Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007D0574

    Deċiżjoni Nru 574/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 23 ta' Mejju 2007 li tistabbilixxi l-Fond għall-Fruntieri Esterni għall-perijodu mill-2007 sa l-2013 bħala parti mill-programm ġenerali Solidarjetà u Ġestjoni tal-Flussi ta' Migrazzjoni

    ĠU L 144, 6.6.2007, p. 22–44 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/574/oj

    6.6.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 144/22


    DEĊIŻJONI Nru 574/2007/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tat-23 ta' Mejju 2007

    li tistabbilixxi l-Fond għall-Fruntieri Esterni għall-perijodu mill-2007 sa l-2013 bħala parti mill-programm Ġenerali “Solidarjetà u Ġestjoni tal-Flussi ta' Migrazzjoni”

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 62, il-paragrafu (2) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

    Filwaqt li jaġixxu f'konformità mal-proċedura stabbilità fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),

    Billi:

    (1)

    Waqt li kull Stat Membru jikkontribwixxi għal livell għoli u uniformi ta' kontroll fuq persuni u ta' sorveljanza tal-fruntieri esterni ta' l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea fil-qafas ta' regoli komuni, uħud mill-Istati Membri iħabbtu wiċċhom ma' piż ikbar minn oħrajn.

    (2)

    Id-differenza fil-piż hija spjegata bis-sitwazzjonijiet differenti prevalenti fl-Istati Membri rigward il-ġeografija tal-fruntieri esterni tagħhom, in-numru ta' punti ta' qsim ta' fruntieri awtorizzati u operattivi, il-livell tal-pressjoni ta' migrazzjoni, kemm legali u illegali, ir-riskji u t-theddid li dawn jiltaqgħu magħhom, u fl-aħħarnett il-piż tal-ħidma tas-servizzi nazzjonali fir-rigward ta' eżami ta' l-applikazzjonijiet għal viżi u l-ħruġ ta' viżi.

    (3)

    It-tqassim tal-piż bejn l-Istati Membri u l-Unjoni fil-ġestjoni tal-fruntieri esterni huwa wieħed mill-ħames komponenti tal-politika komuni għall-ġestjoni tal-fruntieri esterni, kif propost mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha tas-7 ta' Mejju 2002“Lejn ġestjoni integrata tal-fruntieri esterni ta' l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea” u approvata mill-Kunsill fil-“Pjan għal-ġestjoni tal-fruntieri esterni ta' l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea” ta' l-14 ta' Ġunju 2002.

    (4)

    Waqt li r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 tas-26 ta' Ottubru 2004, li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kooperazzjoni Operattiva mal-Fruntieri Esterni ta' l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea (4), jikkostitwixxi pass importanti lejn l-iżvilupp progressiv tad-dimensjoni operattiva tas-sistema Ewropea komuni integrata tal-ġestjoni tal-fruntieri, l-implimentazzjoni ta' standards effettivi u komuni għall-kontroll u s-sorveljanza tal-fruntieri esterni issejjaħ għal mekkaniżmu ta' solidarjetà finanzjarja tal-Komunità biex ikunu appoġġjati dawk l-Istati Membri li jbatu, għall-ġid tal-Komunità, piż finanzjarju tqil u dewwiemi.

    (5)

    Il-corpus komuni tal-leġislazzjoni kif definit partikolarment bir-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta' persuni minn naħa għal oħra tal-fruntieri (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen) (5), jipprovdi għall-kontrolli tal-fruntieri biex jgħinu fil-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali u t-traffikar ta' bnedmin u biex jimpedixxi kwalunkwe theddida għas-sigurtà interna ta' l-Istati Membri filwaqt li fl-istess ħin jipprevedi li jsiru kontrolli b'tali mod li tiġi rispettata bis-sħiħ id-dinjità umana.

    (6)

    Il-Fond għall-Fruntieri Esterni (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Fond”) għandu jesprimi solidarjetà permezz ta' assistenza finanzjarja lil dawk l-Istati Membri li japplikaw id-dispożizzjonijiet ta' Schengen dwar il-fruntieri esterni.

    (7)

    Tali assistenza finanzjarja għandha tkun strutturata b'tali mod biex isservi bħala pont mal-kontribuzzjonijiet finanzjarji ta' l-imgħoddi ta' l-Unjoni Ewropea lill-Istati Membri li, fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni, ma jkunux għadhom qed japplikaw id-dispożizzjonijiet kollha ta' l-acquis ta' Schengen, mingħajr, madankollu, ma tikkostitwixxi sempliċiment kontinwazzjoni ta' l-azzjonijiet finanzjati qabel minn sorsi oħrajn koperti mill-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea. F'każijiet bħal dawn, il-Fond għandu jassisti lil dawk l-Istati Membri li jkunu qed iħejju għal parteċipazzjoni sħiħa mill-aktar fis, b'mod konformi mal-Programm ta' the Hague ta' l-4 u tal-5 ta' Novembru 2004.

    (8)

    Barra minn hekk, il-Fond għandu jqis is-sitwazzjonijiet speċifiċi, bħalma huma t-transitu fuq l-art ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkollhom ta' bilfors jaqsmu l-fruntieri ta' Stat Membru wieħed jew aktar biex jivvjaġġaw bejn żewġ partijiet tal-pajjiż tagħhom stess li ġeografikament ma jkunux kontigwi, mhux biss fl-interess stess ta' l-Istat(i) Membru(i) ikkonċernat(i) iżda wkoll ta' l-Istati Membri kollha li neħħew il-kontrolli fuq il-fruntieri interni tagħhom. F'dawn il-każijiet, l-azzjonijiet li għandhom ikunu ffinanzjati għandhom ikunu definiti b'mod eżawrjenti u l-allokazzjonijiet tar-riżorsi għandhom ikunu determinati abbażi ta' valutazzjoni fattwali tal-ħtiġijiet f'rabta ma' dawk l-azzjonijiet.

    (9)

    Sabiex jiġi żgurat kontroll uniformi u ta' livell għoli tal-fruntieri esterni u tat- traffiku trans-konfinali flessibbli l-Fond għandu jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' sistema Ewropea komuni u integrata tal-ġestjoni tal-fruntieri li tinkludi l-miżuri kollha relatati ma' politika, leġislazzjoni, kooperazzjoni sistematika, distribuzzjoni tal-piż, persunal, tagħmir u teknoloġija meħudin f'livelli differenti mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri, li jaġixxu f'kooperazzjoni u fejn meħtieġ flimkien ma' atturi oħrajn bl-użu inter alia tal-mudell b' erba' livelli ta' sigurtà tal-fruntieri u analiżi integrata tar-riskju ta' l-Unjoni Ewropea.

    (10)

    Skond il-Protokoll Nru 5 tat-Trattat ta' Adeżjoni ta' l-2003 (6) dwar it-transitu ta' persuni bl-art bejn ir-reġjun ta' Kaliningrad u partijiet oħrajn tal-Federazzjoni Russa, l-Fond għandu jagħmel tajjeb għal kull spiża addizzjonali magħmula fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjoni speċifika ta' l-acquis li tkpori tali transitu.

    (11)

    Komplimentari għall-kooperazzjoni operattiva żviluppata taħt il-patroċinju ta' l-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kooperazzjoni Operattiva mal-Fruntieri Esterni ta' l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea stabbilita mir-Regolament (KE) Nru 2007/2004 (min hawn 'il quddiem imsejħa “l-Aġenzija”) u b'mod addizzjonali għall-allokazzjoni tal-fondi lill-Istati Membri, il-Fond għandu jintroduċi wkoll il-possibbiltà għal rispons Komunitarju għal djufijiet fil-punti strateġiċi tal-fruntiera billi jiffinanza konġuntament azzjonijiet speċifiċi biex jiġu ndirizzati dawk id-djufijiet, abbażi ta' ammont speċifiku mwarrab kull sena għal tali-azzjonijiet.

    (12)

    Il-Fond għandu jinkludi appoġġ għal miżuri nazzjonali u kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-qasam tal-politika dwar il-viżi u attivitajiet oħra ta' qabel il-fruntieri, li għandhom jitwettqu fi stadju qabel ma jseħħu l-kontrolli fuq il-fruntieri esterni. It-tmexxija effiċjenti ta' attivitajiet organizzati mis-servizzi konsulari ta' l-Istati Membri f'pajjiżi terzi hija fl-interess tal-politika komuni dwar il-viżi, bħala parti minn sistema maqsuma f'diversi livelli li jkollha l-għan li tħaffef l-ivvjaġġar leġittimu u tittratta l-immigrazzjoni illegali lejn l-Unjoni Ewropea u tikkostitwixxi parti integrali mis-sistema Ewropea komuni integrata tat-tmexxija tal-fruntieri.

    (13)

    Fid-dawl tal-kamp ta' applikazzjoni u l-għan tal-Fond, m'għandu fl-ebda każ, jappoġġa azzjonijiet rigward żoni u ċentri għaż-żamma ta' persuni f'pajjiżi terzi.

    (14)

    Għandhom jiġu stabbiliti kriterji oġġettivi biex jiġu allokati riżorsi annwali disponibbli lill-Istati Membri. Dawn il-kriterji għandhom jiġu suddiviżi skond it-tip ta' fruntiera, b'kont meħud tal-fluss u l-livelli ta' theddid fil-fruntiera esterna ta' l-Istati Membri.

    (15)

    L-applikazzjoni ta' dawn il-kriterji għandha tiġi riveduta fl-2010 biex ikun jista' jittieħed kont ta' ċirkostanzi ġodda, inklużi partikolarment ċirkostanzi li jirriżultaw minn tibdil fil-fruntieri esterni nfushom.

    (16)

    Minħabba l-missjoni ta' l-Aġenzija li tassisti lill-Istati Membri biex jimplimentaw l-aspetti operattivi tal-ġestjoni tal-fruntieri esterni u biex din tiżviluppa komplementarjetà bejn il-missjoni tagħha stess u r-responsabbiltajiet ta' l-Istati Membri għall-kontroll u s-sorveljanza tal-fruntieri esterni, l-Aġenzija għandha tiġi kkonsultata mill-Kummissjoni dwar abbozzi ta' programmi pluriennali sottomessi mill-Istati Membri u dwar il-linji gwida strateġiċi mħejjija mill-Kummissjoni.

    (17)

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista' titlob lill-Aġenzija biex tagħti kontribut fil-valutazzjoni mill-Kummissjoni ta' l-impatt tal-Fond fuq l-iżvilupp tal-politika u l-leġislazzjoni fuq il-kontroll tal-fruntieri esterni, is-sinerġiji bejn il-Fond u x-xogħlijiet ta' l-Aġenzija, kif ukoll l-adegwatezza tal-kriterji biex iiġu allokati l-fondi bejn l-Istati Membri fid-dawl ta' l-objettivi segwiti mill-Unjoni Ewropea f'dan il-qasam.

    (18)

    Din id-Deċiżjoni hija mfassla biex tifforma parti minn qafas koerenti li jinkludi wkoll id-Deċiżjoni Nru 573/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Mejju 2007 li tistabbilixxi l-Fond Ewropew għar-Refuġjati għall-perijodu mill-2008 sa l-2013 bħala parti mill-programm ġenerali “Solidarjetà u Ġestjoni tal-Flussi ta' Migrazzjoni” (7), id-Deċiżjoni Nru 575/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Mejju 2007 li tistabbilixxi l-Fond Ewropew għar-Ritorn għall-perijodu mill-2008 sa l-2013 bħala parti mill-programm ġenerali “Solidarjetà u Ġestjoni tal-Flussi ta' Migrazzjoni” (8), u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007.../KE tal-... li tistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-Integrazzjoni ta' Ċittadini ta' Pajjiżi Terzi għall-perijodu mill-2007 sa l-2013 bħala parti mill-Programm Ġenerali “Solidarjetà u Ġestjoni tal-Flussi ta' Migrazzjoni” (9), li jimmira li jindirizza l-kwistjoni ta' qsim ġust tar-responsabbiltajiet bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-piż finanzjarju li jirriżulta mill-introduzzjoni ta' ġestjoni integrata tal-fruntieri esterni ta' l-Unjoni Ewropea u mill-implimentazzjoni ta' linji politiċi komuni dwar l-ażil u l-immigrazzjoni, kif żviluppati skond it-Titolu IV tal-Parti 3 tat-Trattat.

    (19)

    Il-parteċipazzjoni ta' Stat Membru f'dan il-Fond m'għandhiex tikkoinċidi mal-parteċipazzjoni tiegħu fi strument temporanju futur mfassal biex jgħin lil Stati Membri benefiċjarji jiffinanzjaw azzjonijiet fuq il-fruntieri esterni l-ġodda ta' l-Unjoni għall-implimentazzjoni ta' l-acquis ta' Schengen u l-kontroll fuq il-fruntieri esterni.

    (20)

    L-azzjonijiet appoġġati taħt dan il-Fond għandhom ikunu f'sinerġija ma' l-azzjonijiet appoġġati mill-istrumenti Komunitarji dwar l-assistenza esterna u jitwettqu fil-qafas tal-politika tar-relazzjonijiet esterni ta' l-Unjoni, partikolarment l-istrateġija għad-dimensjonijiet esterni taż-żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja.

    (21)

    L-appoġġ ipprovdut mill-Fond ikunu aktar effiċjenti u mmirat aħjar jekk il- finanzjament konġunt ta' azzjonijiet eliġibbli jkun ibbażat fuq programmar strateġiku pluriennali u mfassal minn kull Stat Membru fi djalogu mal-Kummissjoni.

    (22)

    Abbażi ta' linji gwida strateġiċi adottati mill-Kummissjoni, kull Stat Membru għandu jħejji dokument ta' programmar pluriennali li jieħu kont tas-sitwazzjoni speċifika u l-ħtiġijiet tiegħu u jistabbilixxi l-istrateġija ta' l-iżvilupp tiegħu li għandha tikkostitwixxi qafas għat-tħejjija ta' l-implimentazzjoni ta' l-azzjonijiet li għandhom jiġu elenkati fil-programmi annwali.

    (23)

    Skond il-metodi ta' implimentazzjoni, msemmija fl-Artikolu 53(1), punt (b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (10) (minn hawn 'l quddiem msejjaħ 'ir-Regolament Finanzjarju'), il-kondizzjonijiet li jippermettu lill-Kummissjoni teżerċita r-responsabbiltajiet tagħha għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni għandhom jiġu speċifikati, waqt li għandhom jiġu ċċarati l-obbligi għall-kooperazzjoni ta' l-Istati Membri. L-applikazzjoni ta' dawk il-kondizzjonijiet jippermetti lill-Kummissjoni tiżgura li l-Istati Membri jutilizzaw il-Fond b'mod leġittimu u korrett u skond il-prinċipju ta' ġestjoni finanzjarja soda fis-sens ta' l-Artikoli 27 u 48(2) tar-Regolment Finanzjarju.

    (24)

    L-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri adegwati biex jiggarantixxu tħaddim adegwat tas-sistema ta' ġestjoni u kontroll u l-kwalità ta' l-implimentazzjoni. Għal dan il-għan, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti l-prinċipji ġenerali u l-funzjonijiet meħtieġa li l-programmi kollha għandhom jissodisfaw.

    (25)

    Minħabba l-fatt li l-Fond jista' jappoġġa miżuri nazzjonali ta' Stat Membru biex jimplimenta d-dispożizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen, li jestendu minn kontroll tal-fruntieri esterni sa politika dwar il-viżi, f'livelli u postijiet differenti, jistgħu jkunu involuti diversi awtoritajiet ta' Stat Membru. Għalhekk l-Istati Membri għandhom jiġu permessi jaħtru diversi awtoritajiet taċ-ċertifika u tal-verifika jew awtoritajiet delegati sakemm hemm allokazzjoni ċara tal-funzjonijiet għal kull waħda minn dawn l-awtoritajiet.

    (26)

    Skond il-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità, l-Istati Membri għandu jkollhom ir-responsabbiltà primarja għall-implimentazzjoni u l-kontroll ta' l-interventi tal-Fond.

    (27)

    Għandhom jiġu speċifikati l-obbligi fuq l-Istati Membri fir-rigward tas-sistemi ta' ġestjoni u kontroll, iċ-ċertifikazzjoni tan-nefqa, u l-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-korrezzjoni ta' irregolaritajiet u ta' ksur tal-liġi tal-Komunità biex tkun garantita implimentazzjoni effiċjenti u korretta tal-programmi pluriennali u annwali tagħhom. B'mod partikolari, safejn huma konċernati l-ġestjoni u l-kontroll, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti l-modalitajiet li bihom l-Istati Membri jiżguraw li s-sistemi rilevanti jkunu stabbiliti u jaħdmu b'mod sodisfaċenti.

    (28)

    Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Kummissjoni fir-rigward tal-kontroll finanzjarju, il-koperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni f'dan il-qasam għandha tiġi inkoraġġita.

    (29)

    L-effettività u l-impatt ta' azzjonijiet appoġġati mill-Fond jiddependu wkoll mill-evalwazzjoni tagħhom u d-disseminazzjoni tar-riżultati tagħhom. Ir-responsabbiltajiet ta' l-Istati Membri u l-Kummissjoni f'dan ir-rigward, u l-arranġamenti biex tiġi żgurata l-affidabbiltà ta' l-evalwazzjoni u l-kwalità ta' l-informazzjoni relatata, għandhom jiġu formalizzati.

    (30)

    L-azzjonijiet għandhom jiġu evalwati bil-ħsieb ta' reviżjoni u valutazzjoni ta' l-impatt f'nofs it-terminu, u l-proċess ta' l-evalwazzjoni għandu jiġi inkorporat fl-arranġamenti ta' monitoraġġ tal-proġett.

