Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007R0329

    329/2007/KE: Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 329/2007 tas- 27 ta’ Marzu 2007 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea

    ĠU L 88, 29.3.2007, p. 1–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 352M, 31.12.2008, p. 1033–1043 (MT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/08/2017; Imħassar b' 32017R1509

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2007/329/oj

    31.12.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    1033


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 329/2007

    tas-27 ta’ Marzu 2007

    dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea

    IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikoli 60 u 301 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-Pożizzjoni Komuni 2006/795/PESK ta' l-20 ta' Novembru 2006 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (1),

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni.

    Billi:

    (1)

    Fl-14 ta' Ottubru 2006, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU adotta r-Riżoluzzjoni 1718 (2006) li fiha kkundanna t-test nukleari li sar mir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (minn hawn 'l quddiem imsejħa “l-Korea ta' Fuq”), fid-9 ta' Ottubru 2006, waqt li ddetermina li kien hemm theddida ċara għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali, u impona fuq l-Istati Membri kollha tan-Nazzjonijiet Uniti li japplikaw numru ta' miżuri restrittivi.

    (2)

    Il-Pożizzjoni Komuni 2006/795/PESK tipprovdi għall-implimentazzjoni tal-miżuri restrittivi mniżżla fir-Riżoluzzjoni 1718 (2006) u notevolment għal projbizzjoni fuq l-esportazzjonijiet ta' oġġetti u teknoloġija li jistgħu jikkontribwixxu għall-programmi relatati man-nukleari tal-Korea ta' Fuq, programmi relatati ma’ armi tad-distruzzjoni tal-massa oħrajn jew programmi relatati ma' missili ballistiċi, u fuq il-forniment ta' servizzi relatati, projbizzjoni fuq l-akkwist ta' oġġetti u teknoloġija mill-Korea ta' Fuq, projbizzjoni fuq l-esportazzjonijiet ta' oġġetti ta' lussu għall-Korea ta' Fuq, kif ukoll l-iffriżar ta' fondi u riżorsi ekonomiċi ta' persuni, entitajiet u korpi li qed jieħdu sehem fi jew qed jipprovdu appoġġ għall-programmi tal-Korea ta' Fuq.

    (3)

    Dawn il-miżuri jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u, għalhekk, partikolarment sabiex tkun assigurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha, hija meħtieġa leġislazzjoni Komunitarja sabiex timplimentahom f'dak li jirrigwarda l-Komunità.

    (4)

    Dan ir-Regolament jidderoga mil-leġislazzjoni Komunitarja eżistenti li tipprovdi għal regoli ġenerali dwar esportazzjonijiet lejn, u importazzjonijiet minn, pajjiżi terzi, u b'mod partikolari mir-Regolament (KE) Nru 1334/2000 tat-22 ta' Ġunju 2000 li jwaqqaf reġim Komunitarju għall-kontroll ta' esportazzjonijiet ta' oġġetti u teknoloġija ta' użu doppju (2); il-biċċa l-kbira ta' dawn l-oġġetti u teknoloġija għandhom ikunu koperti minn dan ir-Regolament.

    (5)

    Huwa xieraq li tiġi ċċarata l-proċedura li għandha tkun segwita biex tinkiseb approvazzjoni għal esportazzjonijiet ta’ oġġetti u teknoloġija u l-forniment ta' assistenza teknika relatata.

    (6)

    Għal raġunijiet ta' espedjenza, il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tippubblika l-lista ta' oġġetti u teknoloġiji li ser jiġu adottati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet jew il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u, jekk xieraq, biex iżżid in-numri ta' referenza meħuda min-Nomenklatura Magħquda kif imniżżla fl-Anness I għar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffi u ta’ l-istatistika u tat-Tariffa Doganali Komuni (3).

    (7)

    Il-Kummissjoni għandha tingħata wkoll is-setgħa li temenda l-lista ta' oġġetti ta' lussu jekk dan ikun meħtieġ fid-dawl ta' kwalunkwe definizzjoni jew linji gwida li l-Kumitat tas-Sanzjonijiet jista jniedi biex jiffaċilita l-implimentazzjoni tar-restrizzjonijiet rigward oġġetti ta' lussu, waqt li jitqiesu l-listi ta' oġġetti ta' lussu prodotti minn ġurisdizzjonijiet oħra.

