This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32007D0706
2007/706/EC: Commission Decision of 29 October 2007 exempting the production and sale of electricity in Sweden from the application of Directive 2004/17/EC of the European Parliament and of the Council of 31 March 2004 coordinating the procurement procedures of entities operating in the water, energy, transport and postal services sectors (notified under document number C(2007) 5197) (Text with EEA relevance)
2007/706/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad- 29 ta’ Ottubru 2007 li teżenta l-produzzjoni u l-bejgħ ta’ l-elettriku fl-Iżvezja mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 31 ta’ Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi ta’ l-ilma, l-enerġija, t-trasport u dak postali (notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 5197) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)
2007/706/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad- 29 ta’ Ottubru 2007 li teżenta l-produzzjoni u l-bejgħ ta’ l-elettriku fl-Iżvezja mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 31 ta’ Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi ta’ l-ilma, l-enerġija, t-trasport u dak postali (notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 5197) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)
ĠU L 287, 1.11.2007, p. 18–22
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
1.11.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 287/18 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tad-29 ta’ Ottubru 2007
li teżenta l-produzzjoni u l-bejgħ ta’ l-elettriku fl-Iżvezja mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi ta’ l-ilma, l-enerġija, t-trasport u dak postali
(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 5197)
(It-test bl-Iżvediż biss huwa awtentiku)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
(2007/706/KE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi ta’ l-ilma, l-enerġija, t-trasport u dak postali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 30(4) u (6) tagħha,
Wara li kkunsidrat it-talba sottomessa mir-Renju ta’ l-Iżvezja permezz tal-posta elettronika fid-29 ta’ Ġunju 2007,
Wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv għall-Kuntratti Pubbliċi,
Billi:
I. Il-fatti
(1) |
Fid-29 ta’ Ġunju 2007, l-Iżvezja bagħtet talba skond l-Artikolu 30(4) tad-Direttiva 2004/17/KE lill-Kummissjoni bil-posta elettronika. Fl-20 ta’ Lulju 2007, il-Kummissjoni talbet, permezz tal-posta elettronika, għal informazzjoni addizzjonali li, wara proroga ta’ l-iskadenza inizjali, intbagħtet bil-posta elettronika mill-awtoritajiet Żvediżi fis-17 ta’ Awwissu 2007. |
(2) |
It-talba ppreżentata mir-Renju ta’ l-Iżvezja tikkonċerna l-produzzjoni u l-bejgħ (bl-ingrossa u bl-imnut) ta’ l-elettriku. |
(3) |
It-talba hija akkumpanjata mill-konklużjonijiet ta’ l-awtorità nazzjonali indipendenti, Konkurrensverket (l-Awtorità Żvediża għall-Kompetizzjoni), li l-kundizzjonijiet għall-applikabilità ta’ l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE se jiġu rispettati. |
II. Qafas ġuridiku
(4) |
