This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32007R0734
Council Regulation (EC) No 734/2007 of 11 June 2007 amending Regulation (EEC) No 1883/78 laying down general rules for the financing of interventions by the European Agricultural Guidance and Guarantee Fund, Guarantee Section
Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 734/2007 tal- 11 ta’ Ġunju 2007 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 1883/78 li jistabbilixxi r-regoli ġenerali għall-finanzjament ta’ l-interventi mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u l-Garanzija, Taqsima Garanzija
Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 734/2007 tal- 11 ta’ Ġunju 2007 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 1883/78 li jistabbilixxi r-regoli ġenerali għall-finanzjament ta’ l-interventi mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u l-Garanzija, Taqsima Garanzija
ĠU L 169, 29.6.2007, p. 5–5
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
No longer in force, Date of end of validity: 07/02/2009; Impliċitament imħassar minn 32009R0072
29.6.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 169/5 |
REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 734/2007
tal-11 ta’ Ġunju 2007
li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 1883/78 li jistabbilixxi r-regoli ġenerali għall-finanzjament ta’ l-interventi mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u l-Garanzija, Taqsima Garanzija
IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari t-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 37(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),
Billi:
(1) |
Għal operazzjonijiet ta’ intervent li għalihom ma ġiex stabbilit ammont ta’ unità mir-regoli ta’ organizzazzjoni tas-suq, ġew stabbiliti regoli ta’ finanzjament Komunitarji bażiċi mir-Regolament (KEE) Nru 1883/78 (2), b'mod partikolari dwar il-metodu ta’ stabbiliment ta’ l-ammonti li għandhom ikunu ffinanzjati, il-finanzjament tan-nefqa li tirriżulta mir-rabta tal-fondi meħtieġa għal xiri b'intervent, il-valutazzjoni ta’ ħażniet li għandhom jiġu trasferiti minn sena għal oħra u l-finanzjament tan-nefqa li tirriżulta mill-operazzjonijiet fiżiċi tal-ħażna. |
(2) |
L-Artikolu 5 tar-Regolament (KEE) Nru 1883/78 jipprevedi li t-taxxi imposti fuq l-imgħax li għandhom jitħallsu mill-Istati Membri fil-mobilizzazzjoni tal-fondi użati għax-xiri ta’ prodotti ta’ intervent pubbliku għandhom ikunu ffinanzjati mill-Komunità b'rata ta’ imgħax uniformi. |
(3) |
Jista' jidher li f'ċerti Stati Membri x-xiri ta’ prodotti agrikoli b'intervent pubbliku jista' jkun iffinanzjat biss b'rati ta’ imgħax li huma sostanzjalment ogħla mir-rata ta’ imgħax uniformi. |
(4) |
Meta, f'tali każijiet, il-medja tar-rati ta’ imgħax, matul it-tielet xahar wara l-perijodu ta’ referenza użat għall-istabbiliment tar-rata ta’ imgħax uniformi mill-Kummissjoni, hija aktar mid-doppju tar-rata ta’ imgħax uniformi għal Stat Membru partikolari, għandu jsir provvediment biex jiġi applikat mekkaniżmu ta’ korrezzjoni. Din il-medja tar-rata ta’ imgħax għandha madankollu titħallas mill-Istat Membru kkonċernat sabiex ikun imħeġġeġ li jsib il-metodu ta’ finanzjament l-anqas għali. |
(5) |
Ir-Regolament (KEE) Nru 1883/78 għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ. |
(6) |
Din l-emenda għar-regoli għandha titwettaq għas-snin finanzjarji 2007 u 2008 u għandha tapplika mill-bidu tas-sena ta’ kontabilità preżenti, |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
It-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 5 tar-Regolament (KEE) Nru 1883/78 huwa sostitwit b'dan li ġej:
“B'deroga mill-ewwel subparagrafu, jekk il-medja tar-rata ta’ imgħax imħallsa minn Stat Membru matul it-tielet xahar wara l-perijodu ta’ referenza użata għall-istabbiliment tar-rata ta’ imgħax uniformi mill-Kummissjoni tkun aktar mid-doppju tar-rata ta’ imgħax uniformi, il-Kummissjoni tista', għas-snin finanzjarji 2007 u 2008, fil-finanzjament ta’ l-ispejjez ta’ l-imgħax imħallsa minn dak l-Istat Membru, tkopri l-ammont li jikkorrispondi mar-rata ta’ imgħax imħallsa minn dan l-Istat Membru nieqes ir-rata ta’ imgħax uniformi.”
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Huwa għandu japplika għal infiq mill-1 ta’ Ottubru 2006.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fil-Lussemburgu, 11 ta’ Ġunju 2007.
Għall-Kunsill
Il-President
H. SEEHOFER
(1) Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Marzu 2007 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(2) ĠU L 216, 5.8.1978, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 695/2005 (ĠU L 114, 4.5.2005, p. 1).