    (31)

    Waqt li tinżamm preżenti l-importanza tal-viżibbiltà tal-finanzjament Komunitarju, il-Kummissjoni għandha tipprovdi gwida biex tiffaċilita r-rikonoxximent xieraq ta' l-appoġġ li jingħata minn kwalunkwe awtorità, organizzazzjoni mhux governattiva, organizzazzjoni internazzjonali jew entità oħra li tirċievi għotja minn dan il-Fond b'kont meħud tal-prattika fir-rigward ta' strumenti oħrajn taħt il-ġestjoni kondiviża, bħall-Fondi Strutturali.

    (32)

    Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi pakkett finanzjarju għad-dewmien sħiħ tal-programm, li għandu jkun il-punt ta' referenza ewlieni għall-awtorità tal-baġit matul il-proċedura baġitarja annwali, fi ħdan it-tifsira tal-punt 37 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja soda (11).

    (33)

    Billi l-objettiv ta' din id-Deċiżjoni, jiġifieri li jiġi appoġġat l-istabbiliment ta' sistema Ewropea komuni integrata tal-ġestjoni tal-fruntieri, li tkopri, inter alia, il-ġestjoni ta' attivitajiet organizzati mis-servizzi konsulari u oħrajn ta' l-Istati Membri f'pajjiżi terzi rigward il-flussi ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi fit-territorju ta' l-Istati Membri, ma jistgħax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għalhekk minħabba l-iskala u l-effetti ta' l-azzjoni dan jista' jinkiseb aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalitá, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq dan l-objettiv.

    (34)

    Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999, li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni (12).

    (35)

    Minħabba li l-miżura ta' din id-Deċiżjoni li għandha x'taqsam ma' l-adozzjoni ta' linji gwida strateġiċi għandha kamp ta' applikazzjoni ġenerali u huma mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' din id-Deċiżjoni, inter alia billi jitħassru wħud minn dawk l-elementi jew billi tiġi ssupplimentata din id-Deċiżjoni biż-żieda ta' elementi mhux essenzjali ġodda, għandha tiġi adottata skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju stabbilita fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE. Minħabba raġunijiet ta' effiċjenza, il-limiti ta' żmien normali applikabbli għall-proċedura regolatorja bi skrutinju għandhom jitqassru għall-adozzjoni tal-linji gwida strategiċi.

    (36)

    Sabiex jiġi żgurat li l-Fond jiġi implimentat fil-ħin, ċerti dispożizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni għandhom japplikaw mill-1 ta' Jannar 2007.

    (37)

    Dwar l-Islanda u n-Norveġja, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp ta' l-acquis ta' Schengen li jaqa' fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-Punt A u B tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta' Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim milħuq bejn il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn iż-żewġ Stati ma' l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta' l-acquis ta' Schengen (13).

    (38)

    Għandu jsir arranġament li jippermetti lil rappreżentanti ta' l-Islanda u n-Norveġja jkunu assoċjati mal-ħidma tal-kumitati li jassistu lill-Kummissjoni fl-eżerċizzju tas-setgħat implimentattivi tagħha. Tali arranġament ġie kkontemplat fil-Ftehima fil-forma ta' Skambji ta' Ittri bejn il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar kumitati li jassistu lill-Kummissjoni Ewropea fl-eżerċizzju tas-setgħat eżekuttivi tagħha (14), annessi mal-Ftehim imsemmi fil-Premessa 37.

    (39)

    Rigward l-Isvizzera, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen fis-sens tal-Ftehima iffirmata bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera fuq l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera ma' l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta' l-acquis ta' Schengen li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1(A) tad-Deċiżjoni 1999/437/KE qrat flimkien ma' l-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/860/KE (15) dwar l-iffirmar, f'isem il-Komunità Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja ta' ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim.

    (40)

    Għandu jsir arranġament li jippermetti lir-rappreżentanti ta' l-Isvizzera jkunu assoċjati mal-ħidma tal-kumitati li jassistu lill-Kummissjoni fl-eżerċizzju tas-setgħat implimentattivi tagħha. Tali arranġament ġie kkontemplat fi Skambju ta' Ittri bejn il-Komunità u l-Isvizzera, anness mal-Ftehim imsemmi fil-Premessa 39.

    (41)

    Biex ikunu stabbiliti r-regoli supplementari meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan l-istrument, għandu jintlaħaq ftehim bejn il-Komunità u l-Iżlanda, in-Norveġja u l-Isvizzera.

    (42)

    Skond l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, mehmuż mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka ma tieħux sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhix marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha. Minħabba li din id-Deċiżjoni tibni fuq l-acquis ta' Schengen taħt id-dispożizzjonijiet tat-Titolu IV tat-Tielet Parti tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka għandha, skond l-Artikolu 5 ta' l-imsemmi Protokoll, tiddeċiedi f'perijodu ta' sitt xhur minn wara d-data ta' adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni, jekk din tkunx ser timplimentaha fil-liġi nazzjonali tagħha.

    (43)

    Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen li fih ir-Renju Unit ma jiħux sehem, skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq biex dan jieħu sehem f'uħud mid-dispożizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen (16) u d-Deċiżjoni sussegwenti tal-Kunsill 2004/926/KE tat-22 ta' Diċembru 2004 dwar id-dħul b' effett ta' partijiet ta' l- acquis ta' Schengen mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq (17). Għalhekk ir-Renju Unit mhux qed jieħu sehem fl-adozzjoni tagħha u mhux marbut biha jew soġġett għall-applikazzjoni tagħha.

    (44)

    Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen li fih l-Irlanda ma tiħux sehem, skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2002 dwar it-talba ta' l-Irlanda biex din tkun tista' tieħu sehem f'uħud mid-dispożizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen (18). Għalhekk l-Irlanda mhux qed tieħu sehem fl-adozzjoni tagħha u mhix marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

    (45)

    B'mod konformi mat-tieni inċiż tal-paragrafu 2 ta' l-Artikolu 67 tat-Trattat, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/927/KE tat-22 ta' Diċembru 2004, li tipprovdi biex ċerti oqsma koperti mit-Titolu IV tal-Parti Tlieta tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea jiġu rregolati mill-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 ta' dak it-Trattat (19), irrendiet il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat applikabbli fl-oqsma koperti mill-Artikoli 62(1), (2)(a) u (3) u 63(2)(b) u (3)(b) tat-Trattat,

    ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

    KAPITOLU 1

    SUĠĠETT, OBJETTIVI U AZZJONIJIET

    Artikolu 1

    Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

    Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi għall-perijodu mill-1 ta' Jannar 2007 sal-31 ta' Diċembru 2013 il-Fond għall-Fruntieri Esterni (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Fond”) bħala parti minn qafas koerenti li jinkludi wkoll id-Deċiżjoni Nru 573/2007/KE, id-Deċiżjoni Nru 575/2007/KE, u d-Deċiżjoni2007/.../KE, sabiex tikkontribwixxi għat-tisħiħ taż-żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, u l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' solidarjetà bejn l-Istati Membri.

    Din id-Deċiżjoni tiddefinixxi l-objettivi li għalihom jikkontribwixxi l-Fond, l-implimentazzjoni tiegħu, ir-riżorsi finanzjarji disponibbli u l-kriterji ta' distribuzzjoni għall-allokazzjoni tar-riżorsi finanzjarji disponibbli.

    Hija tistabbilixxi r-regoli tat-tmexxija tal-Fond, inklużi reġoli finanzjarji, il-mekkaniżmi ta' monitoraġġ u kontroll ibbażati fuq il-tqassim tar-responsabbiltajiet bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-fini ta' din id-Deċiżjoni:

    1.

    “fruntieri esterni” tfisser il-fruntieri ta' l-Istati Membri fuq l-art, inklużi fruntieri ta' xmajjar u ta' lagi, fruntieri tal-baħar u l-ajruporti, portijiet tax-xmajjar, portijiet tal-baħar u portijiet tal-lagi tagħhom li għalihom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-liġi Komunitarja dwar il-qsim tal-fruntieri esterni, kemm jekk dawn il-fruntieri huma temporanji u kemm jekk le;

    2.

    “fruntieri esterni temporanji” tfisser:

    (a)

    il-fruntiera komuni bejn Stat Membru li jkun qed jimplimenta b'mod sħiħ l-acquis ta' Schengen u Stat Membru marbut li japplika l-acquis ta' Schengen b'mod sħiħ, f'konformità ma' l-Att ta' l-Adeżjoni tiegħu, iżda fejn id-Deċiżjoni relevanti tal-Kunsill li tawtorizzah japplika b'mod sħiħ dak l-acquis ma tkunx daħlet fis-seħħ;

    (b)

    il-fruntiera komuni bejn żewġ Stati Membri marbuta li japplikaw l-acquis ta' Schengen b'mod sħiħ, f'konformità ma' l-Atti ta' l-Adeżjoni rispettivi tagħom, iżda fejn id-Deċiżjoni relevanti tal-Kunsill li tawtorizzahom biex japplikaw b'mod sħiħ dak l-acquis tkun għadha ma daħlitx fis-seħħ;

    3.

    “punt ta' qsim tal-fruntiera” tfisser kwalunkwe punt ta' qsim awtorizzat mill-awtoritajiet kompetenti għall-qsim tal-fruntieri esterni kif notifikat b'mod konformi ma' l-Artikolu 34(2) tar-Regolament (KE) Nru 562/2006;

    4.

    “Aġenzija” tfisser l-Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija tal-Kooperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni ta' l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea kif stabbilita mir-Regolament (KE) Nru 2007/2004.

    Artikolu 3

    Objettivi Ġenerali tal-Fond

    1.   Il-Fond għandu jikkontribwixxi għall-ksib ta' l-objettivi li ġejjin:

    (a)

    l-organizzazzjoni effiċjenti tax-xogħol ta' kontroll, li jkopri kemm spezzjonijiet kif ukoll sorveljanza relatati mal-fruntieri esterni;

    (b)

    il-ġestjoni effiċjenti mill-Istati Membri tal-flussi ta' persuni fil-fruntieri esterni, sabiex jiġi żgurat, min-naħa l-waħda, livell għoli ta' protezzjoni fil-fruntieri esterni u, min-naħa l-oħra, il-qsim bla problemi tal-fruntieri esterni f'konformità ma' l-acquis ta' Schengen, u l-prinċipji ta' trattament b'rispett u d-dinjità;

    (ċ)

    l-applikazzjoni uniformi mill-gwardji tal-fruntieri tad-dispożizzjonijiet tal-liġi Komunitarja dwar il-qsim tal-fruntieri esterni, b'mod partikolari r-Regolament (KE) Nru 562/2006;

    (d)

    it-titjib tat-tmexxija ta' attivitajiet organizzati mis-servizzi konsulari u minn servizzi oħra ta' l-Istati Membri f'pajjiżi terzi fir-rigward tal-flussi ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għal ġot-territorju ta' l-Istati Membri u l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri f'dan ir-rigward.

    2.   Il-Fond għandu jikkontribwixxi għall-finanzjament ta' l-assistenza teknika fuq l-inizjattiva ta' l-Istati Membri jew tal-Kummissjoni.

    Artikolu 4

    Objettivi speċifiċi

    1.   Fir-rigward ta' l-objettiv stabbilit fl-Artikolu 3(1)(a), il-Fond għandu jappoġġja l-objettivi speċifiċi li ġejjin:

    (a)

    l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet, l-istandards operattivi u l-aħjar prattiki, li jirriżultaw mill-kooperazzjoni operattiva bejn l-Istati Membri fil-qasam tal-kontroll fil-fruntieri;

    (b)

    l-iżvilupp u l-applikazzjoni tal-miżuri meħtieġa biex jitjiebu s-sistemi ta' sorveljanza bejn il-punti ta' qsim tal-fruntieri;

    (ċ)

    l-introduzzjoni ta' miżuri jew l-iżvilupp ta' sistemi effettivi li jagħmlu possibbli l-ġabra metodoloġika ta' informazzjoni rilevanti fir-rigward tas-sitwazzjoni li tkun qed tiżviluppa fuq l-art viċin il-fruntieri esterni, magħhom u immedjatament warajhom;

    (d)

    l-iżgurar r-reġistrazzjoni xierqa tan-numru ta' persuni li jkunu qed jaqsmu fit-tipi kollha ta' fruntieri esterni (art, sema, baħar);

    (e)

    l-introduzzjoni jew it-titjib ta' sistema ta' ġbir ta' data ta' l-istatistika u data amministrattiva fir-rigward tal-kategoriji ta' vjaġġaturi, in-numru u n-natura ta' kontrolli u miżuri ta' sorveljanza fit-tipi differenti ta' fruntieri esterni, ibbażata fuq ir-reġistrazzjoni u sorsi oħrajn għall-ġbir ta' data;

    (f)

    it-twaqqif ta' koordinazzjoni effettiva, strutturali, strateġika u operattiva bejn l-awtoritajiet kollha li jkunu qed joperaw fil-punti ta' qsim tal-fruntieri;

    (g)

    it-titjib tal-kapaċità u l-kwalifiki ta' gwardji tal-fruntieri fit-twettiq tax-xogħol tagħhom ta' sorveljanza, ta' konsultazzjoni u ta' kontroll;

    (h)

    it-titjib fl-iskambju ta' informazzjoni fil-livell nazzjonali bejn l-awtoritajiet responsabbli għall-ġestjoni tal-fruntieri esterni u bejn dawk l-awtoritajiet u awtoritajiet oħrajn responsabbli għall-migrazzjoni, l-ażil u kwistjonijiet relatati oħrajn;

    (i)

    il-promozzjoni ta' l-istandards ta' ġestjoni ta' kwalità.

    2.   Fir-rigward ta' l-objettiv stabbilit fl-Artikolu 3(1), punt (b) il-Fond għandu jappoġġja l-objettivi speċifiċi li ġejjin:

    (a)

    l-iżvilupp ta' metodi ta' ħidma ġodda, miżuri loġistiċi u teknoloġija avvanzata biex jissaħħu l-kontrolli sistematiċi ta' persuni mad-dħul u l-ħruġ fil-punti ta' qsim tal-fruntieri ħlief fil-każ ta' fruntieri esterni temporanji;

    (b)

    il-promozzjoni ta' l-użu tat-teknoloġija u taħriġ speċjalizzat għall-persunal responsabbli mill-isfruttar effettiv tagħha;

    (ċ)

    il-promozzjoni ta' l-iskambju ta' informazzjoni li tirrigwarda, u t-titjib ta' taħriġ fir-rigward ta' dokumenti ta' l-ivvjaġġar iffalsifikati jew foloz, inkluż l-iżvilupp u d-distribuzzjoni ta' għodod u prattiki komuni għall-iskoperta ta' tali dokumenti;

    (d)

    il-promozzjoni ta' konsultazzjoni effiċjenti u fi żmien reali dwar data fil-punti ta' qsim tal-fruntieri permezz ta' l-użu ta' sistemi ta' l-IT fuq skala kbira, bħalma huma s-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS) u s-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (VIS), u l-iskambju effettiv ta' informazzjoni bejn il-punti kollha ta' qsim tal-fruntieri tul il-fruntieri esterni fi żmien reali;

    (e)

    l-iżgurar ta' l-aħjar implimentazzjoni fil-livell operattiv u tekniku tar-riżultati ta' l-analiżi tar-riskju.

    3.   Fir-rigward ta' l-objettiv stabbilit fl-Artikolu 3(1), punt (ċ) il-Fond għandu jappoġġja l-objettivi speċifiċi li ġejjin:

    (a)

    it-twaqqif gradwali f'kull Stat Membru ta' edukazzjoni, taħriġ u kwalifiki uniformi tal-gwardji tal-fruntieri, partikolarment bl-implimentazzjoni tal-kurrikulum b'bażi komuni għat-taħriġ kif żviluppat mill-Aġenzija u billi jkunu supplimentati b'mod koerenti l-attivitajiet ta' l-Aġenzija f'dan il-qasam;

    (b)

    l-appoġġ u ż-żieda fl-iskambju u l-issekondar ta' gwardji tal-fruntieri bejn l-Istati Membri, b'mod komplementari mal-linji gwida u l-attivitajiet ta' l-Aġenzija f'dan il-qasam;

    (ċ)

    il-promozzjoni ta' l-użu ta' teknoloġija kompatibbli l-iżjed avvanzata tul il-fruntieri esterni kollha, kull meta din tkun indispensabbli għall-użu korrett, effettiv jew uniformi tar-regoli;

    (d)

    il-promozzjoni tal-kapaċità ta'l-awtoritajiet li japplikaw l-istess proċeduri u li jieħdu deċiżjonijiet konsistenti, rapidi u ta' kwalità għolja dwar il-qsim tal-fruntieri esterni inkluż rigward il-ħruġ ta' viżi;

    (e)

    il-promozzjoni ta' l-użu tal-Manwal Prattiku komuni għall-Gwardji tal-Fruntiera;

    (f)

    il-bini u t-titjib ta' żoni u ċentri għal persuni, li d-dħul tagħhom jiġi rifjutat u għal persuni li jiġu interċettati wara li jkunu qasmu l-fruntiera illegalment jew meta jkunu javviċinaw il-fruntieri esterni bil-ħsieb li jidħlu illegalment fit-territorju ta' l-Istati Membri;

    (g)

    it-titjib fis-sigurtà tal-postijiet tal-punti ta' qsim tal-fruntieri biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-gwardji tal-fruntieri u l-protezzjoni ta' tagħmir, sistemi ta' sorveljanza u mezzi ta' trasport.