    (8)

    Għal raġunijiet ta' espedjenza, il-Kummissjoni għandu jkollha wkoll is-setgħa li temenda l-lista ta' persuni, entitajiet u korpi li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tagħhom għandhom jkunu ffriżati, abbażi tad-determinazzjonijiet li saru jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet jew mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.

    (9)

    L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw il-pieni applikabbli għal ksur tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament. Il-pieni previsti għandhom ikunu proporzjonali, effettivi u dissważivi.

    (10)

    Biex jiġi garantit li l-miżuri previsti f'dan ir-Regolament ikunu effettivi, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ immedjatament,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    1)

    “Kumitat tas-Sanzjonijiet” tfisser: il-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li kien stabbilit skond il-paragrafu 12 tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1718 (2006);

    2)

    “Korea ta' Fuq” tfisser ir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea;

    3)

    “assistenza teknika” tfisser kwalunkwe appoġġ tekniku relatat ma' tiswijiet, żvilupp, manifattura, muntaġġ, ittestjar, manutenzjoni, jew kwalunkwe servizz tekniku ieħor, u jista' jieħu forom bħal istruzzjoni, pariri, taħriġ, trasmissjoni ta' tagħrif prattiku jew ħiliet jew servizzi ta' konsulenza; tinkludi forom verbali ta' assistenza;

    4)

    “fondi” tfisser assi finanzjarji u benefiċċji ta’ kull xorta, li jinkludu iżda mhux limitati għal:

    (a)

    flus kontanti, ċekkijiet, pretensjonijiet fuq flejjes, drafts, money-orders u strumenti oħra ta’ ħlas;

    (b)

    depożiti ma’ istituzzjonijiet finanzjarji jew entitajiet oħra, bilanċi f’kontijiet, dejn u obbligazzjonijiet ta’ dejn;

    (ċ)

    titoli negozjati kemm pubblikament kif ukoll privatament u dokumenti dwar dejn, inklużi stocks u ishma, ċertifikati li jirrappreżentaw sigurtajiet, bonds, notes, warrants, obbligazzjonijiet u kuntratti derivattivi;

    (d)

    imgħax, dividends jew dħul ieħor fuq assi, jew valur akkumulat jew ġenerat minnhom;

    (e)

    kreditu, dritt ta’ tpaċija, garanziji, performance bonds jew impenji finanzjarji oħra;

    (f)

    ittri ta’ kreditu, poloz ta’ kargu, dokumenti ta’ bejgħ; u

    (ġ)

    dokumenti li jixhdu xi interess f’fondi jew riżorsi finanzjarji;

    5)

    “iffriżar ta’ fondi” tfisser il-prevenzjoni ta’ kwalunkwe moviment, trasferiment, alterazzjoni, użu ta’, aċċess għal, jew negozju b’fondi bi kwalunkwe mod li jirriżulta fi kwalunkwe bidla fil-volum, fl-ammont, fil-lok, fid-dritt tal-proprjetà, fil-pussess, fil-karattru, fid-destinazzjoni tagħhom jew f’bidla oħra li tippermetti l-użu tal-fondi, inkluża l-amministrazzjoni ta’ portfolio;

    6)

    “riżorsi ekonomiċi” tfisser assi ta’ kull xorta, tanġibbli jew intanġibbli, mobbli jew immobbli, li mhumiex fondi iżda li jistgħu jintużaw għall-akkwist ta’ fondi, oġġetti jew servizzi;

    7)

    “iffriżar ta’ riżorsi ekonomiċi” tfisser il-prevenzjoni ta’ l-użu ta' riżorsi ekonomiċi għall-akkwist ta’ fondi, oġġetti jew servizzi bi kwalunkwe mod, inklużi, iżda mhux limitata għalihom, il-bejgħ, il-kiri jew l-użu bħala garanzija tagħhom;

    8)

    “territorju tal-Komunità” tfisser it-territorji ta' l-Istati Membri li għalihom huwa applikabbli t-Trattat, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattat, inkluż l-ispazju ta' l-ajru tagħhom.

    Artikolu 2

    1.   Għandu jkun projbit:

    (a)

    il-bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni, dirett jew indirett, ta' l-oġġetti u t-teknoloġija, inkluż software, elenkati fl-Anness I, kemm jekk joriġinaw fil-Komunità kif ukoll jekk le, lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fi, jew għal użu fil-Korea ta' Fuq;

    (b)

    il-parteċipazzjoni, konxja u intenzjonali, f'attivitajiet li l-objettiv jew l-effett tagħhom ikun li jaħarbu mill-projbizzjonijiet imsemmija fil-punt (a).

