EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007D0783

2007/783/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad- 29 ta’ Marzu 2006 li tiddikkjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni u mat-tħaddim tal-Ftehim taż-ŻEE (Każ COMP/M.3975 – Cargill/Degussa) (notifikata taħt id-dokument numru C(2006) 1034) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 316, 4.12.2007, p. 53–56 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/783/oj

4.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 316/53


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tad-29 ta’ Marzu 2006

li tiddikkjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni u mat-tħaddim tal-Ftehim taż-ŻEE

(Każ COMP/M.3975 – Cargill/Degussa)

(notifikata taħt id-dokument numru C(2006) 1034)

(Il-verżjoni bl-Ingliż biss hija awtentika)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2007/783/KE)

Fid-29 ta’Marzu 2006, il-Kummissjoni adottat Deċiżjoni f’każ ta’ amalgamazzjoni skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 ta’ l-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi, u b’mod partikolari l-Artikolu 8(1) ta’ dak ir-Regolament (1). Verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni sħiħa tinstab fil-lingwa awtentika tal-każ u fil-lingwi ta’ ħidma tal-Kummissjoni fuq is-sit web tad-Direttorat-Ġenerali għall-Kompetizzjoni, fl-indirizz li ġej: http://ec.europa.eu/comm/competition/index_mt.html

I.   SOMMARJU

(1)

Fil-21 ta’ Ottubru 2005, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta’ konċentrazzjoni proposta skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 3 (1) (b) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (“ir-Regolament dwar il-Konċentrazzjonijiet”).

(2)

Wara eżaminazzjoni tan-notifika, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-operazzjoni nnotifikata taqa’ fl-ambitu tar-Regolament dwar il-Konċentrazzjonijiet.

(3)

Fit-23 ta’ Novembru 2005, il-partijiet issottomettew l-impenji tagħhom lill-Kummissjoni. Fl-14 ta’ Diċembru 2005, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-konċentrazzjoni, anke meta jitqiesu l-impenji sottomessi, tqajjem dubji serji fir-rigward tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni, u għalhekk iddeċidiet li tagħti bidu għall-proċeduri skond l-Artikolu 6 (1) (c) tar-Regolament dwar il-Konċentrazzjonijiet.

(4)

Madankollu, wara investigazzjoni fid-dettall, il-Kummissjoni kkonkludiet li dik l-operazzjoni nnotifikata ma tqajjimx tħassib dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni. Għalhekk, ġie propost li t-tranżazzjoni nnotifikata tiġi permessa skond l-Artikolu 8 (1) tar-Regolament dwar il-Konċentrazzjonijiet.

II.   IL-PARTIJIET U L-OPERAZZJONI

(5)

Cargill hija kumpannija privata bbażata fl-Istati Uniti attiva madwar id-dinja fil-produzzjoni u l-kummerċ ta’ prodotti agrikoli, għalf u ikel ta’ l-annimali u servizzi finanzjarji relatati magħhom. DFI hija kumpannija Ġermaniża ta’ l-ingredjenti ta’ l-ikel, fil-preżent proprjetà ta’ Degussa AG, li l-azzjonisti ewlenin tagħha huma RAG u E.ON. Iż-żewġ fergħat tan-negozju ewlenin ta’ DFI huma “DFI Texturant Systems” u “DFI Flavours”. L-operazzjoni tikkonsisti fl-akkwist ta’ 100 % ta’ l-ishma fid-DFI li fil-preżent huma miżmuma minn Degussa AG.

III.   KONĊENTRAZZJONI B’DIMENSJONI KOMUNITARJA

(6)

It-tranżazzjoni proposta tikkonsisti fl-akkwist ta’ kontroll minn Cargill ta’ l-intier ta’ DFI skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 3 (1) (b) u l-Artikolu 1 (3) tar-Regolament dwar il-Konċentrazzjonijiet.

