Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007R1139

    Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1139/2007 ta’ l- 1 ta’ Ottubru 2007 dwar l-awtorizzazzjoni ta’ L-arginine bħala addittiv fl-għalf (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    ĠU L 256, 2.10.2007, p. 11–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 04/08/2020; Imħassar b' 32020R1033

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2007/1139/oj

    2.10.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 256/11


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1139/2007

    ta’ l-1 ta’ Ottubru 2007

    dwar l-awtorizzazzjoni ta’ L-arginine bħala addittiv fl-għalf

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar l-addittivi għall-użu fl-għalf ta’ l-annimali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jipprevedi l-awtorizzazzjoni ta’ addittivi għall-użu fin-nutriment ta’ l-annimali u r-raġunijiet u l-proċeduri sabiex tingħata tali awtorizzazzjoni.

    (2)

    Applikazzjoni ta’ awtorizzazzjoni ġiet imressqa għal L-arginine bħala aċidu aminiku.

    (3)

    Minħabba li l-applikazzjoni ta’ awtorizzazzjoni ġiet imressqa qabel id-data ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, ġiet imressqa taħt id-Direttiva tal-Kunsill 82/471/KEE tat-30 ta’ Ġunju 1982 dwar ċerti prodotti użati fl-għalf ta’ l-annimali (2). Sa mit-18 ta’ Ottubru 2004, l-aċidi aminiċi, l-imluħ tagħhom u l-analogi jaqgħu taħt l-ambitu tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003. L-applikazzjoni għandha għalhekk tiġi kkunsidrata bħala applikazzjoni taħt l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

    (4)

    Sabiex tikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, ġie mressaq tagħrif addizzjonali bħala appoġġ għall-applikazzjoni.

    (5)

    L-applikazzjoni tikkonċerna l-awtorizzazzjoni ta’ L-arginine bħala addittiv fl-għalf għall-ispeċi kollha ta’ l-annimali, biex tiġi kklassifikata fil-kategorija ta’ l-addittivi “addittivi nutrittivi” u l-grupp funzjonali “aċidi aminiċi, l-imluħ tagħhom u l-analogi”.

    (6)

    L-Awtorità Ewropea tas-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) ikkonkludiet fl-opinjonijiet tagħha tas-17 ta’ April 2007 (3) li L-arginine ma jħallix effett negattiv fuq is-saħħa ta’ l-annimali, is-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent. Ikkonkludiet ukoll L-arginine ma jippreżenta ebda riskju ieħor li, skond l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, jeskludi l-awtorizzazzjoni. Hija ma tqisx li hemm bżonn ta’ rekwiżiti speċifiċi ta’ sorveljanza wara t-tqegħid fis-suq. Ir-rapport fuq il-metodu ta’ analiżi ta’ l-addittiv ta’ l-għalf fl-għalf ġie sottomess mil-Laboratorju ta’ Referenza tal-Komunità stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 lill-Awtorità. Il-valutazzjoni ta’ din il-preparazzjoni turi li l-kundizzjonijiet għal awtorizzazzjoni, previsti fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, huma sodisfatti. Għalhekk, l-użu ta’ din il-preparazzjoni għandha tiġi awtorizzata, kif speċifikat fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

    (7)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Il-preparazzjoni speċifikata fl-Anness, li tifforma parti mill-kategorija ta’ addittivi ‘addittivi nutrittivi’ u mill-grupp funzjonali ‘aċidi aminiċi, l-imluħ tagħhom u l-analogi’, hija awtorizzata bħala addittiv fl-għalf ta’ l-annimali suġġetta għall-kondizzjonijiet stipulati f’dak l-Anness.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 1 ta’ Ottubru 2007.

    Għall-Kummissjoni

    Markos KYPRIANOU

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 378/2005 (ĠU L 59, 5.3.2005, p. 8).

    (2)  ĠU L 213, 21.7.1982, p. 8. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/116/KE (ĠU L 379, 24.12.2004, p. 81).

    (3)  Opinjoni tal-Bord Xjentifiku dwar l-Addittivi u Prodotti jew Sustanzi użati fl-Għalf ta’ l-Annimali dwar is-sigurtà u l-effettività tal-prodott L-arginine prodott bil-fermentazzjoni minn Corynebacterium glutamicum (ATCC-13870) għall-ispeċi kollha ta’ l-annimali. Adottata fis-17 ta’ Aptil 2007. Il-Ġurnal EFSA (2007) 473, p. 1-19.


    ANNESS

    Numru ta’ identifikazzjoni ta’ l-addittiv

    L-isem tad-detentur ta’ l-awtorizzazzjoni

    Addittiv

    Kompożizzjoni, formula kimika, deskrizzjoni, metodu analitiku.

    Speċi jew kategorija ta’ l-annimal

    Età massima

    Kontenut minimu

    Kontenut massimu

    Dispożizzjonijiet oħra

    Tmiem tal-perjodu ta' awtorizzazzjoni

    mg/kg ta’ għalf sħiħ b’kontenut ta’ umdità ta’ 12 %

    Kategorija ta’ addittivi nutrittivi. Grupp funzjonali: aċidi aminiċi, l-imluħ tagħhom u l-analogi

    3c3.6.1

    L-arginine

     

    Karatterizzazzjoni ta' l-addittiv:

    L-arginine 98 %

    Prodott minn Corynebacterium glutamicum (ATCC 13870)

    C6H14N4O2

     

    Metodu analitiku

    Il-metodu Komunitarju għad-determinazzjoni ta’ l-aċidi aminiċi (Direttiva 98/64/KE tal-Kummissjoni li temenda d-Direttiva 71/393/KEE (1))

    L-ispeċi kollha

    22.10.2017


    (1)  ĠU L 257, 19.9.1998, p. 14.


    Top