    2.   L-Anness 1 għandu jinkludi kwalunkwe oġġett, materjal, tagħmir, merkanzija u teknoloġija, inkluż software, li huma oġġetti b'użu doppju kif definit fir-Regolament (KE) Nru 1334/2000, li jistgħu jikkontribwixxu għall-programmi tal-Korea ta' Fuq relatati ma' l-armi nukleari, armi oħrajn tal-qerda tal-massa jew programmi relatati mal-missili ballistiċi, kif iddeterminat mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet jew mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU. M'għandux jinkludi oġġetti u teknoloġiji inklużi fil-Lista Komuni ta' l-UE ta' Tagħmir Militari (4).

    3.   Għandu jkun ipprojbit li jinxtraw, jiġu importati jew trasportati mill-Korea ta' Fuq, il-prodotti u t-teknoloġija elenkati fl-Anness I, kemm jekk l-oġġett kkonċernat joriġina mill-Korea ta' Fuq jew le.

    Artikolu 3

    1.   Għandu jkun projbit:

    (a)

    li tkun ipprovduta, direttament jew indirettament, assistenza teknika relatata mal-prodotti u t-teknoloġija elenkata fil-Lista Komuni ta' l-UE ta’ Tagħmir Militari jew fl-Anness I, u għall-provvista, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta' prodotti elenkati fil-Lista Komuni ta' l-UE ta’ Tagħmir Militari jew fl-Anness I, lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Korea ta' Fuq, jew għall-użu, fil-Korea ta' Fuq;

    (b)

    li jkunu pprovduti, direttament jew indirettament, finanzjament jew assistenza finanzjarja relatata mal-prodotti u t-teknoloġija elenkati fil-Lista Komuni ta' l-UE ta’ Tagħmir Militari jew fl-Anness I, inklużi b'mod partikolari l-għotjiet, is-self u l-assigurazzjoni fuq il-kreditu ta' esportazzjoni, għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta' dawn l-prodotti, jew għal kwalunkwe għoti ta' assistenza teknika relatata lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp, fil-Korea ta' Fuq jew għall-użu fil-Korea ta' Fuq;

    (ċ)

    il-parteċipazzjoni, konxja u intenzjonali, f'attivitajiet li l-objettiv jew l-effett tagħhom ikun li jaħarbu mill-projbizzjonijiet imsemmija fil-punti (a) jew (b).

    2.   Il-projbizzjonijiet imniżżlin fil-paragrafu 1 m'għandhomx japplikaw għal vetturi mhux ta' kumbattiment manifatturati jew mgħammra b'materjali biex jipprovdu protezzjoni ballistika, maħsubin esklussivament għall-użu protettiv tal-persunal ta' l-UE u ta' l-Istati Membri taghħa fil-Korea ta' Fuq.

    Artikolu 4

    Għandu jkun projbit:

    (a)

    li jinbiegħu, jiġu forniti, trasferiti jew esportati, direttament jew indirettament, oġġetti ta' lussu lejn il-Korea ta' Fuq, kif elenkati fl-Anness III.

    (b)

    il-parteċipazzjoni, konxja u intenzjonali, f'attivitajiet li l-objettiv jew l-effett tagħhom ikun li jaħarbu mill-projbizzjoni msemmija fil-punt (a).

    Artikolu 5

    1.   Jekk deroga mill-Artikoli 2(1)(a) jew 3(1)(a) jew (b) jew 4(a) tkun meqjusa meħtieġa f'każ speċifiku, il-bejjiegħ, il-fornitur, il-parti li tkun qed tittrasferixxi, l-esportatur jew il-fornitur tas-servizz ikkonċernati jistgħu jippreżentaw talba debitament motivata lill-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru kif elenkat fl-Anness II. L-Istat Membru li jirċievi t-talba għandu, jekk iqis li tali deroga hija ġġustifikata, jippreżenta talba għal approvazzjoni speċifika lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU.

    2.   L-awtorità kompetenti rilevanti għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe talba għal approvazzjoni ppreżentata lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU skond il-paragrafu 1.

