrazzjoni tat-traffiku ta’ l-ajru (ATM) (ESARR 1) ppubblikati fil-5 ta’ Novembru 2004.

2.   Dan ir-Regolament japplika għall-attivitajiet ta’ l-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza u ta’ l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti li jaġixxu f'isimhom fis-sorveljanza tas-sikurezza għas-servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru, amministrazzjoni ATFM u ASM.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet stabbiliti mir-Regolament (KE) Nru 549/2004.

Għandhom japplikaw ukoll dawn id-definizzjonijiet:

(1)

“Azzjoni korrettiva” tfisser azzjoni li l-għan tagħha huwa li telimina l-kawża ta’ xi nuqqas ta’ konformità li jsir magħruf;

(2)

“Sistema funzjonali” tfisser taħlita ta’ sistemi, proċeduri u riżorsi umani organizzati apposta biex iwettqu funzjoni fil-kuntest ta’ l-ATM;

(3)

“Organizzazzjoni” tfisser dak li jipprovdi s-servizz ta’ navigazzjoni bl-ajru jew xi entità li tipprovdi ATFM jew ASM;

(4)

“Proċess” tfisser sett ta’ attivitajiet relatati ma’ xulxin jew interattivi li jibdel l-inputs f'outputs;

(5)

“Dimostrazzjoni ta’ sikurezza” tfisser il-wiri u x-xhieda li t-tibdil propost għal sistema funzjonali jista' jitwettaq filwaqt li jinżammu l-miri u l-istandards stabbiliti permezz tal-qafas regolatorju eżistenti u bil-ħarsien tar-rekwiżiti regolatorji tas-sikurezza;

(6)

“Istruzzjoni dwar is-sikurezza” tfisser dokument maħruġ jew adottat minn awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza li tordna l-azzjonijiet li għandhom jitwettqu fuq sistema funzjonali sabiex terġa tiġi stabbilita s-sikurezza, fejn ikun hemm xhieda li turi li inkella s-sikurezza ta’ l-avjazzjoni tista' tiġi kompromessa;

(7)

“Objettiv tas-sikurezza” tfisser stqarrija kwalitattiva jew kwantitattiva li tiddefinixxi l-frekwenza jew il-probabbiltà massima li biha jista' jseħħ xi periklu;

(8)

“Verifika regolatorja tas-sikurezza” tfisser evalwazzjoni sistematika u indipendenti li titwettaq minn, jew f'isem, awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza sabiex tiddetermina jekk l-arranġamenti kompleti fir-rigward tas-sikurezza jew xi elementi tagħhom, relatati ma’ proċessi u r-riżultati tagħhom, prodotti u servizzi, ikunux konformi ma’ l-arranġamenti ta’ sikurezza meħtieġa u jekk ikunux ġew implimentati b'mod effettiv u humiex xierqa sabiex jinkisbu r-riżultati mistennija;

(9)

“Rekwiżiti regolatorji tas-sikurezza” tfisser dawk ir-rekwiżiti stabbiliti mill-Komunità jew minn regolamenti nazzjonali għall-forniment ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru jew funzjonijiet ta’ ATFM u ASM li jikkonċernaw il-kompetenza u l-adattabbiltà teknika u operattiva għall-forniment ta’ dawn is-servizzi u funzjonijiet, l-amministrazzjoni tas-sikurezza tagħhom, kif ukoll is-sistemi, il-komponenti tagħhom u l-proċeduri assoċjati;

(10)

“Rekwiżit tas-sikurezza” tfisser mezz ta’ kif jitnaqqas ir-riskju, definit mill-istrateġija ta’ tnaqqis ta’ riskju, li tilħaq xi objettiv partikulari tas-sikurezza, inkluż ir-rekwiżiti ta’ organizzazzjoni, operazzjoni, proċedura, funzjoni, rendiment u interoperabbiltà jew il-karatteristiċi tal-madwar;

(11)

“Verifikazzjoni” tfisser il-konferma permezz ta’ preżentazzjoni ta’ xhieda objettiva li turi li twettqu r-rekwiżiti speċifikati.