IV.   IS-SWIEQ TAL-PRODOTT RILEVANTI

(7)

Fil-każ preżenti, l-investigazzjoni tas-suq mill-Kummissjoni ffokat b’mod partikolari fuq is-swieq tal-leċitina likwida li mhijiex ġenetikament modifikata (“mhijiex ĠM”) u l-leċitina mingħajr żejt li mhijiex ĠM (1). Swieq oħra effettwati kienu tal-leċitina ġenetikament modifikata (“ĠM”), tal-pektin u taż-żejt taż-żerriegħa mhux raffinat (2).

1.   Is-swieq differenti tal-leċitina

(8)

Il-leċitina hija ingredjent ta’ l-ikel li, bħala hekk imsejħa “emulsjonant” (emulsifier) tintuża sabiex tistabbilizza l-emulsjonijiet, jiġifieri taħlita ta’ sustanzi idrofiliċi (eż. ilma) u sustanzi idrofobiċi (eż. żejt). Il-leċitina hija użata prinċipalment f’applikazzjonijiet ta’ l-ikel u ta’ l-għalf, iżda hija użata ukoll fi prodotti kosmetiċi, farmaċewtiċi u industrijali (bħall-erbiċida u l-ġilda). Għalkemm b’mod ġenerali hija tirrapreżenta inqas minn 1 % ta’ l-ispejjeż totali tal-produzzjoni, hija normalment essenzjali fil-proċess industrijali ta’ l-utenti finali u tista’ tibdel radikalment il-kwalità tal-prodotti finali.

(9)

Il-leċitina hija prodott sekondarju ġġenerat fil-proċess ta’ titħin ta’ żerriegħa taż-żejt, ġeneralment il-fażola tas-sojja: il-parti l-kbira tal-leċitina mibjugħa fis-suq hija meħuda miż-żejt tas-sojja (95 %) filwaqt li għejun oħra bħaż-żerriegħa tal-kolza u tal-ġirasol jibqgħu marġinali. Il-leċitina tirrapreżenta inqas minn 1 % tal-kontenut tal-fożola tas-sojja bħala volum u ferm inqas minn 5 % bħala valur.

(a)   Il-leċitina u l-emulsjonanti sintetiċi m’humiex fl-istess suq tal-prodott

(10)

L-emulsjonanti jistgħu jinqasmu f’emulsjonanti naturali (i.e. leċitina) u emulsjonanti sintetiċi (bħall-mono- jew id-diglycerides). Filwaqt li ta’ l-ewwel jittieħdu minn żerriegħa taż-żejt, ta’ l-aħħar huma magħmula artifiċjalment permezz ta’ reazzjonijiet kimiċi. L-investigazzjoni tas-suq tal-Kummissjoni stabbiliet li ż-żewġ tipi ta’ emulsjonanti ma jappartjenux lill-istess suq tal-prodott, prinċipalment minħabba r-raġunijiet li ġejjin:

(11)

Mill-perspettiva tad-domanda, it-test tas-suq wera li l-emulsjonanti tal-leċitina u dawk sintetiċi m’humiex sostitwibbli għal raġunijiet ta’ teknoloġija kif ukoll ta’ kwalità. Dan japplika għall-produtturi ta’ l-għalf u l-ikel. Prattikament ebda klijent tal-leċitina non-ĠM ma qaleb għall-emulsjonanti sintetiċi fil-passat minkejja li l-prezzijiet tal-leċitina li mhijiex ĠM irdoppjaw matul l-aħħar sentejn, u l-parti l-kbira ma jaqilbux għall-emulsjonanti sintetiċi kemm-il darba l-prezz għal-leċitina jiżdied b’10 % fil-futur.

