Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007R1231

    Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1231/2007 tad- 19 ta’ Ottubru 2007 dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti merkanziji fin-Nomenklatura Magħquda

    ĠU L 279, 23.10.2007, p. 3–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2007/1231/oj

    23.10.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 279/3


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1231/2007

    tad-19 ta’ Ottubru 2007

    dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti merkanziji fin-Nomenklatura Magħquda

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Komuni tad-Dwana (1), u b’mod partikolari l-Artiklu 9(1)(a) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Sabiex tkun garantita l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, jeħtieġ li jkunu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-merkanzija li tissemma’ fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

    (2)

    Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 iddefinixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli jgħoddu wkoll għal kull nomenklatura oħra li hija kompletament jew parzjalment ibbażata fuqha, jew li żżid magħha xi subdiviżjoni oħra u li hija mwaqqfa fuq proviżjonijiet speċifiċi tal-Komunità, bil-ħsieb li tkun applikata tariffa u miżuri oħra relatati mal-kummerċ fil-merkanzija.

    (3)

    Konformi ma’ dawk ir-regoli ġenerali, il-merkanzija deskritta fil-kolonna nru 1 ta’ l-iskeda mniżżla fl-Anness għandha tkun ikklassifikata fil-kodiċi NM indikata fil-kolonna nru 2, minħabba fir-raġunijiet imniżżla fil-kolonna nru 3 ta’ dik l-iskeda.

    (4)

    Huwa xieraq li ssir kundizzjoni li informazzjoni fuq tariffa li torbot maħruġa mill-awtoritajiet tad-dwana ta’ l-Istati Membri dwar il-klassifikazzjoni tal-merkanzija fin-Nomenklatura Magħquda iżda li ma taqbilx ma’ dan ir-Regolament tista’, għal perijodu ta’ tliet xhur, tkompli tkun invokata mid-detentur, taħt Artiklu 12(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi tad-dwana tal-Komunità (2).

    (5)

    Il-miżuri li huma pprovduti f’dan il-Regolament jaqblu mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi tad-dwana,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Il-merkanzija deskritta fil-kolonna nru 1 ta’ l-iskeda mniżżla fl-Anness tkun ikklassifikata fin-Nomenklatura Magħquda fil-kodiċi NM indikat fil-kolonna nru 2 ta’ dik l-iskeda.

    Artikolu 2

    Informazzjoni fuq tariffa li torbot maħruġa mill-awtoritajiet tad-dwana ta’ l-Istati Membri, li mhijiex skond dan ir-Regolament, tista’ tkompli tkun invokata għal perijodu ta’ tliet xhur skond Artiklu 12(6) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 19 ta’ Ottubru 2007.

    Għall-Kummissjoni

    László KOVÁCS

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 733/2007 (ĠU L 169, 29.6.2007, p. 1).

    (2)  ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħas mir-Regolament (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).


    ANNESS

    Deskrizzjoni ta’ l-oġġetti

    Klassifikazzjoni

    (Kodiċi-NM)

    Raġunijiet

    (1)

    (2)

    (3)

    1.

    Sawna bl-infra-aħmar għal użu fid-dar, maħsuba biex tkun installata f’bini, iddisinjata biex tesa’ sa 2 persuni; li tikkonsisti f’:

    sitt pannelli ta’ l-injam prefabbrikati “lesti għall-muntaġġ”

    bank

    tagħmir għall-ventilazzjoni

    jonizzatur ta’ l-arja.

    Uħud mill-pannelli huma mgħammra b’:

    bieb b’tieqa

    ħiter ta’ l-infra-aħmar taċ-ċeramika fil-bogħod

    kontrolluri diġitali jew

    lawdspikers

    Il-wavelength tar-raġġi ġġenerati mill-ħiter ta’ l-infra-aħmar taċ-ċeramika fil-bogħod hija 5.6-15 μm.

    Il-prodott jgħaqqad il-funzjonijiet ta’ sawna u apparat ta’ tisħin infra-aħmar għal użu terapewtiku. Huwa jipprovdi trattament rikreattiv u ta’ rilassament.