Artikolu 3

Funzjoni ta’ sorveljanza tas-sikurezza

1.   L-Awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza għandhom jeżerċitaw is-sorveljanza tas-sikurezza bħala parti mis-sorveljanza ġenerali tar-rekwiżiti applikabbli għas-servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru, kif ukoll għall-ATFM u l-ASM, sabiex jimmonitorjaw il-provvista sikura ta’ dawn l-attivitajiet u sabiex jivverifikaw li jintlaħqu r-rekwiżiti regolatorji tas-sikurezza applikabbli u l-arranġamenti ta’ implimentazzjoni tagħhom.

2.   Meta jiġi konkluż xi ftehim dwar is-sorveljanza ta’ organizzazzjonijiet attivi f'taqsimiet funzjonali ta’ l-ispazju ta’ l-ajru li jkopru l-ispazju ta’ l-ajru li jaqa' taħt ir-responsabbiltà ta’ aktar minn Stat Membru wieħed, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jidentifikaw u jallokaw ir-responsabbiltajiet ta’ sorveljanza tas-sikurezza b'tali mod li jiżgura li:

(a)

jeżistu punti speċifiċi ta’ responsabbiltà għall-implimentazzjoni ta’ kull waħda mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament;

(b)

il-mekkaniżmi tas-sorveljanza tas-sikurezza u r-riżultati tagħhom ikunu viżibbli għall-Istati Membri.

L-Istati Membri għandhom jirrevedu regolarment il-ftehim u l-implimentazzjoni prattika tiegħu, partikolarment fid-dawl tar-riżultati miksuba f'dak li għandu x'jaqsam mar-rendiment tas-sikurezza.

Artikolu 4

Monitoraġġ tar-rendiment ta’ sikurezza

1.   L-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza għandhom jipprovdu monitoraġġ u evalwazzjoni regolari tal-livelli ta’ sikurezza milħuqa sabiex tkun stabbilita jekk ikkonformawx mar-rekwiżiti regolatorji tas-sikurezza applikabbli fit-taqsimiet ta’ l-ispazju ta’ l-ajru li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tagħhom.

2.   L-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza għandhom jużaw ir-riżultati tal-monitoraġġ tas-sikurezza sabiex jistabbilixxu b'mod partikolari l-oqsma li fihom tkun meħtieġa bħala prijorità, il-verifikazzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti regolatorji tas-sikurezza.

Artikolu 5

Verifikazzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti regolatorji tas-sikurezza

1.   L-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza għandhom jistabbilixxu proċess sabiex jivverifikaw:

(a)

il-konformità mar-rekwiżiti regolatorji tas-sikurezza applikabbli, qabel ma jinħareġ jew jiġġedded iċ-ċertifikat neċessarju għall-forniment ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru, inkluż il-kundizzjonijiet relatati mas-sikurezza annessi miegħu;

(b)

il-konformità ma’ kwalunkwe obbligi relatati mas-sikurezza fl-att ta’ ħatra maħruġ skond l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 550/2004;

(ċ)

il-konformità kontinwa ta’ l-organizzazzjonijiet mar-rekwiżiti regolatorji tas-sikurezza applikabbli;

(d)

l-implimentazzjoni ta’ l-għanijiet u r-rekwiżiti tas-sikurezza, u l-kundizzjonijiet oħra relati mas-sikurezza li huma identifikati ġewwa:

(i)

id-dikjarazzjonijiet tal-KE tal-verifikazzjoni ta’ sistemi, inkluż kwalunkwe dikjarazzjonijiet rilevanti tal-KE dwar konformità jew adattabbiltà għall-użu tal-komponenti tas-sistemi;

(ii)

il-proċeduri ta’ evalwazzjoni u ta’ tnaqqis tar-riskji meħtieġa mir-rekwiżiti regolatorji tas-sikurezza applikabbli għas-servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru, l-ATFM u l-ASM;

(e)

l-implimentazzjoni ta’ l-istruzzjonijiet dwar is-sikurezza.

2.   Il-proċess imsemmi fil-paragrafu 1 għandu:

(a)

jkun ibbażat fuq proċeduri dokumentati;

(b)

jkun appoġġjat minn dokumenti mfassla speċifikament biex jipprovdu lill-persunal tas-sorveljanza tas-sikurezza b'indikazzjonijiet dwar kif għandhom iwettqu l-funzjonijiet tagħhom;

(ċ)

jipprovdi lill-organizzazzjoni kkonċernata b'indikazzjoni tar-riżultati ta’ l-attività ta’ sorveljanza tas-sikurezza;

(d)

ikun ibbażat fuq verifiki u reviżjonijiet regolatorji tas-sikurezza imwettqa skond l-Artikolu 6, 8 u 9;

(e)

jipprovdi lill-awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza bix-xhieda meħtieġa biex jappoġġja aktar azzjonijiet, fosthom il-miżuri previsti mill-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 549/2004 u mill-Artikolu 7(7) tar-Regolament (KE) Nru 550/2004 f'sitwazzjonijiet fejn ma jkunux qed jitħarsu r-rekwiżiti regolatorji tas-sikurezza.

