Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007D0640

2007/640/KE: Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ l- 10 ta’ Lulju 2007 li tistabbilixxi, skond l-Artikolu 104(8), li l-azzjoni meħuda mir-Repubblika Ċeka b’reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill skond l-Artikolu 104(7) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea qed tirriżulta inadegwata

ĠU L 260, 5.10.2007, pp. 13–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/640/oj

5.10.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 260/13


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

ta’ l-10 ta’ Lulju 2007

li tistabbilixxi, skond l-Artikolu 104(8), li l-azzjoni meħuda mir-Repubblika Ċeka b’reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill skond l-Artikolu 104(7) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea qed tirriżulta inadegwata

(2007/640/KE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 104(8) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Skond l-Artikolu 104 tat-Trattat, l-Istati Membri għandhom jevitaw defiċit eċċessiv tal-gvern.

(2)

Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir huwa msejjes fuq l-għan ta’ finanzi sodi tal-gvern bħala mezz sabiex jissaħħu l-kundizzjonijiet għall-istabbiltà fil-prezzijiet u għal tkabbir sostenibbli qawwi li jwassal għall-ħolqien ta’ l-impjiegi. Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir jinkludi r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura tad-defiċit eċċessiv (1) li kienet adottata sabiex tgħin il-korrezzjoni fil-pront tad-defiċits eċċessivi tal-gvern ċentrali.

(3)

Bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/185/KE (2), kien deċiż, wara rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 104(6) tat-Trattat, li kien jeżisti defiċit eċċessiv fir-Repubblika Ċeka.

(4)

Fil-5 ta’ Lulju 2004, skond l-Artikolu 104(7) tat-Trattat u l-Artikolu 3(4) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, il-Kunsill, bażat fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, adotta rakkomandazzjoni lill-awtoritajiet Ċeki bil-ħsieb li jwaqqfu d-defiċit eċċessiv kemm jista’ jkun malajr billi jieħdu azzjoni f’qafas ta’ terminu medju sabiex jilħqu l-għan tagħhom li d-defiċit jinġieb taħt 3 % tal-PGD sa l-2008 b’mod kredibbli u sostenibbli skond ir-rotta għat-tnaqqis tad-defiċit kif speċifikat fil-programm ta’ konverġenza sottomess mill-awtoritajiet f’Mejju 2004 u approvat fl-Opinjoni tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2004 dwar il-Programm ta’ Konverġenza tar-Repubblika Ċeka, 2004-2007 (3), b’dawn il-miri intermedji annwali li ġejjin: 5,3 % tal-PGD fl-2004, 4,7 % tal-PGD fl-2005, 3,8 % tal-PGD fl-2006, 3,3 % tal-PGD fl-2007. Il-Kunsill stabbilixxa l-iskadenza tal-5 ta’ Novembru 2004 sabiex tittieħed azzjoni effettiva “rigward il-miżuri maħsuba sabiex jilħqu l-mira tad-defiċit 2005”. Ir-Repubblika Ċeka qablet li tagħmel ir-rakkomandazzjoni pubblika

(5)

Wara li għalaq iż-żmien ta’ l-iskadenza tal-5 ta’ Novembru 2004, il-Kummissjoni kkonkludiet, fil-Komunikazzjoni tagħha lill-Kunsill ta’ l-14 ta’ Diċembru 2004 (4), li ma kienx hemm ħtieġa ta’ aktar passi għar-Repubblika Ċeka skond il-proċedura tad-defiċit eċċessiv peress li l-gvern Ċek kien ħa azzjoni effettiva rigward il-miżuri previsti biex tintlaħaq il-mira tad-defiċit għall-2005. L-aġġornament tal-programm ta’ konverġenza ta’ Novembru 2005 kien jindika defiċit ta’ 2,7 % tal-PGD għall-2008 li kien approvat mill-Kunsill fl-24 ta’ Jannar 2006.

