Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007R0367

    Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 367/2007 tat- 30 ta' Marzu 2007 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2131/93 li jistabbilixxi l-proċedura u l-kundizzjonijiet għall-bejgħ taċ-ċereali li jkunu f'idejn l-aġenziji intermedjarji [ta' l-intervent]

    ĠU L 91, 31.3.2007, p. 14–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 56M, 29.2.2008, p. 232–233 (MT)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 05/03/2009; Imħassar b' 32009R0127

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2007/367/oj

    29.2.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    232


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 367/2007

    tat-30 ta' Marzu 2007

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2131/93 li jistabbilixxi l-proċedura u l-kundizzjonijiet għall-bejgħ taċ-ċereali li jkunu f'idejn l-aġenziji intermedjarji [ta' l-intervent]

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1784/2003 tad-29 ta' Settembru 2003 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fiċ-ċereali (1), u b'mod partikulari l-Artikoli 6 u 24, it-tieni inċiż tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2131/93 (2) jiddefinixxi l-kunċett tas-sejħa għall-offerti kif ukoll il-kundizzjonijiet korrispondenti għall-allokazzjoni. Sabiex tiġi evitata kull ambigwità rigward l-allokazzjoni tal-kuntratt, jaqbel li l-kundizzjonijiet ikunu ppreċiżati.

    (2)

    L-Artikolu 2(1), it-tielet inċiż, u l-Artikolu 7(1), it-tielet inċiż tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2131/93 jistipulaw li għandu jkun osservat perjodu ta' talanqas tmint ijiem bejn id-data tal-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea tad-deċiżjonijiet għall-ftuħ tas-sejħiet għall-offerti għat-tqegħid fis-suq mill-Komunità jew għall-esportazzjoni, u bejn id-data prevista bħala l-aħħar jum ta' l-ewwel perjodu għat-tressiq ta' l-offerti. L-Artikolu 12(1) tar-Regolament imsemmi jistipula l-istess perjodu ta' tmint ijiem bejn id-data tal-pubblikazzjoni ta' l-avviż tas-sejħa għall-offerti u bejn id-data prevista bħala l-aħħar jum ta' l-ewwel perjodu għat-tressiq ta' l-offerti. Meta wieħed iqis il-progress li sar fil-komunikazzjonijiet u fil-provvediment ta' informazzjoni b'mezz elettroniku, illum dawn il-perjodi jidhru twal wisq. Għaldaqstant, jixraq li dawn il-perjodi jitqassru.

    (3)

    L-Artikolu 3 tar-Regolament (KEE) Nru 2131/93 jispeċifika r-regoli minimi applikabbli għall-pubblikazzjoni ta' l-avviż tas-sejħa għall-offerti, u jistabbilixxi regoli ġenerali applikabbli għas-sejħiet permanenti għall-offerti, tkun xi tkun id-destinazzjoni tal-prodotti. F'ġieħ iċ-ċarezza, jinħtieġ li dawn ir-regoli jkunu inklużi fit-Titlu III tar-Regolament imsemmi, rigward id-dispożizzjonijiet ġenerali u finali.

    (4)

    L-Artikolu 10 tar-Regolament (KEE) Nru 2131/93 jispeċifika liema informazzjoni għandha tiġi notifikata lill-Kummissjoni fis-sottomissjoni ta' l-offerti, kif ukoll il-kundizzjonijiet biex dawn jiġu aċċettati, partikularment f'dak li għandu x'jaqsam mal-prezz. Għal skopijiet ta' ġestjoni effikaċi, għandu jiġi identifikat il-lott li l-offerta tirreferi għalih, u għandhom ikunu ppreċiżati ċ-ċirkustanzi li fihom l-iffissar ta' prezz minimu tal-bejgħ m'għandux ikun ta' ħsara għal esportazzjonijiet oħra.

    (5)

    L-Artikolu 12 tar-Regolament (KEE) Nru 2131/93 jipprovdi dispożizzjonijiet ġenerali rigward l-avviż tas-sejħa għall-offerti. F'ġieħ iċ-ċarezza, jinħtieġ li jerġgħu jiddaħħlu d-dispożiżżjonijiet imħassrin ta' l-Artikolu 3.

    (6)

    Ir-Regolament (KEE) Nru 2131/93 għandu għalhekk jiġi emendat.

    (7)

    Ir-Regolament (KEE) Nru 2131/93 fih indikazzjonijiet fl-ilsna Komunitarji kollha. Skond ir-Regolament tal-Kunsill Nru 1 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (3), kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 920/2005 (4), l-Irlandiż huwa wieħed mill-ilsna uffiċjali tal-Komunità mill-1 ta' Jannar 2007. Għaldaqstant, l-indikazzjonijiet imsemmija għandhom jinkludu l-verżjoni bl-ilsien Irlandiż.

