EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007R0906

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 906/2007 tat- 23 ta’ Lulju 2007 li jtemm ir-reviżjoni interim tal-miżuri antidumping imposti bir-Regolament (KE) Nru 1910/2006 fuq importazzjonijiet tas-sistemi tal-kameras tat-televiżjoni li joriġinaw mill-Ġappun u jirrevoka l-miżuri antidumping imposti bir-Regolament (KE) Nru 1910/2006

ĠU L 198, 31.7.2007, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2007/906/oj

31.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 198/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 906/2007

tat-23 ta’ Lulju 2007

li jtemm ir-reviżjoni interim tal-miżuri antidumping imposti bir-Regolament (KE) Nru 1910/2006 fuq importazzjonijiet tas-sistemi tal-kameras tat-televiżjoni li joriġinaw mill-Ġappun u jirrevoka l-miżuri antidumping imposti bir-Regolament (KE) Nru 1910/2006

IL-KUNSILL ta’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-ħarsien mill-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku»), u b’mod partikolari 11(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta ppreżentata mill-Kummissjoni wara li ġie kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   IL-MIŻURI FIS-SEĦĦ BĦALISSA

(1)

Bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2042/2000 (2) dazji definittivi antidumping ġew imposti fuq importazzjonijiet ta’ sistemi tal-kameras tat-televiżjoni li joriġinaw fil-Ġappun, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM ex 8525 80 19, ex 8528 49 35, ex 8528 49 91, ex 8528 59 90, ex 8529 90 92, ex 8529 90 97, ex 8537 10 91, ex 8537 10 99 u 8543 70 90 (kodiċijiet NM mill-1 ta’ Jannar 2007).

(2)

F’Diċembru 2006, il-Kunsill, bir-Regolament (KE) Nru 1910/2006 (3) ikkonferma dawn il-miżuri wara reviżjoni ta’ skadenza skond l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku (il-“miżuri oriġinali”).

B.   PROĊEDURA

(3)

Fl-4 ta’ April 2006, il-Kummissjoni rċeviet ilment rigward l-allegazzjoni ta’ dumping inġurjuż minn importazzjonijiet ta’ ċerti sistemi tal-kameras li joriġinaw fil-Ġappun.

(4)

L-ilment tressaq minn Grass Valley Nederland BV li aġixxiet f’isem il-produtturi tal-Komunità li jirrappreżentaw proporzjon ewlieni tal-produzzjoni totali tal-Komunità ta’ ċerti sistemi tal-kameras skond l-Artikoli 4(1) u 5(4) tar-Regolament bażiku.

(5)

L-ilment kien fih evidenza prima facie ta’ l-eżistenza ta’ dumping u ta’ ħsara materjali li rriżultat minnu, li tqieset biżżejjed biex ikun iġġustifikat il-bidu ta’ proċediment antidumping.

(6)

Il-Kummissjoni, permezz ta’ notifika (“notifika ta’ bidu”) ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea (4), tat bidu għal proċedimenti antidumping fir-rigward ta’ importazzjonijiet fil-Komunità ta’ ċerti sistemi tal-kameras, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM ex 8525 80 19, ex 8525 80 91, ex 8528 49 10, ex 8528 49 35, ex 8528 49 91, ex 8528 59 10, ex 8528 59 90, ex 8529 90 92, ex 8529 90 97, ex 8537 10 91, ex 8537 10 99, ex 8543 70 90 u ex 9002 90 00 (kodiċijiet NM mill-1 ta’ Jannar 2007) u li joriġinaw fil-Ġappun.

(7)

In-notifika tal-bidu ddefiniet il-prodott ta’ ċerti sistemi ta’ kameras li joriġinaw mill-Ġappun li jikkonsistu minn:

(a)

ras tal-kamera (camera head):

(i)

bi viewfinder integrat, kollegament jew kapaċità ta’ viewfinder

(ii)

bi blokka ottika integrata, modulu fuq quddiem jew tagħmir simili (ara d-deskrizzjoni ta’ hawn taħt), kollegament jew kapaċità

(iii)

jew f’biċċa waħda bir-ras tal-kamera u l-adaptor tal-kamera f’kisi protettiv (housing) wieħed, inkella separati;

(b)

adaptor tal-kamera. Dan jista’ jkun jew jista’ ma jkunx integrat fir-ras tal-kamera;