Artikolu 6

Verifiki regolatorji tas-sikurezza

1.   L-Awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza, jew l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti iddelegati minnhom, għandhom iwettqu l-verifiki regolatorji tas-sikurezza.

2.   Il-verifiki regolatorji tas-sikurezza msemmija fil-paragrafu 1 għandhom:

(a)

jipprovdu lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza bix-xhieda tal-konformità mar-rekwiżiti regolatorji tas-sikurezza applikabbli u bl-arranġamenti ta’ implimentazzjoni bl-evalwazzjoni tal-ħtieġa li jittieħdu azzjonijiet ta’ titjib jew korrettivi;

(b)

ikunu indipendenti minn attivitajiet ta’ verifika interni li jsiru mill-organizzazzjoni kkonċernata bħala parti mis-sistemi ta’ amministrazzjoni tas-sikurezza jew tal-kwalità tagħhom;

(ċ)

jitwettqu minn awdituri kkwalifikati skond ir-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 11;

(d)

japplikaw għal arranġamenti ta’ implimentazzjoni kompleti jew elementi tagħhom, u għal proċessi, prodotti jew servizzi;

(e)

jistabbilixxu jekk:

(i)

l-arranġamenti ta’ implimentazzjoni jikkonformawx mar-rekwiżiti regolatorji tas-sikurezza;

(ii)

l-azzjonijiet li jittieħdu jikkonformawx ma’ l-arranġamenti ta’ implimentazzjoni;

(iii)

ir-riżultati ta’ l-azzjonijiet meħuda jikkorrispondu mar-riżultati mistennija mill-arranġamenti ta’ implimentazzjoni;

(f)

iwasslu għall-korrezzjoni ta’ kwalunkwe nuqqas ta’ konformità identifikata, skond l-Artikolu 7.

3.   Bħala parti mill-programm ta’ spezzjoni meħtieġ mill-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 2096/2005, talanqas darba kull sena, l-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza għandhom jistabbilixxu u jaġġornaw programm ta’ verifiki regolatorji tas-sikurezza sabiex:

(a)

ikopru l-oqsma kollha ta’ perikli potenzjali għas-sikurezza, b'attenzjoni speċjali għal dawk l-oqsma fejn jiġu identifikati xi problemi;

(b)

ikopru l-organizzazzjonijiet u s-servizzi kollha li joperaw taħt is-sorveljanza ta’ l-awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza;

(ċ)

jiżguraw li l-verifiki jitwettqu b'manjiera proporzjonata mal-livell ta’ riskju maħluq mill-attivitajiet ta’ l-organizzazzjoni;

(d)

jiżguraw li jitwettqu biżżejjed verifiki, matul perjodu ta’ sentejn, biex jikkonfermaw il-konformità ta’ dawn l-organizzazzjonijiet kollha mar-rekwiżiti regolatorji tas-sikurezza applikabbli fl-oqsma kollha rilevanti tas-sistema funzjonali;

(e)

jiżguraw li tkun segwita l-implimentazzjoni ta’ l-azzjonijiet korrettivi.

4.   L-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza jistgħu jimmodifikaw l-ambitu tal-verifiki ppjanati minn qabel, u li jinkludu verifiki addizzjonali, kull fejn ikun meħtieġ.

5.   L-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza għandhom jiddeċiedu liema arranġamenti, elementi, servizzi, prodotti, lokalitajiet u attivitajiet għandhom jiġu vverifikati fi żmien speċifikat.

6.   Għandhom jiġu dokumentati l-osservazzjonijiet tal-verifika u n-nuqqasijiet ta’ konformità li jkunu ġew identifikati. Dawn ta’ l-aħħar għandhom ikunu appoġġjati minn xhieda, u identifikati skond ir-rekwiżiti regolatorji tas-sikurezza applikabbli u l-arranġamenti ta’ l-implimentazzjoni tagħhom li jkunu l-bażi li fuqhom twettqet il-verifika.