    4.   Fir-rigward ta' l-objettiv stabbilit fl-Artikolu 3(1), punt (d) il-Fond għandu jappoġġja l-objettivi speċifiċi li ġejjin:

    (a)

    it-tisħiħ tal-kapaċità operattiva tan-network ta' l-uffiċjali ta' kollegamenti ta' l-immigrazzjoni u l-promozzjoni ta' kooperazzjoni aktar effettiva permezz tan-network bejn is-servizzi ta' l-Istati Membri;

    (b)

    l-introduzzjoni ta' miżuri mmirati lejn l-assistenza ta' Stati Membri u ta' kumpanniji ta' l-ajru fit-twettiq ta' l-obbligi imposti fuqhom bis-saħħa tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/82/KE tad-29 ta' April 2004 dwar l-obbligu ta' trasportaturi li jikkomunikaw data dwar il-passiġġieri (20) u l-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni ta' Schengen tad-19 ta' Ġunju 1990 li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen ta' l-14 ta' Ġunju 1985 bejn il-gvernijiet ta' l-Unjoni ta' l-Istati tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija gradwali ta' kontrolli mal-fruntieri komuni tagħhom (minn hawn 'il quddiem imsejħa “il-Konvenzjoni ta' Schengen”) (21) sabiex jimpedixxu wasliet illegali fil-fruntieri esterni;

    (ċ)

    il-promozzjoni ta' kooperazzjoni aktar effettiva mat-trasportaturi fl-ajruporti tal-pajjiżi tat-tluq, inkluż taħriġ uniformi lill-persunal tal-kumpanniji ta' l-ajru dwar id-dokumenti ta' l-ivvjaġġar;

    (d)

    il-promozzjoni ta' tmexxija ta' kwalità, u servizzi u faċilitajiet tajba fir-rigward ta' l-infrastruttura tal-proċess ta' l-applikazzjoni għall-viża;

    (e)

    il-promozzjoni ta' kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fit-titjib tal-kapaċità tas-servizzi konsulari biex jeżaminaw l-applikazzjonijiet għal viżi;

    (f)

    il-promozzjoni ta' prattiki komuni investigattivi, proċeduri amministrattivi u deċiżjonijiet uniformi tas-servizzi konsulari ta'l-Istati Membri li jinstabu f'pajjiżi terzi differenti dwar viżi;

    (g)

    il-promozzjoni tal-progress lejn kooperazzjoni sistematika u regolari bejn is-servizzi konsulari u servizzi oħrajn ta' Stati Membri differenti, b'mod partikolari b'konnessjoni mal-VIS, inkluż it-tgħaqqid ta' riżorsi u l-mezzi għall-ħruġ ta' viżi, l-iskambju ta' informazzjoni, stħarriġ u investigazzjonijiet dwar applikazzjonijiet għal viżi u l-iżvilupp ta' ċentri komuni għall-applikazzjoni għal viżi;

    (h)

    il-promozzjoni ta' inizjattivi nazzjonali mmirati lejn prattiki investigattivi komuni, proċeduri amministrattivi u deċiżjonijiet uniformi dwar viżi mis-servizzi konsulari ta' Stati Membri differenti;

    (i)

    l-iżvilupp ta' uffiċċji konsulari komuni.

    Artikolu 5

    Azzjonijiet eliġibbli fl-Istati Membri

    1.   Il-Fond għandu jappoġġja azzjonijiet fl-Istati Membri relatati ma' l-objettivi speċifiċi definiti fl-Artikolu 4 u b'mod partikolari ma' dawn li ġejjin:

    (a)

    l-infrastrutturi u l-bini relatat fil-punti ta' qsim tal-fruntieri, bħalma huma stazzjonijiet tal-fruntieri, postijiet ta' nżul għall-ħelikopter jew mogħdijiet jew kabini fejn jistgħu joqogħdu fil-kju vetturi jew persuni f'punti ta' qsim tal-fruntieri;

    (b)

    l-infrastrutturi, il-bini u s-sistemi meħtieġa għas-sorveljanza bejn il-punti ta' qsim tal-fruntieri u l-protezzjoni kontra l-qsim illegali tal-fruntieri esterni;

    (ċ)

    it-tagħmir ta' l-operat, bħal sensors, sorveljanza bil-vidjo, strumenti li jeżaminaw id-dokumenti, għodda tat-tfittxija u terminali mobbli jew fissi għall-konsultazzjoni tas-SIS, il-VIS, is-Sistema Ewropea ta' Arkivjar ta' l-Immaġni (FADO) u sistemi Ewropej u nazzjonali oħrajn;

    (d)

    il-mezzi ta' trasport għall-kontroll tal-fruntieri esterni, bħal vetturi, vapuri, ħelikopters, u ajruplani żgħar, li jkunu mgħammra apposta b'tagħmir elettroniku għas-sorveljanza tal-fruntiera u s-sejbien ta' persuni f'mezzi ta' trasport;

    (e)

    it-tagħmir għall-iskambju ta' informazzjoni fi żmien reali bejn l-awtoritajiet rilevanti;

    (f)

    is-sistemi ta' l-ICT;

    (g)

    programmi għall-issekondjar u l-bdil ta' persunal bħalma huma l-gwardji tal-fruntieri, uffiċjali ta' l-immigrazzjoni u uffiċjali konsulari;

    (h)

    it-taħriġ u l-edukazzjoni tal-persunal ta' awtoritajiet rilevanti, inkluż it-taħriġ fil-lingwa;

    (i)

    l-investimenti fl-iżvilupp, l-ittestjar u l-istallazzjoni ta' teknoloġija avvanzata;

    (j)

    l-istudji u l-proġetti pilota li jimplimentaw rakkomandazzjonijiet, standards operattivi u l-aħjar prattiki, li jirriżultaw mill-kooperazzjoni operattiva bejn l-Istati Membri fil-qasam tal-kontroll tal-fruntieri;

    (k)

    l-istudji u l-proġetti pilota mfassla biex jistimulaw l-innovazzjoni, jiffaċilitaw l-iskambji ta' esperjenza u prattika tajba u jtejbu l-kwalità tat-tmexxija ta' l-attivitajiet organizzati mis-servizzi konsulari u servizzi oħrajn ta' l-Istati Membri f'pajjiżi terzi fir-rigward tal-flussi ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għal ġot-territorju ta' l-Istati Membri u l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri f'dan ir-rigward.

    2.   Il-Fond m'għandux jappoġġja azzjonijiet fir-rigward ta' fruntieri esterni temporanji meta tali azzjonijiet jammontaw għal investiment strutturali, li ma jkunx kompatibbli ma' l-objettiv li jitneħħew il-kontrolli fuq persuni f'dawn il-fruntieri, b'mod partikolari azzjonijiet imsemmija fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1.

    Artikolu 6

    L-Iskema ta' Transitu Speċjali

    1.   Il-Fond għandu jipprovdi appoġġ biex jikkompensa għad-drittijiet mitlufa minn fuq il-viżi ta' transitu u spejjeż addizzjonali li jkunu saru fl-implimentazzjoni tad-Dokument ta' Tranżitu Faċilitat (FTD) u tad-Dokument ta' Tranżitu Faċilitat bil-Ferrovija (FRTD) skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 693/2003 (22) u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 694/2003 (23).

    2.   Għall-fini tal-paragrafu 1, spejjeż addizzjonali tfisser spejjeż li jirriżultaw direttament mill-ħtiġiet speċifiċi ta' l-implimentazzjoni ta' l-operat ta' l-iskema ta' transitu speċjali u li ma jiġux iġġenerati bħala riżultat tal-ħruġ ta' viżi ta' transitu jew ta' viżi oħrajn.

    It-tipi ta' spejjeż addizzjonali li ġejjin għandhom ikunu eliġibbli għall-finanzjament:

    (a)

    investiment fl-infrastruttura;

    (b)

    taħriġ ta' persunal li jimplimentaw l-iskema ta' transitu speċjali;

    (ċ)

    l-ispiża addizzjonali ta' l-operat, inklużi s-salarji għall-persunal li jkunu qed jimplimentaw speċifikament l-operat ta' l-skema ta' transitu speċjali.

    3.   Id-drittijiet mitlufa previsti fil-paragrafu 1 għandhom jiġu kkalkulati abbażi tal-livell ta' drittijiet mitluba għall-viżi ta' transitu stabbilita fl-Anness 12 għall-Istruzzjonijiet Konsulari Komuni dwar il-viżi, fil-qafas finanzjarju stabbilit fl-Artikolu 14 (9).

    Artikolu 7

    Azzjonijiet Komunitarji

    1.   Fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni, jista' jintuża sa 6 % tar-riżorsi disponibbli tal-Fond biex jiġu ffinanzjati azzjonijiet transnazzjonali jew azzjonijiet ta' interess għall-Komunità kollha (minn hawn 'il quddiem imsejħa “azzjonijiet Komunitarji”) rigward l-objettivi li ġejjin:

    (a)

    jikkontribwixxu għat-tisħiħ ta' l-attivitajiet organizzati mis-servizzi konsulari u oħrajn ta' l-Istati Membri f'pajjiżi terzi rigward il-fluss ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi fit-territorju ta' l-Istati Membri u l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri rigward dan, inklużi l-attivitajiet ta' uffiċjali tal-kollegament ta' ajru u uffiċjali tal-kollegamenti ta' l-immigrazzjoni;

    (b)

    il-promozzjoni ta' l-inklużjoni progressiva ta' kontrolli doganali, veterinarji u fito-sanitarji f'attivitajiet integrati tal-ġestjoni tal-fruntiera skond l-evoluzzjoni tal-politika f'dan il-qasam;

    (ċ)

    il-provvista ta' servizzi ta' appoġġ lill-Istati Membri f'każ ta' sitwazzjonijiet ta' emerġenza debitament issostanzjati li jkunu jeħtieġu azzjoni urġenti fil-fruntieri esterni.

    2.   Biex ikunu eliġibbli għall-finanzjament, l-azzjonijiet tal-Komunità elenkati taħt il-paragrafu 1 punt (a) u (b) għandhom b'mod speċjali:

    (a)

    iżidu l-kooperazzjoni tal-Komunità fl-implimentazzjoni tal-liġi Komunitarja u l-prattiki tajbin;

    (b)

    jappoġġaw l-istabbiliment ta' networks ta' kooperazzjoni transnazzjonali u proġetti pilota bbażati fuq sħubiji transnazzjonali bejn is-servizzi konsulari minn żewġ Stati Membri jew aktar imfassla biex jistimolaw l-innovazzjoni u jiffaċilitaw l-iskambju ta' esperjenza u prattika tajba;

    (ċ)

    jappoġġjaw studji, it-tixrid u l-iskambju ta' informazzjoni dwar l-aħjar prattiki u l-aspetti l-oħrajn kollha ta' l-objettiv ġenerali li jikkontribwixxi għat-tisħiħ ta' l-attivitajiet organizzati mis-servizzi konsulari ta' l-Istati Membri f'pajjiżi terzi u għall-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri f'dan il-qasam, inkluż dwar l-użu ta' teknoloġija l-aktar avanzata;

    (d)

    jappoġġaw proġetti u studji li jesploraw il-possibbiltà ta' forom ġodda ta' kooperazzjoni Komunitarja u ta' liġi Komunitarja f'dan il-qasam, partikolarment ċentri ta' applikazzjoni komuni;

    (e)

    jappoġġaw l-iżvilupp u l-applikazzjoni mill-Istati Membri ta' għodod, metodi u indikaturi ta' statistika komuni biex jiġu mkejla żviluppi ta' politika fil-qasam tal-politika dwar il-viżi u l-kooperazzjoni konsulari.

    3.   Il-programm ta' ħidma annwali li jistabbilixxi l-prijoritajiet għal azzjonijiet Komunitarji għandu jiġi adottat skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 56(2).

    KAPITOLU II

    PRINĊIPJI TA' ASSISTENZA

    Artikolu 8

    Komplementarjetà, konsistenza u konformità

    1.   Il-Fond għandu jipprovdi assistenza li tikkomplementa azzjonijiet nazzjonali, reġjonali u lokali, filwaqt li jintegra fihom il-prijoritajiet tal-Komunità.

    2.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-assistenza mill-Fond u mill-Istati Membri tkun konsistenti ma' l-attivitajiet, il-linji politiċi u l-prijoritajiet tal-Komunità. Din il-konsistenza għandha tintwera b'mod partikolari fil-programm pluriennali msemmi fl-Artikolu 21.

    3.   L-operazzjonijiet iffinanzjati mill-Fond għandhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat u ta' l-atti adottati taħthom.

    Artikolu 9

    Programmazzjoni

    1.   L-objettivi tal-Fond għandhom jiġu segwiti fil-qafas ta' perijodu ta' programmazzjoni pluriennali mill-2007 sa l-2013, soġġett għal reviżjoni ta' nofs it-terminu skond l-Artikolu 24. Is-sistema ta' programmazzjoni pluriennali għandha tinkludi l-prijoritajiet u l-proċess tal-ġestjoni, it-teħid ta' deċiżjonijiet, il-verifika u ċ-ċertifikazzjoni.

    2.   Il-programmi pluriennali approvati mill-Kummissjoni għandhom jiġu implimentati permezz ta' programmi annwali.

    Artikolu 10

    Intervent sussidjarju u proporzjonali

    1.   L-implimentazzjoni ta' programmi pluriennali u annwali msemmijin fl-Artikoli 21 u 23 għandha tkun ir-responsabbiltà ta' l-Istati Membri fil-livell territorjali xieraq, skond is-sistema istituzzjonali speċifika għal kull Stat Membru. Din ir-responsabbiltà għandha tiġi eżerċitata skond din id-Deċiżjoni.

    2.   F'relazzjoni mad-dispożizzjonijiet ta' verifika, il-mezzi użati mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri għandhom ivarjaw skond id-daqs tal-kontribut Komunitarju. L-istess prinċipju għandu japplika għad-dispożizzjonijiet dwar l-evalwazzjoni u għar-rapporti dwar programmi pluriennali u annwali.

    Artikolu 11

    Metodi ta' implimentazzjoni

    1.   Il-baġit tal-Komunità allokat għall-Fond għandu jiġi implimentat, skond l-Artikolu 53(1) (b) tar-Regolament Finanzjarju, bl-eċċezzjoni ta' l-azzjonijiet Komunitarji msemmija fl-Artikolu 7 u l-assistenza teknika msemmija fl-Artikolu 17 ta' din id-Deċiżjoni.

    2.   Il-Kummissjoni għandha teżerċita r-responsabbiltà tagħha biex timplimenta l-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea billi:

    (a)

    tiċċekkja l-eżistenza u t-tħaddim tajjeb ta' sistemi ta' ġestjoni u kontroll fl-Istati Membri skond il-proċeduri deskritti fl-Artikolu 34;

    (b)

    iżżomm jew tissospendi l-pagamenti kollha jew partijiet minnhom skond il-proċeduri deskritti fl-Artikoli 43 u 44, jekk is-sistemi nazzjonali ta' ġestjoni u kontroll ma jaħdmux, u billi tapplika kwalunkwe korrezzjoni finanzjarja meħtieġa oħra, skond il-proċeduri deskritti fl-Artikoli 47 u 48.

    3.   Il-pajjiżi assoċjati ma' l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta' l-acquis ta' Schengen għandhom jieħdu sehem fil-Fond skond din id-Deċiżjoni.

    4.   Għandhom jiġu konklużi arranġamenti li jispeċifikaw ir-regoli supplementari meħtieġa għal tali parteċipazzjoni, inkluż dispożizzjonijiet li jiżguraw il-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunità u s-setgħa tal-verifika tal-Qorti ta' l-Awdituri.

    Artikolu 12

    Sħubija

    1.   Kull Stat Membru għandu jorganizza, skond ir-regoli u l-prattika nazzjonali attwali, sħubija ma' l-awtoritajiet u l-korpi li huma involuti fl-implimentazzjoni tal-programm pluriennali jew li fl-opinjoni ta' l-Istat Membru kkonċernat jistgħu jipprovdu kontribut utli għall-iżvilupp tiegħu.

    Tali awtoritajiet u korpi jistgħu jinkludu l-awtoritajiet reġjonali, lokali, urbani u awtoritajiet pubbliċi oħrajn, organizzazzjonijiet internazzjonali, b'mod partikolari l-Kummissarju Għoli għar-Rifuġjati tan-Nazzjonjiet Uniti (UNHCR), u korpi li jirrappreżentaw is-soċjetà ċivili bħal organizzazzjonijiet mhux governattivi jew imsieħba soċjali.

    2.   Tali sħubija għandha titwettaq f'konformità sħiħa mal-ġurisdizzjoni istituzzjonali, legali u finanzjarja rispettiva ta' kull kategorija ta' msieħba.

    KAPITOLU III

    QAFAS FINANZJARJU

    Artikolu 13

    Riżorsi globali

    1.   Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni mill-1 ta' Jannar 2007 sal-31 ta' Diċembru 2013 għandu jkun ta' EUR 1 820 miljun.

    2.   L-approprjazzjonijiet annwali għandhom jiġu awtorizzati mill-awtorità tal-baġit fil-limiti tal-Qafas Finanzjarju.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel tqassim annwali indikattiv għal kull Stat Membru skond il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 14.

    Artikolu 14

    Distribuzzjoni annwali tar-riżorsi għal azzjonijiet eliġibbli fl-Istati Membri

    1.   Ir-riżorsi annwali disponibbli għandhom jiġu maqsuma bejn l-Istati Membri kif ġej:

    (a)

    30 % għall-fruntieri esterni fuq l-art;

    (b)

    35 % għall-fruntieri esterni marittimi;

    (ċ)

    20 % għall-ajruporti;

    (d)

    15 % għall-uffiċċji konsulari.

