Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007L0030

    Direttiva 2007/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l- 20 ta’ Ġunju 2007 li temenda d-Direttiva 89/391/KEE tal-Kunsill, id-Direttivi partikulari tagħha kif ukoll id-Direttivi tal-Kunsill 83/447/KEE, 91/383/KEE, 92/29/KEE u 94/33/KE, bil-ħsieb li jiġu simplifikati u razzjonalizzati r-rapporti dwar l-implimentazzjoni prattika (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    ĠU L 165, 27.6.2007, p. 21–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2007/30/oj

    27.6.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 165/21


    DIRETTIVA 2007/30/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    ta’ l-20 ta’ Ġunju 2007

    li temenda d-Direttiva 89/391/KEE tal-Kunsill, id-Direttivi partikulari tagħha kif ukoll id-Direttivi tal-Kunsill 83/447/KEE, 91/383/KEE, 92/29/KEE u 94/33/KE, bil-ħsieb li jiġu simplifikati u razzjonalizzati r-rapporti dwar l-implimentazzjoni prattika

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 137(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

    Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

    Billi:

    (1)

    It-tfassil mill-Istati Membri ta’ rapporti ta’ implimentazzjoni prattika bħala bażi għar-rapporti perjodiċi, dwar l-implimentazzjoni tar-regoli tal-Komunità dwar is-sikurezza u s-saħħa tal-ħaddiema, huwa stipulat fid-Direttiva 89/391/KEE tal-Kunsill, tat-12 ta’ Ġunju 1989, dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (3) kif ukoll mid-Direttivi partikulari skond l-Artikolu 16(1) tagħha, jiġifieri: id-Direttiva tal-Kunsill 89/654/KEE tat-30 ta’ Novembru 1989, dwar il-ħtiġijiet minimi ta’ sigurtà u ta’ saħħa fuq il-post tax-xogħol (4), id-Direttiva tal-Kunsill 89/655/KEE tat-30 ta’ Novembru 1989, li tirrigwarda l-ħtiġijiet minimi tas-sigurtà u s-saħħa fl-użu tat-tagħmir tax-xogħol mill-ħaddiema fuq ix-xogħol (5), id-Direttiva tal-Kunsill 89/656/KEE tat-30 ta’ Novembru 1989, dwar il-ħtiġijiet minimi ta’ sigurtà u ta’ saħħa għall-użu ta’ tagħmir ta’ protezzjoni personali mill-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol (6), id-Direttiva tal-Kunsill 90/269/KEE tad-29 ta’ Mejju 1990, dwar il-ħtiġijiet minimi tas-saħħa u tas-sigurtà għat-tqandil manwali tat-tagħbija fejn hemm riskju partikolarment ta’ korriment tad-dahar għall-ħaddiema (7), id-Direttiva tal-Kunsill 90/270/KEE tad-29 ta’ Mejju 1990, dwar il-ħtiġijiet minimi ta’ saħħa u sigurtà għax-xogħol b’tagħmir li għandu display screen  (8), id-Direttiva tal-Kunsill 92/57/KEE ta’ l-24 ta’ Ġunju 1992, dwar il-ħtiġijiet minimi ta’ sigurtà u saħħa li għandhom jiġu implimentati f’postijiet ta’ kostruzzjoni temporanji jew mobbli (9), id-Direttiva tal-Kunsill 92/58/KEE ta’ l-24 ta’ Ġunju 1992, dwar il-ħtiġijiet minimi għall-provvista ta’ sinjali tas-sigurtà u/jew tas-saħħa fuq ix-xogħol (10), id-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-introduzzjoni ta’ mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (11), id-Direttiva tal-Kunsill 92/91/KEE tat-3 ta’ Novembru 1992, li tikkonċerna l-ħtiġijiet minimi għat-titjib tal-ħarsien tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema fl-industriji tal-estrazzjoni tal-minerali permezz tat-tħaffir (12), id-Direttiva tal-Kunsill 92/104/KEE tat-3 ta’ Diċembru 1992, dwar il-ħtiġijiet minimi biex tittejjeb is-sigurtà u l-protezzjoni tas-saħħa ta’ ħaddiema ta’ l-industriji għall-estrazzjoni tal-minerali kemm fuq, kif ukoll taħt l-art (13), id-Direttiva tal-Kunsill 93/103/KE, tat-23 ta’ Novembru 1993, li tirrigwarda l-ħtiġijiet minimi tas-sigurtà u s-saħħa għax-xogħol abbord il-bastimenti tas-sajd (14), id-Direttiva tal-Kunsill Nru 98/24/KE tas-7 ta’ April 1998 dwar il-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema mir-riskji li għandhom x’jaqsmu ma’ l-aġenti kimiċi fuq il-post tax-xogħol (15), id-Direttiva 1999/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 1999, dwar il-ħtiġijiet minimi għat-titjib tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema potenzjalment fir-riskju mill-atmosferi splussivi (16), id-Direttiva 2002/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar il-ħtiġijiet minimi tas-saħħa u tas-sigurtà li jirrigwardaw l-espożizzjoni tal-ħaddiema għar-riskji li jinħolqu mill-aġenti fiżiċi (il-vibrazzjonijiet) (17), id-Direttiva 2003/10/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Frar 2003 dwar il-ħtiġijiet minimi ta’ saħħa u sigurtà li jirrigwardaw l-espożizzjoni ta’ ħaddiema għal riskji li jirriżultaw minn aġenti fiżiċi (ħoss) (18), id-Direttiva 2004/40/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-ħtiġijiet minimi għas-saħħa u s-sigurtà fir-rigward ta’ l-espożizzjoni ta’ ħaddiema għal riskji li jiġu minn aġenti fiżiċi (kampi elettro-manjetiċi) (19), u d-Direttiva 2006/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2006, relatata mal-ħtiġijiet minimi ta’ sigurtà u ta’ saħħa relatati ma’ l-espożizzjoni tal-ħaddiema għar-riskji dovuti għall-aġenti fiżiċi (radjazzjonijiet ottiċi artifiċjali) (20).