    8516 79 70

    Il-klassifikazzjoni hija determinata mir-Regoli Ġenerali 1, 2(a), 3(b) u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, Nota 3 għal Taqsima XVI u l-kliem tal-kodiċi NM 8516 , 8516 79 u 8516 79 70 .

    L-apparat mekkaniku u t-tagħmir elettroniku jagħtu n-natura essenzjali lill-prodott kollu. Għalhekk, klassifikazzjoni f’titlu 4421 bħal oġġetti oħra ta’ l-injam hija eskluża. Il-prodott ma jipprovdix trattament mediku u, għalhekk, klassifkazzjoni f’titlu 9018 bħala strument jew tagħmir mediku hija eskluża.

    Klassifikazzjoni f’titlu 9406 hija eskluża billi l-prodott mhuwiex bini prefabbrikat “indipendenti”, komplut jew inkomplut.

    Minħabba li l-ħiter ta’ l-infra-aħmar taċ-ċeramika fil-bogħod li jwettaq il-funzjoni prinċipali tal-prodott, huwa tagħmir elettrotermiku li għandu funzjoni speċifikata x’imkien ieħor f’Kapitlu 85 (titlu 8516 ), klassifikazzjoni f’titlu 8543 hija eskluża.

    Peress li l-ħiter ta’ l-infra-aħmar taċ-ċeramika fil-bogħod huwa prinċipalment biex isaħħan il-ġisem u mhux biss biex isaħħan l-ispazji, il-prodott huwa eskluż minn subtitlu 8516 29 bħala apparat elettriku biex isaħħan l-ispazji. Għalhekk għandu jkun ikklassifikat f’subtitlu 8516 79 .

    2.

    Apparat indipendenti għall-irrekordjar ta’ kodiċi diġitali li tirrappreżenta vidjow fuq diska diġitali versatili (DVD) minn vidjowkamera li tirrekordja.

    L-apparat huwa mgħammar b’USB interface sabiex jaqbad ma’ vidjowkamera li tirrekordja jew ma’ magna awtomatika li tiproċessa d-data.

    Meta l-apparat ikun imqabbad mal-vidjowkamera li tirrekordja, l-irrekordjar tal-vidjow huwa kkontrollat minn l-apparat ta’ l-aħħar u jirrekordja biss f’format vidjow.

    L-apparat jista’ jintuża bħala apparat biex jerfa’ d-data fuq DVD meta jaħdem flimkien ma’ magna awtomatika li tipproċessa d-dejta.

    8521 90 00

    Il-klassifikazzjoni hija determinata mir-Regoli Ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, Nota 5(E) ta’ Kapitlu 84 u l-kliem tal-Kodiċi NM 8521 u 8521 90 00 .

    Minħabba li l-apparat għandu funzjoni speċifika, l-irrekordjar tal-vidjow permezz ta’ kamera, il-klassifikazzjoni bħala unità ta’ ħażna f’subtitlu 8471 70 hija eskluża (ara Nota 5(E) għall-Kapitlu 84).

    Peress li l-apparat huwa speċifikat f’titlu 8521 (bħala apparat li jirrekordja vidjow), klassifikazzjoni bħala apparat li jittraskrivi f’titlu 8471 (subtitlu 8471 90 ) hija eskluża.

    Peress li l-apparat għandu funzjoni speċifikata x’imkien ieħor f’Kapitlu 85 (titlu 8521 ), klassifikazzjoni f’titlu 8543 hija eskluża.

    3.

    Kamera diġitali biex tiġbed u tirrekordja immaġni fuq tagħmir ta’ ħażna intern b’kapaċità ta’ 22 MB jew fuq kard ta’ memorja ta’ kapaċità massima ta’ 1 GB.

    Il-kamera hija mgħammra b’tagħmir charge-coupled (CCD) ta’ 6 megapixels u mezz kristall likwidu (LCD) b’qies djagonali ta’ 6,35 ċm (2.5 pulzieri) li jista’ jintuża bħala display waqt li jkun qed jiġbed immaġni jew bħala skrin biex juri l-immaġni li jkunu ġew irrekordjati diġà.

    Ir-riżoluzzjoni massima ta’ l-immaġni fissi hija 3 680  × 2 760 pixels.

