Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007R0865

    Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 865/2007 ta’ l- 10 ta’ Lulju 2007 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni dwar is-Sajd

    ĠU L 192, 24.7.2007, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2013; Imħassar b' 32013R1380

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2007/865/oj

    24.7.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 192/1


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 865/2007

    ta’ l-10 ta’ Lulju 2007

    li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni dwar is-Sajd

    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 ta’ l-20 ta’ Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni dwar is-Sajd (2) jistipula d-dispożizzjonijiet marbuta mal-ġestjoni tal-kapaċità tas-sajd.

    (2)

    Id-dispożizzjonijiet attwali li japplikaw għall-ġestjoni tal-kapaċità tal-flotta għandhom jiġu adattati fid-dawl ta’ l-esperjenza.

    (3)

    L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jippermettu żieda limitata fit-tunnellaġġ għal bastimenti ġodda jew diġà eżistenti sabiex itejbu s-sikurezza, l-iġjene, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-kwalità tal-prodott abbord, sakemm dan ma jżidx il-kapaċità li l-bastimenti jaqbdu l-ħut u sakemm jagħti l-prijorità lis-sajd kostali fuq skala żgħira fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 26 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1198/2006 tas-27 ta’ Lulju 2006 dwar il-Fond Ewropew għas-Sajd (3). Dik iż-żieda għandha tkun marbuta ma’ l-isforzi tagħhom li jaġġustaw il-kapaċità tas-sajd bl-għajnuna pubblika bejn l-1 ta’ Jannar 2003 jew l-1 ta’ Mejju 2004 u l-31 ta’ Diċembru 2006 u mill-1 ta’ Jannar 2007 ‘l quddiem.

    (4)

    It-tnaqqis tas-saħħa tal-magna meħtieġ għall-bdil tal-magni bl-għajnuna pubblika skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 25(3)(b) u (c) tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006 għandu jitqies bħala ħruġ tal-kapaċità mill-flotta permezz ta’ l-għajnuna pubblika fir-rigward ta’ l-applikazzjoni tas-sistema tad-dħul u l-ħruġ u l-aġġustament tal-livelli ta’ referenza.

    (5)

    Ir-Regolament (KE) Nru 2371/2002 għandu għaldaqstant jiġi emendat kif jixraq,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru 2371/2002 huwa emendat hekk:

    (1)

    L-Artikolu 11 jinbidel b’dan li ġej:

    “Artikolu 11

    Aġġustament tal-kapaċità għas-sajd

    1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu miżuri li jaġġustaw il-kapaċità għas-sajd tal-flotot tagħhom biex jiksbu bilanċ stabbli u dewwiemi bejn dik il-kapaċità għas-sajd u l-opportunitajiet tas-sajd tagħhom.

    2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-livelli ta’ referenza espressi f’TG u kW tal-kapaċità għas-sajd kif stabbiliti skond dan l-Artikolu u l-Artikolu 12 ma jinqabżux.

    3.   L-ebda ħruġ mill-flotta appoġġat minn għajnuna pubblika m’għandu jkun permess sakemm il-liċenzja għas-sajd ma tiġix irtirata qabel ma jsir dan, kif imfisser fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1281/2005 (*) u, meta jkun hemm ipprovdut għalihom, l-awtorizzazzjonijiet għas-sajd kif imfissrin fir-regolamenti rilevanti. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 6, il-kapaċità li tikkorrispondi għal-liċenzja, u fejn meħtieġ għall-awtorizzazzjonijiet tas-sajd għas-sajd ikkonċernat, ma tistax tiġi ssostitwita.

    4.   Meta tingħata għajnuna pubblika għall-irtirar mill-kapaċità għas-sajd li tmur lil hinn mit-tnaqqis ta’ kapaċità meħtieġ għall-konformità mal-livelli ta’ referenza kif stabbiliti skond dan l-Artikolu u l-Artikolu 12, l-ammont tal-kapaċità irtirata għandu jitnaqqas awtomatikament mil-livelli ta’ referenza. Il-livelli ta’ referenza li jirriżultaw għandhom ikunu l-livelli ta’ referenza ġodda.

    5.   Fuq bastimenti tas-sajd ta’ 5 snin jew aktar, il-modernizzazzjoni ‘l fuq mill-gverta prinċipali sabiex jittejbu is-sikurezza abbord, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, l-iġjene, u l-kwalità tal-prodott jistgħu jżidu t-tunnellaġġ tal-bastiment, sakemm din il-modernizzazzjoni ma żżidx il-kapaċità tal-bastiment biex jaqbad il-ħut. Il-livelli ta’ referenza, kif stabbiliti skond dan l-Artikolu u l-Artikolu 12, għandhom jiġu adattati kif jixraq. Il-kapaċità korrispondenti m’hemmx għalfejn titqies għall-istabbiliment tal-bilanċ ta’ dħul u ħruġ minn Stati Membri skond l-Artikolu 13.