(b)   Il-leċitina ĠM u dik li mhijiex ĠM għandhom jiġu evalwati separatament

(12)

L-investigazzjoni tas-suq uriet ukoll li s-swieq separati għal-leċitina ĠM u għal dik li mhijiex ĠM għandhom jiġu differenzjati fl-Ewropa. Fil-fatt, il-klijenti Ewropej (mhux bħal klijenti f’partijiet oħra tad-dinja) għandhom oppożizzjoni qawwija kontra prodotti modifikati ġenetikament. Dan wassal lill-Unjoni Ewropea sabiex tadotta diversi regolamenti li jirrikjedu l-ittikkettjar u t-traċċjabilità għal ikel u għalf modifikat ġenetikament u l-ingredjenti tagħhom sa mill-2004 (2). Għalhekk, il-leċitina tista’ biss tiġi eżentata mill-obbligu ta’ l-ittikkettjar, jekk ikun hemm proċess stabbilit ta’ ċertifikazzjoni (“il-proċess ta’ verifika”) li jkopri l-katina kollha tal-produzzjoni u l-provvista, li jipprova li l-pjanta tas-sojja rilevanti mhijiex ĠM, u li l-inputs għall-prodotti fi stadju intermedjarju u dawk lesti nżammu separati minn materjal ĠM matul l-ippjantar, il-ħsad, il-ħażna, l-ipproċessar u d-distribuzzjoni.

(13)

Mill-perspettiva tal-provvista, l-ispejjeż tal-produzzjoni tal-leċitina li mhijiex ĠM huma ħafna ogħla minn dawk tal-leċitina ĠM. Fil-fatt, il-katina tal-provvista tal-leċitina li mhijiex ĠM hija differenti minn dik tal-leċitina ĠM. Bħala riżultat ta’ dan, il-prezzijiet tal-leċitina ĠM u dik li mhijiex ĠM ivarjaw ħafna minn xulxin.

(ċ)   Il-leċitina likwida, dik mingħajr żejt u dik frazzjonata għandhom jiġu evalwati separatament

(14)

Barra minn hekk il-Kummissjoni sabet li tipi jew gradi differenti ta’ leċitina jistgħu jiġu differenzjati, peress li l-leċitina likwida (bħala l-prodott bażiku) tista’ tiġi raffinata aktar permezz ta’ proċess ta’ tneħijja taż-żejt sabiex issir leċitina “mingħajr żejt” jew permezz tal-frazzjonazzjoni sabiex issir leċitina “frazzjonata” (3). Cargill m’hijiex attiva fil-manifattura tal-leċitina frazzjonata. L-investigazzjoni tas-suq identifikat diversi elementi li jirrikjedu distinzjoni bejn il-leċitina likwida, dik mingħajr żejt u dik frazzjonata.

(15)

Kważi l-klijenti kollha indikaw li ma jistgħux jaqilbu mill-leċitina likwida għal dik mingħajr żejt, peress li t-tip rispettiv ta’ leċitina jissodisfa bżonnijiet speċifiċi ħafna tal-klijenti (eż. it-togħma, l-ipproċessar, eċċ) u jinvolvi proċess differenti ta’ produzzjoni. Mill-perspettiva tal-provvista, il-produzzjoni tal-leċitina mingħajr żejt u frazzjonata titlob faċilitajiet addizzjonali tal-produzzjoni u investiment sinifikanti u tinvolvi know-how differenti tal-produzzjoni.

2.   Pektin

(16)

L-attivitajiet tal-partijiet jidħlu f’xulxin anke fil-qasam tal-Pektin. Il-Pektin huwa użat sabiex il-prodotti jiġu ġelatinizzati, stabilizzati u sabiex jingħataw forma ta’ ġeli. Il-Kummissjoni kkunsidrat distinzjoni oħra bejn it-tipi differenti ta’ Pektin (eż. pektin tat-tuffieħ u taċ-ċitru u skond il-kontenut tal-methoxyl), iżda tista’ fl-aħħar mill-aħħar tħalli d-definizzjoni tas-suq miftuħa peress li t-tranżazzjoni ma tfixkilx il-kompetizzjoni taħt l-ebda waħda mid-definizzjonijiet tas-suq.