    2.   Ir-riżorsi disponibbli taħt il-punt (a) tal-paragrafu 1 għandhom jiġu mqassmin bejn l-Istati Membri kif ġej:

    (a)

    70 % għat-tul tal-fruntieri esterni, li jiġi kkalkulat għal kull sezzjoni speċifika, abbażi tal-fatturi ta' ippeżar determinati skond l-punt (a) ta' l-Artikolu 15(3) u

    (b)

    30 % għall-ammont ta' xogħol fil-fruntieri esterni fuq l-art tagħhom, hekk kif determinati skond il-punt (a) tal-paragrafu 7.

    3.   Ir-riżorsi disponibbli taħt il-punt (b) tal-paragrafu 1 għandhom jiġu suddiviżi bejn l-Istati Membri kif ġej:

    (a)

    70 % għat-tul tal-fruntiera esterna, li jiġi kkalkulat għal kull sezzjoni speċifika, abbażi tal-fatturi ta' ippeżar, determinati skond il-punt (b) ta' l-Artikolu 15(3); u

    (b)

    30 % għall-ammont ta' xogħol fil-fruntieri esterni marittimi tagħhom, hekk kif determinat skond il-punt (a) tal-paragrafu 7.

    4.   Ir-riżorsi disponibbli taħt il-punt (ċ) tal-paragrafu 1 għandhom jiġu mqassmin bejn l-Istati Membri skond l-ammont ta' xogħol fl-ajruporti tagħhom, hekk kif determinat skond il-punt (b) tal-paragrafu 7.

    5.   Ir-riżorsi disponibbli taħt il-punt (d) tal-paragrafu 1 għandhom jiġu mqassmin bejn l-Istati Membri kif ġej:

    (a)

    50 % għan-numru ta' uffiċċji konsulari ta' l-Istati Membri fil-pajjiżi elenkati fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta' Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom irid ikollhom viża meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dik il-ħtieġa (24); u

    (b)

    50 % għall-ammont ta' xogħol fir-rigward tal-ġestjoni tal-politika dwar il-viżi fl-uffiċċji konsulari ta' l-Istati Membri fil-pajjiżi elenkati fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001, hekk kif determinat skond il-punt (ċ) tal-paragrafu 7 ta' dan l-Artikolu.

    6.   Għall-finijiet tad-distribuzzjoni annwali tar-riżorsi skond il-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1:

    a)

    kont se jiġi meħud tal-linja bejn iż-żoni msemmija fl-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) 866/2004 tad-29 ta' April 2004 rigward regime taħt l-Artikolu 2 tal-Protokoll No 10 ta'l-Att ta' Adeżjoni (25), għalkemm ma tikkostitwix fruntiera esterna fuq l-art, sakemm jibqgħu applikabbli d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 1 tal-Protokoll 10 ta' l-Att ta' Adeżjoni 2003, iżda l'ebda kont ma jiġi meħud tat-tul tal-fruntiera marittima fit-Tramuntana ta' dik il-linja;

    b)

    “Fruntieri esterni marittimi” għandha tfisser il-limitu estern tal-baħar territorjali ta' l-Istati Membri hekk kif definit skond l-Artikoli 4 sa 16 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar. Madankollu, f'każijiet fejn huma meħtieġa regolarment operazzjonijiet fuq distanza twila sabiex jiġu impeduti l-migrazzjoni irregolari/dħul illegali, din għandha tkun il-limitu estern ta' żoni b'livell għoli ta' theddid. Dan għandu jkun determinat billi jittieħed kont tad-data operattiva tul l-aħħar sentejn hekk kif provduta mill-Istati Membri in kwistjoni. Din id-definizzjoni ta' “fruntieri esterni marittimi” tintuża esklużivament għall-għan ta' din id-Deċiżjoni u kull operazzjoni għandha tirrispetta l-liġi internazzjonali.

    7.   L-ammont tax-xogħol għandu jkun ibbażat fuq medja ta' figuri tul is-sentejn preċedenti għall-fatturi li ġejjin:

    (a)

    fil-fruntieri esterni fuq l-art u fruntieri esterni marittimi:

    (i)

    in-numru ta' persuni li jaqsmu l-fruntieri esterni f'punti ta' qsim tal-fruntiera awtorizzati;

    (ii)

    in-numru ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu ġew miċħuda d-dħul f'dik il-fruntiera esterna;

    (iii)

    in-numru ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi maqbuda wara li jkunu qasmu l-fruntiera esterna illegalment, inkluż in-numru ta' persuni maqbuda fuq il-baħar;

    (b)

    fl-ajruporti:

    (i)

    in-numru ta' persuni li jaqsmu l-fruntiera esterna f'punti ta' qsim tal-fruntiera awtorizzati;

    (ii)

    in-numru ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu ġew miċħuda d-dħul f'dik il-fruntiera esterna;

    (ċ)

    f'uffiċċji konsulari:

    in-numru ta' applikazzjonijiet għall-viża.

    Għall-2007, l-ammont ta' xogħol għandu jkun ibbażat biss fuq il-figuri ta' l-2005.

    8.   L-ippeżar kif imsemmi fil-paragrafi 2 u 3 għandu jiġi iddeterminat mill-Aġenzija skond l-Artikolu 15.

    9.   Fir-rigward tat-tul tal-fruntiera esterna fuq l-art kif imsemmi fil-punt (a) tal-paragrafu 2, il-kalkolu tad-distribuzzjoni annwali tar-riżorsi m'għandux iqis il-fruntieri esterni temporanji. Madankollu, għandu jittieħed kont tal-fruntieri esterni temporanji bejn Stat Membru li ngħaqad ma' l-Unjoni Ewropea sa l-1 ta' Mejju 2004 u Stat Membru li ngħaqad wara l-1 ta' Mejju 2004.

    10.   Il-figuri ta' referenza dwar l-ammont tax-xogħol imsemmija fil-paragrafu 7 għandhom ikunu l-aħħar statistika pprovduta mill-Kummissjoni (Eurostat) abbażi tad-data pprovduta mill-Istati Membri skond il-liġi Komunitarja.

    Meta l-Istati Membri ma jkunux taw l-istatistika kkonċernata lill-Kummissjoni (Eurostat), huma għandhom jipprovdu data proviżorja malajr kemm jista' jkun.

    Qabel taċċetta din id-data bħala figuri ta' referenza, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tevalwa l-kwalità, il-paragunabbiltà u l-kompletezza ta' l-informazzjoni statistika skond il-proċeduri operattivi normali. Fuq talba tal-Kummissjoni (Eurostat), l-Istati Membri għandhom jagħtuha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tagħmel dan.

    11.   Meta l-figuri ta' referenza ma jkunux disponibbli bħala statistika magħmula mill-Kummissjoni (Eurostat) skond il-liġi Komunitarja, l-Istati Membri għandhom jipprovdu data proviżorja lill-Kummissjoni sa l-1 ta' Novembru ta' kull sena għall-istima ta' l-ammont li għandu jiġi allokat lilhom għas-sena sussegwenti skond l-Artikolu 23(2).

    Qabel ma l-Kummissjoni taċċetta din id-data bħala figuri ta' referenza, il-Kummissjoni (Eurostat) tista' tevalwa l-kwalità, il-paragunabbiltà u l-kompletezza ta' l-informazzjoni statistika skond il-proċeduri operattivi normali. Fuq talba tal-Kummissjoni (Eurostat), l-Istati Membri għandhom jagħtuha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tagħmel dan.

    12.   L-allokazzjoni tar-riżorsi msemmija fil-paragrafu 1 m'għandhiex tinkludi r-riżorsi allokati għall-iskop ta' l-Artikoli 6 u 19. Ir-riżorsi allokati għall-iskop ta' l-Artikolu 6 m'għandhomx jaqbżu EUR l08 miljuni għall-perijodu mill-2007 sa l-2013.

    Artikolu 15

    Analiżi tar-Riskju mwettqa mill-Aġenzija għall-iskop tad-distribuzzjoni annwali ta' riżorsi

    1.   Biex jiġi determinat l-ippeżar kif imsemmi fl-Artikolu 14(8), l-Aġenzija għandha tipprovdi lill-Kummissjoni, sa l-1 ta' April ta' kull sena, rapport speċifiku li jiddeskrivi d-diffikultà biex titwettaq is-sorveljanza tal-fruntieri u s-sitwazzjoni fil-fruntieri esterni ta' l-Istati Membri b'attenzjoni speċjali mogħtija lill-prossimità partikolari ta' l-Istati Membri għal żoni b'riskju għoli ta' immigrazzjoni illegali għas-sena preċedenti b'kont meħud ukoll tan-numru ta' persuni li jkunu daħlu f'dawn l-Istati Membri illegalment u d-daqs ta' dawn l-Istati Membri.

    2.   Ir-rapport għandu, b'mod konformi mal-Mudell Integrat Komuni dwar l-Analiżi tar-Riskju msemmi fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 2007/2004, janalizza t-theddid li jkun affettwa s-sigurtà fil-fruntieri esterni ta' l-Istati Membri fis-sena preċedenti, b'kont meħud ta' l-iżviluppi politiċi, ekonomiċi u soċjali fil-pajjiżi terzi konċernati, partikolarment fil-pajjiżi terzi ġirien u għandu jistabbilixxi tendenzi futuri possibbli dwar flussi migratorji u attivitajiet illegali fil-fruntieri esterni.

    Din l-analiżi ta' riskju għandha tkun ibbażata primarjament fuq l-informazzjoni li ġejja miġbura mill-Aġenzija, ipprovduta mill-Istati Membri jew miksuba mill-Kummissjoni (Eurostat):

    (a)

    in-numru ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu ġew miċħuda d-dħul fil-fruntiera esterna;

    (b)

    in-numru ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi arrestati meta jkunu qed jaqsmu jew jippruvaw jaqsmu l-fruntiera illegalment;

    (ċ)

    in-numru ta' faċilitaturi interċettati li assistew intenzjonalment fid-dħul mhux awtorizzat ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi;

    (d)

    in-numru ta' dokumenti ta' l-ivvjaġġar falsifikati jew foloz u n-numru ta' dokumenti ta' l-ivvjaġġar u viżi maħruġin għal raġunijiet foloz li ġew skoperti fil-punti ta' qsim tal-fruntiera b'mod konformi mal-Kodiċi tal-Fruntiera ta' Schengen.

    Meta l-figuri ta' referenza ma jkunux ġew provduti bħala statistika magħmula mill-Kummissjoni (Eurostat) iżda mill-Istati Membri, l-Aġenzija tista' titlob mingħand dawk l-Istati Membri l-informazzjoni meħtieġa biex tevalwa l-kwalità, il-komparabilita' u l-kompletezza ta' l-informazzjoni statistika. L-Aġenzija tista' titlob l-għajnuna tal-Kummissjoni (Eurostat) rigward tali evalwazzjoni.

    3.   Finalment ir-rapport għandu, b'mod konformi mal-paragrafi 1 u 2, jidentifika l-livelli attwali tad-theddid fil-fruntieri esterni ta' kull wieħed mill-Istati Membri u jiddetermina l-fatturi speċifiċi ta' ippeżar li ġejjin għal kull sezzjoni tal-fruntiera esterna ta' dak l-Istat Membru partikolari:

    (a)

    fruntiera esterna fuq l-art:

    i)

    fattur 1 għal livell ta' theddid normali;

    ii)

    fattur 1,5 għal livell ta' theddid medju;

    iii)

    fattur 3 għal livell ta' theddid għoli;

    (b)

    fruntiera esterna marittima:

    i)

    fattur 0 għal livell ta' theddid minimu;

    ii)

    fattur 1 għal livell ta' theddid normali;

    iii)

    fattur 3 għal livell ta' theddid medju;

    iv)

    fattur 8 għal livell ta' theddid għoli.

    Artikolu 16

    Struttura ta' finanzjament

    1.   Kontribuzzjonijiet finanzjarji taħt il-Fond għandhom jieħdu l-forma ta' għotjiet.

    2.   L-azzjonijiet appoġġjati mill-Fond għandhom ikunu ko-finanzjati minn sorsi pubbliċi jew privati, għandhom ikunu bla qligħ u m'għandhomx ikunu eliġibbli għall-finanzjament minn sorsi oħra li jkunu koperti mill-baġit ġenerali tal-Unjoni.

    3.   L-approprjazzjonijiet ta' fondi għandhom ikunu kumplimentari għan-nefqa pubblika jew l-ekwivalenti tagħha allokata mill-Istati Membri għall-miżuri koperti minn din id-Deċiżjoni.

    4.   Il-kontribuzzjoni tal-Komunità għall-proġetti appoġġjati, fejn għandhom x'jaqsmu l-azzjonijiet implimentati fl-Istati Membri taħt l-Artikolu 4, m'għandhiex tkun aktar minn 50 % tan-nefqa totali ta' azzjoni speċifika.

    Din tista' tiżdied għal 75 % għall-proġetti li jindirizzaw prijoritajiet speċifiċi li jkunu ġew identifikati fil-linji gwida strateġiċi msemmija fl-Artikolu 20.

    Il-kontribuzzjoni tal-Komunità għandha tiżdied għal 75 % fl-Istati Membri koperti mill-Fond ta' Koeżjoni.

    5.   Fil-qafas ta' l-implimentazzjoni tal-programmazzjoni nazzjonali kif imniżżel fil-Kapitolu IV, l-Istati Membri għandhom jagħżlu proġetti għall-finanzjament abbażi tal-kriterji minimi li ġejjin:

    (a)

    is-sitwazzjoni u l-ħtiġiet fl-Istat Membru konċernat;

    (b)

    l-effikaċja fid-dawl ta'l-ispejjeż tan-nefqa, inter alia fir-rigward tan-numru ta' persuni konċernati mill-proġett;

    (ċ)

    l-esperjenza, il-kompetenza, l-affidabbiltà u l-kontribut finanzjarju ta' l-organizzazzjoni li tkun qed tapplika għall-fondi u ta' kwalunkwe organizzazzjoni msieħba;

    (d)

    il-punt sa liema l-proġetti jikkumplimentaw azzjonijiet oħra ffinanzjati mill-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea jew bħala parti minn programmi nazzjonali.

    6.   Bħala regola ġenerali, għajnuna finanzjarja tal-Komunità mogħtija għal azzjonijiet appoġġjati mill-Fond għandha tingħata għal perijodu ta' mhux iżjed minn tliet snin, soġġett għal rapporti perijodiċi ta' progress.

    Artikolu 17

    Assistenza teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni

    1.   Fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni u/jew f'isimha, soġġett għal limitu massimu ta' EUR 500 000 ta' l-allokazzjoni annwali tal-Fond, il-Fond jista' jiffinanzja l-miżuri ta' tħejjija, monitoraġġ, il-miżuri ta' appoġġ amministrattiv u tekniku, kif ukoll miżuri ta' evalwazzjoni, verifika u spezzjoni meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

    2.   Dawk il-miżuri għandhom jinkludu:

    (a)

    studji, evalwazzjonijiet, rapporti ta' esperti u statistika, inklużi dawk ta' natura ġenerali dwar it-tħaddim tal-Fond;

    (b)

    miżuri ta' informazzjoni għall-Istati Membri, il-benefiċjarji finali u l-pubbliku ġenerali, inklużi kampanji ta' sensibilizzazzjoni u database komuni dwar il-proġetti ffinanzjati taħt il-Fond;

    (ċ)

    l-installazzjoni, it-tħaddim u l-interkonnessjoni ta' sistemi kompjuterizzati għall-ġestjoni, il-monitoraġġ, l-ispezzjoni u l-evalwazzjoni;

    (d)

    it-tfassil ta' qafas komuni għall-evalwazzjoni u l-monitoraġġ kif ukoll sistemi ta' indikaturi, li jqiesu, fejn xieraq, indikaturi nazzjonali;

    (e)

    titjib fil-metodi ta' evalwazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni dwar prattika f'dan il-qasam;

    (f)

    miżuri ta' informazzjoni u taħriġ għall-awtoritajiet magħżulin mill-Istati Membri skond l-Artikolu 27, komplementari ma' l-isforzi ta' l-Istati Membri biex jipprovdu gwida lill-awtoritajiet tagħhom skond l-Artikolu 33(2).

    Artikolu 18

    Assistenza teknika fuq l-inizjattiva ta' l-Istati Membri

    1.   Fuq l-inizjattiva ta' Stat Membru, għal kull programm annwali, il-Fond jista' jiffinanzja miżuri ta' tħejjija, ġestjoni, monitoraġġ, evalwazzjoni, informazzjoni u kontroll, kif ukoll miżuri għat-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva għall-implimentazzjoni tal-Fond.

    2.   L-ammont imwarrab għal assistenza teknika taħt kull programm annwali ma jistax jaqbeż:

    (a)

    għall-perjodu mill-2007 sa l-2010, 7 % ta' l-ammont annwali totali tal-kofinanzjament allokat għal dak l-Istat Membru magħdud ma' EUR 30 000; u

    (b)

    għall-perjodu mill-2011 sa l-2013, 4 % ta' l-ammont annwali totali tal-finanzjament konġunt allokat għal dak l-Istat Membru magħdud ma' EUR 30 000.

    Artikolu 19

    Azzjonijiet speċifiċi

    1.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi kull sena lista ta' azzjonijiet speċifiċi li għandhom jiġu implimentati mill-Istati Membri u, fejn adatt, f'kooperazzjoni ma' l-Aġenzija, li jikkontribwixxu għall-iżvilupp tas-sistema Ewropea komuni integrata tal-ġestjoni tal-fruntieri billi jiġu indirizzati id-djufijiet f'punti tal-fruntieri strateġiċi identifikati fl-analiżi tar-riskju msemmija fl-Artikolu 15.