    3.   L-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri, kif elenkati fl-Anness II, jistgħu jawtorizzaw il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment, l-esportazzjoni jew il-forniment ta' assistenza teknika, taħt dawk il-kondizzjonijiet li huma jqisu xierqa, jekk il-Kunsill ta' Sigurtà tan-NU jkun approva t-talba għal approvazzjoni speċifika.

    Artikolu 6

    1.   Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu, huma l-proprjetà ta', huma miżmuma jew huma kkontrollati mill-persuni, entitajiet u korpi elenkati fl-Anness IV għandhom ikunu ffriżati. L-Anness IV għandu jinkludi l-persuni, entitajiet u korpi indikati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet jew mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU skond il-paragrafu 8(d) tal-UNSCR 1718 (2006).

    2.   L-ebda fondi jew riżorsi ekonomiċi ma għandhom jintgħamlu disponibbli, direttament jew indirettament, lil jew għall-benefiċċju tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi elenkati fl-Anness IV.

    3.   Il-parteċipazzjoni, konxja u intenzjonata, f'attivitajiet li l-għan jew l-effett tagħhom hu, direttament jew indirettament, l-evażjoni tal-miżuri msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandha tiġi pprojbita.

    Artikolu 7

    1.   B'deroga mill-Artikolu 6, l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri, kif elenkati fl-Anness II, jistgħu jawtorizzaw, taħt tali kondizzjonijiet li huma jqisu xierqa, ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati jew id-dispożizzjoni ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi, wara li jkunu ddeterminaw li l-fondi jew riżorsi ekonomiċi kkonċernati huma:

    (a)

    meħtieġa biex jissodisfaw il-ħtiġijiet bażiċi tal-persuni elenkati fl-Anness IV u l-membri dipendenti tal-familji tagħhom, inklużi pagamenti għal ikel, kera jew garanziji ipotekarji, mediċini u trattament mediku, taxxi, ħlas ta' assigurazzjoni, u ħlasijiet għall-użu ta' servizzi pubbliċi;

    (b)

    maħsuba esklusivament għall-ħlas ta' onorarji professjonali raġonevoli u għar-rimbors ta' spejjeż li huma konnessi mal-forniment ta' servizzi legali; jew

    (ċ)

    maħsuba esklussivament għall-pagament ta' miżati jew il-ħlasijiet ta' servizzi għaż-żamma jew il-manutenzjoni ta’ rutina ta' fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati; u

    sakemm l-Istat Membru kkonċernat ikun innotifika lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet b'dik id-determinazzjoni u bl-intenzjoni tiegħu li jagħti awtorizzazzjoni, u l-Kumitat tas-Sanzjonijiet ma jkunx oġġezzjoni għal dik l-azzjoni fi żmien ħamest ijiem ta' xogħol min-notifika.

    2.   B'deroga mill-Artikolu 6, l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri, kif elenkati fl-Anness II, jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati jew li jintgħamlu disponibbli ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, wara li jkunu ddeterminaw li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi huma meħtieġa għal spejjeż straordinarji, sakemm din id-determinazzjoni tkun ġiet notifikata mill-Istat Membru lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet u li d-determinazzjoni tkun ġiet approvata minn dak il-Kumitat.

    3.   L-awtorità kompetenti rilevanti għandha tgħarraf lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija taħt il-paragrafi 1 u 2.

    Artikolu 8

    B'deroga mill-Artikolu 6, l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri, kif elenkati fl-Anness II, jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jekk jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi huma s-suġġett ta' garanzija ġuridika, amministrattiva jew arbitrali stabbilita qabel l-14 ta’ Ottubru 2006 jew ta' sentenza ġuridika, amministrattiva jew arbitrali mogħtija qabel dik id-data;

    (b)

    il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi ser jintużaw esklussivament biex jissodisfaw pretensjonijiet magħmula bis-saħħa ta' tali garanzija jew rikonoxxuti bħala validi b'tali sentenza, fil-limiti stabbiliti minn liġijiet u regolamenti applikabbli li jirregolaw id-drittijiet ta' persuni li għandhom tali pretensjonijiet;

    (ċ)

    il-garanzija jew is-sentenza mhux għall-benefiċċju ta' persuna, entità jew korp elenkat fl-Anness IV;

    (d)

    ir-rikonoxximent tal-garanzija jew tas-sentenza ma jmurx kontra l-politika pubblika fl-Istat Membru kkonċernat;

    (e)

    il-garanzija jew is-sentenza ġew innotifikati mill-Istat Membru lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet.