    (2)

    Rapport ta’ implimentazzjoni huwa mitlub ukoll mid-Direttiva tal-Kunsill 91/383/KEE tal-25 ta’ Ġunju 1991 li tissupplimenta l-miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-sigurtà u s-saħħa fix-xogħol tal-ħaddiema li għandhom relazzjoni ta’ impjieg b’dewmien fiss jew ta’ impjieg temporanju (21), mid-Direttiva tal-Kunsill 92/29/KEE tal-31 ta’ Marzu 1992 dwar ħtiġijiet minimi ta’ sigurtà u ta’ saħħa għal trattament mediku mtejjeb abbord bastimenti (22) u mid-Direttiva tal-Kunsill 94/33/KE tat-22 ta’ Ġunju 1994 dwar il-protezzjoni taż-żgħażagħ fuq ix-xogħol (23).

    (3)

    Id-dispożizzjonijiet relatati mat-tfassil ta’ rapporti fid-Direttivi partikulari skond l-Artikolu 16(1), tad-Direttiva 89/391/KEE, kif ukoll fid-Direttivi 91/383/KEE, 92/29/KEE u 94/33/KE huma inkonsistenti fir-rigward tal-frekwenza u l-kontenut tagħhom.

    (4)

    L-obbligi imposti fuq l-Istati Membri biex jagħmlu rapport dwar l-implimentazzjoni prattika u fuq il-Kummissjoni biex tfassal rapport abbażi tar-rapporti nazzjonali, jikkostitwixxu parti importanti miċ-ċiklu leġiżlattiv u jipprovdi opportunita’ biex wieħed jara fejn wasal u biex ssir valutazzjoni ta’ l-aspetti differenti ta’ l-implimentazzjoni prattika tad-Direttivi; għalhekk huwa xieraq li dan l-obbligu jiġi estiż għad-Direttivi li ma jitobux it-tfassil ta’ rapporti, jiġifieri: id-Direttiva 2000/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Settembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati ma’ l-espożizzjoni għal aġenti bijoloġiċi fuq il-post tax-xogħol (is-seba’ direttiva individwali fis-sens ta’ l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (24), id-Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati ma’ l-espożizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol (sitt direttiva individwali fis-sens ta’ l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (25), kif ukoll id-Direttiva 83/477/KEE tal-Kunsill tad-19 ta’ Settembru 1983 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji konnessi ma’ l-esponiment għall-asbestos fuq ix-xogħol (it-tieni direttiva individwali fis-sens ta’ l-Artikolu 8 tad-Direttiva 80/1107/KEE) (26).

    (5)

    Għalhekk jeħtieġ li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 89/391/KEE, tad-Direttivi partikulari fis-sens ta’ l-Artikolu 16(1) tagħha, kif ukoll tad-Direttivi 83/477/KEE, 91/383/KEE, 92/29/KEE u 94/33/KE jiġu armonizzati.