    2.   Il-programm ta' ħidma annwali msemmi fl-Artikolu 7(3), għandu jistabbilixxi qafas għall-finanzjament ta' dawn l-azzjonijiet, inklużi l-objettivi u l-kriterji ta' evalwazzjoni.

    3.   Il-lista ta' l-azzjonijiet magħżulin għandha tiġi adottata skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 56(2).

    4.   L-assistenza finanzjarja mill-Fond għal azzjonijiet speċifiċi għandha tkun limitata għal perijodu ta' sitt xhur u m'għandiex teċċedi 80 % ta' l-ispiża ta' kull azzjoni.

    5.   Ir-riżorsi annwali disponibbli għal dawn l-azzjonijiet m'għandhomx jeċċedu EUR 10 miljun. Ir-riżorsi li jibqgħu disponibbli wara s-selezzjoni msemmija fil-paragrafu 3 jistgħu jintużaw biex jiġu ffinanzjati azzjonijiet kif stabbilit fl-Artikolu 7.

    KAPITOLU IV

    PROGRAMMAZZJONI

    Artikolu 20

    Adozzjoni tal-linji gwida strateġiċi

    1.   Il-Kummissjoni għandha tadotta linji gwida strateġiċi li jistabbilixxu qafas għall-intervent tal-Fond, waqt li jittieħed kont tal-progress fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika dwar il-fruntieri esterni u l-viżi kif ukoll id-distribuzzjoni indikattiva tar-riżorsi finanzjarji tal-Fond għall-perijodu tal-programm pluriennali.

    2.   Għall-objettivi ġenerali msemmija fl-Artikolu 3(1) (a), (b) u (ċ), dawk il-linji gwida għandhom b'mod speċjali jagħtu effett lill-prijoritajiet tal-Komunità bil-ħsieb li jitkompla t-twaqqif gradwali tas-sistema Ewropea komuni integrata tal-ġestjoni tal-fruntieri esterni u t-tisħiħ tal-kontrolli u s-sorveljanza tal-fruntieri esterni ta' l-Unjoni;

    3.   Għall-objettiv ġenerali msemmi fl-Artikolu 3, paragrafu 1, punt (d), dawk il-linji gwida għandhom b'mod speċjali jagħtu effett lill-prijoritajiet tal-Komunità bil-ħsieb li tkompli tiżviluppa l-politika komuni tagħha dwar il-viżi bħala parti minn sistema maqsuma f'diversi livelli li għandha l-għan li tħaffef l-ivvjaġġar leġittimu u li tittratta l-immigrazzjoni illegali billi tissaħħaħ il-prattika tat-trattament waqt missjonijiet konsulari lokali.

    4.   Il-Kummissjoni għandha tadotta l-linji gwida strateġiċi relatati mal-perijodu ta' programmazzjoni pluriennali sal-31 ta' Lulju 2007.

    5.   L-linji gwida strateġiċi għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 56(3). Ladarba jiġu adottati, dawn il-linji gwida strateġiċi, għandhom jiġu annessi mad-Deċiżjoni preżenti.

    Artikolu 21

    It-tħejjija u l-approvazzjoni tal-programmi nazzjonali pluriennali

    1.   Kull Stat Membru għandu jipproponi, abbażi tal-linji gwida strateġiċi msemmijin fl-Artikolu 20, abbozz ta' programm pluriennali li għandu jikkonsisti mill-elementi li ġejjin:

    (a)

    deskrizzjoni tas-sitwazzjoni attwali f'dak l-Istat Membru rigward infrastruttura, tagħmir, mezzi ta' trasport, sistemi ta' ICT u arranġamenti għat-taħriġ u l-edukazzjoni għall-persunal li jaħdem mal-awtoritajiet tal-fruntieri u mal-awtoritajiet konsulari;

    (b)

    analiżi tal-ħtiġiet fl-Istat Membru konċernat dwar l-infrastruttura, tagħmir, mezzi ta' trasport, sistemi ta' ICT u arranġamenti għat-taħriġ u l-edukazzjoni għall-persunal li jaħdem mal-awtoritajiet tal-fruntieri u mal-awtoritajiet konsulari, u indikazzjoni ta' l-objettivi ta' l-operat imfassla biex jintlaħqu dawk l-objettivi matul il-perijodu kopert bil-programm pluriennali;

    (ċ)

    preżentazzjoni ta' strateġija xierqa biex jinkisbu dawk l-objettivi u l-prijoritajiet marbutin mal-kisba tagħhom, u deskrizzjoni ta' l-azzjonijiet previsti biex jiġu implimentati dawk il-prijoritajiet;

    (d)

    indikazzjoni dwar jekk dik l-istrateġija hix kompatibbli ma' strumenti oħrajn reġjonali, nazzjonali u Komunitarji;

    (e)

    informazzjoni dwar il-prijoritajiet u l-miri speċifiċi tagħhom. Dawk il-miri għandhom jiġu kwantifikati bl-użu ta' numru limitat ta' indikaturi, b'kont meħud tal-prinċipju ta' proporzjonalità. L-indikaturi għandhom jagħmluha possibbli li jitkejjel il-progress imqabbel mas-sitwazzjoni tal-bidu u l-effikaċja tal-miri li jimplimentaw il-prijoritajiet;

    (f)

    deskrizzjoni ta' l-approċċ magħżul għall-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' sħubija stabbilit fl-Artikolu 12;

    (g)

    abbozz ta' pjan ta' finanzjament li jistabbilixxi, għal kull prijorità u kull programm annwali, il-kontribut finanzjarju propost tal-Fond u l-ammont ġenerali ta' finanzjament konġunt pubbliku jew privat;

    (h)

    id-dispożizzjonijiet stabbiliti biex jiġi żgurat li l-programm pluriennali jsir pubbliku.

    2.   L-Istati Membri għandhom jippreżentaw l-abbozz tal-programm pluriennali tagħhom lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard minn erba' xhur wara li l-Kummissjoni tkun ipprovdiet il-linji gwida strateġiċi.

    3.   Sabiex tapprova l-abbozz tal-programm pluriennali, il-Kummissjoni għandha teżamina:

    (a)

    il-konsistenza ta' l-abbozz tal-programm pluriennali ma' l-objettivi tal-Fond u l-linji gwida strateġiċi msemmija fl-Artikolu 20;

    (b)

    ir-rilevanza ta' l-azzjonijiet previsti fl-abbozz tal-programm pluriennali fid-dawl ta' l-istrateġija li hija proposta;

    (ċ)

    il-konformità ta' l-arranġamenti ta' ġestjoni u kontroll stabbiliti mill-Istat Membru għall-implimentazzjoni ta' l-interventi tal-Fond mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni;

    (d)

    il-konformità ta' l-abbozz tal-programm pluriennali mal-liġi Komunitarja u b'mod partikolari mal-liġi Komunitarja li timmira li tiżgura l-moviment ħieles ta' persuni, flimkien mal-miżuri ta' appoġġ li huma relatati direttament fir-rigward tal-kontrolli tal-fruntieri esterni, l-ażil u l-immigrazzjoni.

    4.   Fejn il-Kummissjoni tqis li abbozz ta' programm pluriennali ma jkunx konsistenti mal-linji gwida strateġiċi u/jew ma jkunx jikkonforma mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni li tistabbilixxi s-sistemi ta' ġestjoni u kontroll jew mal-liġi Komunitarja, hija għandha tistieden lill-Istat Membru kkonċernat biex jipprovdi l-informazzjoni addizzjonali kollha meħtieġa u, fejn xieraq, jirrevedi l-abbozz tal-programm pluriennali kif meħtieġ.

    5.   Il-Kummissjoni għandha tapprova kull programm pluriennali fi żmien tliet xhur mis-sottomissjoni formali tiegħu, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 56(2).

    Artikolu 22

    Reviżjoni ta' programmi pluriennali

    1.   Fuq l-inizjattiva ta' l-Istat Membru kkonċernat jew il-Kummissjoni, il-programm pluriennali għandu jiġi eżaminat mill-ġdid u, jekk ikun meħtieġ, rivedut għall-bqija tal-perijodu tal-programmazzjoni sabiex jikkunsidra aktar jew b'mod differenti l-prijoritajiet Komunitarji. Il-programmi pluriennali jistgħu jiġu eżaminati mill-ġdid fid-dawl ta' l-evalwazzjonijiet u/jew wara diffikultajiet fl-implimentazzjoni.

    2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni li tapprova r-reviżjoni tal-programm pluriennali malajr kemm jista' jkun wara s-sottomissjoni formali ta' talba għal dan mill-Istat Membru kkonċernat. Ir-reviżjoni tal-programm pluriennali għandha ssir skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 56(2).

    Artikolu 23

    Programmi annwali

    1.   Il-programm pluriennali approvat mill-Kummissjoni għandu jiġi implimentat permezz ta' programmi annwali.

    2.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Istati Membri, sa l-1 ta' Lulju ta' kull sena, stima ta' l-ammonti li għandhom jiġu allokati lilhom għas-sena ta' wara mit-total ta' approprijazzjonijiet allokati taħt il-proċedura baġitarja annwali, ikkalkolati kif previst fl-Artikolu 14.

    3.   L-Istati Membri għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni, sa l-1 ta' Novembru ta' kull sena, abbozz ta' programm annwali għas-sena ta' wara, stabbilit skond il-programm pluriennali u li jikkonsisti mill-elementi li ġejjin:

    (a)

    ir-regoli ġenerali għall-għażla tal-proġetti li għandhom jiġu ffinanzjati taħt il-programm annwali;

    (b)

    deskrizzjoni ta' l-azzjonijiet li għandhom jiġu appoġġati taħt il-programm annwali;

    (ċ)

    it-tqassim finanzjarju propost tal-kontribut tal-Fond bejn id-diversi azzjonijiet tal-programm u indikazzjoni ta' l-ammont mitlub biex ikopri l-assistenza teknika taħt l-Artikolu 18 għall-fini ta' l-implimentazzjoni tal-programm annwali.

    4.   Meta teżamina l-abbozz tal-programm annwali ta' Stat Membru, il-Kummissjoni għandha tqis l-ammont finali ta' l-approprjazzjonijiet allokati għall-Fond taħt il-proċedura baġitarja.

    Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istat Membru kkonċernat, fi żmien xahar mill-preżentazzjoni formali ta' l-abbozz tal-programm annwali, dwar jekk jistax jiġi approvat. Jekk l-abbozz tal-programm annwali ma jkunx konsistenti mal-programm pluriennali, il-Kummissjoni għandha titlob lil dak l-Istat Membru biex jipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa u, fejn xieraq, biex jirrevedi l-abbozz tal-programm annwali propost kif meħtieġ.

    Il-Kummissjoni għandha tadotta d-deċiżjoni tal-finanzjament, li tapprova l-programm annwali, sa l-1 ta' Marzu tas-sena kkonċernata. Id-deċiżjoni għandha tindika l-ammont allokat lill-Istat Membru kkonċernat u l-perijodu li għalih l-infiq huwa eliġibbli.

    5.   Biex jitqiesu s-sitwazzjonijiet ta' emerġenza debitament issostanzjati li ma jkunux previsti fiż-żmien ta' l-approvazzjoni tal-programm annwali u li jkunu jeħtieġu azzjoni urġenti, Stat Membru jista' jirrevedi sa 10 % tat-tqassim finanzjarju tal-kontribut mill-Fond bejn id-diversi azzjonijiet elenkati fil-programm annwali jew jalloka sa 10 % tat-tqassim bejn l-azzjonijiet oħrajn skond din id-Deċiżjoni. L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar il-programm annwali rivedut.

    Artikolu 24

    Reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-programm pluriennali

    1.   Il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-linji gwida strateġiċi u fejn meħtieġ, tadotta linji gwida strateġiċi riveduti sal-31 ta' Marzu 2010 għall-perijodu mill-2011 sa l-2013.

    2.   Jekk jiġu adottati tali linji gwida strateġiċi riveduti, kull Stat Membru għandu jeżamina l-programm pluriennali tiegħu mill-ġdid u fejn xieraq, jirrevedih.

    3.   Ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 21 dwar it-tħejjija u l-approvazzjoni tal-programmi pluriennali nazzjonali għandhom japplikaw mutatis mutandis għat-tħejjija u l-approvazzjoni ta' dawn il-programmi pluriennali riveduti.

    4.   Il-linji gwida strateġiċi riveduti għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 56(3).

    KAPITOLU V

    SISTEMI TA' ĠESTJONI U KONTROLL

    Artikolu 25

    Implimentazzjoni

    Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni u għandha tadotta tali regoli ta' implimentazzjoni li jistgħu jkunu meħtieġa.

    Artikolu 26

    Prinċipji ġenerali tas-sistemi ta' ġestjoni u kontroll

    Is-sistemi ta' ġestjoni u kontroll tal-programmi pluriennali stabbiliti mill-Istati Membri għandhom jipprovdu:

    (a)

    għad-definizzjoni tal-funzjonijiet tal-korpi konċernati fil-ġestjoni u l-kontroll u l-allokazzjoni tal-funzjonijiet fi ħdan kull korp;

    (b)

    għar-rispett tal-prinċipju ta' separazzjoni tal-funzjonijiet bejn u fi ħdan tali korpi;

    (ċ)

    għal riżorsi adegwati għal kull korp biex iwettaq il-funzjonijiet li jkunu ġew allokati lilu matul il-perijodu kollu ta' l-implimentazzjoni ta' l-azzjonijiet kofinanzjati mill-Fond;

    (d)

    għal proċeduri biex tiġi żgurata l-korrettezza u r-regolarità ta' l-infiq iddikjarat taħt il-programmi annwali;

    (e)

    għal sistemi affidabbli ta' kontabilità, monitoraġġ u rappurtar finanzjarju f'forma kompjuterizzata;

    (f)

    għal sistema ta' rappurtar u monitoraġġ fejn il-korp responsabbli jafda t-twettiq tal-kompiti lil korp ieħor;

    (g)

    għal manwali tal-proċeduri fir-rigward tal-funzjonijiet li għandhom jitwettqu;

    (h)

    għal arranġamenti għall-verifika tat-tħaddim tas-sistema;

    (i)

    għal sistemi u proċeduri biex jiġi żgurat rekord ta' verifika adegwat;

    (j)

    għal proċeduri ta' rappurtar u monitoraġġ għal irregolaritajiet u għall-irkupru ta' ammonti mħallsin indebitament.

    Artikolu 27

    Ħatra ta' awtoritajiet

    1.   Għall-implimentazzjoni tal-programm pluriennali u l-programmi annwali tiegħu l-Istat Membru għandu jaħtar dawn li ġejjin:

    (a)

    awtorità responsabbli: korp funzjonali ta' l-Istat Membru, awtorità pubblika nazzjonali jew korp maħtur mill-Istat Membru jew korp regolat mil-liġi privata ta' l-Istat Membru u li għandu missjoni ta' servizz pubbliku, li se jkun responsabbli għall-ġestjoni tal-programm pluriennali u programmi annwali appoġġati mill-Fond u li għandu jittratta l-komunikazzjonijiet kollha mal-Kummissjoni;

    (b)

    awtorità ta' ċertifikazzjoni: korp jew awtorità pubblika nazzjonali, jew individwu li jaġixxi bħala tali korp jew awtorità, maħtur mill-Istat Membru biex jiċċertifika d-dikjarazzjonijiet ta' l-infiq qabel ma jintbagħtu lill-Kummissjoni;

    (ċ)

    awtorità ta' verifika: awtorità jew korp pubbliku nazzjonali, sakemm jitħaddem b'mod indipendenti mill-awtorità responsabbli u mill-awtorità ta' ċertifikazzjoni, magħżul mill-Istat Membru u responsabbli għall-verifika tat-tħaddim effettiv tas-sistema ta' ġestjoni u kontroll;

    (d)

    fejn xieraq, awtorità delegata.

    2.   L-Istat Membru għandu jistabbilixxi regoli li jirregolaw ir-relazzjonijiet tiegħu ma' l-awtoritajiet imsemmijin fil-paragrafu 1 u r-relazzjonijiet tagħhom mal-Kummissjoni.

    3.   Soġġett għall-Artikolu 26, punt (b), uħud mill-awtoritajiet imsemmijin fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jew kollha kemm huma jistgħu jkunu fi ħdan l-istess korp.

    4.   Ir-regoli għall-implimentazzjoni ta' l-Artikoli 28 sa 32 għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 56(2).

    Artikolu 28

    L-Awtorità responsabbli

    1.   L-awtorità responsabbli għandha tissodisfa l-kondizzjonijiet minimi li ġejjin. Hija għandha:

    (a)

    jkollha personalità ġuridika, ħlief fejn ikun korp funzjonali ta' l-Istat Membru;

    (b)

    jkollha l-infrastruttura meħtieġa biex tikkomunika b'mod faċli ma' sensiela wiesgħa ta' utenti u ma' korpi responsabbli fl-Istati Membri l-oħrajn u mal-Kummissjoni;

    (ċ)

    taħdem f'kuntest amministrattiv li jkun jippermettilha li twettaq il-kompiti tagħha b'mod korrett u li jkun evitat kwalunkwe kunflitt ta' interess;

    (d)

    tkun f'pożizzjoni li tapplika r-regoli ta' ġestjoni tal-fond Komunitarju;

    (e)

    jkollha kapaċitajiet finanzjarji u ta' ġestjoni li jkunu proporzjonati għall-volum tal-fondi Komunitarji li hija jkollha tamministra;

    (f)

    jkollha għad-dispożizzjoni tagħha persunal bi kwalifiki professjonali xierqa għal xogħol amministrattiv f'ambjent internazzjonali.

