EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007R1275

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1275/2007 tad- 29 ta’ Ottubru 2007 li jemenda l-Anness IX għar-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabblixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta’ ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 284, 30.10.2007, p. 8–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2007/1275/oj

30.10.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 284/8


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1275/2007

tad-29 ta’ Ottubru 2007

li jemenda l-Anness IX għar-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabblixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta’ ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 li jistabblixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta’ ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 23 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 jistabblixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta’ ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered (TSEs) fl-annimali. Dan japplika għall-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta’ annimali ħajjin u ta’ prodotti li joriġinaw minn annimali.

(2)

L-Anness IX għar-Regolament (KE) Nru 999/2001 jistabblixxi r-regoli għall-importazzjoni fil-Komunità ta’ annimali ħajjin, embrijoni, ova u prodotti li joriġinaw minn annimali. It-tneħħija ta’ materjal b'riskju speċifiku minn prodotti ddestinati għall-ikel u l-għalf hi l-miżura waħdanija ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika l-aktar importanti.

(3)

L-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 jipprovdi għall-istatus ta’ l-enċefalopatija sponġiformi bovina (ESB) ta’ l-Istati Membri jew ta’ pajjiżi terzi jew reġjuni tagħhom li għandu jkun stabbilit permezz ta’ klassifikazzjoni fi tliet kategoriji: riskju negliġibbli ta’ l-ESB, riskju kkontrollat ta’ l-ESB u risku mhux determinat ta’ l-ESB. L-Artikolu jipprovvedi wkoll għal valutazzjoni mill-ġdid tal-kategorizzazzjoni Komunitarja tal-pajjiżi wara li ġiet stabbilita mill-Organizzazzjoni Dinji għas-Saħħa ta’ l-Annimali (OIE) proċedura għall-klassifikazjoni tal-pajjiżi permezz ta’ kategoriji.

(4)

Sakemm tiġi adottata d-deċiżjoni dwar l-istatus ta’ l-ESB ta’ l-Istati Membri u tal-pajjiżi terzi, ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 jipprovdi għal miżuri tranżitorji li għandhom jiġu applikati għal perjodu li jintemm fl-1 ta’ Lulju 2007. Skond il-miżuri tranżitorji li jirrigwardjaw l-ESB ir-restrizzjonijiet ta’ l-importazzjonijiet fil-Komunità minn pajjiżi terzi li għandhom ir-riskju ta’ l-ESB jkopru l-prodotti tal-laħam kif definiti fid-Direttiva tal-Kunsill 77/99/KEE (2), li tinkludi l-imsaren ittrattati (intestini ta’ l-annimali). Barra minn hekk il-possibbiltà ta’ kummerċ trijangolari kien introdott fejn pajjiżi terzi b'riskju ta’ l-ESB setgħu jesportaw imsaren ittrattati, li kellhom is-sors tagħhom f'pajjiżi fejn l-ESB ma kinitx ikkunsidrata li seta' kienet possibbli.

(5)

Fil-25 ta’ Ġunju 2007 kien emendat mill-Kummissjoni r-Regolament (KE) Nru 999/2001 permezz tar-Regolament (KE) Nru 722/2007 (3). Ir-Regolament (KE) 999/2001, kif emendat b'dan il-mod, introduċa sistema ta’ kategorizzazzjoni Komunitarja tal-pajjiżi skond ir-riskju tagħhom ta’ l-ESB, b'konformità ma’ dik ta’ l-OIE. Dan wassal mhux biss għat-tqegħid fil-lista tal-pajjiżi kollha taħt waħda minn dawn it-tliet kategoriji: riskju negliġibbli ta’ l-ESB, riskju kkontrollat ta’ l-ESB u risku mhux stabbilit ta’ l-ESB, iżda wkoll introduċa regoli kummerċjali għal kull kategorija ta’ riskju.

(6)

Ir-regoli ta’ l-importazzjoni relatati mas-sistema l-ġdida tal-kategorizzazzjoni rriferew għal prodotti tal-laħam kif iddefinit fir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jistabbilixi ċerti regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (4), li jeskludi l-imsaren ittrattati. B'konformità mal-kondizzjonijiet applikabbli qabel l-1 ta’ Lulju 2007 u sabiex jiġi żgurat l-istess livell ta’ protezzjoni tal-konsumatur, l-imsaren ittrattati għandhom jiġu inklużi fil-lista tal-prodotti koperti mir-regoli ta’ l-importazzjoni relatati mat-TSE fir-Regolament (KE) Nru 999/2001. L-Anness IX ta’ dan ir-Regolament għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ.

(7)

Ebda kondizzjonijiet tat-TSE relatati ma’ l-importazzjoni ma japplikaw għal pajjiżi terzi bi status ta’ riskju negliġibbli ta’ ESB. Meħtieġ li jiġu kkjarifikati l-kondizzjonijiet ta’ l-esportazzjoni f'każ li l-imsaren għandhom is-sors tagħhom minn pajjiż jew reġjun b'riskju negliġibbli ta’ l-ESB u ttrattati f'pajjiż terz bi status differenti ta’ riskju ta’ l-ESB. Għal raġunijiet ta’ konsistenza l-possibbiltà ta’ kummerċ trijangulari għandu jiġi introdott mill-ġdid fid-dispożizzjonijiet il-ġodda.

