Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007D0738

    2007/738/KE: Deċiżjoni tal-Kunsill tad- 9 ta’ Ottubru 2007 li tħassar id-Deċiżjoni 2006/125/KE dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv fir-Renju Unit

    ĠU L 300, 17.11.2007, p. 49–50 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/738/oj

    17.11.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 300/49


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tad-9 ta’ Ottubru 2007

    li tħassar id-Deċiżjoni 2006/125/KE dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv fir-Renju Unit

    (2007/738/KE)

    IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 104(12) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-rakkommandazzjoni mill-Kummissjoni,

    Billi:

    (1)

    Fid-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 125/2006/KE (1), fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 104(6) tat-Trattat, il-Kunsill iddeċieda li fir-Renju Unit jeżisti żbilanċ eċċessiv. Il-Kunsill osserva li fis-sena finanzjarja 2004/2005 (2) l-iżbilanċ pubbliku ġenerali kien ta’ 3,2 % tal-PGD, ogħla mill-valur ta’ referenza ta’ 3 % tal-PGD kif stabbilit fit-Trattat, filwaqt li d-dejn pubbliku ġenerali gross kien ta’ 40,8 % tal-PGD, ferm anqas mill-valur ta’ referenza ta’ 60 % tal-PGD skond it-Trattat.

    (2)

    Fl-24 ta’ Jannar 2006, skond l-Artikolu 104(7) tat-Trattat u l-Artikolu 3(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv (3), il-Kunsill, fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, indirizza lir-Renju Unit rakkomandazzjoni bil-għan li l-qagħda ta’ żbilanċ eċċessiv tintemm sa mhux aktar tard mill-2006/2007. Ir-rakkomandazzjoni ġiet ippublikata.

    (3)

    Skond l-Artikolu 104(12) tat-Trattat, id-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv għandha titħassar meta l-iżbilanċ eċċessiv fl-Istat Membru kkonċernat ikun, fil-fehma tal-Kunsill, ġie korrett.

    (4)

    Skond il-Protokoll dwar il-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv anness mat-Trattat, il-Kummissjoni tipprovdi d-dejta għall-implimentazzjoni tal-proċedura. Bħala parti mill-applikazzjoni ta’ dan il-Protokoll, l-Istati Membri darbtejn fis-sena għandhom jirrappurtaw dejta dwar l-iżbilanċi u d-dejn tal-gvern tagħhom u dwar varjabbli assoċjati, jiġifieri qabel l-1 ta’ April u qabel l-1 ta’ Ottubru, skond Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3605/93 tat-22 ta’ Novembru 1993 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura ta’ l-iżbilanċ eċċessiv mehmuża mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (4). Fid-dawl tal-fatt li d-dejta notifikata f’Marzu 2007 għas-sena baġitarja 2006/2007 kienet projezzjonijiet tal-gvern, ir-Renju Unit issottometta notifika supplimentari fil-kuntest tal-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv tagħha. Din, riċevuta fis-16 ta’ Lulju 2007, tirrapporta r-riżultati attwali għall-2006/2007, li ppermettew lill-Kummissjoni tivvaluta l-iżviluppi baġitarji fir-Renju Unit fid-dawl tar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill li tinġieb fi tmiemha l-qagħda ta’ żbilanċ eċċessiv sa mhux aktar tard mill-2006/2007.

    (5)

    Abbażi tad-dejta pprovduta mill-Kummissjoni (Eurostat) skond l-Artikolu 8 g(1) tar-Regolament (KE) Nru 3605/93 wara n-notifika tas-16 ta’ Lulju 2007 mir-Renju Unit u tat-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni tar-Rebbiegħa 2007, il-konklużjonijiet li ġejjin huma ġġustifikati:

    l-iżbilanċ pubbliku ġenerali tnaqqas minn 3,2 % tal-PGD fl-2005/2006 għal 2,7 % fl-2006/2007, li huwa taħt il-valur ta’ referenza ta’ 3 % tal-GDP. Dan huwa kemmxejn anqas mill-projezzjoni ta’ 2,8 % tal-PGD stabbilita fl-aġġornament ta’ Diċembru 2005 tal-programm ta’ konverġenza għar-Renju Unit.