    (6)

    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Addattament għat-tibdil fuq ix-xogħol u fis-soċjetà: strateġija Komunitarja ġdida għas-saħħa u għas-sigurtà 2002-2006” tipprevedi t-tfassil ta’ proposti leġiżlattivi li jissimplifikaw u jirrazzjonalizzaw ir-rapporti ta’ implimentazzjoni; din il-kwistjoni ġiet identifikaa ukoll bħala waħda mill-prijoritajiet għas-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja fil-kuntest ta’ l-inizjattiva dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

    (7)

    L-eżerċizzju għandu jiġi simplifikat billi tiġi armonizzata l-perjodiċità tal-preżentazzjoni tar-rapporti ta’ implimentazzjoni prattika lill-Kummissjoni u billi jiġi rikjest rapport wieħed biss ta’ implimentazzjoni prattika li jkun jinkludi parti ġenerali, applikabbli għad-direttivi kollha, u kapitoli speċifiċi dwar l-aspetti li huma partikulari għal kull direttiva. Dawn id-dispożizzjonijiet u notevolment l-introduzzjoni ta’ Artikolu 17a ġdid fid-Direttiva 89/391/KEE, barra minn hekk, jippermettu inklużjoni f’dan l-eżerċizzju ta’ rapport ta’ implimentazzjoni tad-Direttivi partikulari fis-sens ta’ l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE li ma jirrikjedux it-tfassil ta’ rapporti, jiġifieri: id-Direttivi 2000/54/KE u 2004/37/KE, kif ukoll kull direttiva partikulari futura fis-sens ta’ l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE.

    (8)

    Il-frekwenza xierqa biex l-Istati Membri ifasslu dawn ir-rapporti u jissottomettuhom lill-Kummissjoni għandha tkun kull ħames snin; l-ewwel rapport għandu b’eċċezzjoni jkopri perjodu itwal; l-istruttura ta’ dawn ir-rapporti għandha tkun konsistenti sabiex tippermetti l-isfruttament tagħhom; dawn ir-rapporti għandhom jitfasslu fuq bażi ta’ kwestjonarju mfassal mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol, u jinkludu informazzjoni relevanti dwar l-isforzi preventivi magħmula fl-Istati Membri sabiex jippermettu lill-Kummissjoni, waqt li tieħu kont tar-riżultati relevanti ta’ l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol u tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet ta’ l-Għajxien u x-Xogħol, sabiex tevalwa adegwatament kif taħdem il-leġiżlazzjoni fil-prattika.

    (9)

    F’konformità ma’ l-Artikolu 138(2), tat-Trattat, il-Kummissjoni kkonsultat l-imsieħba soċjali fuq il-livell Komunitarju dwar l-orjentazzjoni possibbli għal azzjoni Komunitarja f’dan il-qasam.

    (10)

    Wara din il-konsultazzjoni, il-Kummissjoni stmat li azzjoni Komunitarja kienet mixtieqa u mill-ġdid ikkonsultat l-imsieħba soċjali fuq il-livell Komunitarju dwar il-kontenut tal-proposta maħsuba, skond l-Artikolu 138(3), tat-Trattat.

    (11)

    Wara din it-tieni fażi ta’ konsultazzjoni, l-imsieħba soċjali ma infurmawx lill-Kummissjoni bix-xewqa tagħhom li jibdew il-proċess li jista’ jwassal għall-konklużjoni ta’ ftehim, hekk kif stipulat fl-Artikolu 138(4), tat-Trattat.

    (12)

    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jittrasponu l-modifiki previsti f’din id-Direttiva, li minħabba n-natura speċifika ta’ din id-Direttiva u jekk dan ikun xieraq, jistgħu jieħdu l-forma ta’ miżuri amministrattivi,

    ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    Emenda għad-Direttiva 89/391/KEE

    Fid-Direttiva 89/391/KEE, għandu jiġi nserit l-Artikolu li ġej:

    “L-Artikolu 17a

    Rapporti ta’ implimentazzjoni

    1.   Kull ħames snin, l-Istati Membri jissottomettu rapport uniku lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni prattika ta’ din id-Direttiva, kif ukoll tad-Direttivi partikulari fis-sens ta’ l-Artikolu 16(1), fejn jindikaw l-opinjoni ta’ l-imsieħba soċjali. Ir-rapport għandu jevalwa l-punti varji relatati ma’ l-implimentazzjoni prattika tad-Direttivi differenti u, fejn hu xieraq u disponibbli, jagħti data diżaggregata skond il-ġeneru.