    6.   Mill-1 ta’ Jannar 2007, sabiex jittejbu s-sikurezza abbord, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, l-iġjene u l-kwalità tal-prodott, l-Istati Membri se jkunu jistgħu jallokaw mill-ġdid lil bastimenti ġodda jew li diġà jeżistu l-kapaċità li ġejja f’termini ta’ tunnellaġġ, sakemm din il-modernizzazzjoni ma żżidx il-kapaċità tal-bastiment biex jaqbad il-ħut:

    4 % tat-tunnellaġġ medju annwali rtirat bl-għajnuna pubblika bejn l-1 ta’ Jannar 2003 u l-31 ta’ Diċembru 2006 għall-Istati Membri li kienu parti mill-Komunità fl-1 ta’ Jannar 2003, u 4 % tat-tunnellaġġ medju annwali rtirat bl-għajnuna pubblika bejn l-1 ta’ Mejju 2004 u l-31 ta’ Diċembru 2006 għall-Istati Membri li ssieħbu mal-Komunità fl-1 ta’ Mejju 2004, u,

    4 % tat-tunnellaġġ irtirat mill-flotta bl-għajnuna pubblika mill-1 ta’ Jannar 2007.

    Il-livelli ta’ referenza, kif stabbiliti skond dan l-Artikolu u l-Artikolu 12 għandhom jiġu adattati kif jixraq. Il-kapaċità korrispondenti m’hemmx għalfejn titqies għall-istabbiliment tal-bilanċ ta’ dħul u ħruġ minn Stati Membri skond l-Artikolu 13.

    L-Istati Membri għandhom jagħtu prijorità lis-sajd kostali fuq skala żgħira, fl-ambitu tat-tifsira ta’ l-Artikolu 26 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1198/2006 (**), huma u jallokaw il-kapaċità tas-sajd skond dan il-paragrafu.

    7.   Regoli ta’ implimentazzjoni dwar l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu jistgħu jiġu adottati skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 30(2).

    (*)  ĠU L 203, 4.8.2005, p. 3."

    (**)  ĠU L 223, 15.8.2006, p. 1.”"

    (2)

    L-Artikolu 13 jinbidel b’dan li ġej:

    “Artikolu 13

    Skema ta’ dħul/ħruġ u tnaqqis ta’ kapaċità totali

    1.   L-Istati Membri għandhom jimmaniġġjaw dħul fil-flotta u ħruġ mill-flotta b’mod illi mill-1 ta’ Jannar 2003:

    (a)

    id-dħul ta’ kapaċità ġdida fil-flotta mingħajr għajnuna pubblika ikun ikkumpensat bl-irtirar minn qabel mingħajr għajnuna pubblika ta’ mill-inqas l-istess ammont ta’ kapaċità,

    (b)

    id-dħul ta’ kapaċità ġdida fil-flotta b’għajnuna pubblika mogħtija wara l-1 ta’ Jannar 2003 ikun ikkumpensat bl-irtirar minn qabel mingħajr għajnuna pubblika ta’:

    (i)

    mill-inqas l-istess ammont ta’ kapaċità, għad-dħul ta’ bastimenti ġodda ta’ 100 TG jew inqas, jew

    (ii)

    mill-inqas 1.35 darbiet l-ammont ta’ dik il-kapaċità, għad-dħul ta’ bastimenti ġodda ta’ aktar minn 100 TG.

    (c)

    il-bdil ta’ magna bl-għajnuna pubblika skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 25(3)(b) u (c) tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006 jiġi kkumpensat bi tnaqqis tal-kapaċità f’termini ta’ saħħa ugwali għal 20 % tas-saħħa tal-magna mibdula. It-tnaqqis ta’ 20 % f’saħħa għandu jitnaqqas mil-livelli ta’ referenza skond l-Artikolu 11(4).

    2.   Regoli ta’ implimentazzjoni dwar l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu jistgħu jiġu adottati skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 30(2).”.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 10 ta’ Lulju 2007.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    F. TEIXEIRA DOS SANTOS


    (1)  Opinjoni tas-26 ta' April 2007 (għadha mhux pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali)

    (2)  ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59.

    (3)  ĠU L 223, 15.8.2006, p. 1.


    Top