    Meta tuża din ir-rizoluzzjoni li hija l-aktar għolja u l-kard tal-memorja ta’ 1 GB, hija kapaċi tirrekordja madwar 290 immaġni fissi. Meta tuża r-riżoluzzjoni ta’ 640 × 480 pixels u l-karta tal-memorja ta’ 1 GB, hija kapaċi tirrekordja madwar 7 550 immaġni fissi.

    Ir-riżoluzzjoni massima tal-vidjow hija ta’ 640 × 480 pixels.

    Meta tuża din ir-riżoluzzjoni li hija l-aktar għolja u l-karta tal-memorja ta’ 1 GB, hija kapaċi tirrekordja madwar 11-il minuta ta’ vidjow bi 30 frejm kull sekonda.

    Il-kamera għandha il-funzjoni ta’ żum ottiku li ma jistax jintuża waqt li tkun qed tirrekordja l-vidjow.

    8525 80 30

    Il-klassifikazzjoni hija determinata mir-Regoli Ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, Nota 3 għal Sezzjoni XVI u l-kliem tal-kodiċi NM 8525 , 8525 80 u 8525 80 30 .

    Il-kamera ma tkunx ikklassifikata f’subtitlu 8525 80 11 jew 8525 80 19 bħala kamera tat-televiżjoni għax hija kapaċi tirrekordja immaġni fissi u vidjow.

    Il-prodott jista’ jiġbed u jirrekordja immaġni fissi ta’ kwalità għolja.

    Madankollu, il-prodott jista’ jiġbed u jirrekordja biss vidjow ta’ kwalità anqas minn 800 × 600 pixels u m’għandux funzjoni ta’ żum matul l-irrekordjar tal-vidjow (Ara in-Noti ta’ Spjega NM għal subtitlu 8525 80 30 ).

    Fit-tifsira ta’ Nota 3 għal Taqsima XVI, il-funzjoni prinċipali tal-kamera hija l-ġbid u l-irrekordjar ta’ immaġni fissi u, għalhekk, il-prodott għandu jkun ikklassifikat bħala kamera diġitali ta’ subtitlu 8525 80 30 .

    4.

    Kamera diġitali biex tiġbed u tirrekordja immaġni fuq kard tal-memorja b’kapaċità massima ta’ 1 GB.

    Il-kamera hija mgħammra b’tagħmir charge-coupled (CCD) ta’ 6 megapixels u viewfinder li jintewa ta’ mezz kristall likwidu (LCD) b’qies djagonali ta’ 5,08 ċm (2.0 pulzieri) li jista’ jintuża bħala display waqt li jkun qed jiġbed immaġni jew bħala skrin biex juri l-immaġni li jkunu ġew irrekordjati diġà.

    Ir-riżoluzzjoni massima ta’ l-immaġni fissi hija ta’ 3 680  × 2 760 pixels.

    Meta tuża din ir-riżoluzzjoni li hija l-aktar għolja u l-kard tal-memorja ta’ 1 GB, hija kapaċi tirrekordja 300 immaġni fissi. Meta tuża r-riżoluzzjoni ta’ 640 × 480 pixels u l-karta tal-memorja ta’ 1 GB, hija kapaċi tirrekordja madwar 7 750 immaġni fissi.

    Ir-riżoluzzjoni massima tal-vidjow hija 640 × 480 pixels.

    Meta tuża din ir-riżoluzzjoni li hija l-aktar għolja u l-kard tal-memorja ta’ 1 GB, hija kapaċi tirrekordja madwar 42 minuta ta’ vidjow bi 30 frejm fis-sekonda.

    Il-kamera għandha funzjoni ta’ żum ottiku li jista’ jintuża waqt l-irrekordjar tal-vidjow.

    8525 80 30

    Il-klassifikazzjoni hija determinata mir-Regoli Ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, Nota 3 għal Sezzjoni XVI u l-kliem tal-kodiċi NM 8525 , 8525 80 u 8525 80 30 .

    Il-kamera ma tkunx ikklassifikata f’subtitli 8525 80 11 jew 8525 80 19 bħala kamera għat-televiżjoni, għax hija kapaċi tirrekordja immaġni fissi u vidjow.