    2.   L-istruttura tar-rapport, flimkien ma’ kwestjonarju li jispeċifika l-kontenut tiegħu, għandha tiġi definita mill-Kummissjoni b’kooperazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol.

    Ir-rapport għandu jinkludi parti ġenerali li tkopri d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva relatati mal-prinċipji komuni u mal-punti li japplikaw għad-Direttivi kollha msemmija fil-paragrafu 1.

    Biex jikkomplementaw il-parti ġenerali, kapitoli speċifiċi se jkopru l-implimentazzjoni ta’ l-aspetti partikulari ta’ kull Direttiva, fosthom l-indikaturi speċifiċi, fejn dawn ikunu disponibbli.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tissottometti l-istruttura tar-rapport, flimkien mal-kwestjonarju msemmi hawn fuq, lill-Istati Membri mill-inqas sitt xhur qabel tmiem il-perjodu kopert mir-rapport. Ir-rapport għandu jiġi trażmess lill-Kummissjoni fi żmien tnax-il xahar minn tmiem il-perjodu ta’ ħames snin li huwa jkopri.

    4.   Fuq il-bażi ta’ dawn ir-rapporti, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-implimentazzjoni tad-Direttivi kkonċernati fir-rigward tar-relevanza tagħhom, tar-riċerka u tal-konoxxenza xjentifika ġdida fl-oqsma differenti kkonċernati. Fi żmien 36 xahar minn tmiem il-perjodu ta’ ħames snin, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat Konsultattiv dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol bir-riżultati ta’ din il-valutazzjoni u, jekk ikun hemm bżonn, b’kull inizjattiva għat-titjib tal-funzjonament tal-qafas regolatorju.

    5.   L-ewwel rapport għandu jkopri l-perjodu mill-2007 sa l-2012 inklużi.”

    Artikolu 2

    Emendi għad-Direttivi 83/477/KEE, 91/383/KEE, 92/29/KEE u 94/33/KE

    1.   Fid-Direttiva 83/477/KEE, għandu jiġi nserit l-Artikolu li ġej:

    “L-Artikolu 17a

    Rapport ta’ implimentazzjoni:

    Kull ħames snin, l-Istati Membri jissottomettu rapport lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni prattika ta’ din id-Direttiva fil-forma ta’ kapitolu speċifiku tar-rapport uniku msemmi fl-Artikolu 17a (1), (2) u (3) tad-Direttiva 89/391/KEE li jservi ta’ bażi għall-valutazzjoni li trid issir mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 17a (4) ta’ dik id-Direttiva.”

    2.   l-Artikolu li ġej għandu jiġi nserit fid-Direttiva 91/383/KEE:

    “L-Artikolu 10a

    Rapport ta’ implimentazzjoni

    Kull ħames snin, l-Istati Membri għandhom jissottomettu rapport lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni prattika ta’ din id-Direttiva fil-forma ta’ kapitolu speċifiku tar-rapport uniku msemmi fl-Artikolu 17a (1), (2) u (3) tad-Direttiva 89/391/KEE li jservi ta’ bażi għall-valutazzjoni li trid issir mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 17a (4) ta’ dik id-Direttiva.”

    3.   L-Artikolu li ġej għandu jiġi nserit fid-Direttiva 92/29/KEE:

    “L-Artikolu 9a

    Rapport ta’ implimentazzjoni:

    Kull ħames snin, l-Istati Membri għandhom jissottomettu rapport lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni prattika ta’ din id-Direttiva fil-forma ta’ kapitolu speċifiku tar-rapport uniku msemmi fl-Artikolu 17 a(1), (2) u (3), tad-Direttiva 89/391/KEE li jservi ta’ bażi għall-valutazzjoni li trid issir mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 17a (4) ta’ dik id-Direttiva.”

    4.   L-Artikolu li ġej għandu jiġi nserit fid-Direttiva 94/33/KE:

    “L-Artikolu 17a

    Rapport ta’ implimentazzjoni:

    Kull ħames snin, l-Istati Membri jissottomettu rapport lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni prattika ta’ din id-Direttiva taħt il-forma ta’ kapitolu speċifiku tar-rapport uniku msemmi fl-Artikolu 17a (1), (2) u (3), tad-Direttiva 89/391/KEE li jservi ta’ bażi għall-valutazzjoni li trid issir mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 17a(4) ta’ dik id-Direttiva.”