    Artikolu 9

    1.   L-Artikolu 6(2) ma għandux jipprevjeni lil istituzzjonijiet finanzjarji jew ta' kreditu fil-Komunità milli jikkreditaw kontijiet iffriżati fejn jirċievu fondi trasferiti minn partijiet terzi fil-kont tal-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp, sakemm kwalunkwe żieda għal tali kontijiet tiġi ffriżata wkoll. L-istituzzjoni finanzjarja jew ta' kreditu għandha tgħarraf bla dewmien lill-awtoritajiet kompetenti b’tali transazzjonijiet.

    2.   L-Artikolu 6(2) m'għandux japplika għaż-żieda fil-kontijiet iffriżati ta':

    (a)

    imgħax jew qligħ ieħor fuq dawk il-kontijiet; jew

    (b)

    pagamenti dovuti taħt kuntratti, ftehim jew obbligi li ġew konklużi jew inqalgħu qabel l-14 ta' Ottubru 2006;

    bil-kondizzjoni li kwalunkwe imgħax, dħul ieħor u ħlasijiet bħal dawn huma ffriżati skond l-Artikolu 6(1).

    Artikolu 10

    1.   Mingħajr preġudizzju għar-regoli applikabbli dwar ir-rappurtar, il-kunfidenzjalità u s-segretezza professjonali, il-persuni, l-entitajiet u l-korpi naturali u ġuridiċi għandhom:

    (a)

    jipprovdu immedjatament kwalunkwe tagħrif li jista' jiffaċilita l-konformità ma’ dan ir-Regolament, bħal kontijiet u ammonti ffriżati skond l-Artikolu 6, lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri, kif elenkati fl-Anness II, fejn huma residenti jew jinsabu, u għandhom jittrasmettu tagħrif bħal dan, b'mod dirett jew permezz ta' dawn l-awtoritajiet kompetenti, lill-Kummissjoni;

    (b)

    jikkoperaw ma' l-awtoritajiet kompetenti, kif elenkati fl-Anness II, fi kwalunkwe verifika ta' dan it-tagħrif.

    2.   Kwalunkwe tagħrif addizzjonali li tirċievi l-Kummissjoni b'mod dirett għandu jkun magħmul disponibbli lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru kkonċernat.

    3.   Kwalunkwe informazzjoni li tingħata jew tiġi rċevuta skond dan l-Artikolu għandha tintuża biss għall-għanijiet li għalihom tkun ġiet mogħtija jew irċevuta.

    Artikolu 11

    L-iffriżar ta' fondi u riżorsi ekonomiċi jew ir-rifjut li wieħed jagħmel fondi jew riżorsi ekonomiċi disponibbli, magħmula bi skop tajjeb u bil-konvinzjoni li tali azzjoni hi konformi ma' dan ir-Regolament, ma għandhomx joħolqu responsabbiltà ta' kwalunkwe tip minn naħa tal-persuna fiżika jew ġuridika jew l-entità jew il-korp li jkunu qed jimplimentawha, jew id-diretturi jew l-impjiegati tagħhom, sakemm ma jiġix ippruvat li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi ġew iffriżati jew miżmuma bħala riżultat ta' negliġenza.

    Artikolu 12

    Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom minnufih jinformaw lil xulxin bil-miżuri meħuda taħt dan ir-Regolament u għandhom jagħtu lil xulxin kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra li jkollhom għad-disposizzjoni tagħhom b’konnessjoni ma' dan ir-Regolament, b'mod partikolari informazzjoni fir-rigward ta’ problemi ta' vjolazzjonijiet u nfurzar u sentenzi mogħtija minn qrati nazzjonali.

    Artikolu 13

    Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li:

    (a)

    temenda l-Anness I abbażi ta' determinazzjonijiet magħmula jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet jew mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u, fejn xieraq, iżżid in-numri ta' referenza meħuda min-Nomenklatura Maqgħuda kif stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87;

    (b)

    temenda l-Anness II abbażi ta' informazzjoni moghtija mill-Istati Membri;

    (ċ)

    temenda l-Anness III sabiex tirfina jew tadatta l-lista ta' oġġetti inklużi hemmhekk, skond kwalunkwe definizzjoni jew linji gwida li jistgħu jkunu mnieda mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet u waqt li tingħata konsiderazzjoni lil-listi prodotti minn ġurisdizzjonijiet oħra, jew biex iżżid in-numri ta' referenza meħuda min-Nomenklatura Maqgħuda kif stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, jekk meħtieġ jew xieraq;

    (d)

    temenda l-Anness IV abbażi tad-determinazzjonijiet magħmula jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet jew il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti:

    (e)

    temenda l-Annessi I jew IV skond kwalunkwe deċiżjoni meħuda mill-Kunsill abbażi tal-Pożizzjoni Komuni 2006/795/PESK.

