EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007D0773

2007/773/Euratom: Deċiżjoni tal-Kunsill tas- 26 ta’ Novembru 2007 dwar estensjoni ta’ sena għall-programm supplimentari ta’ riċerka li għandu jiġi implimentat miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka għall-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika

ĠU L 312, 30.11.2007, p. 29–31 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2007

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/773/oj

30.11.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 312/29


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tas-26 ta’ Novembru 2007

dwar estensjoni ta’ sena għall-programm supplimentari ta’ riċerka li għandu jiġi implimentat miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka għall-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika

(2007/773/Euratom)

IL-KUNSILL ta’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 7 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni, preżentata wara konsultazzjoni mal-Kumitat Xjentifiku u Tekniku,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bord tal-Gvernaturi taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (ĊKR),

Billi:

(1)

L-iżvilupp tal-mediċina nukleari fi ħdan l-Unjoni Ewropea jikkontribwixxi għall-objettiv li tiġi żgurata l-protezzjoni tas-saħħa umana. Dan jeħtieġ l-użu akbar ta’ reatturi għall-ittestjar għal skopijiet mediċi.

(2)

Fid-19 ta’ Frar 2004, il-Kunsill adotta Deċiżjoni dwar l-adozzjoni ta’ programm supplimentari ta’ riċerka li għandu jiġi implimentat miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka għall-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika (1). Dan il-programm ġie adottat għal perijodu ta’ tliet snin, sa l-1 ta’ Jannar 2007.

(3)

Fi ħdan il-qafas taż-Żona Ewropea ta’ Riċerka, il-programm supplimentari ta’ riċerka li jinvolvi r-reattur ta’ fluss għoli (HFR – high flux reactor) f’Petten hu wieħed mill-mezzi ewlenin li għandha l-Unjoni sabiex tikkontribwixxi għall-appoġġ u l-ittestjar ta’ metodi mediċi ta’ dijanjożi u terapija, għall-iżvilupp tax-xjenzi tal-materjali u għas-soluzzjoni ta’ problemi fil-qasam ta’ l-enerġija nukleari.

(4)

L-HFR jinsab f’kundizzjoni operabbli sa l-2015 mill-inqas, u fi Frar ta’ l-2005 nħarġet liċenzja operattiva ġdida lill-operatur tar-reattur. Huwa meħtieġ, għalhekk, li dan il-programm supplimentari ta’ riċerka jiġi estiż b’sena oħra sabiex isir użu mill-faċilitajiet tekniċi li hemm disponibbli. Jinħtieġ li l-estensjoni jkollha effett retroattiv, sabiex tkopri l-attivitajiet kurrenti tal-programm fil-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2007.

(5)

Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji meħtieġa għal din l-estensjoni tal-programm supplimentari ta’ riċerka jiġu mogħtija direttament mill-Olanda u minn Franza,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-programm supplimentari ta’ riċerka dwar l-operazzjoni tal-HFR (il-Programm), li l-objettivi tiegħu huma esposti fl-Anness I, huwa b’dan estiż b’perijodu ta’ sena, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2007.

Artikolu 2

Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji stmati għall-eżekuzzjoni tal-Programm għandhom jammontaw għal madwar EUR 8 500 000. It-taqsim tal-kontribuzzjonijiet hu mgħoti fl-Anness II.

Artikolu 3

Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-Programm, u għal dan il-għan, għandha tagħmel użu mis-servizzi taċ-ĊKR. Il-Bord tal-Gvernaturi taċ-ĊKR għandu jinżamm infurmat dwar l-implimentazzjoni tal-Programm.

Artikolu 4

Qabel il-15 ta’ Ġunju 2008, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2007.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, 26 ta’ Novembru 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

J. SILVA


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/185/Euratom tad-19 ta’ Frar 2004 (ĠU L 57, 25.2.2004, p. 25).


ANNESS I

OBJETTIVI XJENTIFIĊI U TEKNIĊI TAL-PROGRAMM

L-objettivi tal-Programm huma primarjament:

1.

L-operazzjoni bla periklu u affidabbli tar-reattur ta’ fluss għoli (HFR) li jinsab Petten; din l-attività tinvolvi l-użu normali ta’ l-installazzjoni għal aktar minn 250 jum fis-sena u l-ġestjoni taċ-ċiklu tal-kombustibbli taħt il-kontrolli relevanti ta’ sikurezza u kwalità.

2.

L-użu razzjonali tal-HFR se jiġi żviluppat f’firxa wiesgħa ta’ dixxiplini. It-temi prinċipali ta’ riċerka u żvilupp li jinvolvu l-użu tal-HFR jinkludu: it-titjib fis-sikurezza ta’ reatturi nukleari eżistenti; is-saħħa, inkluż l-iżvilupp ta’ isotopi mediċi sabiex iwieġbu għal mistoqsijiet li joħorġu mir-riċerka medika, u l-ittestjar ta’ teknika medika terapewtika; il-fużjoni, ir-riċerka u t-taħriġ fundamentali; u l-immaniġġar ta’ l-iskart, inkluża l-possibbiltà li jiġu żviluppati kombustibbli nukleari permezz ta’ l-eliminazzjoni tal-plutonju tal-grad adatt għall-armamenti.


ANNESS II

TAQSIM TAL-KONTRIBUZZJONIJIET IMSEMMIJA FL-ARTIKOLU 2

Il-kontribuzzjonijiet għall-Programm għandhom jiġu mill-Olanda u minn Franza.

It-taqsim ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet hu kif ġej:

Olanda

:

EUR 8 200 000

Franza

:

EUR 300 000

Total

:

EUR 8 500 000


Top