    Artikolu 3

    Revoka

    Id-dispożizzjonijiet li ġejjin għandhom jiġu mħassra b’effett mis-27 ta’ Ġunju 2007:

    (1)

    l-Artikolu 18(3) u (4) tad-Direttiva 89/391/KEE;

    (2)

    l-Artikolu 10(3) u (4) tad-Direttiva 89/654/KEE;

    (3)

    l-Artikolu 10(3) u (4) tad-Direttiva 89/655/KEE;

    (4)

    l-Artikolu 10(3) u (4) tad-Direttiva 89/656/KEE;

    (5)

    l-Artikolu 9(3) u (4) tad-Direttiva 90/269/KEE;

    (6)

    l-Artikolu 11(3) u (4) tad-Direttiva 90/270/KEE;

    (7)

    l-Artikolu 10(3) u (4) tad-Direttiva 91/383/KEE;

    (8)

    l-Artikolu 9(3) u (4)tad-Direttiva 92/29/KEE;

    (9)

    l-Artikolu 14(4) u (5) tad-Direttiva 92/57/KEE;

    (10)

    l-Artikolu 11(4) u (5)tad-Direttiva 92/58/KEE;

    (11)

    l-Artikolu 14(4), (5) u (6) tad-Direttiva 92/85/KEE;

    (12)

    l-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 92/91/KEE;

    (13)

    l-Artikolu 13(4) tad-Direttiva 92/104/KEE;

    (14)

    l-Artikolu 13(3) u (4) tad-Direttiva 93/103/KE;

    (15)

    l-Artikolu 17(4) u (5) tad-Direttiva 94/33/KE;

    (16)

    l-Artikolu 15 tad-Direttiva 98/24/KE;

    (17)

    l-Artikolu 13(3) tad-Direttiva 1999/92/KE;

    (18)

    l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2002/44/KE;

    (19)

    l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2003/10/KE;

    (20)

    l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2004/40/KE;

    (21)

    l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2006/25/KE.

    Artikolu 4

    Implimentazzjoni

    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2012.

    Artikolu 5

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal- pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 6

    Indirizzati

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Strasburgu, 20 ta’ Ġunju 2007.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    H.-G. PÖTTERING

    Għall-Kunsill

    Il-President

    G. GLOSER


    (1)  Opinjoni mogħtija fis-17 ta’ Jannar 2006.

    (2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta’ April 2007 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Deċiżjoni tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2007

    (3)  ĠU L 183, 29.6.1989, p. 1. Direttiva kif emendata mir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1)

    (4)  ĠU L 393, 30.12.1989, p. 1.

    (5)  ĠU L 393, 30.12.1989, p. 13. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata mid-Direttiva 2001/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 195, 19.7.2001, p. 46).

    (6)  ĠU L 393, 30.12.1989, p. 18.

    (7)  ĠU L 156, 21.6.1990, p. 9.

    (8)  ĠU L 156, 21.6.1990, p. 14.

    (9)  ĠU L 245, 26.8.1992, p. 6.

    (10)  ĠU L 245, 26.8.1992, p. 23.

    (11)  ĠU L 348, 28.11.1992, p. 1.

    (12)  ĠU L 348, 28.11.1992, p. 9.

    (13)  ĠU L 404, 31.12.1992, p. 10.

    (14)  ĠU L 307, 13.12.1993, p. 1.

    (15)  ĠU L 131, 5.5.1998, p. 11.

    (16)  ĠU L 23, 28.1.2000, p. 57.

    (17)  ĠU L 177, 6.7.2002, p. 13.

    (18)  ĠU L 42, 15.2.2003, p. 38.

    (19)  ĠU L 159, 30.4.2004, p. 1. Verżjoni korretta ppubblikata fil-ĠU L 184, 24.5.2004, p. 1.

    (20)  ĠU L 114, 27.4.2006, p. 38.

    (21)  ĠU L 206, 29.7.1991, p. 19.

    (22)  ĠU L 113, 30.4.1992, p. 19. Id-Direttiva kif emendata mir-Regolament (KE) Nru 1882/2003.

    (23)  ĠU L 216, 20.8.1994, p. 12.

    (24)  ĠU L 262, 17.10.2000, p. 21.

    (25)  ĠU L 158, 30.4.2004, p. 50. Verżjoni korretta ppublikata fil-ĠU L 229, 29.6.2004, p. 23.

    (26)  ĠU L 263, 24.9.1983, p. 25. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata mid-Direttiva 2003/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 97, 15.4.2003, p. 48)


    Top