    Il-prodott jista’ jiġbed u jirrekordja immaġni fissi ta’ kwalità għolja.

    Għalkemm il-prodott għandu d-disinn ta’ vidjowkamera li tirrekordja, għandu funzjoni ta’ żum meta jkun qiegħed jirrekordja vidjow u huwa kapaċi jirrekordja sa 42 minuta ta’ vidjow b’riżoluzzjoni ta’ 640 × 480 pixels, l-irrekordjar tal-vidjow jibqa’ funzjoni sekondarja għax il-prodott jista’ jiġbed u jirrekordja biss vidjow ta’ kwalità ta’ anqas minn 800 × 600 pixels. (Ara n-Noti ta’ Spjega NM għal subtitlu 8525 80 30 ).

    Fit-tifsira ta’ Nota 3 għal Taqsima XVI, il-funzjoni prinċipali tal-kamera hija l-ġbid u l-irrekordjar ta’ immaġni fissi u, għalhekk, il-prodott għandu jkun ikklassifikat bħala kamera diġitali ta’ subtitlu 8525 80 30 .

    5.

    Vidjowkamera diġitali biex tiġbed u tirrekordja immaġni fuq kard tal-memorja b’kapaċità massima ta’ 2 GB.

    Il-kamera hija mgħammra b’tagħmir charge-coupled (CCD) ta’ 5 megapixels u viewfinder li jintewa ta’ mezz ta’ dajowd organiku li jarmi d-dawl (OLED) b’qies djagonali ta’ 5,59 ċm (2.2 pulzieri) li jista’ jintuża waqt il-ġbid ta’ l-immaġni jew bħala skrin biex juri l-immaġni li jkunu irrekordjati diġà.

    Hija mgħammra b’input għal mikrofonu u b’output awdjo-vidjow.

    Ir-riżoluzzjoni massima tal-vidjow hija ta’ 1 280  × 720 pixels.

    Meta tuża din ir-riżoluzzjoni li hija l-aktar għolja u l-kard tal-memorja ta’ 2 GB, hija kapaċi tirrekordja madwar 42 minuta ta’ vidjow bi 30 frejm kull sekonda. Meta tuża r-riżoluzzjoni ta’ 640 × 480 pixels u l-kard tal-memorja ta’ 2 GB, hija kapaċi li tirrekordja sagħtejn ta’ vidjow bi 30 frejm kull sekonda.

    Ir-riżoluzzjoni massima ta’ l-immaġni fissi hija ta’ 3 680  × 2 760 pixels.

    Meta tuża din ir-riżoluzzjoni li hija l-aktar għolja u l-karta tal-memorja ta’ 2 GB, hija kapaċi tirrekordja madwar 600 immaġni fissi. Meta tuża r-riżoluzzjoni ta’ 640 × 480 pixels u l-kard tal-memorja ta’ 2 GB, hija kapaċi tirrekordja madwar 15 500 immaġni fissi.

    Il-kamera għandha funzjoni ta’ żum ottiku li jista’ jintuża waqt l-irrekordjar tal-vidjow.

    8525 80 91

    Il-klassifikazzjoni hija determinata mir-Regoli Ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, Nota 3 għal Sezzjoni XVI u l-kliem tal-kodiċi NM 8525 , 8525 80 and 8525 80 91 .

    Il-kamera ma tistax tkun ikklassifikata f’subtitlu 8525 80 11 jew 8525 80 19 bħala kamera għat-televiżjoni għax hija kapaċi tirrekordja immaġni fissi u vidjow.

    Fit-tifsira ta’ Nota 3 għal Taqsima XVI, il-funzjoni prinċipali tal-kamera hija l-ġbid u l-irrekordjar ta’ vidjow, għax jista’ jirrekordja vidjow ta’ kwalità ogħla minn 800 × 600 pixels għal madwar 42 minuta b’riżoluzzjoni ta’ 1 280  × 720 pixels bi 30 frejm kull sekonda. Aktar minn hekk, il-kamera għandha funzjoni ta’ żum ottiku li jista’ jintuża waqt l-irrekordjar ta’ vidjow. (Ara n-Noti ta’ Spjega NM għal subtitli 8525 80 91 u 8525 80 99 ).