Għandu jitħejja rapport tal-verifika li jkun jinkludi d-dettalji tan-nuqqasijiet ta’ konformità.

Artikolu 7

Azzjonijiet korrettivi

1.   L-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza għandhom jikkomunikaw il-konklużjonijiet tal-verifika lill-organizzazzjoni verifikata u, fl-istess ħin għandhom jitolbu li jittieħdu l-azzjonijiet korrettivi biex in-nuqqasijiet ta’ konformità identifikati jiġu indirizzati bla ħsara għal kwalunkwe azzjoni addizzjonali meħtieġa mir-rekwiżiti regolatorji tas-sikurezza applikabbli.

2.   L-organizzazzjoni verifikata għandha tiddeċiedi liema azzjonijiet korrettivi tqis li jkunu neċessarji biex jindirizzaw in-nuqqas ta’ konformità u ż-żmien meħtieġ għall-implimentazzjoni tagħhom.

3.   L-awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza għandha tevalwa l-azzjonijiet korrettivi u l-implimentazzjoni determinati mill-organizzazzjoni verifikata, u taċċettahom f'każ li l-evalwazzjoni tikkonkludi li huma biżżejjed sabiex jindirizzaw in-nuqqasijiet ta’ konformità.

4.   L-organizzazzjoni verifikata għandha tagħti bidu għall-azzjonijiet korrettivi li jiġu aċċettati mill-awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza. Dawn l-azzjonijiet korrettivi u l-proċess ta’ segwitu sussegwenti għandhom jitlestew fil-perjodu ta’ żmien li jkun ġie aċċettat mill-awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza.

Artikolu 8

Sorveljanza tas-sikurezza ta’ tibdil fis-sistemi funzjonali

1.   L-organizzazzjonijiet għandhom jużaw biss proċeduri li jkunu ġew aċċettati mill-awtorità nazzjonali tagħhom ta’ sorveljanza meta jiddeċiedu jekk idaħħlux tibdil li jaffettwa s-sikurezza fis-sistemi funzjonali tagħhom. Fil-każ ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ traffiku ta’ l-ajru u fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni, navigazzjoni jew sorveljanza, l-awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza għandha taċċetta dawn il-proċeduri fil-qafas tar-Regolament (KE) Nru 2096/2005.

2.   L-organizzazzjonijiet għandhom jinnotifikaw lill-awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza dwar kwalunkwe tibdil ippjanat li għandu x'jaqsam mas-sikurezza. Għal dawn il-finijiet, l-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza għandhom jistabbilixxu l-proċeduri amministrattivi xierqa b'konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali.

3.   Sakemm ma jkunx japplika l-Artikolu 9, l-organizzazzjonijiet jistgħu jimplimentaw it-tibdil notifikat skond il-proċeduri msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 9

Proċedura ta’ reviżjoni tat-tibdil propost

1.   L-awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza għandha tirrevedi d-dimostrazzjoni ta’ sikurezza assoċjati ma’ sistemi funzjonali ġodda jew it-tibdil fis-sistemi funzjonali eżistenti proposti minn organizzazzjoni, meta:

(a)

l-evalwazzjoni ta’ severità li tkun saret skond l-Anness II, il-parti 3.2.4 tar-Regolament (KE) Nru 2096/2005, tiddetermina li għall-effetti potenzjali tal-perikli identifikati, tkun teżisti severità ta’ grad 1 jew severità ta’ grad 2; jew

(b)

l-implimentazzjoni tat-tibdil jeħtieġ l-introduzzjoni ta’ standards ta’ l-avjazzjoni ġodda.

Meta l-awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza tistabilixxi l-ħtieġa għal reviżjoni f'sitwazzjonijiet li mhumiex koperti mill-punti (a) u (b), għandha tinnotifika lill-organizzazzjoni li hija tkun ser tagħmel reviżjoni ta’ sikurezza tat-tibdil notifikat.

2.   Din ir-reviżjoni għandha ssir b'manjiera proporzjonata mal-livell ta’ riskju maħluq mis-sistema funzjonali ġdida jew mit-tibdil tas-sistemi funzjonali eżistenti.