V.   IS-SWIEQ ĠEOGRAFIĊI RILEVANTI

1.   Leċitina

(17)

Il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li ta’ l-inqas is-swieq tal-leċitina li mhijiex ĠM għandhom firxa madwar iż-ŻEE.

(18)

Fil-fatt, il-preferenza qawwija tal-klijenti Ewropej għall-prodotti li mhumiex ĠM, li hija b’mod ċar limitata għall-Ewropa, twassal għall-kundizzjonijiet tas-suq differenti fl-Ewropa. 80 % tal-bejgħ kollu tal-leċitina li mhijiex ĠM isir fi ħdan iż-ŻEE, għalkemm huwa biss 45 % tal-bejgħ tal-leċitina madwar id-dinja li jsir fi ħdan iż-ŻEE. Barra minn hekk, il-klijenti jixtru direttament minn fornituri barra mill-Ewropa biss f’każijiet rari, mhux biss minħabba li l-ispejjeż tat-trasport huma fattur rilevanti, iżda wkoll minħabba li l-konsenja fil-ħin u l-appoġġ f’termini ta’ know-how tal-prodott u tal-produzzjoni huma kruċjali għal ħafna klijenti. Għalhekk l-istruttura tad-domanda għal-leċitina fiż-ŻEE hija differenti sewwa minn dik fil-bqija tad-dinja.

(19)

Fir-rigward tas-swieq tal-leċitina ĠM (likwida u mingħajr żejt), għalkemm jidher li xi fatturi jindikaw suq dinji (eż. ir-rekwiżiti regolamentari m’humiex differenti b’mod sinifikanti madwar id-dinja), il-Kummissjoni tista’, għall-finijiet ta’ din id-deċiżjoni, tħalli d-definizzjoni ġeografika eżatta tas-suq miftuħa.

2.   Pektin

(20)

Li kieku l-investigazzjoni tas-suq ipprovdiet indikazzjonijiet li l-ambitu ġeografiku tas-swieq jista’ jkun limitat għaż-ŻEE, id-definizzjoni eżatta tas-suq ġeografiku tista’ xorta waħda titħalla miftuħa, peress li taħt ebda waħda mid-delinjazzjonijiet ma jirriżulta tħassib dwar il-kompetizzjoni.

VI.   EVALWAZZJONI

1.   Leċitina likwida li mhijiex ĠM

(21)

Fir-rigward tas-suq ŻEE għal-leċitina likwida li mhijiex ĠM, ir-riżultati ta’ l-investigazzjoni tas-suq fid-dettall neħħiet b’mod effettiv id-dubji serji fir-rigward tal-kompatibbiltà tat-tranżazzjoni proposta mas-suq komuni.

(22)

L-investigazzjoni wriet li s-sehem attwali mis-suq tal-partijiet ([30-40] %) huwa iżgħar milli kif stmat mill-partijiet ([40-50] %) u wriet li l-kontroll kompetittiv li jirriżulta minn kompetituri oħra huwa sod biżżejjed sabiex jikkontrolla b’mod effettiv il-pożizzjoni tal-partijiet fis-suq. Fil-fatt, is-sehem tal-kompetituri ta’ Cargill, DFI u Solae qed jikber b’mod kontinwu u sinfikanti. Ma kinux biss distributuri stabbiliti ta’ l-ikel bħan-Nore Ingredients ([5-15] % sehem mis-suq) jew Helm AG ([0-10] % sehem mis-suq) li kienu kapaċi jżidu sehemhom. Kompetituri Brażiljani u Indjani saru wkoll dan l-aħħar alternattiva aktar kredibbli għall-klijenti Ewropej, peress li ħafna minnhom għandhom (mhux bħal Cargill u Degussa) aċċess dirett għall-materja prima tal-leċitina likwida li mhijiex ĠM. Fil-preżent, xi wħud mill-klijenti akbar ta’ l-ikel/ċikkulata diġa qed jixtru direttament minn għejun Brażiljani. Il-manifatturi Brażiljani ewlenin urew li huma kapaċi jistabbilixxu d-distribuzzjoni proprja u n-netwerk loġistiku tagħhom fl-Ewropa u li huma kapaċi jikkompetu direttament ma’ atturi stabbiliti sewwa bħall-entità amalgamata u Solae.