L-Artikolu 30 tad-Direttiva 2004/17/KE jistipula li l-kuntratti maħsuba biex jippermettu t-twettiq ta’ waħda mill-attivitajiet li għalihom tapplika d-Direttiva ma għandhomx ikunu suġġetti għad-Direttiva jekk, fl-Istat Membru li fih titwettaq, l-attività hija esposta direttament għal kompetizzjoni fuq swieq li għalihom l-aċċess m’huwiex ristrett. L-esponiment dirett għall-kompetizzjoni għandu jiġi vvalutat fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi, waqt li jitqiesu l-karatterisitiċi speċifiċi tas-settur konċernat. L-aċċess jitqies li jkun mhux ristrett jekk l-Istat Membru jkun implimenta u applika l-leġiżlazzjoni Komunitarja rilevanti li tiftaħ settur partikolari jew parti minnu. Din il-leġiżlazzjoni hija elenkata fl-Anness XI tad-Direttiva 2004/17/KE, li, fil-qasam ta’ l-elettriku, tirreferi għad-Direttiva 96/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 1996 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern ta’ l-elettriku (2). Id-Direttiva 96/92/KE ġiet sostitwita bid-Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2003 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam ta’ l-elettriku u li tħassar id-Direttiva 96/92/KE (3), li tirrikjedi grad saħansitra ogħla ta’ ftuħ tas-suq. |
(5) |
L-Iżvezja implimentat u applikat mhux biss id-Direttiva 96/92/KE iżda wkoll id-Direttiva 2003/53/KE u għażlet is-separazzjoni totali tal-proprjetà għan-netwerks ta’ trażmissjoni u s-separazzjoni ġuridika u funzjonali tan-netwerks tad-distribuzzjoni għajr għall-iżgħar kumpaniji, li huma eżenti mir-rekwiżiti tas-separazzjoni funzjonali. Konsegwentement, u f’konformità ma’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 30(3), għandu jiġi kkunsidrat li l-aċċess għas-suq mhux ristrett. |
(6) |
L-esponiment dirett għall-kompetizzjoni għandu jiġi evalwat fuq il-bażi ta’ indikaturi varji, li l-ebda wieħed minnhom ma hu deċiżiv fih innifsu. Fir-rigward tas-swieq ikkonċernati minn din id-deċiżjoni, is-sehem tas-suq tal-parteċipanti ewlenin f’suq partikolari jikkostitwixxi kriterju li għandu jitqies. Kriterju ieħor huwa l-livell tal-konċentrazzjoni f’dawk is-swieq. Fid-dawl tal-karatteristiċi tas-swieq ikkonċernati, għandhom jitqiesu kriterji ulterjuri bħalma huma l-livell ta’ likwidità, il-funzjonament tas-suq ta’ bilanċ, il-kompetizzjoni fuq il-prezzijiet u l-grad ta’ bdil tal-fornitur. |
(7) |
Din id-Deċiżjoni hija bla ħsara għall-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni. |
III. Valutazzjoni
(8) |
It-talba ppreżentata mill-Iżvezja tikkonċerna l-produzzjoni kif ukoll il-bejgħ (bl-ingrossa u bl-imnut) ta’ l-elettriku. |
(9) |
Is-suq ta’ l-elettriku bl-ingrossa fl-Iżvezja huwa fil-biċċa l-kbira tiegħu integrat fis-suq Nordiku ta’ l-enerġija li jikkonsisti mid-Danimarka, in-Norveġja, l-Iżvezja u l-Finlandja. Dan jikkonsisti f’suq kummerċjali bilaterali bejn il-produtturi fuq naħa u l-fornituri u l-kumpaniji industrijali fuq in-naħa l-oħra, u borża volontarja ta’ l-enerġija tal-pajjiżi Nordiċi, imsejħa “Nord Pool” li għandha suq immedjat u suq fuq terminu ta’ żmien twil. Dan u l-istruttura tas-suq integrata tan-“Nord Pool” (4) juru li jeżisti żvilupp ċar lejn il-ħolqien ta’ suq reġjonali Nordiku bl-ingrossa. Madankollu, jeżistu ostakli fit-trażmissjoni (konġestjoni) li xi kultant jaqsmu ż-żona Nordika f’sitt żoni tariffarji ġeografikament distinti, l-Iżvezja hi waħda minnhom. L-Iżvezja għandha ħames kollegamenti prinċipali bejn in-netwerks tagħha u dawk f’postijiet oħra taż-Żona Ekonomika Ewropea (Danimarka tal-Punent – Żvezja, Danimarka tal-Lvant – Żvezja, Żvezja – Norveġja tan-Nofsinhar, Żvezja – Norveġja tat-Tramuntana u Żvezja – Finlandja). Fl-2005, l-aktar kollegament konġestjonat minn fost dawn il-ħamsa dam ikkonġestjonat għal 52 % tal-ħin u l-anqas ikkonġestjonat għal 8 % tal-ħin (5). Madankollu, huwa rari li dan iseħħ simultanjament fil-ħames kollegamenti kollha. Għalhekk, skond l-awtoritajiet Żvediżi, l-Iżveżja kkostitwiet żona tariffarja totalment separata, li jfisser li ma kellha ebda kollegament ma’ ebda żona tariffarja oħra, matul 0.5 % tal-ħin fl-2005. Barra minn hekk, wara ħarsa ġenerali ta’ l-għadd ta’ żoni kollegati ma’ l-Iżvezja mill-2001, jirriżulta li l-Iżvezja kienet kollegata ma’ talanqas 4 mis-6 żoni tariffarji l-oħra ta’ dak iż-żmien – in-Norveġja kienet maqsuma fi tliet żoni u mhux fi tnejn kif inhu attwalment – fi 82.4 % tal-ħin (6). Konsegwentement, u skond il-prassi preċedenti tal-Kummissjoni (7), il-kwistjoni dwar jekk is-suq jikkostitwixxix wieħed nazzjonali jew reġjonali se titħalla miftuħa billi r-riżultat ta’ l-analiżi jibqa’ l-istess sew jekk huwa bbażat fuq definizzjoni dejqa jew fuq waħda usa’. |
(10) |
Essenzjalment għall-istess raġunijiet, għall-każ tal-produzzjoni ta’ l-elettriku, jeżisti żvilupp ċar lejn suq reġjonali Nordiku, għalkemm ostakli ta’ trażmissjoni u limiti għall-kapaċitajiet – madwar 24 % tal-kapaċità produttiva installata fl-Iżvezja – tal-kollegamenti bejn in-netwerks Żvediżi u dawk ta’ żoni oħra taż-Żona Ekonomika Ewropea jistgħu jkollhom l-effett li jirrestrinġu temporanjament is-suq għat-territorju ta’ l-Iżvezja. F’dan il-każ ukoll, il-kwistjoni dwar jekk is-suq jikkostitwixxix wieħed nazzjonali jew reġjonali se titħalla miftuħa billi r-riżultat ta’ l-analiżi jibqa’ l-istess sew jekk huwa bbażat fuq definizzjoni dejqa nkella fuq waħda usa’. |
(11) |
Kif ikkonfermaw l-awtoritajiet Żvediżi, is-suq bl-imnut jikkorrispondi għat-territorju ta’ l-Iżvezja, minħabba, fost affarijiet oħra, differenzi fit-tassazzjoni u r-regoli għal responsabilità bbilanċjata bejn il-pajjiżi Nordiċi. Barra minn hekk, il-Konkurrensverket tistqarr b’mod espliċitu li s-suq bl-imnut “huwa nazzjonali, primarjament minħabba li bosta ostakli tekniċi u regolatorji jipprevjenu lill-utent finali milli jixtri l-elettriku minn intermedjarji tas-settur enerġetiku f’pajjiżi oħra”. |
(12) |
Fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew: Rapport dwar il-progress fil-ħolqien tas-suq intern tal-gass u l-elettriku (8), minn issa ‘l quddiem imsejjaħ ir-“Rapport ta’ l-2005”, il-Kummissjoni stqarret li “ħafna swieq nazzjonali juru grad għoli ta’ konċentrazzjoni ta’ l-industrija, li jtellef l-iżvilupp ta’ kompetizzjoni effettiva” (9). Minħabba dan, huwa kkunsidrat li, fir-rigward tal-produzzjoni ta’ l-elettriku, “indikatur wieħed għall-grad ta’ kompetizzjoni fis-swieq nazzjonali huwa s-sehem totali tas-suq ta’ l-ikbar tliet produtturi (10)” Skond l-“Anness Tekniku” (11), is-sehem tas-suq aggregat tat-tliet produtturi l-kbar tal-produzzjoni totali fiż-żona Nordika hi ta’ 40 % (12), %, li hu livell baxx b’mod sodisfaċenti. Jekk ikkalkolati fil-konfront tat-territorju Żvediż, l-ishma tas-suq aggregati tat-tliet l-akbar produtturi huma, naturalment, ogħla b’86.7 % (13) fl-2004. Madankollu, il-perjodi li fihom is-suq Żvediż huwa iżolat huma limitati għal 0.5 % tal-ħin