Għandha:

(a)

tuża proċeduri dokumentati;

(b)

tkun appoġġjata minn dokumenti mfassla speċifikament biex jipprovdu lill-persunal tas-sorveljanza tas-sikurezza b'indikazzjonijiet dwar kif għandhom iwettqu l-funzjonijiet tagħhom;

(ċ)

tikkonsidra l-għanijiet tas-sikurezza, ir-rekwiżiti tas-sikurezza u kundizzjonijiet oħra li jaffettwaw is-sikurezza li huma relatati mat-tibdil taħt kunsiderazzjoni, li jkunu ġew identifikati ġewwa:

(i)

d-dikjarazzjonijiet tal-KE ta’ verifika tas-sistemi;

(ii)

id-dikjarazzjonijiet tal-KE ta’ konformità jew adattabbiltà għal użu ta’ komponenti tas-sistemi; jew

(iii)

id-dokumentazzjoni dwar l-evalwazzjoni u t-tnaqqis ta’ riskji stabbiliti skond ir-rekwiżiti regolatorji tas-sikurezza applikabbli;

(d)

tidentifika kundizzjonijiet addizzjonali li jaffettwaw is-sikurezza assoċjati ma’ l-implimentazzjoni tat-tibdil, meta meħtieġ;

(e)

tevalwa l-aċċettabbiltà tad-dimostrazzjoni tas-sikurezza li jiġu ppreżentati, b'kunsiderazzjoni għall-:

(i)

identifikazzjoni ta’ perikli;

(ii)

konsistenza fl-assenjazzjoni tal-gradi ta’ severità;

(iii)

validità ta’ l-objettivi tas-sikurezza;

(iv)

validità, effettività u vijabbiltà tar-rekwiżiti tas-sikurezza u kwalunkwe kundizzjonijiet oħra li jaffetwaw is-sikurezza li jkunu ġew identifikati;

(v)

wiri li l-objettivi u rekwiżiti tas-sikurezza, u kundizzjonijiet oħra relati mas-sikurezza jkunu qed jiġu mħarsa kontinwament;

(vi)

wiri li l-proċess użat biex jinħolqu d-dimostrazzjonijiet ta’ sikurezza jħares ir-rekwiżiti regolatorji tas-sikurezza applikabbli;

(f)

tivverifika l-proċessi użati mill-organizzazzjonijiet biex jinħolqu d-dimostrazzjonijiet tas-sikurezza fir-rigward tas-sistema funzjonali ġdida jew tat-tibdil fis-sistemi funzjonali eżistenti li jkunu qed jiġu kkunsidrati;

(g)

tidentifika l-ħtieġa għall-verifikazzjoni tal-konformità permanenti;

(h)

tinkludi kwalunkwe attivitajiet ta’ koordinazzjoni meħtieġa ma’ l-awtoritajiet responsabbli għas-sorveljanza tas-sikurezza ta’ l-airworthiness u l-operazzjonijiet ta’ titjir;

(i)

tipprovdi notifika ta’ l-aċċettazzjoni – fejn meħtieġ, flimkien ma’ kundizzjonijiet – jew taċ-ċaħda, iġġustifikata, tat-tibdil li jkun qed jiġi kkunsidrat.

3.   L-introduzzjoni fis-servizz tat-tibdil taħt kunsiderazzjoni f'dik ir-reviżjoni għandha tkun suġġetta għall-aċċettazzjoni mill-awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza.

Artikolu 10

Organizzazzjonijiet rikonoxxuti

1.   Meta awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza teddeċiedi li tiddelega t-twettiq ta’ xogħol ta’ verifiki regolatorji tas-sikurezza jew xogħol ta’ reviżjonijiet skond l-Artikolu 9(2) lil xi organizzazzjoni rikonoxxuta, din l-awtorità għandha tiżgura li l-kriterji li tuża għall-għażla ta’ l-organizzazzjoni minn fost dawk rikonoxxuti skond l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 550/2004, ikunu jinkludu dan li ġej:

(a)

li l-organizzazzjoni rikonoxxuta jkollha esperjenza preċedenti fl-evalwazzjoni tas-sikurezza ta’ entitajiet ta’ l-avjazzjoni;

(b)

li l-organizzazzjoni rikonoxxuta ma tkunx involuta fl-istess żmien f'attivitajiet interni tas-sistemi ta’ amministrazzjoni ta’ sikurezza jew ta’ kwalità ta’ l-organizzazzjoni kkonċernata;

(ċ)

li l-persunal kollu li għandu x'jaqsam mat-twettiq tal-verifiki regolatorji ta’ sikurezza jew tar-reviżjonijiet ikunu mħarrġa u kwalifikati kif xieraq u jissodisfaw il-kriterji ta’ kwalifiki ta’ l-Artikolu 11(3) ta’ dan ir-Regolament.