(ċ)

blokka ottika, modulu ta’ quddiem jew tagħmir simili b’senser ta’ l-immaġini wieħed jew aktar fejn id-daqs djagonali effettiv ta’ l-iskening erja sensittiva għad-dawl huwa ugwali għal 6 mm jew aktar. Dan jista’ jkun jew jista’ ma jkunx integrat fir-ras tal-kamera;

(d)

viewfinder tal-kamera. Dan jista’ jkun jew jista’ ma jkunx integrat fir-ras tal-kamera;

(e)

stazzjoni ta’ Bażi jew Unità tal-Kontroll tal-Kamera (Camera Control Unit- “CCU”) kollegata mal-kamera permezz ta’ kejbil jew b’mezz ieħor bħalma huwa kollegament wajerless;

(f)

Pannell tal-Kontroll Operazzjonali (Operational Control Panel – “OCP”) jew tagħmir ekwivalenti għall-kontroll tal-kamera (jiġifieri għal aġġustament tal-kulur ftuħ tal-lenti jew l-iris) ta’ kameras uniċi;

(g)

Pannel tal-Kontroll Dominanti (Master Control Panel - ℌMCP”) jew unità tat-taqsim Dominanti (Master set-up unit -“MSU”) għas-superviżjoni u għall-aġġustament ta’ bosta kameras mill-bogħod;

(h)

unità ta’ l-adattament tal-lenti tal-kaxxa bħala Adapter Kbir tal-Lenti jew SuperXpander li tippermetti sabiex sistemi portable tal-kameras jintużaw ma’ lentijiet tat-tip tal-kaxxa

importati jew flimkien jew separatament, u li joriġinaw mill-Ġappun.

Mhuwiex dejjem meħtieġ li s-sistemi tal-kameras jikkonsistu mill-komponenti kollha ta’ hawn fuq.

Il-komponenti differenti msemmija hawn fuq (mhux ras il-kamera) ta’ sistema tal-kamera ma jistgħux jaħdmu b’mod separat u ma jistgħux jintużaw ’il barra mis-sistema tal-kamera ta’ produttur partikolari.

Lentijiet u recorders li mhumiex fl-istess kisi protettiv b’ras tal-kamera mhumiex koperti mill-istess prodott.

Il-prodott konċernat huwa inklinat li jintuża fix-xandir, għall-ġabra ta’ l-aħbarijiet, għaċ-ċinematografija diġitali jew għall-applikazjonijiet professjonali. Applikazzjonijiet professjonali jinkludu (iżda mhumiex limitati għalih) l-użu ta’ dawn is-sistemi għall-ħolqien ta’ materjal vidjografiku edukazzjonali, ta’ divertiment, promozzjonali u dokumentarju, kemm għal distribuzzjoni interna kif ukoll għal dik esterna.

(8)

Il-prodott kopert bil-miżuri oriġinali jaqa’ kompletament fi ħdan id-definizzjoni tal-prodott t’hawn fuq.

(9)

Għalhekk, il-Kummissjoni, bl-istess notifika, hawnhekk tagħti bidu wkoll, skond l-Artikolu 11 (3) tar-Regolament bażiku, għal reviżjoni interim tar-Regolament (KE) Nru 2042/2000. L-għan ta’ din ir-reviżjoni interim kien li jemenda jew jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 2042/2000 jekk ikun determinat li l-miżuri għandhom jiġu imposti fuq ċerti sistemi tal-kameras li joriġinaw mill-Ġappun li konsegwentement ikopru wkoll sistemi tal-kameras tat-televiżjoni soġġetti għall-miżuri taħt ir-Regolament (KE) Nru 2042/2000. F’dan il-każ, it-tkomplija ta’ impożizzjoni tal-miżuri imposti bir-Regolament (KE) Nru 2042/2000 ma tkunx aktar adatta u r-Regolament (KE) Nru 2042/2000 ikun irid jiġi emendat skond dan.

(10)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2042/2000 kellu jiskadi fid-29 ta’ Diċembru 2006. Qabel din id-data u kif imsemmi fil-premessa (1) hawn fuq, il-Kunsill estenda l-miżuri definittivi antidumping fis-seħħ fuq importazzjonijiet ta’ sistemi tal-kameras tat-televiżjoni bir-Regolament (KE) Nru 1910/2006 tad-19 ta’ Diċembru 2006 li daħal fis-seħħ fit-22 ta’ Diċembru 2006. Ir-reviżjoni mibdija fir-rigward tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2042/2000 kien għalhekk awtomatikament estiż għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1910/2006.