    2.   L-Istat Membru għandu jipprovdi lill-awtorità responsabbli bil-finanzjament adegwat biex hija tkun tista' tkompli twettaq il-kompiti tagħha sew matul il-perijodu kollu mill-2007 sa l-2013.

    3.   Il-Kummissjoni tista tassisti lill-Istati Membri fit-taħriġ tal-persunal, b'mod partikolari fir-rigward ta' l-applikazzjoni korretta tal-Kapitoli V sa IX.

    Artikolu 29

    Kompiti ta' l-awtorità responsabbli

    1.   L-awtorità responsabbli għandha tkun responsabbli għall-ġestjoni u l-implimentazzjoni tal-programm pluriennali skond il-prinċipju ta' amministrazzjoni finanzjarja soda.

    Hija għandha b'mod partikolari:

    (a)

    tikkonsulta l-imsieħba skond l-Artikolu 12;

    (b)

    tippreżenta lill-Kummissjoni proposti għall-programmi pluriennali u annwali li għalihom jirreferu l-Artikoli 21 u 23;

    (ċ)

    torganizza u tirreklama sejħiet għal offerti u proposti, jekk xieraq;

    (d)

    torganizza l-għażla ta' proġetti għall-finanzjament konġunt ta' azzjonijiet taħt il-Fond skond il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 16(5);

    (e)

    tirċievi l-ħlasijiet imwettqa mill-Kummissjoni, u tħallas lill-benefiċjarji finali;

    (f)

    tiżgura konsistenza u komplementarjetà bejn il-finanzjament konġunt taħt il-Fond u minn strumenti finanzjarji nazzjonali u Komunitarji rilevanti oħrajn;

    (g)

    tissorvelja l-kunsinna tal-prodotti u s-servizzi kofinanzjati u tikkontrolla li l-infiq iddikjarat għall-azzjonijiet ikun fil-fatt sar u jkun konformi mar-regoli Komunitarji u nazzjonali;

    (h)

    tiżgura li jkun hemm sistema ta' reġistrazzjoni u ħażna f'rekords ta' kontabilità ta' forma kompjuterizzata għal kull azzjoni taħt il-programmi annwali u li d-data dwar l-implimentazzjoni li tkun meħtieġa għall-ġestjoni, il-monitoraġġ, il-kontroll u l-evalwazzjoni finanzjarja tinġabar;

    (i)

    tiżgura li l-benefiċjarji finali u l-korpi l-oħra involuti fl-implimentazzjoni ta' l-azzjonijiet kofinanzjati mill-Fond iżommu sistema ta' kontabilità separata jew kodiċi adegwat ta' kontabilità għat-transazzjonijiet kollha relatati ma' l-azzjoni mingħajr ħsara għar-regoli nazzjonali tal-kontabilità;

    (j)

    tiżgura li l-evalwazzjonijiet tal-Fond imsemmijin fl-Artikolu 51 jitwettqu fil-limiti ta' żmien stabbiliti fl-Artikolu 52(2) u jkunu jilħqu l-istandards ta' kwalità miftiehma bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru;

    (k)

    tistabbilixxi proċeduri li jiżguraw li d-dokumenti kollha dwar l-infiq u l-verifika meħtieġa biex ikun żgurat rekord adegwat ta' verifika, jinżammu skond il-ħtiġijiet imsemmijin fl-Artikolu 45;

    (l)

    tiżgura li l-awtorità ta' verifika tirċievi, għall-finijiet tat-twettiq tal-verifiki definiti fl-Artikolu 32(1), l-informazzjoni kollha meħtieġa dwar il-proċeduri ta' ġestjoni li jkunu qed jiġu applikati u dwar il-proġetti kofinanzjati mill-Fond;

    (m)

    tiżgura li l-awtorità ta' ċertifikazzjoni tirċievi l-informazzjoni kollha meħtieġa dwar il-proċeduri u l-verifiki li jitwettqu fir-rigward tan-nefqa għall-fini ta' ċertifikazzjoni;

    (n)

    tfassal u tippreżenta lill-Kummissjoni rapporti ta' progress u rapporti finali dwar l-implimentazzjoni tal-programmi annwali, dikjarazzjonijiet ta' l-infiq iċċertifikati mill-awtorità ta' ċertifikazzjoni u talbiet għal ħlas, jew, fejn ikun xieraq, dikjarazzjonijiet ta' rimborż;

    (o)

    twettaq attivitajiet ta' informazzjoni u konsultattivi u xxerred ir-riżultati ta' l-azzjonijiet appoġġati;

    (p)

    tikkoopera mal-Kummissjoni u ma' l-awtoritajiet responsabbli fl-Istati Membri l-oħrajn;

    (q)

    tivverifika l-implimentazzjoni mill-benefiċjarji finali tal-linji gwida msemmija fl-Artikolu 35(6).

    2.   L-attivitajiet ta' ġestjoni ta' l-awtorità responsabbli għall-proġetti implimentati fl-Istati Membri jistgħu jiġu ffinanzjati taħt l-arranġamenti ta' assistenza teknika msemmijin fl-Artikolu 18.

    Artikolu 30

    Delegazzjoni ta' kompiti mill-awtorità responsabbli

    1.   Fejn il-kompiti kollha ta' l-awtorità responsabbli, jew uħud minnhom, jiġu delegati lil awtorità delegata, l-awtorità responsabbli għandha tiddefinixxi l-kamp ta' applikazzjoni tal-kompiti delegati, u tistabbilixxi proċeduri dettaljati għall-implimentazzjoni tal-kompiti delegati, li għandhom ikunu konformi mal-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 28.

    2.   Dawn il-proċeduri għandhom jinkludu l-għoti ta' informazzjoni regolari lill-awtorità responsabbli dwar il-prestazzjoni effettiva tal-kompiti delegati u deskrizzjoni tal-mezzi li jkunu ntużaw.

    Artikolu 31

    Awtorità ta' ċertifikazzjoni

    1.   L-awtorità ta' ċertifikazzjoni għandha:

    (a)

    tiċċertifika li:

    (i)

    id-dikjarazzjoni ta' l-infiq hija preċiża, tirriżulta minn sistemi ta' kontabilità affidabbli u hija bbażata fuq dokumenti ta' appoġġ verifikabbli,

    (ii)

    l-infiq iddikjarat ikun konformi mar-regoli Komunitarji u nazzjonali applikabbli u jkun sar għall-azzjonijiet magħżulin skond il-kriterji applikabbli għall-programm u li jkunu konformi mar-regoli Komunitarji u nazzjonali;

    (b)

    tiżgura għall-finijiet ta' ċertifikazzjoni li tkun irċeviet informazzjoni adegwata mill-awtorità responsabbli dwar il-proċeduri u l-verifiki mwettqa fir-rigward ta' l-infiq inkluż fid-dikjarazzjonijiet ta' l-infiq;

    (ċ)

    tieħu kont għall-finijiet taċ-ċertifikazzjoni tar-riżultati tal-verifiki kollha li jkunu twettqu minn jew taħt ir-responsabbiltà ta' l-awtorità ta' verifika;

    (d)

    iżżomm rekords ta' kontabilità f'forma kompjuterizzata ta' l-infiq iddikjarat lill-Kummissjoni;

    (e)

    tivverifika l-irkupru ta' kwalunkwe finanzjament Komunitarju li jinstab li tħallas indebitament bħala riżultat ta' irregolaritajiet li jiġu identifikati, flimkien ma' l-imgħax fejn ikun il-każ;

    (f)

    iżżomm kont ta' l-ammonti rekuperabbli u tħallas lura lill-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea l-ammonti rkuprati, fejn huwa possibbli billi dawn jitnaqqsu mid-dikjarazzjoni ta' l-infiq li jmiss.

    2.   L-attivitajiet ta' l-awtorità ta' ċertifikazzjoni relatati mal-proġetti implimentati fl-Istati Membri jistgħu jiġu ffinanzjati taħt l-arranġamenti ta' l-assistenza teknika msemmija fl-Artikolu 18, sakemm il-prerogattivi ta' din l-awtorità, kif deskritt fl-Artikolu 27, jiġu rispettati.

    Artikolu 32

    Awtorità ta' Verifika

    1.   L-awtorità ta' verifika għandha:

    (a)

    tiżgura li l-verifiki jitwettqu biex jiġi verifikat it-tħaddim effettiv tas-sistema ta' ġestjoni u kontroll;

    (b)

    tiżgura li jsiru l-verifiki ta' l-azzjonijiet abbażi ta' kampjun xieraq biex tivverifika l-infiq iddikjarat; il-kampjun għandu jirrappreżenta mill-inqas 10 % ta' l-infiq eliġibbli kollu għal kull programm annwali;

    (ċ)

    tippreżenta lill-Kummissjoni, fi żmien sitt xhur mill-approvazzjoni tal-programm pluriennali, strateġija ta' verifika li tkopri l-korpi li se jwettqu l-verifiki msemmijin taħt il-punti (a) u (b), b'hekk jiġi tiżgura li l-benefiċjarji ewlenin tal-finanzjament konġunt mill-Fond jiġu verifikati, u li l-verifiki jkunu mifruxin b'mod uniformi matul il-perijodu kollu tal-programmazzjoni.

    2.   Fejn l-awtorità ta' verifika maħtura taħt din id-deċiżjoni tkun ukoll l-awtorità ta' verifika maħtura taħt id-Deċiżjonijiet Nru 573/2007/KE, Nru 575/2007/KE u 2007/.../KE jew fejn sistemi komuni jkunu japplikaw għal tnejn minn dawn il-Fondi jew aktar, tista' tiġi sottomessa strateġija unika kombinata ta' verifika taħt il-punt (ċ) tal-paragrafu 1.

    3.   Għal kull programm annwali, l-awtorità ta' verifika għandha tabbozza rapport li għandu jinkludi:

    (a)

    rapport ta' verifika annwali li jistabbilixxi r-riżultati tal-verifiki li jkunu twettqu skond l-istrateġija ta' verifika fir-rigward tal-programm annwali u li jirrapporta kwalunkwe nuqqasijiet li jkunu instabu fis-sistemi ta' ġestjoni u kontroll tal-programm;

    (b)

    opinjoni, abbażi tal-kontrolli u l-verifiki li jkunu saru taħt ir-responsabbiltà ta' l-awtorità ta' verifika, dwar jekk it-tħaddim tas-sistema ta' ġestjoni u kontroll tipprovdix assigurazzjoni raġonevoli li d-dikjarazzjonijiet ta' l-infiq ippreżentati lill-Kummissjoni huma korretti u li t-transazzjonijiet sottostanti huma legali u regolari;

    (ċ)

    dikjarazzjoni li tivvaluta l-validità tat-talba għall-ħlas jew dikjarazzjoni ta' rimborż tal-bilanċ finali u l-legalità u r-regolarità ta' l-infiq konċernat.

    4.   L-awtorità ta' verifika għandha tiżgura li l-ħidma ta' verifika tqis l-istandards ta' verifika aċċettati internazzjonalment.

    5.   Il-verifika relatata mal-proġetti implimentati fl-Istati Membri jistgħu jiġu ffinanzjati taħt l-arranġamenti ta' assistenza teknika msemmija fl-Artikolu 18, sakemm il-prerogattivi ta' l-awtorità tal-verifika, kif deskritt fl-Artikolu 27, jiġu rispettati.

    KAPITOLU VI

    RESPONSABBILTAJIET U KONTROLLI

    Artikolu 33

    Responsabbiltajiet ta' l-Istati Membri

    1.   L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli biex jiżguraw amministrazzjoni finanzjarja soda tal-programmi pluriennali u annwali u l-legalità u r-regolarità tat-transazzjonijiet sottostanti.

    2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet responsabbli u kwalunkwe awtorità delegata, l-awtoritajiet ta' ċertifikazzjoni, l-awtoritajiet ta' verifika u kwalunkwe korp ieħor konċernat jirċievu gwida adegwata dwar l-istabbiliment tas-sistemi ta' ġestjoni u kontroll msemmijin fl-Artikoli 26 sa 32 biex jiġi żgurat li l-finanzjament Komunitarju jintuża b'mod effiċjenti u korrett.

    3.   L-Istati Membri għandhom jimpedixxu, jidentifikaw u jikkoreġu l-irregolaritajiet. Huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar dawn, u jżommu lill-Kummissjoni informata dwar il-progress li jkun sar fil-proċedimenti amministrattivi u legali.

    Meta ammonti mħallsa indebitament lil benefiċjarju finali ma jkunux jistgħu jiġu rkuprati, l-Istat Membru kkonċernat għandu jkun responsabbli biex iħallas lura l-ammonti mitlufin lill-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea meta jiġi stabbilit li t-telf ikun iġġarrab minħabba nuqqas jew negliġenza tiegħu.

    4.   L-Istati Membri għandhom ikunu primarjament responsabbli għall-kontroll finanzjarju ta' l-azzjonijiet u għandhom jiżguraw li s-sistemi u l-verifiki ta' ġestjoni u kontroll jiġu implimentati b'tali mod li jiggarantixxi li l-fondi Komunitarji jintużaw sew u b'mod effettiv. Dawn għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b'deskrizzjoni ta' dawn is-sistemi.

    5.   Ir-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-paragrafi 1 sa 4 għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 56(2).

    Artikolu 34

    Sistemi ta' ġestjoni u kontroll

    1.   Qabel l-approvazzjoni mill-Kummissjoni tal-programm pluriennali, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 56(2), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sistemi ta' ġestjoni u kontroll ikunu ġew stabbiliti skond l-Artikoli 26 sa 32. Huma għandhom ikunu responsabbli biex jiżguraw li s-sistemi jaħdmu b'mod effettiv matul il-perijodu kollu tal-programmazzjoni.

    2.   Flimkien ma' l-abbozz tal-programm pluriennali tagħhom, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni deskrizzjoni ta' l-organizzazzjoni u l-proċeduri ta' l-awtoritajiet responsabbli, l-awtoritajiet delegati u l-awtoritajiet ta' ċertifikazzjoni, u s-sistemi ta' verifika interni li jkunu qed jitħaddmu f'dawk l-awtoritajiet u l-korpi, fl-awtorità ta' verifika, u fi kwalunkwe korp ieħor li jwettaq il-verifiki taħt ir-responsabbiltà tagħha.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-applikazzjoni ta' din id-dispożizzjoni fil-kuntest tat-tħejjija tar-rapport għall-perijodu mill-2007 sa l-2010 imsemmi fl-Artikolu 52(3).

    Artikolu 35

    Responsabbiltajiet tal-Kummissjoni

    1.   Il-Kummissjoni għandha taċċerta, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 34, li l-Istati Membri jkunu stabbilixxew sistemi ta' ġestjoni u kontroll li jkunu konformi ma' l-Artikoli 26 sa 32, u abbażi tar-rapporti dwar verifiki annwali u l-verifiki tagħha stess, li dawn is-sistemi jitħaddmu b'mod effettiv matul il-perijodu tal-programmazzjoni.

    2.   Mingħajr ħsara għall-verifiki mwettqa mill-Istati Membri, l-uffiċjali tal-Kummissjoni jew ir-rappreżentanti awtorizzati tal-Kummissjoni jistgħu jwettqu kontrolli fuq il-post biex jivverifikaw it-tħaddim effettiv tas-sistemi ta' ġestjoni u kontroll, li jistgħu jinkludu verifiki ta' azzjonijiet inklużi fil-programmi annwali, b'avviż ta' mill-inqas tliet ijiem ta' xogħol. L-uffiċjali u r-rappreżentanti awtorizzati ta' l-Istat Membru kkonċernat jistgħu jieħdu sehem f'tali verifiki.

    3.   Il-Kummissjoni tista' titlob lil Stat Membru jwettaq kontrolli fuq il-post biex jivverifika t-tħaddim korrett tas-sistemi jew il-korrettezza ta' transazzjoni waħda jew aktar. Uffiċjali tal-Kummissjoni jew rappreżentanti awtorizzati tal-Kummissjoni jistgħu jieħdu sehem f'tali kontrolli.

    4.   Il-Kummissjoni, flimkien ma' l-Istati Membri, għandha tiżgura li l-azzjonijiet appoġġati mill-Fond jingħataw informazzjoni, pubbliċità u segwitu xierqa.

    5.   Il-Kummissjoni, flimkien ma' l-Istati Membri, għandha tiżgura li l-azzjonijiet ikunu konsistenti ma', u komplementari għal, linji politiċi, strumenti u inizjattivi Komunitarji rilevanti oħrajn.

    6.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi linji gwida biex tiżgura l-viżibbiltà tal-finanzjament mogħti taħt din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 36

    Kooperazzjoni ma' l-awtoritajiet tal-verifika ta' l-Istati Membri

    1.   Il-Kummissjoni għandha tikkoopera ma' l-awtoritajiet ta' verifika biex tikkoordina l-pjanijiet ta' verifika u l-metodi rispettivi tagħhom u għandha minnufih tiskambja r-riżultati tal-verifiki mwettqin fuq is-sistemi ta' ġestjoni u kontroll sabiex isir l-aħjar użu possibbli tar-riżorsi ta' kontroll u biex jiġi evitat xogħol dupplikat mhux ġustifikat.

    Il-Kummissjoni għandha tipprovdi l-kummenti tagħha dwar l-istrateġija ta' verifika ppreżentata taħt l-Artikolu 32 sa mhux aktar tard minn tliet xhur minn meta tirċeviha.