fl-2005 (14). Għalhekk, matul parti sinifikanti tas-sena teżisti pressjoni kompetittiva fuq is-suq Żvediż imnissla mill-potenzjal li l-elettriku jiġi impurtat minn barra t-territorju Żvediż, aktar u aktar peress li l-ebda ħlas ta’ trażmissjoni ma hu mħallas bejn il-pajjiżi Nordiċi. Il-kollegamenti bejn l-Iżvezja u żoni tariffarji oħra li sikwit ma jkunux konġestjoni jiggarantixxu li l-investiment fis-settur ta’ l-elettriku fit-territorju Żvediż ma jistax isir mingħajr ma jitqiesu produtturi oħra fis-suq Nordiku. Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dawn l-fatturi, għandu jiġu konkluż li s-suq tal-produzzjoni huwa direttament espost għall-kompetizzjoni, sew jekk jitqies is-suq nazzjonali Żvediż sew jekk jitqies is-suq reġjonali li qed jinbet. |
(13) |
Il-livelli ta’ konċentrazzjoni u ta’ likwidità huma wkoll indikaturi tajba tal-kompetizzjoni fis-suq bl-ingrossa ta’ l-elettriku. Fuq livell reġjonali, 42.82 % tal-konsum ta’ l-elettriku fil-pajjiżi Nordiċi nbiegħ permezz tan-Nord Pool Spot AS – il-borża volontarja ta’ l-enerġija tal-pajjiżi Nordiċi deskritta fil-premessa 9 – fl-2004 - 2005 (15) Skond ir-Rapport Finali, dwar dak it-tip ta’ borża ta’ l-enerġija “il-konċentrazzjoni fil-produzzjoni ssib […] espressjoni diretta f’konċentrazzjoni pjuttost stabbli u ekwivalenti (16) fil-boroż ta’ l-enerġija.” (17) Għat-tliet l-akbar produtturi taż-żona Nordika, dan jammonta għal 40 % (18), għal suq reġjonali, dan huwa livell sodisfaċenti. Jekk ikkalkolati fil-konfront tas-suq Żvediż waħdu, l-ishma tas-suq aggregati tat-tliet l-akbar operaturi fis-suq bl-ingrossa huma, naturalment, ogħla b’86 % (19) fl-2006. Madankollu, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li teżisti kompetizzjoni bejn it-tliet l-akbar operaturi bl-ingrossa fis-suq Żvediż u bosta oħrajn iżgħar. Barra minn hekk, fir-rigward tal-kollegament maż-żona Nordika, għandu jiġi enfasizzat mill-ġdid li l-ostakli msemmija hawn fuq (konġestjoni) mhumiex kostanti, iżda biss temporanji. Għalhekk, teżisti pressjoni kompetittiva esterna frekwenti, flimkien ma’ dik interna, fis-suq Żvediż imnissla mill-potenzjal li l-elettriku jinkiseb minn barra t-territorju Żvediż. Aktar u aktar peress li l-Iżvezja hija t-tielet l-akbar importatur nett ta’ elettriku fl-UE f’termini ta’ perċentwal tal-konsum nazzjonali tagħha (20) u l-ebda ħlas ta’ trażmissjoni mhu mħallas bejn il-pajjiżi Nordiċi. Ta’ min wieħed jinnota wkoll li l-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni fil-kummerċ bl-ingrossa ta’ l-elettriku huma wkoll influwenzati b’mod qawwi mill-kummerċ finanzjarju marbut ma’ l-elettriku fiż-żona tas-suq ikkonċernata, li, f’termini ta’ volum innegozjati permezz tan-Nord Pool, jirrappreżentaw madwar id-doppju tal-kwantità kkonsmata fil-pajjiżi Nordiċi fl-2005 (21) (’il fuq minn ħames darbiet ta’ din il-kwantità jekk jitqiesu wkoll tranżazzjonijiet oħra, bħat-tranżazzjonijiet barra mill-borża (OTC) jew l-bejgħ dirett) (22). Fl-Anness Tekniku (23), dan il-livell ta’ likwidità ġie kkunsidrat bħala sodisfaċenti, jiġifieri bħala indikatur ta’ suq kompetittiv u li jaħdem sew. Minħabba r-rabta qawwija li teżisti bejn is-suq bl-ingrossa Żvediża u s-suq Nordiku, dan il-livell ta’ likwidità għandu jitqies ukoll bħala wieħed li jeżerċita pressjoni kompetittiva fuq is-suq Żvediż. Ir-Rapport Finali jikklassifika n-Nord Pool fost is-“swieq bl-ingrossa ta’ l-elettriku l-aktar likwidi u effiċjenti” (24). Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dawn l-fatturi, għandu jiġu konkluż li s-suq bl-ingrossa huwa direttament espost għall-kompetizzjoni, sew jekk jitqies is-suq nazzjonali Żvediż sew jekk jitqies is-suq reġjonali li qed jinbet. |
