This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32007D0551
Council Decision 2007/551/CFSP/JHA of 23 July 2007 on the signing, on behalf of the European Union, of an Agreement between the European Union and the United States of America on the processing and transfer of Passenger Name Record (PNR) data by air carriers to the United States Department of Homeland Security (DHS) (2007 PNR Agreement)
Deċiżjoni tal-kunsill 2007/551/PESK/ĠAI tat- 23 ta’ Lulju 2007 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, ta’ Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti ta’ l-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ data mir-reġistru ta’ l-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) minn trasportaturi bl-ajru lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna (DHS) ta’ l-Istati Uniti
Deċiżjoni tal-kunsill 2007/551/PESK/ĠAI tat- 23 ta’ Lulju 2007 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, ta’ Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti ta’ l-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ data mir-reġistru ta’ l-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) minn trasportaturi bl-ajru lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna (DHS) ta’ l-Istati Uniti
ĠU L 204, 4.8.2007, pp. 16–17
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
In force
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/551/oj
|
4.8.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 204/16 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2007/551/PESK/ĠAI
tat-23 ta’ Lulju 2007
dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, ta’ Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti ta’ l-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ data mir-reġistru ta’ l-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) minn trasportaturi bl-ajru lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna (DHS) ta’ l-Istati Uniti
IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 24 u 38 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti ta’ l-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ data mir-Reġistru ta’ l-Ismijiet tal-Passiġġieri (“PNR”) minn trasportaturi bl-ajru lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna (DHS) ta’ l-Istati Uniti konkluż fid-19 ta’ Ottubru 2006 (1) jiskadi mhux aktar tard mill-31 ta’ Lulju 2007 sakemm ma jiġix imġedded bi ftehim reċiproku bil-miktub. |
|
(2) |
Fit-22 ta’ Frar 2007 l-Kunsill iddeċieda li jawtorizza lill-Presidenza, assistita mill-Kummissjoni, biex tiftaħ negozjati għal ftehim fit-tul dwar l-istess suġġett. |
|
(3) |
Id-DHS offra assigurazzjonijiet fl-ittra li takkompanja l-Ftehim il-ġdid, għall-protezzjoni tad-data tal-PNR trasferita mill-Unjoni Ewropea rigward titjiriet tal-passiġġieri lejn u mill-Istati Uniti. |
|
(4) |
Id-DHS u l-Unjoni Ewropea, permezz ta’ persuna maħtura speċifikament għal dan il-għan, ser jirrevedu perjodikament l-implimentazzjoni ta’ l-assigurazzjonijiet li jinsabu fl-ittra ta’ akkumpanjament, sabiex il-Partijiet ikunu jistgħu, fid-dawl ta’ tali reviżjoni, jieħdu kwalunkwe azzjoni meqjusa neċessarja. |
|
(5) |
Il-Ftehim għandu jiġi ffirmat, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard. |
|
(6) |
L-Artikolu 9 tal-Ftehim jipprovdi li l-Ftehim ser ikun applikat proviżorjament sa mid-data ta’ l-iffirmar. L-Istati Membri għandhom għalhekk jagħtu effett lid-dispożizzjonijiet tiegħu sa minn dik id-data f’konformità mal-liġi nazzjonali eżistenti. Dikjarazzjoni għal din il-fini ser issir fil-ħin tal-firma tal-Ftehim. |
IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:
Artikolu 1
L-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti ta’ l-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ data mir-Reġistru ta’ l-Ismijiet tal-Passiġġieri (“PNR”) minn trasportaturi bl-ajru lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna (DHS) ta’ l-Istati Uniti, huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni Ewropea, soġġett għall-konklużjoni ta’ l-imsemmi Ftehim.
It-test tal-Ftehim, l-ittra li takkumpanjah mid-DHS u l-ittra ta’ tweġiba mill-UE huma mehmuża ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill hu b’dan awtorizzat biex jaħtar il-persuna/i awtorizzati biex jiffirmaw il-Ftehim f’isem l-Unjoni Ewropea, soġġett għall-konklużjoni tiegħu.
Artikolu 3
Skond l-Artikolu 9 tal-Ftehim, id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim għandhom ikunu applikati fuq bażi proviżorja f’konformità mal-liġi nazzjonali eżistenti sa mid-data ta’ l-iffirmar tiegħu, sakemm jidħol fis-seħħ. Id-Dikjarazzjoni anness dwar l-applikazzjoni proviżorja għandha ssir fil-ħin tal-firma.
Magħmul fi Brussell, 23 ta’ Lulju 2007.
Għall-Kunsill
Il-President
L. AMADO
F'isem l-Unjoni Ewropea dwar il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti ta' l-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta' data mir-reġistru ta' l-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) minn trasportaturi bl-ajru lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna (DHS) ta' l-Istati Uniti (Ftehim PNR 2007)
“Dan il-Ftehim, filwaqt li ma jidderogax minn, jew ma jemendax, il-liġijiet ta' l-UE jew ta' l-Istati Membri tagħha, sejjer, sa meta jidħol fis-seħħ, jiġi implimentat provviżorjament mill-Istati Membri in bona fede, fi ħdan il-qafas tal-liġijiet nazzjonali eżistenti tagħhom.”