    Artikolu 14

    1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar penali applikabbli għal ksur ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li jiġu implementati. Il-pieni previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

    2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar dawk ir-regoli mingħajr dewmien wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament u għandhom jinnotifikawha dwar kwalunkwe emenda sussegwenti.

    Article 15

    1.   Member States shall designate the competent authorities referred to in this Regulation and identify them in, or through, the websites as listed in Annex II.

    2.   Member States shall notify the Commission of their competent authorities without delay after the entry into force of this Regulation and shall notify it of any subsequent amendment.

    Artikolu 16

    Dan ir-Regolament għandu japplika:

    (a)

    fit-territorju tal-Komunità;

    (b)

    abbord kwalunkwe inġenju ta' l-ajru jew kwalunkwe bastiment taħt il-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru;

    (ċ)

    għal kwalunkwe persuna ġewwa jew barra t-territorju tal-Komunità li tkun ċittadina ta' Stat Membru;

    (d)

    għal kwalunkwe persuna ġuridika, jew entità jew korp li jkunu inkorporati jew kostitwiti taħt il-liġi ta' Stat Membru;

    (e)

    għal kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp fir-rigward ta' kwalunkwe kummerċ imwettaq, kollu kemm hu jew parti minnu, ġewwa l-Komunità.

    Artikolu 17

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 27 ta’ Marzu 2007.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    P. STEINBRUCK


    (1)  ĠU L 322, 22.11.2006, p. 32.

    (2)  ĠU L 159, 30.6.2000, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 394/2006 (ĠU L 74, 13.3.2006, p. 1).

    (3)  ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1549/2006 (ĠU L 301, 31.10.2006, p. 1).

    (4)  Il-verżjoni attwali tal-lista hija ppublikata f'ĠU C 66, 17.3.2006, p. 1


    ANNESS I

    Oġġetti u teknoloġija msemmija fl-Artikoli 2 u 3

    A.

    Oġġetti

    (għandha titlesta fil-futur)

    B.

    Teknoloġija

    (għandha titlesta fil-futur)


    ANNESS II

    Websajts għall-informazzjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikoli 5, 7, 8, 10 u 15 u l-indirizz għan-notifiki lill-Kummissjoni Ewropea

     

    BELĠJU

    http://www.diplomatie.be/eusanctions

     

    BULGARIJA

    (għadha qed titlesta)

     

    IR-REPUBBLIKA ĊEKA

    http://www.mfcr.cz/mezinarodnisankce

     

    DANIMARKA

    http://www.um.dk/da/menu/Udenrigspolitik/FredSikkerhedOgInternationalRetsorden/Sanktioner/

     

    ĠERMANJA

    http://www.bmwi.de/BMWi/Navigation/Aussenwirtschaft/Aussenwirtschaftsrecht/embargos.html

     

    ESTONJA

    http://web-visual.vm.ee/est/kat_622/

     

    GREĊJA

    http://www.ypex.gov.gr/www.mfa.gr/en-US/Policy/Multilateral+Diplomacy/International+Sanctions/

     

    SPANJA

    www.mae.es/es/MenuPpal/Asuntos/Sanciones+Internacionales

     

    FRANZA

    http://www.diplomatie.gouv.fr/autorites-sanctions/

     

    L-IRLANDA

    www.dfa.ie/un_eu_restrictive_measures_ireland/competent_authorities

     

    ITALJA

    http://www.esteri.it/UE/deroghe.html

     

    ĊIPRU

    http://www.mfa.gov.cy/sanctions

     

    LATVJA

    http://www.mfa.gov.lv/en/security/4539

     

    IL-LITWANJA

    http://www.urm.lt

     

    LUSSEMBURGU

    http://www.mae.lu/sanctions

     

    UNGERIJA

    http://www.kulugyminiszterium.hu/kum/hu/bal/nemzetkozi_szankciok.htm

     

    MALTA

    http://www.doi.gov.mt/EN/bodies/boards/sanctions_monitoring.asp

     

