EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007L0040

Direttiva tal-Kummissjoni 2007/40/KE tat- 28 ta’ Ġunju 2007 li temenda d-Direttiva 2001/32/KE li tirrikonoxxi ż-żoni protetti esposti għal riskji partikolari għas-saħħa tal-pjanti fil-Komunità

ĠU L 169, 29.6.2007, p. 49–50 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 22/07/2008

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2007/40/oj

29.6.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 169/49


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2007/40/KE

tat-28 ta’ Ġunju 2007

li temenda d-Direttiva 2001/32/KE li tirrikonoxxi ż-żoni protetti esposti għal riskji partikolari għas-saħħa tal-pjanti fil-Komunità

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta’ Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta’ organiżmi ta’ ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (1), u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 2(1)(h) tagħha,

Wara li kkunsidrat il-rekwiżiti magħmula mir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, Franza u l-Italja,

Wara li kkonsultat ma’ l-Istati Membri kkonċernati,

Billi:

(1)

Permezz tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2001/32/KE (2), ċerti Stati Membri jew ċerti żoni fi Stati Membri kienu rrikonoxxuti bħala żoni protetti fir-rigward ta’ċerti organiżmi ta’ ħsara.

(2)

Id-Danimarka ġiet irrikonoxxuta bħala żona protetta fir-rigward tal-Cryphonectria parasitica (Murrill) Barr. Wara r-riżultati ta' l-istudji rilevanti li saru fid-Danimarka, id-Danimarka ppreżentat tagħrif li juri li protezzjoni fitosanitarja adegwata kontra l-Cryphonectria parasitica (Murrill) Barr ma teħtieġx iż-żamma ta' l-istat tad-Danimarka bħala żona protetta kontra dak l-organiżmu u talbet li jiġi rtirat l-istat tagħha bħala żona protetta kontra s-Cryphonectria parasitica (Murrill) Barr. Għalhekk, id-Danimarka m’għandhiex tibqa’ tiġi rrikonoxxuta bħala żona protetta fir-rigward ta’ dan l-organiżmu ta’ ħsara.

(3)

Minn tagħrif ipprovdut mir-Repubblika Ċeka, Franza u l-Italja, ir-Repubblika Ċeka, ir-reġjuni ta’ Champagne-Ardenne, Lorraine u Alsace fi Franza u r-reġjun tal-Basilicata fl-Italja għandhom jiġu rikonoxxuti bħala żoni protetti fir-rigward tal-Grapevine flavescence dorée MLO peress li dan il-patoġenu ma jinsabx hawnhekk.

(4)

Id-Direttiva 2001/32/KE għandha għalhekk tkun emendata skond dan.

(5)

Il-miżuri stipulati f'din id-Direttiva huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness tad-Direttiva 2001/32/KE hu emendat kif ġej:

(1)

Fil-punt (ċ)(01) “Id-Danimarka” titħassar.

(2)

Jiżdied il-punt (d)(4) li ġej:

“4.

Grapevine flavescence dorée MLO.

Ir-Repubblika Ċeka (sal-31 ta’ Marzu 2009), ir-reġjuni ta’ Champagne-Ardenne, Lorraine u Alsace fi Franza (sal-31 ta’ Marzu 2009), ir-reġjun tal-Basilicata fl-Italja (sal-31 ta’ Marzu 2009)”

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Ottubru 2007 il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva. Għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bit-test ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u tabella li turi l-korrelazzjoni bejn dawn id-dispożizzjonijiet u d-Direttiva minnufih.

Huma għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Novembru 2007.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir tali referenza.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak li fih tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, 28 ta’ Ġunju 2007.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/35/KE (ĠU L 88, 25.3.2006, p. 9).

(2)  ĠU L 127, 9.5.2001, p. 38. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2006/36/KE (ĠU L 88, 25.3.2006, p. 13).


Top