(6)

Il-valutazzjoni ta’ l-azzjoni meħuda mir-Repubblika Ċeka sabiex tikkoreġi d-defiċit eċċessiv sa l-2008 b’reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill skond l-Artikolu 104(7) twassal għal dawn il-konklużjonijiet:

fil-15 ta’ Marzu 2007, ir-Repubblika Ċeka ssottomettiet l-aktar aġġornament riċenti tal-programm ta’ konverġenza, li jkopri l-perjodu sa l-2009. Il-programm kien jinkludi dawn il-projezzjonijiet annwali tad-defiċit li ġejjin: 4,0 % tal-PGD għall-2007, 3,5 % tal-PGD għall-2008 u 3,2 % tal-PGD għall-2009. Il-programm kien jinkludi wkoll “dikjarazzjoni tal-gvern il-ġdid” addizzjonali li timmira li tnaqqas id-defiċit ġenerali għal 3,2 % tal-PGD fl-2008 u 2,8 % tal-PGD fl-2009 ibbażati fuq firxa wiesgħa ta’ miżuri ta’ politika li għadhom mhux magħrufa;

it-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa 2007, li jipproġetta li d-defiċit se jilħaq 3,9 % tal-PGD u 3,6 % tal-PGD fl-2007 u fl-2008 rispettivament fuq il-bażi ta’ ebda tibdil fil-politika, jikkonferma li, skond il-politiki kurrenti, il-miri mfassla fir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill skond l-Artikolu 104(7) għall-2007 (3,3 % tal-PGD) u għall-2008 (taħt it-3 % tal-PGD) m’humiex se jintlaħqu. F’termini strutturali (jiġifieri f’termini aġġustati għaċ-ċiklu bl-esklużjoni tal-miżuri ta’ darba u oħrajn temporanji), id-defiċit għandu jitwessa’ b’ 1

Formula
punti perċentwali tal-PGD fl-2007, wara deterjorazzjonijiet kemm fl-2005 kif ukoll fl-2006.

id-defiċit ogħla ta’ l-2007 jaħbat kontra t-tkabbir wisq aktar b’saħħtu milli mistenni fiż-żmien tar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill u huwa prinċipalment kawża taż-żidiet fl-infiq soċjali deċiżi qabel l-elezzjonijiet parlamentari ta’ l-2006. Id-defiċit ogħla ta’ l-2007 huwa proġettat li jseħħ fl-isfond tad-defiċits wisq aktar baxxi fis-snin preċedenti milli mistenni fir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Dan kien ikkawżat prinċipalment minn tkabbir aħjar minn dak mistenni aktar milli tnaqqis li jdum fin-nefqa.

(7)

Dan iwassal għall-konklużjoni li, filwaqt li r-Repubblika Ċeka s’issa qabżet il-miri baġitarji għall-2004-2006 tar-rotta ta’ konsolidazzjoni kif ippjanat fir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2004, id-defiċit għall-2007 se jkun ’il fuq sew mill-mira ppjanata mill-Kunsill u d-defiċit ta’ l-2008 skond il-politiki kurrenti, se jeċċedi b’mod ċar il-livell ta’ 3 % tal-PGD. Il-miri baġitarji ta’ l-awtoritajiet Ċeki m’humiex skond ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill għal korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv sa l-iskadenza ta’ l-2008. Minn meta kienet adottata r-rakkomandazzjoni ma seħħ l-ebda avveniment ekonomiku negattiv li ma kienx mistenni b’konsegwenzi sfavorevoli maġġuri għall-finanzi tal-gvern kif imfisser fl-Artikolu 3(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97. Għall-kuntrarju, żviluppi fl-ekonomija rilevanti għall-finanzi pubbliċi kienu ħafna aktar favorevoli milli mistenni.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-azzjoni meħuda mir-Repubblika Ċeka b’reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2004 skond l-Artikolu 104(7) tat-trattat tirriżulta inadegwata biex tikkoreġi d-defiċit eċċessiv sad-data ta’ skadenza ffissata mir-Rakkomandazzjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ċeka.

Magħmul fi Brussell, 10 ta’ Lulju 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

J. SILVA


(1)   ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1056/2005 (ĠU L 174, 7.7.2005, p. 5).

(2)   ĠU L 62, 9.3.2005, p. 20.

(3)   ĠU C 320, 24.12.2004, p. 1.

(4)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill: L-azzjoni meħuda mir-Repubblika Ċeka, Ċipru, Malta, il-Polonja u s-Slovakkja b’reazzjoni għar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill skond il-proċedura tad-defiċit eċċessiv – SEG(2004) 1630, 22.12.2004.


Top