(11)

Il-Kummissjoni uffiċjalment tat pariri lill-prodotturi esportaturi, importaturi u assoċjazzjonijiet ta’ l-importaturi jew esportaturi li hu magħruf li kienu konċernati, lir-rappreżentanti tal-pajjiż esportatur, lill-utenti, fornituri ta’ materji primi, u l-kwerelant li huwa produttur tal-Komunità bil-bidu ta’ l-investigazzjoni. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jressqu l-fehmiet taghhom bil-miktub u li jitolbu seduta fil-limitu taż-żmien stabbilit fl-avviż ta’ bidu u ntbagħtu kwestjonarji lill-partijiet kollha interessati.

Ċ.   IRTIRAT TA’ L-ILMENT, TWAQQIF TAL-PROĊEDIMENT U REVOKA TAL-MIŻURI DEFINITTIVI ANTIDUMPING FIS-SEĦĦ.

(12)

B’ittra tat-12 ta’ April 2007 lill-Kummissjoni, Grass Valley Nederland B.V., formalment irtirat l-ilment tagħha. Bl-istess ittra, Grass Valley irtirat ukoll l-appoġġ tagħha tal-miżuri oriġinali kontra l-importazzjonijiet tas-sistemi tal-kameras tat-televiżjoni li joriġinaw fil-Ġappun imposti bir-Regolament (KE) Nru 1910/2006 wara reviżjoni ta’ skadenza skond l-Artikolu 11(2) tar-Regolament Bażiku.

(13)

B’konformità ma’ l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Bażiku, il-proċedura tista’ tkun iterminata meta l-ilment jitneħħa, jekk terminazzjoni bħal din ma tkunx fl-interess tal-Komunità.

(14)

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni bid-Deċiżjoni 2007/539/KE (5) temmet il-proċediment fir-rigward ta’ l-importazzjonijiet fil-Komunità ta’ ċerti sistemi tal-kameras li joriġinaw mill-Ġappun minħabba li l-investigazzjoni ma ġabet fid-dawl ebda kunsiderazzjoni li turi li temma simili ma tkunx fl-interess tal-Komunità.

(15)

Kif imsemmi fil-premessa 8, dazji definittivi antidumping huma wkoll fis-seħħ fuq importazzjonijiet tas-sistemi tal-kameras tat-televiżjoni li joriġinaw fil-Ġappun li jiffurmaw parti mill-ambitu tal-prodott tal-proċediment fir-rigward ta’ ċerti sistemi tal-kameras.

(16)

Kif imsemmi fil-premessa 12, l-industrija tal-Komunità, bl-ittra msemmija hawn fuq irtirat formalment l-appoġġ tagħha għal dawn il-miżuri u talbet ir-revoka tagħhom.

(17)

Ġie għalhekk ikunsidrat li l-miżuri eżistenti għandhom jiġu revokati, minħabba li l-investigazzjoni ma ġabetx fid-dawl xi kunsiderazzjonijeit li juru li revoka simili ma tkunx fl-interess tal-Komunità.

D.   KONKLUŻJONI

(18)

Il-partijiet interessati ġew infurmati kif jixraq u ngħataw l-opportunità li jikkummentaw. Ma waslu ebda kummenti li jindikaw li t-temma tar-reviżjoni interim u r-revoka tal-miżuri antidumping fis-seħħ ma jkunux fl-interess tal-Komunità.

(19)

Għalhekk ġie konkluż li titwaqqaf ir-reviżjoni preżenti u li jiġu revokati d-dazji antidumping fis-seħħ fuq importazzjonijiet ta’ ċerti sistemi tal-kameras tat-televiżjoni mill-Ġappun,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-reviżjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1910/2006 hi hawnhekk imwaqqfa u d-dazji definittivi antidumping imposti fuq importazzjonijiet ta’ sistemi tal-kameras tat-televiżjoni li joriġinaw fil-Ġappun bir-Regolament (KE) Nru 1910/2006 huma revokati.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, 23 ta’ Lulju 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

L. AMADO


(1)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 2117/2005 (ĠU L 340, 23.12.2005, p. 17).

(2)  ĠU L 244, 29.9.2000, p. 38. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1909/2006 (ĠU L 365, 21.12.2006, p. 1).

(3)  ĠU L 365, 21.12.2006, p. 7.

(4)  ĠU C 117, 18.5.2006, p. 8.

(5)  ĠU L 198, 31.7.2007, p. 32.


Top