    2.   Meta tiddetermina l-istrateġija ta' verifika tagħha, il-Kummissjoni għandha tidentifika dawk il-programmi annwali li hija tikkunsidra sodisfaċenti abbażi ta' l-għarfien eżistenti tagħha tas-sistemi ta' tmexxija u kontroll.

    Għal dawk il-programmi, il-Kummissjoni tista' tikkonkludi li hija tista' tafda prinċipalment fl-evidenza ta' verifika pprovduta mill-Istati Membri u li hija ser twettaq il-kontrolli tagħha fuq il-post biss jekk ikun hemm evidenza li tissuġġerixxi nuqqasijiet fis-sistemi.

    KAPITOLU VII

    ĠESTJONI FINANZJARJA

    Artikolu 37

    Eliġibbiltà – dikjarazzjonijiet ta' l-infiq

    1.   Id-dikjarazzjonijiet kollha ta' l-infiq għandhom jinkludu l-ammont ta' l-infiq li jkun sar mill-benefiċjarji finali biex jimplimentaw l-azzjonijiet u l-kontribuzzjoni li tikkorrespondi mill-fondi pubbliċi jew privati.

    2.   In-nefqa għandha tkun tikkorrispondi għall-pagamenti li jkunu saru mill-benefiċjarji finali. Din għandha tkun ġustifikata b'fatturi mmarkati bħala mħallsa jew b'dokumenti ta' kontabilità ta' valur evidenzjali ekwivalenti.

    3.   In-nefqa tista' tiġi kkunsidrat bħala eliġibbli għal appoġġ mill-Fond biss jekk tiġi effettivament imħallsa mhux qabel l-1 ta' Jannar tas-sena msemmija fid-deċiżjoni ta' finanzjament, li tapprova l-programm annwali msemmi fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 23(4). L-azzjonijiet ko-finanzjati m'għandhomx ikunu tlestew qabel id-data tal-bidu għall-eliġibbiltà.

    B'eċċezzjoni, il-perijodu li għalih l-infiq hu eliġibbli għandu jkun iffissat għal tliet snin għall-infiq li jimplimenta l-azzjonijiet appoġġati taħt il-programmi annwali ta' l-2007.

    4.   Ir-regoli li jirregolaw l-eliġibbiltà tan-nefqa fil-qafas ta' l-azzjonijiet implimentati li jkunu ko-finanzjati mill-Fond fl-Istati Membri taħt l-Artikolu 4 għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 56(2).

    Artikolu 38

    Kompletezza ta' ħlas lil benefiċjarji finali

    L-Istati Membri għandhom jaċċertaw li l-awtorità responsabbli tiżgura li l-benefiċjarji finali jirċievu l-ammont totali tal-kontribut mill-fondi pubbliċi malajr kemm jista' jkun. L-ebda ammont m'għandu jitnaqqas jew jinżamm, lanqas m'għandha titħallas xi spiża speċifika ulterjuri jew spiża oħra b'effett ekwivalenti li tnaqqas dawn l-ammonti għall-benefiċjarji finali, sakemm il-benefiċjarji finali jissodisfaw il-ħtiġijiet kollha rigward l-eleġibbiltà ta' l-azzjonijiet u l-ispejjeż.

    Artikolu 39

    Użu tal-euro

    1.   L-ammonti stabbiliti fl-abbozz tal-programmi pluriennali u annwali ta' l-Istati Membri msemmijin fl-Artikoli 21 u 23 rispettivament, id-dikjarazzjonijiet iċċertifikati ta' l-infiq, it-talbiet għal ħlas imsemmijin fl-Artikolu 29(1), punt (n) u l-infiq imsemmi fir-rapporti ta' progress dwar l-implimentazzjoni tal-programm annwali msemmijin fl-Artikolu 41(4) u r-rapport finali dwar l-implimentazzjoni tal-programm annwali msemmi fl-Artikolu 53 għandhom jidhru f'euro.

    2.   Id-deċiżjonijiet ta' finanzjament tal-Kummissjoni li japprovaw il-programmi annwali ta' l-Istati Membri msemmijin fit-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 23(4), l-impenji tal-Kummissjoni u l-ħlasijiet tal-Kummissjoni għandhom jidhru u jitwettqu f'euros.

    3.   L-Istati Membri li m'adottawx il-euro bħala l-munita tagħhom fid-data tat-talba għall-ħlas għandhom jibdlu f'euro l-ammonti ta' l-infiq li jsir fil-munita nazzjonali. Dan l-ammont għandu jiġi konvertit f'euro bl-użu tar-rata tal-kambju tal-kontabilità mensili tal-Kummissjoni fix-xahar li matulu l-infiq jiddaħħal fil-kontijiet ta' l-awtorità responsabbli tal-programm konċernat. Din ir-rata għandha tiġi ppubblikata elettronikament kull xahar mill-Kummissjoni.

    4.   Meta l-euro ssir il-munita ta' Stat Membru, il-proċedura ta' konverżjoni stabbilita fil-paragrafu 3 għandha tkompli tapplika għall-infiq kollu rreġistrat fil-kontijiet mill-awtorità ta' ċertifikazzjoni qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tar-rata fissa ta' konverżjoni bejn il-munita nazzjonali u l-euro.

    Artikolu 40

    Impenji

    L-impenji baġitarji Komunitarji għandhom isiru kull sena abbażi tad-deċiżjoni ta' finanzjament tal-Kummissjoni, li tapprova l-programm annwali msemmi fit-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 23(4).

    Artikolu 41

    Ħlasijiet – Finanzjament minn qabel

    1.   Ħlasijiet mill-Kummissjoni tal-kontribut mill-Fond għandhom isiru skond l-impenji baġitarji.

    2.   Il-ħlasijiet għandhom ikunu f'forma ta' finanzjament minn qabel u ta' ħlas tal-bilanċ. Huma għandhom isiru lill-awtorità responsabbli maħtura mill-Istat Membru.

    3.   L-ewwel ħlas ta' finanzjament minn qabel li jirrappreżenta 50 % ta' l-ammont allokat fid-deċiżjoni ta' finanzjament li tapprova l-programm annwali għandu jsir lill-Istat Membru fi żmien sittin jum wara l-adozzjoni ta' dik id-deċiżjoni.

    4.   It-tieni ħlas ta' finanzjament minn qabel għandu jsir sa mhux aktar tard minn tliet xhur wara li l-Kummissjoni tkun approvat, fi żmien xahrejn mis-sottomissjoni formali ta' talba għal ħlas minn Stat Membru, rapport ta' progress dwar l-implimentazzjoni tal-programm annwali u dikjarazzjoni ċertifikata ta' l-infiq imfassal skond l-Artikoli 31(1)(a) u l-Artikolu 37 li jammonta għal mill-inqas 60 % ta' l-ammont tal-ħlas inizjali.

    L-ammont tat-tieni ħlas ta' finanzjament minn qabel imwettaq mill-Kummissjoni m'għandux jaqbeż 50 % ta' l-ammont totali allokat mid-deċiżjoni ta' finanzjament, li tapprova l-programm annwali u, fi kwalunkwe każ, fejn Stat Membru impenja nazzjonalment ammont inqas mill-ammont indikat fid-deċiżjoni ta' finanzjament, li tapprova l-programm annwali, il-bilanċ ta' l-ammont tal-fondi Komunitarji li kien fil-fatt impenjat mill-Istat Membru għall-proġetti magħżulin taħt il-programm annwali bit-tnaqqis ta' l-ewwel ħlas ta' finanzjament minn qabel.

    5.   Kull imgħax iġġenerat mill-ħlasijiet ta' finanzjament minn qabel għandhom jiġu assenjati lill-programm annwali konċernat, filwaqt li jitqiesu bħala riżors għall-Istat Membru bħala kontribut pubbliku nazzjonali u għandhom jiġu ddikjarati lill-Kummissjoni fiż-żmien tad-dikjarazzjoni ta' l-infiq rigward ir-rapport finali dwar l-implimentazzjoni tal-programm annwali kkonċernat.

    6.   L-ammonti mħallsin bħala finanzjament minn qabel għandhom jitħallsu mill-kontijiet meta l-programm annwali jintemm.

    Artikolu 42

    Ħlasijiet tal-bilanċ

    1.   Il-Kummissjoni għandha tħallas il-bilanċ sakemm tkun irċeviet id-dokumenti li ġejjin sa mhux aktar tard minn disa' xhur wara l-iskadenza ta' l-eleġibbiltà għall-infiq stabbilit fid-deċiżjoni ta' finanzjament, li tapprova l-programm annwali:

    (a)

    dikjarazzjoni ċertifikata ta' l-infiq u talba għall-ħlas tal-bilanċ jew dikjarazzjoni tar-rimborż debitament imfassla skond l-Artikolu 31(1) (a) u l-Artikolu 37;

    (b)

    ir-rapport finali dwar l-implimentazzjoni tal-programm annwali kif stabbilit fl-Artikolu 53;

    (ċ)

    ir-rapport ta' verifika annwali, l-opinjoni u d-dikjarazzjoni previsti fl-Artikolu 32(3).

    Il-ħlas tal-bilanċ għandu jkun soġġett għall-aċċettazzjoni tar-rapport finali dwar l-implimentazzjoni tal-programm annwali u d-dikjarazzjoni li tevalwa l-validità tat-talba għall-ħlas tal-bilanċ.

    2.   Jekk l-awtorità responsabbli tonqos milli tipprovdi d-dokumenti meħtieġa fil-paragrafu 1 sad-data ta' l-għeluq u f'forma aċċettabbli, il-Kummissjoni għandha tħassar kwalunkwe parti mill-impenn tal-baġit tal-programm annwali korrispondenti li ma tkunx intużat għall-ħlas tal-finanzjament minn qabel.

    3.   Il-proċedura ta' kanċellazzjoni awtomatika mfissra fil-paragrafu 2 għandha tiġi sospiża, għall-ammont tal-proġetti konċernati, fejn proċedimenti legali jew appell amminstrattiv li jkollu effetti ta' sospensjoni jkunu għadhom għaddejjin fil-livell ta' Stat Membru meta d-dokumenti definiti fil-paragrafu 1 jiġu ppreżentati. L-Istat Membru, fir-rapport finali li jkun ġie ppreżentat, għandu jagħti informazzjoni dettaljata dwar tali proġetti, u jibgħat rapporti dwar progress li jkun sar fir-rigward ta' dawn il-proġetti kull sitt xhur. Fi żmien tliet xhur mill-konklużjoni tal-proċedimenti legali jew il-proċedura ta' appell amministrattiv, l-Istat Membru għandu jippreżenta d-dokumenti meħtieġa fil-paragrafu 1 għall-proġetti kkonċernati.

    4.   Il-perijodu ta' disa' xhur msemmi fil-paragrafu 1 għandu jieqaf milli jiddekorri jekk il-Kummissjoni tadotta deċiżjoni li tissospendi l-ħlasijiet tal-finanzjament konġunt għall-programm annwali rilevanti skond l-Artikolu 44. Il-perijodu għandu jerġa' jibda għaddej mid-data meta d-deċiżjoni tal-Kummissjoni msemmija fl-Artikolu 44(3) tkun ġiet notifikata lill-Istat Membru.

    5.   Mingħajr ħsara għall-Artikolu 43, fi żmien sitt xhur mir-riċeviment tad-dokumenti msemmijin fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Istat Membru dwar l-ammont ta' l-infiq rikonoxxut mill-Kummissjoni bħala li għandu jitħallas mill-Fond, u dwar kwalunkwe korrezzjoni finanzjarja li tkun ġejja mid-differenza bejn l-infiq iddikjarat u l-infiq rikonoxxut. L-Istat Membru għandu jingħata tliet xhur biex jippreżenta l-kummenti tiegħu.

    6.   Fi żmien tliet xhur mir-riċeviment tal-kummenti ta' l-Istat Membru, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-ammont ta' l-infiq rikonoxxut bħala li għandu jitħallas mill-Fond, u tirkupra l-bilanċ li jkun ġej mid-differenza bejn l-infiq finali rikonoxxut u s-somom li jkunu diġà tħallsu lil dak l-Istat Membru.

    7.   Soġġett għall-fondi disponibbli, il-Kummissjoni għandha tħallas il-bilanċ f'mhux iktar minn sittin jum mid-data li fiha din taċċetta d-dokumenti msemmijin fil-paragrafu 1. Il-bilanċ ta' l-impenn baġitarju għandu jiġi diżimpenjat fi żmien sitt xhur wara l-ħlas.

    Artikolu 43

    Żamma tal-ħlas

    1.   Il-ħlas għandu jinżamm mill-uffiċjal ta' awtorizzazzjoni b'delega skond it-tifsira tar-Regolament Finanzjarju għal perijodu massimu ta' sitt xhur jekk:

    (a)

    f'rapport ta' korp ta' verifika nazzjonali jew Komunitarju jkun hemm provi li jissuġġerixxu defiċjenza sinifikattiva fit-tħaddim tas-sistemi ta' ġestjoni u kontroll;

    (b)

    dak l-uffiċjal ikollu jwettaq verifiki addizzjonali wara li tkun ġiet għall-attenzjoni tiegħu 'informazzjoni li turieh li l-infiq f'dikjarazzjoni ċertifikata ta' l-infiq hija marbuta ma' irregolarità serja li ma ġietx ikkorreġuta.

    2.   L-Istat Membru u l-awtorità responsabbli għandhom jiġu informati minnufih dwar ir-raġunijiet għaż-żamma tal-pagament. Il-ħlas għandu jinżamm hekk kif l-Istat Membru jkun ħa l-miżuri meħtieġa.

    Artikolu 44

    Sospensjoni tal-ħlasijiet

    1.   Il-ħlasijiet kollha tal-finanzjament minn qabel u tal-bilanċ, jew parti minnhom, jistgħu jiġu sospiżi mill-Kummissjoni meta:

    (a)

    jkun hemm nuqqas serju fis-sistema ta' ġestjoni u kontroll tal-programm li jaffettwa l-affidabbiltà tal-proċedura għaċ-ċertifikazzjoni tal-ħlasijiet u li għalih ma jkunux ittieħdu miżuri korrettivi; jew

    (b)

    l-infiq f'dikjarazzjoni ċertifikata ta' infiq ikun marbut ma' irregolarità serja li ma tkunx ġiet ikkorreġuta; jew

    (ċ)

    Stat Membru ma jkunx ikkonforma ma' l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 33 u 34.

    2.   Il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tissospendi l-ħlasijiet tal-finanzjament minn qabel u tal-bilanċ wara li tkun tat l-opportunità lill-Istat Membru biex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu f'perijodu ta' tliet xhur.

    3.   Il-Kummissjoni għandha ttemm is-sospensjoni tal-ħlasijiet tal-finanzjament minn qabel u tal-bilanċ meta din tqis li l-Istat Membru jkun ħa l-miżuri meħtieġa kollha biex is-sospensjoni tkun tista' titneħħa.

    4.   Fejn l-Istat Membru ma jieħux il-miżuri neċessarji, il-Kummissjoni tista' tadotta deċiżjoni biex tikkanċella l-kontribut Komunitarju kollu jew parti minnu għall-programm annwali, skond l-Artikolu 48.

    Artikolu 45

    Żamma tad-dokumenti

    Mingħajr ħsara għar-regoli li jirregolaw l-għajnuna ta' l-Istat taħt l-Artikolu 87 tat-Trattat, l-awtorità responsabbli għandha tiżgura li d-dokumenti ta' appoġġ kollha rigward l-infiq u l-verifiki tal-programmi kkonċernati jinżammu disponibbli għall-Kummissjoni u l-Qorti ta' l-Awdituri għal perijodu ta' ħames snin wara l-għeluq tal-programmi bi qbil ma' l-Artikolu 42(1).

    Dan il-perijodu għandu jiġi interrott jew fil-każ ta' proċedimenti legali jew fuq talba debitament sostanzjata mill-Kummissjoni.

    Id-dokumenti għandhom jinżammu fil-forma ta' l-oriġinali jew f'verżjonijiet iċċertifikati li huma konformi ma' l-oriġinali fuq mezzi ta' żamma ta' data ġeneralment aċċettati.

    KAPITOLU VIII

    KORREZZJONIJIET FINANZJARJI

    Artikolu 46

    Korrezzjonijiet finanzjarji mill-Istati Membri

    1.   L-Istati Membri għandhom jerfgħu primarjament r-responsabbiltà għall-investigazzjoni ta' irregolaritajiet, billi jaġixxu fuq il-provi ta' kull bidla ewlenija li taffettwa n-natura jew il-kondizzjonijiet għall-implimentazzjoni jew il-kontroll tal-programmi u jagħmlu l-korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa.

    2.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa marbuta ma' l-irregolaritajiet individwali jew sistematiċi li jkunu nstabu fl-azzjonijiet jew fil-programmi annwali.

    Korrezzjonijiet magħmula mill-Istati Membri għandhom jikkonsistu fil-kanċellazzjoni, u jekk ikun applikabbli, fl-irkupru tal-kontribut Komunitarju kollu jew ta' parti minnu. Fejn l-ammont ma jiġix imħallas lura fiż-żmien permess mill-Istat Membru rilevanti, għandu jkun dovut imgħax minħabba nuqqas ta' ħlas bir-rata prevista fl-Artikolu 49(2). L-Istati Membri għandhom iqisu n-natura u l-gravità ta' l-irregolaritajiet u t-telf finanzjarju għall-Fond.

    3.   Fil-każ ta' irregolaritajiet sistemiċi l-Istati Membri għandhom jestendu l-inkjesti tiegħu biex ikopru l-operazzjonijiet li jistgħu jiġu affettwati.