    OLANDA

    http://www.minbuza.nl/sancties

     

    AWSTRIJA

    (għadha qed titlesta)

     

    POLONJA

    http://www.msz.gov.pl

     

    PORTUGALL

    http://www.min-nestrangeiros.pt

     

    RUMANIJA

    http://www.mae.ro/index.php? unde = doc&id =32311 & idlnk =1 & cat =3

     

    SLOVENJA

    http://www.mzz.gov.si/si/zunanja_politika/mednarodna_varnost/omejevalni_ukrepi/

     

    SLOVAKKJA

    http://www.foreign.gov.sk

     

    FINLANDJA

    http://formin.finland.fi/kvyhteistyo/pakotteet

     

    SVEZJA

    (għadha qed titlesta)

     

    RENJU UNIT

    www.fco.gov.uk/competentauthorities

    Indirizz għan-notifiki lill-Kummissjoni Ewropea:

    European Commission

    DG External Relations

    Directorate A. Crisis Platform and Policy Coordination in CFSP

    Unit A.2. Crisis Management and Conflict Prevention

    CHAR 12/106

    B-1049 Bruxelles/Brussel (Belgium)

    E-mail: relex-sanctions@ec.europa.eu

    Tel.: (32 2) 295 55 85, 299 11 76

    Fax: (32 2) 299 08 73


    ANNESS III

    Oġġetti ta' lussu msemmija fl-Artikolu 4

    1.

    Żwiemel ta' razza pura

    2.

    Kavjar u sostituti tal-kavjar

    3.

    Tartuf u preparazzjonijiet tiegħu

    4.

    Inbejjed ta' kwalità għolja (inklużi l-inbejjed spumanti), spirti u xorb li fih l-alkoħol

    5.

    Sigarri u sigarri żgħar ta' kwalità għolja

    6.

    Fwejjaħ ta' lussu, u kosmetiċi, iklużi prodotti tas-sbuħija u make-up

    7.

    Ġilda ta' kwalità għolja, sruġ u oġġetti ta' l-ivjaġġar, basktijiet tan-nisa u oġġetti simili

    8.

    Ħwejjeġ ta' kwalità għolja, aċċessorji ta’ l-ilbies u żraben (mingħajr ma jittieħed kont tal-materjal tagħhom)

    9.

    Twapet magħmula bl-għoqiedi bl-idejn, kutri minsuġa bl-idejn u tapezzeriji

    10.

    Perli, ħaġar prezzjuż jew semi-prezzjuż, artikoli ta' perli, ġojjellerija, oġġetti ta’ ħaddiema tad-deheb jew ħaddiema tal-fidda

    11.

    Muniti u noti bankarji, mhux valuta legali

    12.

    Pożati ta' metall prezjuż jew maħsulin fi jew miksijin b'metall prezjuż

    13.

    Oġġetti tal-mejda ta' kwalità għolja tal-porċellana, tal-kina, taċ-ċeramika jew ċaqquf jew oġġetti tal-fuħħar fini

    14.

    Kristallerija ta' kwalità għolja

    15.

    Oġġetti elettroniċi ta' kwalità għolja għall-użu domestiku

    16.

    Apparat elettriku/elettroniku jew ottiku ta' kwalità għolja għar-reġistrazzjoni u riproduzzjoni tal-ħoss u immaġni

    17.

    Vetturi ta' lussu għat-trasport ta' persuni fuq l-art, fl-ajru jew fuq il-baħar, kif ukoll l-aċċessorji u spare parts tagħhom

    18.

    Arloġġi u arloġġi ta’ l-idejn u partijiet tagħhom

    19.

    Strumenti mużikali ta' kwalità għolja

    20.

    Xogħlijiet ta’ arti, bċejjeċ tal-kolletturi u antikitajiet

    21.

    Oġġetti u tagħmir għall-iski, il-golf, l-għadds u sports ta' l-ilma

    22.

    Oġġetti u tagħmir għall-biljard, bowling awtomatiku, logħob tal-casino u logħob imħaddem b'muniti jew noti bankarji


    ANNESS IV

    Lista ta' persuni, entitajiet jew korpi msemmija fl-Artikolu 6

    A.

    Persuni fiżiċi

    (għandha titlesta fil-futur)

    B.

    Persuni, entitajiet u korpi ġuridiċi

    (għandha titlesta fil-futur)


    Top