(14) |
Fid-dawl tad-daqs tal-pajjiż, huwa kemmxejn għoli kemm l-għadd ta’ operaturi ekonomiċi preżenti fis-suq bl-imnut (25) (madwar 130, skond l-awtoritajiet Żvediżi, ħafna minnhom joffru s-servizzi tagħhom fit-territorju nazzjonali kollu tagħhom) kif ukoll l-għadd ta’ kumpaniji b’sehem tas-suq ogħla minn 5 %. Fl-aħħar ta’ l-2004, is-sehem tas-suq aggregat ta’ l-akbar tliet kumpaniji f’termini ta’ provvista lill-kategoriji kollha ta’ utenti (utenti industrijali kbar, impriżi żgħar u ta’ daqs medju u klijenti kummerċjali żgħar ħafna u utenti domestiċi) huwa ta’ 50 %, livell sodisfaċentement baxx (26). Skond l-informazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet Żvediżi, l-ishma aggregati tat-tliet l-akbar kumpaniji fis-suq bl-imnut Żvediż ammontaw għal 43 % f’termini ta’ numru ta’ klijenti fl-2006. Fid-dawl ta’ dawn il-fatturi, għandu jiġi konkluż li s-suq huwa direttament espost għall-kompetizzjoni. |
(15) |
Barra minn dan, il-funzjonament tas-swieq ta’ bilanċ għandu wkoll ikun kkunsidrat bħala indikatur, mhux biss fir-rigward tal-produzzjoni iżda wkoll għas-swieq bl-ingrossa u bl-imnut. Fil-fatt, “kull parteċipant tas-suq li ma jsibhiex faċli li jadatta l-produzzjoni tiegħu mal-karatteristiċi tal-klijenti tiegħu jissogra li jsib ruħu penalizzat mid-differenza bejn il-prezz li bih l-operatur tas-sistemi ta’ trażmissjoni [minn hawn ’il quddiem TSO – transmission system operator] ibigħ l-enerġija żbilanċjata, u l-prezz li bih jixtri lura l-produzzjoni żejda. Dawn il-prezzijiet jistgħu jkunu jew imposti direttament mir-regolatur fuq it-TSO; jew inkella, iffissati permezz ta’ mekkaniżmu bbażat fuq is-suq, li fih il-prezz jiġi ddeterminat mill-offerti ta’ produtturi oħrajn li jirregolaw il-produzzjoni tagħhom ’il fuq jew ’l isfel […]. Il-parteċipanti ż-żgħar jiltaqgħu ma’ diffikultajiet partikolari f’każ ta’ riskju li l-differenza bejn il-prezz tax-xiri mit-TSO u il-prezz tal-bejgħ tkun għolja. Dan jiġri f’għadd ta’ Stati Membri u x’aktarx ikun ta’ xkiel għall-iżvilupp tal-kompetizzjoni. Differenza kbira tista’ tindika livell insuffiċjenti ta’ kompetizzjoni fis-suq ta’ bilanċ li jista’ jkun iddominat minn produttur wieħed jew tnejn biss. Diffikultajiet ta’ din ix-xorta jaggravaw ruħhom meta l-utenti tan-netwerk mhumiex kapaċi jadattaw il-pożizzjoni tagħhom fi żmien kważi reali. (27)” Fiż-żona tal-pajjiżi Nordiċi jeżisti suq ta’ bilanċ integrat għall-provvista ta’ enerġija ta’ bilanċ u l-karatteristiċi ewlenin ta’ dan is-suq – prezzijiet ibbażati fuq is-suq, għeluq kull siegħa, jiġifieri l-possibilità għall-utenti tan-netwerk li jadattaw il-pożizzjonijiet tagħhom kull siegħa u differenza baxxa bejn il-prezz tax-xiri mit-TSO u l-prezz tal-bejgħ – huma tali li għandu jitqies bħala indikatur ta’ espożizzjoni diretta għall-kompetizzjoni. |
(16) |