    (8)

    Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat ta' Ġestjoni taċ-Ċereali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KEE) Nru 2131/93 huwa emendat kif ġej:

    1)

    L-Artikolu 1(2) huwa mibdul bit-test li ġej:

    “2.   Għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament, ‘sejħa għall-offerti’ tfisser kompetizzjoni bejn il-partijiet interessati bi tweġiba għal sejħa għall-offerti, bl-allokazzjoni tal-kuntratt issir, għal kull lott, lil min ikun ressaq l-aktar offerta favorevoli fost l-offerti li jkunu konformi mad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, u li l-prezz offrut ikun talanqas daqs il-prezz minimu tal-bejgħ stabbilit mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 10(2).”

    2)

    Fl-Artikolu 2(1) it-tielet subparagrafu jinbidel bit-test li ġej:

    “Għandu jkun osservat perjodu ta' talanqas sitt ijiem bejn id-data ta' din il-pubblikazzjoni u d-data prevista bħala l-aħħar jum ta' l-ewwel perjodu għat-tressiq ta' l-offerti.”

    3)

    L-Artikolu 3 jinbidel bit-test li ġej:

    “Artikolu 3

    L-aġenziji intermedjarji għandhom jistabbilixxu u jippubblikaw avviż ta' sejħa għall-offerti skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 12.”

    4)

    Fl-Artikolu 7(1) it-tielet subparagrafu jinbidel bit-test li ġej:

    “Għandu jkun osservat perjodu ta' talanqas sitt ijiem bejn id-data ta' din il-pubblikazzjoni u d-data prevista bħala l-aħħar jum ta' l-ewwel perjodu għat-tressiq ta' l-offerti.”

    5)

    L-Artikolu 10 jinbidel bit-test li ġej:

    “Artikolu 10

    1.   Wara l-għeluq ta' kull perjodu previst għat-tressiq ta' l-offerti, l-Istat Membru kkonċernat għandu jippreżenta lill-Kummissjoni lista anonima li għal kull offerta tindika, partikolarment, in-numru tal-lott. il-kwantità offruta, il-prezz offrut, kif ukoll iż-żidiet u r-riduzzjonijiet relattivi.

    2.   Il-Kummissjoni għandha, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 25(2) tar-Regolament (KE) Nru 1784/2003, tistabbilixxi l-prezz minimu tal-bejgħ, jew inkella tiddeċiedi li ma tilqa' l-ebda waħda mill-offerti li jkunu waslulha.

    3.   F'dak li jirrigwarda s-sejħiet għall-esportazzjoni, il-prezz minimu tal-bejgħ għandu jiġi stabbilit f'livell li ma jtellifx l-esportazzjonijiet l-oħra.”

    6)

    L-Artikolu 12 jinbidel bit-test li ġej:

    “Artikolu 12

    1.   Talanqas erbat ijiem qabel id-data stabbilita bħala l-aħħar jum ta' l-ewwel perjodu għat-tressiq ta' l-offerti, l-aġenziji intermedjarji għandhom jippubblikaw notifika ta' l-għoti li tistipula:

    a)

    il-klawżoli u l-kundizzjonijiet tal-bejgħ, li jikkomplementaw id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament u jkunu kompatibbli magħhom,

    b)

    il-karatteristiċi fiżiċi u teknoloġiċi ewlenin tal-lottijiet differenti li jkunu ġew irreġistrati waqt ix-xiri mill-aġenzija intermedjarja jew waqt kontrolli li jkunu twettqu sussegwentement,

    c)

    il-postijiet ta' ħżin kif ukoll l-isem u l-indirizz dak li jaħżen.

    2.   Kull aġenzija intermedjarja għandha tiżgura li tingħata pubbliċità adegwata lin-notifika ta' l-għoti, partikolarment billi tintwera pubblikament fis-sede tagħha u billi tixxandar fuq is-sit ta' l-internet tagħha jew fuq dak tal-ministeru kompetenti. Fil-każ ta' sejħa permanenti, għandhom jidhru d-dati ta' l-għeluq għat-tressiq ta' l-offerti għal kull sejħa parzjali.

    3.   In-notifika ta' l-għoti għandha tistipula l-kwantitajiet minimi li l-oferti għandhom jittrattaw.

    4.   In-notifika ta' l-għoti, kif ukoll kwalunkwe emenda, għandha tintbagħat lil-Kummissjoni qabel għeluq l-ewwel perjodu għat-tressiq ta' l-offerti.”

    7)

    Fl-Anness, wara l-entrata bil-Franċiż, għandu jiddaħħal l-inċiż li ġej:

    “—    bl-Irlandiż : Onnmhairiú gránach ar muir, Airteagal 17a de Rialachán (CEE) 2131/93”

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 30 ta' Marzu 2007.

    Għall-Kummissjoni

    Mariann FISCHER BOEL

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 270, 21.10.2003, p. 78. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1154/2005 (ĠU L 187, 19.7.2005, p. 11).

    (2)  ĠU L 191, 31.7.1993, p. 76. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1996/2006 (ĠU L 398, 30.12.2006, p. 1).

    (3)  ĠU 17, 6.10.1958, p. 385/58.

    (4)  ĠU L 156, 18.6.2005, p. 3.


    Top