2.   L-organizzazzjoni rikonoxxuta għandha taċċetta l-possibbiltà li tista' tiġi verifikata mill-awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza jew kwalunkwe entità oħra li taġixxi f'isem l-awtorità.

3.   L-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza għandhom iżommu rekord ta’ l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti li jiġu kkummissjonati biex iwettqu xogħol ta’ verifiki regolatorji tas-sikurezza jew ta’ reviżjonijiet f'isimhom. F'dawn ir-rekords għandha tinżamm dokumentazzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti inklużi fil-paragrafu 1.

Artikolu 11

Kapaċitajiet ta’ sorveljanza tas-sikurezza

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza jkollhom il-kapaċità li jwettqu s-sorveljanza tas-sikurezza ta’ l-organizzazzjonijiet kollha li joperaw taħt is-sorveljanza tagħhom, u li dawn ikollhom riżorsi biżżejjed sabiex iwettqu l-azzjonijiet identifikati f'dan ir-Regolament.

2.   Kull sentejn, l-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza għandhom jissottomettu u jaġġornaw l-evalwazzjoni tar-riżorsi umani meħtieġa għat-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom ta’ sorveljanza tas-sikurezza, liema evalwazzjoni tkun ibbażata fuq l-analiżi tal-proċessi meħtieġa minn dan ir-Regolament u l-applikazzjoni tagħhom.

3.   L-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza għandhom jiżguraw li l-persuni kollha involuti fl-attivitajiet ta’ sorveljanza tas-sikurezza jkunu kompetenti biżżejjed biex iwettqu l-funzjoni neċessarja. Għaldaqstant, huma għandhom:

(a)

jiddefinixxu u jiddokumentaw l-edukazzjoni, it-taħriġ, l-għarfien tekniku u/jew operattiv, l-esperjenza u l-kwalifiki i rilevanti għat-twettiq tad-doveri ta’ kull kariga ta’ xogħol involuta f'attivitajiet ta’ sorveljanza tas-sikurezza fi ħdan l-istruttura tagħhom;

(b)

jassiguraw taħriġ speċifiku għal dawk il-persuni involuti f'attivitajiet ta’ sorveljanza tas-sikurezza fi ħdan l-istruttura tagħhom;

(ċ)

jiżguraw li l-persunal maħtur biex iwettaq il-verifiki regolatorji ta’ sikurezza, inkluż il-persunal ta’ verifika minn organizzazzjonijiet rikonoxxuti, jissodisfa l-kriterji ta’ kwalifiki speċifiċi kif definiti mill-Awtorità Nazzjonali ta’ Sorveljanza. Dawn il-kriterji għandhom jindirizzaw:

(i)

l-għarfien u l-fehim tar-rekwiżiti relatati mas-servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru, l-ATFM u l-ASM li fuqhom isiru l-verifiki regolatorji ta’ sikurezza;

(ii)

l-użu ta’ tekniki ta’ evalwazzjoni;

(iii)

il-kompetenzi neċessarji għat-twettiq ta’ verifika;

(iv)

il-wiri tal-kompetenza ta’ l-awdituri permezz ta’ evalwazzjoni jew ta’ mezzi oħra aċċettabbli.

Artikolu 12

Struzzjonijiet dwar is-sikurezza

1.   Kull meta tiddetermina li fis-sistema funzjonali jkun hemm kundizzjoni ta’ nuqqas ta’ sigurtà li teħtieġ it-teħid ta’ azzjoni immedjata, l-awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza għandha toħroġ struzzjoni dwar is-sikurezza.

2.   Struzzjoni dwar is-sikurezza għandha tintbagħat lill-organizzazzjonijiet ikkonċernati, u bħala minimu, għandha tinkludi din l-informazzjoni:

(a)

l-identifikazzjoni tal-kundizzjoni ta’ nuqqas ta’ sigurtà;

(b)

l-identifikazzjoni tas-sistema funzjonali milquta;

(ċ)

l-azzjonijiet meħtieġa u l-ġustifikazzjoni għalihom;

(d)

li-limitu ta’ żmien għal konformità ta’ l-azzjonijiet meħtieġa ma’ l-istruzzjoni dwar is-sigurezza;

(e)

id-data tad-dħul fis-seħħ tagħha.