(8)

Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 għandu għalhekk jiġi emendat skond dan.

(9)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness IX għar-Regolament (KE) Nru 999/2001 hu emendat skond l-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u hu applikabbli direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 29 ta’ Ottubru 2007.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 147, 31.5.2001, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 727/2007 (ĠU L 165, 27.6.2007, p. 8).

(2)  ĠU L 26, 31.1.1977, p. 85. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 807/2003 (ĠU L 122, 16.5.2003, p. 36).

(3)  ĠU L 164, 26.6.2007, p. 7.

(4)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55: kkoreġut bil-ĠU L 226, 25.6.2004, p. 22. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).


ANNESS

Fl-Anness IX, ir-Regolament (KE) Nru 999/2001, il-Kapitolu C hu emendat kif ġej:

(a)

It-Taqsima A qed tinbidel ma’ dan li ġej:

“TAQSIMA A

Prodotti

Il-prodotti li ġejjin ta’ oriġini ta’ annimali bovini, ovini u kaprini, kif definiti fir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*) għandhom ikunu soġġetti għall-kondizzjonijiet stipulati fit-Taqsimiet B, C u D skond il-kategorija ta’ riskju ta’ l-ESB tal-pajjiż ta’ l-oriġini:

laħam frisk,

laħam ikkapuljat u preparazzjonijiet tal-laħam,

prodotti tal-laħam,

imsaren ittrattati,

grass ipproċessat ta’ l-annimali,

gambal, u,

ġelatina.

(*)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55, korretta bil-ĠU L 226, 25.6.2004, p. 22.”"

(b)

Fit-Taqsima C, jiżdied il-punt 5 li ġej:

“5.

F'każ ta’ msaren li oriġinarjament kellhom is-sors tagħhom minn pajjiż jew reġjun b'riskju negliġibbli ta’ l-ESB, l-importazzjonijiet ta’ l-imsaren ittrattati għandhom ikunu soġġetti għall-preżentazzjoni ta’ ċertifikat tas-saħħa ta’ l-annimal li jattesta li:

(a)

il-pajjiż jew reġjun huwa kklassifikat skond l-Artikolu 5(2) bħala pajjiż jew reġjun li jimponi riskju kkontrollat ta’ ESB;

(b)

l-annimali minn fejn ġew il-prodotti li joriġinaw minn annimali bovini, ovini u kaprini twieldu, trabbew kontinwament u nqatlu fil-pajjiż jew fir-reġjun b'riskju negliġibbli ta’ l-ESB u għaddew mill-ispezzjonijiet ante-mortem u post-mortem;

(c)

jekk l-imsaren huma ġejjin minn pajjiż jew reġjun fejn kien hemm każijiet indiġeni ta’ ESB:

(i)

l-annimali twieldu wara d-data minn meta bdiet tiġi infurzata l-projbizzjoni fuq l-għalf ta’ ruminanti b'ikel b'laħam u għadam imfarrak u gambal li ġejjin minn ruminanti; jew

(ii)

il-prodotti li joriġinaw minn annimali bovini, ovini u kaprini ma għandhomx u mhumiex derivati minn materjal speċifiku ta’ riskju kif definit fl-Anness V.”

(c)

Fit-Taqsima D, jiżdied il-punt 5 li ġej:

“5.

F'każ ta’ msaren li oriġinarjament kellhom is-sors tagħhom minn pajjiż jew reġjun b'riskju negliġibbli ta’ l-ESB, l-importazzjonijiet ta’ l-imsaren ittrattati għandhom ikunu soġġetti għall-preżentazzjoni ta’ ċertifikat tas-saħħa ta’ l-annimal li jattesta li:

(a)

il-pajjiż jew reġjun huwa kklassifikat skond l-Artikolu 5(2) bħala pajjiż jew reġjun li jimponi riskju mhux determinat ta’ ESB;

(b)

l-annimali minn fejn ġew il-prodotti li joriġinaw minn annimali bovini, ovini u kaprini twieldu, trabbew kontinwament u nqatlu fil-pajjiż jew fir-reġjun b'riskju negliġibbli ta’ l-ESB u għaddew mill-ispezzjonijiet ante-mortem u post-mortem;

(c)

jekk l-imsaren huma ġejjin minn pajjiż jew reġjun fejn kien hemm każijiet indiġeni ta’ ESB:

(i)

l-annimali twieldu wara d-data minn meta bdiet tiġi infurzata l-projbizzjoni fuq l-għalf ta’ ruminanti b'ikel b'laħam u għadam imfarrak u gambal li ġejjin minn ruminanti; jew

(ii)

il-prodotti li joriġinaw minn annimali bovini, ovini u kaprini ma għandhomx u mhumiex derivati minn materjal speċifiku ta’ riskju kif definit fl-Anness V.”



Top