    Il-prodott, li huwa kapaċi jirrekordja biss ħsejjes u immaġni meħuda minn kamera għat-televiżjoni, huwa kklassifikat bħala vidjowkamera li jirrekordja ta’ subtitlu 8525 80 91 .

    6.

    Tagħmir li jista’ jinġarr li jikkonsisti minn riċevitur ta’ sistema ta’ pożizzjonar globali (GPS), b’antenna integrata u assistent personali diġitali (PDA) b’sistema operattiva f’unità waħda.

    Il-qisien totali huma: 11,2 (tul) × 6,9 (wisgħa) × 1,6 (fond) ċm.

    Huwa mgħammar b’:

    slott għall-karta tal-memorja

    skrin LCD tal-kulur ta’ 8,9 ċm (3.5″) li jaħdem billi jintmiss

    apparat li jagħti d-dawl minn wara LED

    memorja Flash ta’ 32 MB

    modulu GPS mibni ġewwa fih b’antenna separata

    reġistratur tal-vuċi

    MP3 Playback support b’lawdspiker ġo fih

    interfaces għal kuffja, USB, cradle, eċċ., u

    buttuni għal aċċess għall-ħidmiet, il-Kalendarju, in-Noti, u l-Kuntatti.

    8526 91 20

    Il-Klassifikazzjoni hija stabbilita bir-Regoli Ġenerali 1, 3(c) u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda u l-kliem tal-kodiċi NM 8526 , 8526 91 u 8526 91 20 .

    It-tagħmir hu magħmul minn żewġ komponenti: magna li tipproċessa d-data awtomatikament ta’ titlu 8471 u riċevitur tal-GPS ta’ titlu 8526 .

    La l-ipproċessar tad-data u lanqas il-funzjonijiet riċevituri tal-GPS ma jistgħu jitqiesu bħala l-funzjoni prinċipali.

    Għalhekk bl-applikazzjoni tal-GIR 3(ċ), l-apparat għandu jkun ikklassifikat f’titlu 8526 .

    7.

    Vettura bil-magna, b’erba’ roti, armata b’magna diżil b’qawwa ta’ 132 kW u veloċità massima ta’ 40 km fis-siegħa.

    Il-vettura għandha sistema ta’ trasmissjoni kompletament awtomatika, erba’ gerijiet ‘il quddiem u wieħed għar-rivers, u kabina magħluqa b’sit għas-sewwieq biss.

    Ix-xażi huwa armat bil-“ħames rota”. Il-ħames rota għandha għoli ta’ l-irfigħ ta’ 60 ċm u kapaċità massima ta’ irfigħ ta’ 32 000 kg. L-użu tagħha huwa biex trejler ikun jista’ jitqabbad magħha.

    Il-vettura hija ddisinjata speċifikament għall-użu f’ċentri tad-distribuzzjoni tat-trejlers.

    8701 90 90

    Il-klassifikazzjoni hija determinata mir-Regoli Ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda u l-kliem tal-kodiċi NM 8701 , 8701 90 u 8701 90 90 .

    Il-vettura m’għandhiex tkun ikklassifikata f’titlu 8709 , għaliex la hija ddisnjata u lanqas maħsuba biex iġġorr l-oġġetti nfushom u mhix tajba għall-użu fuq pjattaformi fi stazzjonijiet ferrovjarji.

    Il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, fil-każ C 495/03 (1) ddeċidiet li din it-tip ta’ vettura għandha tkun ikklassifikata f’titlu 8701 .

    M’għandhiex tkun ikklassifikata bħala trakter tat-triq għas-semi-trejlers f’subtitlu 8701 20 , għaliex mhix iddisinjata biex tinsaq fuq toroq pubbliċi għall-ġarr tal-merkanzija f’distanzi sostanzjali.

    Għalhekk il-vettura għandha tkun ikklassifikata bħala trakter f’subtitlu 8701 90 90


    (1)  [2005] ECR I-8151.


    Top