    4.   L-Istati Membri għandhom jinkludu fir-rapport finali dwar l-implimentazzjoni tal-programm annwali msemmi fl-Artikolu 53 lista ta' proċeduri ta' kanċellazzjoni mibdija għall-programm annwali konċernat.

    Artikolu 47

    Verifika ta' kontijiet u korrezzjonijiet finanzjarji mill-Kummissjoni

    1.   Mingħajr ħsara għas-setgħat tal-Qorti ta' l-Awdituri jew il-kontrolli mwettqa mill-Istati Membri skond liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali, uffiċjali tal-Kummissjoni jew rappreżentanti awtorizzati tal-Kummissjoni jistgħu jwettqu kontrolli fuq il-post, inklużi kontrolli ta' kampjuni, ta' l-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fond u ta' sistemi ta' ġestjoni u kontroll b'notifika ta' mill-inqas tliet ijiem ta' xogħol. Il-Kummissjoni għandha tavża lill-Istati Membri kkonċernati bil-ħsieb li tikseb l-assistenza kollha meħtieġa. L-uffiċjali jew ir-rappreżentanti awtorizzati ta' l-Istat Membru kkonċernat jistgħu jieħdu sehem f'tali kontrolli.

    Il-Kummissjoni tista' titlob lill-Istat Membru kkonċernat sabiex iwettaq kontrolli fuq il-post biex jivverifika l-korrettezza ta' waħda jew iżjed mit-transazzjonijiet. L-uffiċjali tal-Kummissjoni jew ir-rappreżentanti awtorizzati tal-Kummissjoni jistgħu jieħdu sehem f'tali kontrolli.

    2.   Jekk, wara li jkunu tlestew il-verifiki meħtieġa, il-Kummissjoni tikkonkludi li Stat Membru ma jkunx konformi ma' l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 33, hija għandha tissospendi l-ħlas tal-finanzjament minn qabel jew tal-bilanċ skond l-Artikolu 44.

    Artikolu 48

    Kriterji għall-korrezzjonijiet

    1.   Il-Kummissjoni tista' tagħmel korrezzjonijiet finanzjarji billi tħassar il-kontribut Komunitarju kollu jew parti minnu għal programm annwali fejn, wara li jitwettaq l-eżami meħtieġ, hija tikkonkludi li:

    (a)

    hemm nuqqas serju fis-sistema ta' ġestjoni u kontroll tal-programm li qiegħed f'riskju l-kontribut Komunitarju li jkun diġà tħallas lill-programm;

    (b)

    l-infiq imsemmi f'dikjarazzjoni ċertifikata ta' infiq ikun irregolari u ma jkunx ġie korret mill-Istat Membru qabel il-ftuħ tal-proċedura ta' korrezzjoni taħt dan il-paragrafu;

    (ċ)

    Stat Membru ma jkunx ikkonforma ma' l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 33 qabel il-ftuħ tal-proċedura ta' korrezzjoni taħt dan il-paragrafu.

    Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi wara li tkun qieset kwalunkwe kumment imwettaq mill-Istat Membru.

    2.   Il-Kummissjoni għandha tibbaża l-korrezzjonijiet finanzjarji tagħha fuq każijiet individwali ta' irregolaritajiet identifikati, filwaqt li tqis in-natura sistemika ta' l-irregolarità biex jiġi determinat jekk għandhiex tiġi applikata korrezzjoni b'rata fissa jew korrezzjoni estrapolata. Fejn il-każ ta' irregolarità jkun relatat ma' dikjarazzjoni ta' infiq li għalih tkun ingħatat assigurazzjoni raġonevoli mill-awtorità tal-verifika skond l-Artikolu 32(3) (b), ser jiġi preżunt li hemm problema sistematika li twassal għall-applikazzjoni ta' korrezzjoni b'rata fissa jew estrapolata, sakemm l-Istat Membru ma jġibx prova fi żmien tliet xhur li tirribatti din il-preżunzjoni.

    3.   Meta tiddeċiedi l-ammont ta' korrezzjoni, il-Kummissjoni għandha tqis l-importanza ta' l-irregolarità u l-medda u l-implikazzjonijiet finanzjarji tan-nuqqasijiet li jkunu nstabu fil-programm annwali konċernat.

    4.   Fejn il-Kummissjoni tibbaża l-pożizzjoni tagħha fuq il-fatti stabbiliti mill-awdituri għajr dawk tas-servizzi tagħha stess, hija għandha tiġbed il-konklużjonijiet tagħha dwar il-konsegwenzi finanzjarji, wara li tkun eżaminat il-miżuri meħuda mill-Istat Membru kkonċernat taħt l-Artikolu 34, ir-rapporti ta' irregolaritajiet notifikati u kwalunkwe tweġiba mill-Istat Membru.

    Artikolu 49

    Ħlas lura

    1.   Kwalunkwe ħlas lura li għandu jsir lill-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea għandu jsir qabel id-data ta' l-għeluq indikata fl-ordni għall-irkupru li tkun tfasslet skond l-Artikolu 72 tar-Regolament Finanzjarju. Din id-data ta' l-għeluq għandha tkun l-aħħar ġurnata tat-tieni xahar wara l-ħruġ ta' l-ordni.

    2.   Kwalunkwe dewmien tal-ħlas lura għandu jwassal għal imgħax fuq il-ħlas tard, li jibdew fid-data ta' l-għeluq u jintemmu fid-data ta' meta fil-fatt isir il-ħlas. Ir-rata ta' tali imgħax għandha tkun dik applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet prinċipali tiegħu ta' finanzjament mill-ġdid, kif ippubblikata fis-serje C tal-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea, li tkun fis-seħħ fl-ewwel jum tal-kalendarju tax-xahar li fih taqa' d-data ta' l-għeluq, biż-żieda ta' tliet punti perċentwali u nofs.

    Artikolu 50

    Obbligi ta' l-Istati Membri

    Korrezzjoni finanzjarja mill-Kummissjoni m'għandhiex tippreġudika l-obbligu ta' Stat Membru li jissokta bl-irkupri taħt l-Artikolu 46.

    KAPITOLU IX

    MONITORAĠĠ, EVALWAZZJONI U RAPPORTI

    Artikolu 51

    Monitoraġġ u evalwazzjoni

    1.   Il-Kummissjoni għandha twettaq monitoraġġ regolari tal-Fond f'koperazzjoni ma' l-Istati Membri.

    2.   Il-Fond għandu jiġi evalwat mill-Kummissjoni fi sħubija ma' l-Istati Membri biex jiġu evalwati r-relevanza, l-effikaċja u l-impatt ta' l-azzjonijiet fid-dawl ta' l-objettiv ġenerali msemmi fl-Artikolu 3 fil-kuntest tat-tħejjija għar-rapport stabbilit fl-Artikolu 52(3).

    3.   Il-Kummissjoni għandha tqis ukoll il-komplementarjetà bejn l-azzjonijiet implimentati taħt il-Fond u dawk segwiti taħt linji politiċi, strumenti u inizjattivi rilevanti Komunitarji oħrajn.

    4.   Bħala parti mir-rapport għall-perijodu mill-2007 sa l-2010 imsemmi fl-Artikolu 52(3) punt (ċ), il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-impatt tal-Fond dwar l-iżvilupp tal-politika u l-leġislazzjoni fuq il-kontroll tal-fruntieri esterni, tivvaluta s-sinerġiji bejn il-Fond u x-xogħlijiet ta' l-Aġenzija kif ukoll l-adegwatezza tal-kriterji stabbiliti biex ikunu allokati l-fondi bejn l-Istati Membri fid-dawl ta' l-objettivi segwiti mill-Unjoni Ewropea f'dan il-qasam.

    Artikolu 52

    Obbligi ta' Rappurtaġġ

    1.   F'kull Stat Membru, l-awtorità responsabbli għandha tieħu l-miżuri meħtieġa biex tiżgura l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-proġetti.

    Għal dak il-għan, il-ftehim u l-kuntratti li din tikkonkludi ma' l-organizzazzjonijiet responsabbli għall-implimentazzjoni ta' l-azzjonijiet għandhom jinkludu klawsoli li jistabbilixxu obbligu biex jiġu ppreżentati rapporti regolari u dettaljati dwar l-istat ta' progress ta' l-implimentazzjoni u l-ikkompletar ta' l-objettivi assenjati, li għandhom ikunu, rispettivament, il-bażi tar-rapporti ta' progress u r-rapporti finali dwar l-implimentazzjoni tal-programm annwali.

    2.   L-Istati Membri għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni:

    (a)

    sat-30 ta' Ġunju 2010, rapport ta' evalwazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta' l-azzjonijiet kofinanzjati mill-Fond;

    (b)

    sat-30 ta' Ġunju 2012 għall-perijodu mill-2007 sa l-2010 u sat-30 ta' Ġunju 2015 għall-perijodu mill-2011 sa l-2013 rispettivament, rapport ta' evalwazzjoni dwar ir-riżultati u l-impatt ta' azzjonijiet kofinanzjati mill-Fond.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni:

    (a)

    sat-30 ta' Ġunju 2010, rapport ta' reviżjoni dwar l-Artikoli 14 u 15, flimkien ma' proposti għal emendi jekk ikunu meqjusa li huma meħtieġa;

    (b)

    sal-31 ta' Diċembru 2010, rapport intermedju dwar ir-riżultati miksuba u dwar l-aspetti kwalitattivi u kwantitattivi ta' l-implimentazzjoni tal-Fond, flimkien ma' proposta dwar l-iżvilupp futur tal-Fond;

    (ċ)

    sal-31 ta' Diċembru 2012 għall-perijodu mill-2007 sa l-2010 u l-31 ta' Diċembru 2015 għall-perijodu mill-2011 sa l-2013 rispettivament, rapport ta' evalwazzjoni ex post.

    Artikolu 53

    Rapport finali dwar l-implimentazzjoni tal-programmi annwali

    1.   Ir-rapport finali dwar l-implimentazzjoni tal-programm annwali għandu jinkludi l-informazzjoni li ġejja sabiex jagħti stampa ċara ta' l-implimentazzjoni tal-programm:

    (a)

    l-implimentazzjoni finanzjarja u operattiva tal-programm annwali;

    (b)

    il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-programm pluriennali u l-prijoritajiet tiegħu fir-rigward tal-miri speċifiċi u verifikabbli tiegħu, bi kwantifikazzjoni, kulfejn u kull meta dawn jistgħu jiġu kwantifikati, ta' l-indikaturi;

    (ċ)

    il-miżuri meħuda mill-awtorità responsabbli biex tiżgura l-kwalità u l-effettività ta' l-implimentazzjoni, b'mod partikolari:

    (i)

    miżuri ta' monitoraġġ u evalwazzjoni, li jinkludu arranġamenti għall-ġbir tad-data;

    (ii)

    taqsira dwar kwalunkwe problema sinifikanti li wieħed ikun iltaqa' magħha waqt l-implimentazzjoni tal-programm operattiv u kwalunkwe miżura li tkun ittieħdet;

    (iii)

    l-użu magħmul mill-assistenza teknika;

    (d)

    il-miżuri meħuda biex tingħata informazzjoni fuq u ssir pubbliċità dwar il-programmi annwali u pluriennali.

    2.   Ir-rapport għandu jiġi ġġudikat bħala aċċettabbli meta hu jkun fih l-informazzjoni kollha elenkata fil-paragrafu 1. Il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni dwar il-kontenut tar-rapport ippreżentat mill-awtorità responsabbli fi żmien xahrejn minn meta tirċievi l-informazzjoni kollha msemmija fil-paragrafu 1, li għandha tiġi mgħarrfa lill-Istati Membri. Jekk il-Kummissjoni ma tirrispondix fit-terminu ta' żmien stabbilit, ir-rapport għandu jitqies li ġie aċċettat.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tikkomunika lill-Aġenzija r-rapporti approvati finali dwar l-implimentazzjoni tal-programm annwali.

    KAPITOLU X

    DISPOŻIZZJONIJIET TRANSITORJI

    Artikolu 54

    It-tħejjija tal-programm pluriennali

    1.   B'deroga mill-Artikolu 20, l-Istati Membri għandhom:

    (a)

    mill-aktar fis wara s-7 ta' Ġunju 2007 iżda mhux aktar tard mit-22 ta' Ġunju 2007, jaħtru l-awtorità nazzjonali responsabbli msemmija fl-Artikolu 27 (1), punt (a), kif ukoll, fejn xieraq, l-awtorità delegata;

    (b)

    mhux aktar tard mit-30 ta' Settembru 2007, jippreżentaw deskrizzjoni tas-sistemi ta' ġestjoni u kontroll imsemmijin fl-Artikolu 34, paragrafu 2.

    2.   Sa l-1 ta' Lulju 2007, il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Istati Membri:

    (a)

    bi stima ta' l-ammonti allokati lilhom għas-sena finanzjarja 2007;

    (b)

    bi stimi ta' l-ammonti li għandhom jiġu allokati lilhom għas-snin finanzjarji mis-2008 sa l-2013, abbażi ta' estrapolazzjoni tal-kalkolu għall-istima għas-sena finanzjarja 2007, b'kont meħud ta' l-approprjazzjonijiet proposti annwali għas-snin mis-2007sa l-2013 kif stabbiliti mill-Qafas Finanzjarju.

    Artikolu 55

    It-tħejjija għall-programm annwali 2007 u 2008

    1.   B'deroga mill-Artikolu 23, l-iskeda ta' żmien li ġejja għandha tapplika għall-implimentazzjoni fis-sena finanzjarja 2007 u 2008:

    (a)

    Sa l-1 ta' Lulju 2007, il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Istati Membri stima ta' l-ammonti allokati lilhom għas-sena finanzjarja 2007;

    (b)

    Sa l-1 ta' Diċembru 2007, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw l-abbozz tal-programm annwali għall-2007 lill-Kummissjoni;

    (ċ)

    Sa l-1 ta' Marzu 2008, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw l-abbozz tal-programm annwali għall-2008 lill-Kummissjoni.

    2.   Fir-rigward tal-programm annwali għall-2007, l-infiq li fil-fatt isir bejn l-1 ta' Jannar 2007 u d-data li fiha d-deċiżjoni ta' finanzjament, li tapprova l-programm annwali ta' l-Istat Membru konċernat tkun adottata jista' jikkwalifika għal appoġġ mill-Fond.

    3.   Sabiex tippermetti l-adozzjoni fl-2008 ta' deċiżjonijiet finanzjarji, li japprovaw il-programm annwali għall-2007, il-Kummissjoni għandha tfassal l-impenn baġitarju tal-Komunità għall-2007 abbażi ta' l-istima ta' l-ammont li għandu jiġi allokat lill-Istati Membri, ikkalkulat kif previst fl-Artikoli 14 u 15.

    KAPITOLU XI

    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

    Artikolu 56

    Kumitat

    1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna mill-Kumitat komuni “Solidarjetà u Ġestjoni tal-Flussi ta' Migrazzjoni”, stabbilit minn din id-Deċiżjoni.

    2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw, filwaqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

    3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5a(1) sa (4) u 5 (b) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, filwaqt li jittieħed kont tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

    Il-limiti ta' żmien stabbiliti fl-Artikolu 5a (3)(ċ), (4)(b) u (4)(e) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom jiġu ffissati għal sitt ġimgħat.

    Artikolu 57

    Reviżjoni

    Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jirrevedu din id-Deċiżjoni abbażi ta' proposta mill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju 2013.

    Artikolu 58

    Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara li tkun ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mis-7 ta' Ġunju 2007, ħlief għall-Artikoli 14, 15, 20, 21, 23, 27, l-Artikolu 33(2), l-Artikolu 33(5), l-Artikolu 34, l-Artikolu 37(4) u l-Artikolu 56 li għandhom japplikaw mill-1 ta' Jannar 2007.

    Artikolu 59

    Destinatarji

    Din id-Deċiżjoni hi indirizzata lill-Istati Membri bi qbil mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

    Magħmula fi Brussell, 23 ta' Mejju 2007.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    H. –G. PÖTTERING

    Għall-Kunsill

    Il-President

    G. GLOSER


    (1)  ĠU C 88, 11.4.2006, p. 15.

    (2)  ĠU C 115, 16.5.2006, p. 47.

    (3)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-14 ta' Diċembru 2006 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal- Kunsill tas-7 ta' Mejju 2007

    (4)  ĠU L 349, 25.11.2004, p. 1.

    (5)  ĠU L 105, 13.4.2006, p. 1.

    (6)  ĠU L 236, 23.9.2003, p. 946.

    (7)  Ara paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

    (8)  Ara paġna 45 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

    (9)  Għadu mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali.

    (10)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1. Regolament kif emendat bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1995/2006 (ĠU L 390, 30.12.2006, p. 1).

    (11)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

    (12)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Deċizjoni kif emendata mid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).

    (13)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31.

    (14)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 53.

    (15)  ĠU L 370, 17.12.2004, p. 78.

    (16)  ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43.

    (17)  ĠU L 395, 31.12.2004, p. 70.

    (18)  ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20.

    (19)  ĠU L 396, 31.12.2004, p. 45.

    (20)  ĠU L 261, 6.8.2004, p. 24.

    (21)  ĠU L 239, 22.9.2000, p. 19. Konvenzjoni kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 381, 28.12.2006, p. 4).

    (22)  ĠU L 99, 17.4.2003, p. 8

    (23)  ĠU L 99, 17.4.2003, p. 15.

    (24)  ĠU L 81, 21.3.2001, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 851/2005 (ĠU L 141, 4.6.2005, p. 3).

    (25)  ĠU L 161, 30.4.2004, p. 128. Verżjoni kkorreġuta fil-ĠU L 206, 9.6.2004, p. 51. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1283/2005 (ĠU L 203, 4.8.2005, p. 8).


    Top