Minħabba l-karatteristiċi tal-prodott ikkonċernat (l-elettriku) u l-iskarsezza jew l-indisponibilità ta’ prodotti jew servizzi sostituttivi adegwati, il-kompetizzjoni f’termini ta’ prezzijiet u l-formazzjoni tal-prezzijiet jassumu importanza akbar fil-valutazzjoni tal-grad ta’ kompetizzjoni tas-swieq ta’ l-elettriku. In-numru ta’ klijenti li jibdlu l-fornitur huwa indikatur ta’ kompetizzjoni ġenwina fil-prezz u, b’hekk, indirettament, “indikatur naturali għall-effikaċja tal-kompetizzjoni. Jekk dan in-numru huwa baxx, x’aktarx li hemm problema ta’ funzjonament tas-suq, anki jekk ma għandhomx jiġu injorati l-vantaġġi implikati mill-possibilità ta’ negozjar mill-ġdid mal-fornitur storiku (28)”. Barra minn hekk, “l-eżistenza ta’ prezzijiet regolati għall-utenti finali hija bla ebda dubju fattur determinanti ta’ l-imġiba ta’ l-klijentela […]. Minkejja li ż-żamma tal-kontrolli tista’ tiġi ġġustifikata f’perjodu ta’ tranżizzjoni, din l-għażla se tkompli tikkawża aktar distorsjonijiet hekk kif joqrob il-bżonn ta’ investimenti” (29). |
(17) |
Dokument tal-Persunal tal-Kummissjoni ta’ dan l-aħħar jistqarr li (30)“Il-bdil tal-fornitur hija prassi komuni fis-suq ta’ l-elettriku bl-imnut Żvediż. Mir-riforma tas-suq ta’ l-1996, total ta’ 54 % tal-klijenti ta’ l-elettriku nnegozjaw mill-ġdid il-kuntratti tagħhom jew biddlu l-fornitur tagħhom. Fuq livell ġenerali, il-kompetizzjoni fuq il-klijenti finali titqies li qiegħda taħdem.” (31) Barra minn dan, fl-Iżvezja ma jeżistix kontroll tal-prezzijiet għall-utenti finali (32), fi kliem ieħor, il-prezzijiet huma stabbiliti mill-operaturi ekonomiċi nfushom u mhux meħtieġ li jiġu approvati minn ebda awtorità qabel ma jiġu applikati. Is-sitwazzjoni fl-Iżvezja hi għalhekk sodisfaċenti fejn jidħlu l-bdil tal-fornitur u l-kontroll tal-prezzijiet għall-utenti finali u għandha titqies bħala indikatur ta’ l-espożizzjoni diretta għall-kompetizzjoni. |
IV. Konklużjonijiet
(18) |
Fid-dawl tal-fatturi eżaminati fil-premessi (8) sa (17), il-kundizzjoni ta’ espożizzjoni diretta għall-kompetizzjoni stabbilita fl-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE għandha titqies li ntlaħqet fir-rigward tal-produzzjoni u l-bejgħ (bl-ingrossa u bl-imnut) ta’ l-elettriku fl-Iżvezja. |
(19) |
Minbarra dan, ġaladarba l-kundizzjoni ta’ aċċess għas-suq mingħajr restrizzjonijiet titqies li ntlaħqet, id-Direttiva 2004/17/KE ma għandhiex tapplika meta entitajiet aġġudikanti jagħtu kuntratti maħsuba li jippermettu l-produzzjoni jew il-bejgħ (bl-ingrossa u bl-imnut) ta’ enerġija elettrika fl-Iżvezja, u lanqas meta jorganizzaw konkorsi għall-eżeċizzju ta’ din l-attività fl-Iżvezja. |
(20) |
Din id-Deċiżjoni hi bbażata fuq is-sitwazzjoni tad-dritt u tal-fatt ta’ Novembru 2007 kif tidher mill-informazzjoni sottomessa mir-Renju ta’ l-Iżvezja, mir-Rapport ta’ l-2005 u l-Anness Tekniku tiegħu, il-Komunikazzjoni ta’ l-2007 u d-Dokument tal-Persunal ta’ l-2007 kif ukoll mir-Rapport Finali. Din tista’ tiġi riveduta jekk, wara tibdiliet sinifikanti tas-sitwazzjoni tad-dritt jew tal-fatt, il-kundizzjonijiet ta’ applikabilità ta’ l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE mhumiex rispettati aktar. |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Id-Direttiva 2004/17/KE ma għandhiex tapplika għall-kuntratti mogħtija minn entitajiet aġġudikanti u maħsuba biex jippermettu l-produzzjoni jew il-bejgħ ta’ enerġija elettrika fl-Iżvezja.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju ta’ l-Iżvezja.