3.   L-awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza għandha tibgħat kopja ta’ l-istruzzjoni dwar is-sikurezza lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza l-oħra kkonċernati, partikolarment lil dawk involuti fis-sorveljanzata' sikurezza tas-sistema funzjonali, u lill-Kummissjoni, Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Avjazzjoni (EASA) u l-Eurocontrol, skond ma jkun xieraq.

4.   L-awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza għandha tivverifika l-konformità ma’ l-istruzzjonijiet applikabbli dwar is-sikurezza.

Artikolu 13

Rekords dwar is-sorveljanza tas-sikurezza

L-Awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza għandhom iżommu u jħallu aċċess għar-rekords xierqa u li għandhom x'jaqsmu mal-proċessi tagħhom ta’ sorveljanza tas-sikurezza, inkluż ir-rapporti tal-verifiki regolatorji ta’ sikurezza kollha u rekords oħra li għandhom x'jaqsmu mas-sikurezza relatati ma’ ċertifikati, ħatriet, is-sorveljanza tas-sikurezza ta’ tibdil, struzzjonijiet dwar is-sikurezza u l-użu ta’ organizzazzjonijiet rikonoxxuti.

Artikolu 14

Rappurtar tas-sorveljanza tas-sikurezza

1.   L-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza għandhom jissottomettu rapport annwali tas-sorveljanza tas-sikurezza dwar dawk l-azzjonijiet li jittieħdu skond dan ir-Regolament. Ir-rapport għandu wkoll jinkludi informazzjoni dwar dan li ġej:

(a)

struttura u proċeduri organizzattivi ta’ l-awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza;

(b)

spazju ta’ l-ajru li jaqa' taħt ir-responsabbiltà ta’ l-Istati Membri li jkun stabbilixxa jew innomina l-awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza u l-organizzazzjonijiet li jaqgħu taħt is-sorveljanza ta’ l-awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza;

(ċ)

organizzazzjonijiet rikonoxxuti li jkunu ġew ikkummissjonati biex iwettqu verifiki regolatorji tas-sikurezza;

(d)

livelli eżistenti ta’ riżorsi ta’ l-awtorità;

(e)

kwalunkwe dimostrazzjoni ta’ sikurezza identifikati waqt il-proċess ta’ sorveljanza tas-sikurezza li jkun sar mill-awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza.

2.   L-Istati Membri għandhom jużaw ir-rapporti sottomessi mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza sabiex jissottomettu r-rapporti annwali tagħhom lill-Kummissjoni kif meħtieġ mill-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 549/2004.

3.   Ir-rapport annwali dwar is-sorveljanza tas-sikurezza għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ l-Istati Membri kkonċernati, fil-każ ta’ taqsimiet funzjonali ta’ l-ispazju ta’ l-ajru, u tal-programmi jew attivitajiet li jitwettqu fl-ambitu ta’ ftehimiet internazzjonali għall-monitoraġġ jew verifika ta’ l-implimentazzjoni tas-sorveljanza tas-sikurezza tas-servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru, l-ATFM u l-ASM.

Artikolu 15

Skambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza

L-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza għandhom jagħmlu arranġamenti għall-kooperazzjoni stretta skond l-Artikolu 2(4) tar-Regolament (KE) Nru 550/2004 u jiskambjaw kwalunkwe informazzjoni xierqa biex tiġi żgurata s-sorveljanza tas-sikurezza ta’ l-organizzazzjonijiet kollha li jipprovdu servizzi u funzjonijiet transkonfinali.

Artikolu 16

Emenda għar-Regolament (KE) Nru 2096/2005

L-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 2096/2005 għandu jiġi mħassar.

Artikolu 17

Dispożizzjoni tranżitorja

L-Istati Membri jistgħu jiddiferixxu l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 9(3) sa' l-1 ta’ Novembru 2008. Għandhom jinformaw b'dan lill-Kummissjoni minnufih.

Artikolu 18

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 8 ta’ Novembru 2007.

Għall-Kummissjoni

Jacques BARROT

Viċi President


(1)  ĠU L 96, 31.3.2004, p. 10.

(2)  ĠU L 96, 31.3.2004, p. 1.

(3)  ĠU L 96, 31.3.2004, p. 26.

(4)  ĠU L 335, 21.12.2005, p. 13.


Top