    il-konsolidament fiskali fl-2006/2007 kien dovut għaż-żieda fil-proporzjon tad-dħul ta’ 0,4 punti perċentwali tal-PGD, speċjalment permezz ta’ taxxa tad-dħul tal-kumpaniji ogħla. In-nefqa totali tal-gvern bejn l-2005/2006 u l-2006/2007 kibret b’armonija mal-PGD nominali, minkejja li l-infiq kapitali kien anqas minn dak proġettat fil-programm ta’ konverġenza ta’ Diċembru 2006 u li n-nefqa kurrenti kienet ogħla. Imqabbla ma’ l-2005/2006, li matulah l-inklużjoni ta’ transazzjoni ta’ darba naqqset l-iżbilanċ b’0,3 % tal-PGD, it-titjib fil-bilanċ strutturali (jiġifieri, il-bilanċ aġġustat ċiklikament nett minn miżuri ta’ darba u oħrajn temporanji) fl-2006/2007 kien stmat 0,7 % tal-PGD.

    għall-2007/2008, f’armonija mal-projezzjoni ta’ l-iżbilanċ ippublikata fl-Estimi Finanzjarji ta’ Marzu 2007, it-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni tar-Rebbiegħa 2007 ipproġetta li l-iżbilanċ jitnaqqas aktar, għal 2,6 % tal-PGD, xprunat b’żieda fil-proporzjon tad-dħul, speċifikament fil-piż tat-taxxa, li madankollu huwa kważi kompletament ikkumpensat minn żieda fil-proporzjon tan-nefqa. Dan il-proporzjon ta’ l-iżbilanċ huwa ogħla mill-projezzjonijiet uffiċjali ta’ l-iżbilanċ ta’ 2,3 % tal-PGD stipulati fl-aġġornament ta’ Diċembru 2006 fil-programm ta’ konverġenza, minħabba reviżjoni negattiva fid-dħul mit-taxxa tal-kumpaniji. Għall-2008/2009, it-tbassir tar-Rebbiegħa jipproġetta, abbażi ta’ l-ebda bidla fil-politika, aktar tnaqqis fl-iżbilanċ għal 2,4 % tal-PGD. Dan il-profil jindika li l-iżbilanċ tnaqqas taħt il-livell massimu ta’ 3 % tal-PGD b’mod kredibbli u sostenibbli. F’termini strutturali, l-iżbilanċ pubbliku ġenerali huwa stmat li jonqos b’0,2 punti perċentwali tal-PGD fl-2007/2008 u, abbażi ta’ l-ebda bidla fil-politika, b’0,3 punti perċentwali fl-2008/2009. Dan jindika rotta pjuttost modesta għall-konsolidament futur fid-dawl ta’ tbassir ta’ kuntest ekonomiku favorevoli.

    id-dejn tal-gvern żdied minn 39,6 % tal-PGD fl-2004/2005 għal 42,5 % fl-2006/2007. Skond it-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni tar-Rebbiegħa 2006, il-proporzjon tad-dejn huwa mistenni li jiżdied għal madwar 43,9 % sa tmiem Marzu 2009, imma jibqa’ sew taħt il-valur ta’ referenza ta’ 60 % tal-PGD. Sabiex tiġi mwaggfa ż-żieda fil-proporzjon tad-dejn, huwa meħtieġ tisħiħ tal-qagħda fiskali lil hinn minn dak previst għall-2008/2009.

    (6)

    Fil-fehma tal-Kunsill, l-iżbilanċ eċċessiv fir-Renju Unit ġie korrett u d-Deċiżjoni 2006/125/KE għandha għalhekk titħassar,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Minn valutazzjoni kumplessiva jirriżulta li s-sitwazzjoni ta’ żbilanċ eċċessiv fir-Renju Unit ġiet korretta.

    Artikolu 2

    Id-Deċiżjoni 2006/125/KE hija b’dan imħassra.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq.

    Magħmul fil-Lussemburgu, 9 ta’ Ottubru 2007.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    F. TEIXEIRA DOS SANTOS


    (1)  ĠU L 51, 22.2.2006, p. 14.

    (2)  Skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97, id-dejta baġitarja rilevanti għar-Renju Unit hija stabbilita fit-termini ta’ sena baġitarja (jiġifieri, sena finanzjarja), mill-1 ta’ April sal-31 ta’ Marzu.

    (3)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1056/2005 (ĠU L 174, 7.7.2005, p. 5).

    (4)  ĠU L 332, 31.12.1993, p. 7. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2103/2005 (ĠU L 337, 22.12.2005, p. 1).


    Top