Magħmula fi Brussell, 29 ta’ Ottubru 2007.
Għall-Kummissjoni
Charlie McCREEVY
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 134, 30.4.2004, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni (KE) Nru 2006/97/KE tal-Kunsill (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 107).
(2) ĠU L 27, 30.1.1997, p. 20.
(3) ĠU L 176, 15.7.2003, p. 37.
(4) Ara p. 334, paragrafu A.2 5) ta’ COM(2006) 851 finali ta’ l-10.1.2007. Komunikazzjoni mill-Kummissjoni: Inkjesta skond l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 fis-setturi Ewropej tal-gass u ta’ l-elettriku, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “Rapport Finali”.
(5) Ara p. 333, paragrafu A.1, tabella ċ, tar-Rapport Finali.
(6) Punt 28 tal-kawża COMP/M.3867 Vettenfall/Elsam u E2 Assets tat-22.12.2005.
(7) Ara il-kawża diġà msemmija COMP/M.3867, punti 22-23, u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/422/KE tad-19 ta’ Ġunju 2006 li tistabbilixxi li l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi ta’ l-ilma, l-enerġija, it-trasport u dak postali japplika għall-produzzjoni u l-bejgħ ta’ l-elettriku fil-Finlandja, ħlief għall-Gżejjer Åland, ĠU L 168, 21.6.2006, p. 33. Ara wkoll f’dan is-sens ir-Rapport Finali, p. 334, paragrafu A.2.5.
(8) COM(2005) 568 finali, 15.11.2005.
(9) Ir-Rapport ta’ l-2005, p. 2.
(10) Ara r-Rapport ta’ l-2005, p. 7.
(11) Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, Anness Tekniku għar-Rapport ta’ l-2005, SEC(2005) 1448.
(12) P. 44, tabella 4.1, ta’ l-Anness Tekniku.
(13) Skond ir-Rapport Finali, Anness C, p. 338.
(14) Ara l-premessa 9.
(15) Ir-Rapport Finali, p. 126, paragrafu 380, tabella 16.
(16) L-enfasi nżdiedet għal finijiet ta’ qari mexxej.
(17) P. 141, paragrafu 424.
(18) P. 44, tabella 4.1, ta’ l-Anness Tekniku.
(19) Skond l-informazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet Żvediżi.
(20) Ir-Rapport Finali, p. 112, paragrafu 319.
(21) Ir-Rapport Finali, p. 127, paragrafu 383, tabella 17.
(22) Ir-Rapport Finali, p. 127, paragrafu 383, tabella 17.
(23) P. 44-45.
(24) P. 193, paragrafu 581.
(25) Meta mqabbel mal-fatt li fir-Renju Unit hemm sitt fornituri ewlenin attivi fis-suq ta’ l-utenti domestiċi kif ukoll kumpaniji oħra li jwettqu l-attivitajiet tagħhom fis-settur ta’ l-utenti kbar, ara id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/141/KE tas-26 ta’ Frar 2007 li tistabbilixxi li l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi ta’ l-ilma, l-enerġija, t-trasport u dak postali tapplika għall-provvista ta’ l-elettriku u ta’ gass fl-Ingilterra, l-Iskozja u Wales, (ĠU L 62, 1.3.2007, p. 23) filwaqt li l-għadd ta’ operaturi ekonomiċi fis-suq bl-imnut fil-Finlandja huwa ogħla minn 60, (ara d-Deċiżjoni 2006/422/KE msemmija hawn fuq).
(26) L-Anness Tekniku, p. 45.
(27) L-Anness Tekniku, p. 67-68.
(28) Ir-Rapport 2005, p. 9.
(29) L-Anness Tekniku, p. 17.
(30) SEC(2006) 1709, 10.1.2007“Dokument ta’ akkumpanjament mal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew: Prospettivi tas-suq intern tal-gass u ta’ l-elettriku – Rapport ta’ implimentazzjoni, COM(2006) 841 finali”. Minn hawn ’il quddiem, se ssir referenza għal dawn id-dokumenti bħala d-Dokument tal-Persunal ta’ l-2007 u l-Komunikazzjoni ta’ l-2007.
(31) Id-Dokument tal-Persunal ta’ l-2007, p. 158.
(32) L-Anness Tekniku, p. 124.