(23)

Iż-żieda sinifikanti fil-prezz u l-marġni attraenti għal-leċitina likwida li mhijiex ĠM huma inċentiv ulterjuri għall-manifatturi Brażiljani u Indjani sabiex jikkompetu b’aktar aggressività mal-partijiet fis-suq Ewropew. Minħabba li l-atturi ewlenin fiż-ŻEE (Cargill, DFI, Solae) fil-preżent iġibu l-materja prima non-ĠM kollha tagħhom mingħand kompetituri Brażiljani attwali jew ta’ l-inqas potenzjali, l-ambjent kompetittiv tal-preżent fis-suq tal-leċitina likwida li mhijiex ĠM m’huwiex mistenni li jinbidel b’mod li joħloq impediment sostanzjali għall-kompetizzjoni.

(24)

L-investigazzjoni tas-suq tal-Kummissjoni wriet ukoll li l-amalgamazzjoni m’hijiex se twassal għal effetti anti-kompetittivi permezz ta’ effetti koordinati. Din m’hijiex biss dovuta għan-nuqqas ta’ simetrija ta’ l-ishma mis-suq taż-żewġ atturi ewlenin wara l-amalgamazzjoni. Barra minn hekk, ir-riżultati ta’ l-investigazzjoni tas-suq jindikaw sewwa li s-suq tal-leċitina likwida li mhijiex ĠM ma jistax jiġi kkunsidrat trasparenti: il-prezz għal-leċitina li mhijiex ĠM huwa nnegozjat bejn il-fornitur u l-klijenti tiegħu fuq bażi individwali mingħajr listi ta’ prezzijiet disponibbli. Bħala riżultat ta’ dan, il-prezzijiet għal-leċitina likwida jvarjaw sewwa bejn il-klijenti individwali, inklużi dawk ta’ daqs komparabbli.

2.   Leċitina mingħajr żejt li mhijiex ĠM

(25)

L-investigazzjoni tal-Kummissjoni kienet partikolarment iffokata fuq is-suq tal-leċitina mingħajr żejt li mhijiex ĠM, peress li l-partijiet għandhom sehem flimkien minn dan is-suq partikolarment għoli. Madankollu, filwaqt li skond in-notifika huma biss tliet atturi li kienu attivi f’dan is-suq, l-investigazzjoni fid-dettall uriet li numru ta’ fornituri ġodda diġa daħlu jew dalwaqt jidħlu fis-suq tal-leċitina mingħajr żejt li mhijiex ĠM, biex b’hekk ikun hemm limitu effettiv fuq il-kapaċità tal-partijiet li jaġixxu indipendentement mill-kompetituri tagħhom.

(26)

L-investigazzjoni tas-suq ikkonfermat li fl-2005 id-DFI kienet għadha l-ikbar fornitur ta’ leċitina mingħajr żejt li mhijiex ĠM, b’sehem fis-suq ta’ [50-60] %. Flimkien mas-sehem mis-suq ta’ Cargill ta’ [0-10] % fl-2005, l-entità amalgamata għandu jkollha [60-70] % tas-suq tal-leċitina li mhijex ĠM fiż-ŻEE.

(27)

Barra minn hekk, l-investigazzjoni wriet li l-pożizzjoni ta’ Cargill fis-suq tal-leċitina mingħajr żejt hija relattivament dgħajfa, u li t-tneħħija tagħha mis-suq bħala kompetitur m’hijiex se tbiddel b’mod sinifikanti l-istruttura kompetittiva tas-suq. Fil-fatt, kuntrarjament għall-kompetituri ewlenin tagħha, Cargill m’għandhiex faċilitajiet proprji tal-produzzjoni għal-leċitina mingħajr żejt, iżda għandha l-leċitina tagħha mingħajr żejt manifatturata f’fabbrika f’Arkansas, l-Istati Uniti. Din il-fabbrika għandha relattivament kapaċità limitata, li ma tistax tkun użata minħabba problemi tekniċi serji. Barra minn hekk, l-investigazzjoni tas-suq uriet li l-istrateġija ta’ “prezz baxx” li Cargill għażlet għad-dħul fis-suq tal-leċitina mingħajr żejt li mhijiex ĠM ma kinetx sostenibbli, meta titqies iż-żieda drammatika ta’ l-ispejjeż għall-materja prima (leċitina likwida li mhiijex ĠM).

(28)

Aktar minn hekk, l-investigazzjoni wriet li fornituri ġodda tal-leċitina mingħajr żejt li mhijiex ĠM diġa daħlu fis-suq jew x’aktarx se jidħlu fis-suq fi żmien tajjeb u b’firxa wiesgħa biżżejjed ta’ attività. Il-parti l-kbira ta’ dawn il-fornituri (eż. Berg & Schmidt/Sternchemie, Ruchi u Matlani) diġa lestew il-linji tagħhom tat-tneħħija taż-żejt jew se jkollhom dawn lesti biex jaħdmu s-sena d-dieħla (eż. SG Lecitinas). Il-fatt li l-kapaċitajiet ġodda tat-tneħħija taż-żejt huma sinifikanti juri li l-fornituri Indjani u dawk mill-Amerika t’Isfel huma impenjati sewwa sabiex jidħlu fis-suq Ewropew. Il-kapaċità tal-produzzjoni disponibbli dan l-aħħar għal-leċitina mingħajr żejt li mhijiex ĠM fl-Indja u fil-Brażil se teċċedi l-volum intier tas-suq taż-ŻEE.

(29)

Id-dħul ta’ numru relattivament kbir ta’ kumpanniji juri li l-ostakli għad-dħul fis-suq tal-leċitina mingħajr żejt jistgħu jkunu sinifikanti iżda m’humiex insormontabbli. Filwaqt li huwa minnu li l-leċitina mingħajr żejt m’hijiex “komodità” u li l-produzzjoni tagħha tinvolvi t-teknoloġija u n-know-how, kien hemm konferma minn kompetituri li din it-teknoloġija kienet disponibbli fis-suq (eż. permezz ta’ ditti ta’ l-inġinerija) u li kienu kapaċi jipproduċu l-leċitina mingħajr żejt li mhijiex ĠM ta’ livell ta’ kwalità komparabbli għal ta’ dawk li huma l-akbar fis-suq. Barra minn hekk il-fatt li ħafna klijenti ta’ l-ikel jirrikjedu preżenza Ewropea tal-fornituri tagħhom m’huwiex ostaklu sinifikanti għal dawn il-kompetituri, peress li l-parti l-kbira tagħhom jikkooperaw ma’ distributuri Ewropej stabbiliti li jistgħu jipprovdu n-know-how meħtieġa fuq il-klijenti u l-bżonn individwali tagħhom. Fil-fatt, ħafna klijenti kkonfermaw li huma interessati f’għejun alternattivi ta’ leċitina mingħajr żejt li mhijiex ĠM.

3.   Is-swieq tal-leċitina ĠM

(30)

L-investigazzjoni tas-suq ma kkonfermatx l-eżistenza ta’ problemi għall-kompetizzjoni fis-swieq tal-leċitina ĠM. Fir-rigward tal-leċitina likwida, l-ADM għandha, anke taħt is-suppożizzjoni ta’ swieq Ewropej, tibqa’ b’mod ċar l-attur ewlieni fis-suq b’sehem ta’ [40-50] %, segwita mill-partijiet, Solae, u numru ta’ kompetituri iżgħar. Dan jissuġġerixxi li l-entità l-ġdida jkollha ftit spazju sabiex tgħolli l-prezzijiet b’mod unilaterali jew altrimenti tfixkel il-kompetizzjoni. Barra minn hekk Cargill ma tiffokax l-istrateġija tal-kummerċjalizzazzjoni tal-leċitina fuq is-swieq ĠM. Fir-rigward tar-riskju li l-amalgamazzjoni twassal għal aġir ikkoordinat, il-Kummissjoni tikkunsidra li dan ir-riskju huwa negliġibbli, prinċipalment għall-istess raġunijiet applikabbli għal-leċitina likwida li mhijiex ĠM (ebda trasparenza fil-prezzijiet, nuqqas ta’ simetrija ta’ l-ishma tas-suq, eċċ.). Fir-rigward tal-leċitina mingħajr żejt ĠM, Solae jkollha [50-60] % ta’ suq Ewropew, segwita b’DFI, iżda b’inkriment limitat minħabba ż-żieda ta’ Cargill. Hemm numru ta’ kompetituri oħra fis-suq (eż. ADM). Għalhekk, id-dħul f’xulxin tas-swieq tal-leċitina mingħajr żejt ĠM huwa limitat ħafna.

4.   Pektin

(31)

Is-sehem fis-suq tal-partijiet flimkien għall-pektin ma jeċċedix 25 %, la fuq bażi dinjija u lanqas fuq bażi ta’ suq madwar iż-ŻEE, u dan biss b’inkriment limitat ħafna. Il-pożizzjoni ta’ l-ikbar fis-suq, CP Kelco u n-numru 2 fil-preżent (Danisco) ma jiġux effettwati mill-amalgamazzjoni. Din l-evalwazzjoni ma tinbidilx meta swieq alternattivi (eż. swieq dinjija, swieq tat-tuffieħ/ċitru jew swieq skond il-kontenut tal-methoxyl) kellhom jiġu differenzjati, minħabba li l-pożizzjoni ta’ Cargill f’dawn is-swieq tkun aktar dgħajfa.

5.   Effetti vertikali (żejt taż-żerriegħa mhux raffinat)

(32)

Għalkemm, fuq il-bażi ta’ definizzjoni ipotetika ta’ suq upstream għaż-żejt tas-sojja mhux raffinat fiż-ŻEE, it-tranżazzjoni proposta teknikament twassal għal suq effettwat vertikalment, din ma tqajjimx tħassib vertikali, prinċipalment minħabba li DFI u Cargill jixtru leċitina likwida li mhijiex ĠM li tkun diġà lesta minn partijiet terzi u ma jużawx materja prima li mhijiex ĠM mill-produzzjoni tagħhom stess sabiex jipproduċu leċitina li mhijiex ĠM.

VII.   KONKLUŻJONI

(33)

Għalhekk, id-deċiżjoni tikkonkludi li l-konċentrazzjoni proposta mhux se tfixkel b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva fis-Suq Komuni jew f’parti sostanzjali tiegħu.

(34)

Għaldaqstant, id-deċiżjoni tiddikjara l-konċentrazzjoni kompatibbli mas-Suq Komuni u mal-Ftehim taż-ŻEE, skond l-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 8(1) tar-Regolament dwar il-Konċentrazzjonijiet u l-Artikolu 57 tal-Ftehim taż-ŻEE.


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.

(2)  Ir-Regolament KE Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1) u r-Regolament (KE) Nru 1830/2003 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar it-traċċjabilità u l-ittikkettjar ta’ organiżmi modifikati ġenetikament u t-traċċjabilità ta’ prodotti ta’ ikel u għalf magħmula minn organiżmi modifikati ġenetikament u li jemenda d-Direttiva 2001/18/KE (ĠU L 268, 18.10.2003, p. 24).

(3)  Hemm ukoll forom ta’ “leċitini speċjali” modifikati/adattati, li, madankollu, jirrappreżentaw parti negliġibbli mis-suq.


Top