Nota lill-qarrej: “Il-verżjonijiet lingwistiċi tal-Ftehim, minbarra l-verżjoni lingwistika Ingliża, għadhom ma ġewx approvati mill-Partijiet. Ladarba dawn il-verżjonijiet lingwistiċi oħrajn ikunu ġew approvati, huma jkunu ugwalment awtentiċi”.
Traduzzjoni
FTEHIM
bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti ta' l-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta' data mir-reġistru ta’ l-ismijiet tal-passiġġieri (PNR), minn trasportaturi bl-ajru lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna ta’ l-Istati Uniti (DHS) (2007 ftehim PNR)
L-UNJONI EWROPEA
U
L-ISTATI UNITI TA' L-AMERIKA:
WAQT LI JIXTIEQU jipprevjenu u jikkombattu t-terroriżmu u l-kriminalità transnazzjonali b'mod effikaċi bħala mezz biex jipproteġu s-soċjetajiet demokratiċi u l-valuri komuni rispettivi tagħhom;
WAQT LI JIRRIKONOXXU li l-kondiviżjoni ta' l-informazzjoni hija komponent essenzjali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transnazzjonali u li f'dan il-kuntest l-użu tad-data tal-PNR hija għodda importanti,
WAQT LI JIRRIKONOXXU li, sabiex jissalvagwardjaw is-sigurtà pubblika u għal għanijiet ta' infurzar tal-liġi, għandhom jiġu stabbiliti regoli rigward it-trasferiment ta' data tal-PNR minn trasportaturi bl-ajru lid-DHS;
WAQT LI JIRRIKONOXXU l-importanza tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u reati relatati, u reati serji oħra li n-natura tagħhom hi transnazzjonali, inkluża l-kriminalità organizzata, filwaqt li jiġu rispettati d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, b'mod partikolari l-privatezza;
WAQT LI JIRRIKONOXXU li l-liġi u l-politika ta' l-Istati Uniti u Ewropea dwar il-privatezza għandhom bażi komuni u li kwalunkwe differenza fl-implimentazzjoni ta' dawn il-prinċipji m'għandhiex tkun ta' ostakolu għall-kooperazzjoni bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea (UE);
WAQT LI JIKKUNSIDRAW il-konvenzjonijiet internazzjonali, l-istatuti ta' l-Istati Uniti u r-regolamenti li jeħtieġu li kull trasportatur bl-ajru li jopera titjiriet tal-passiġġieri fl-ivvjaġġar internazzjonali bl-ajru minn jew lejn l-Istati Uniti jagħmel id-data tal-PNR disponibbli lid-DHS safejn dawn jinġabru u jinżammu fis-sistemi kompjuterizzati ta’ prenotazzjoni/kontroll tat-tluq tat-trasportatur bl-ajru (minn hawn 'il quddiem “sistemi ta' prenotazzjoni”), u ħtiġiet komparabbli implimentati fl-UE;
WAQT LI JIKKUNSIDRAW l-Artikolu 6 paragrafu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar ir-rispett għad-drittijiet fundamentali, u partikolarment għad-dritt relatat mal-protezzjoni tad-data personali;
WAQT LI JINNUTAW il-ftehim preċedenti rigward PNR bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Uniti ta' l-Amerika tat-28 ta' Mejju 2004 u bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti ta' l-Amerika tad-19 ta' Ottubru 2006;
WAQT LI JIKKUNSIDRAW id-dispożizzjonijiet rilevanti ta' l-Att dwar is-Sigurtà tat-Transport fl-Avjazzjoni ta' l-2001(Aviation Transportation Security Act of 2001), l-Att tas-Sigurtà Interna ta' l-2002 (Homeland Security Act of 2002), l-Att dwar ir-Riforma ta' l-Intelligence u l-Prevenzjoni tat-Terroriżmu ta' l-2004 (Intelligence Reform and Terrorism Prevention Act of 2004) u l-Ordni Eżekuttiva 13388 rigward il-kooperazzjoni bejn l-aġenziji tal-gvern ta' l-Istati Uniti fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, kif ukoll l-Att dwar il-Privatezza ta' l-1974 (Privacy Act of 1974), l-Att dwar il-Libertà ta' l-Informazzjoni (Freedom of Information Act) u l-Att dwar E-Government ta' l-2002 (E-Government Act of 2002);
WAQT LI JINNUTAW li l-Unjoni Ewropea għandha tiżgura li trasportaturi bl-ajru b’sistemi ta’ prenotazzjoni li jinsabu fl-Unjoni Ewropea jagħmlu data tal-PNR disponibbli lid-DHS u jikkonformaw mal-ħtiġiet tekniċi għal tali trasferimenti kif dettaljat mid-DHS;
WAQT LI JAFFERMAW li dan il-Ftehim ma jikkostitwix preċedent għal kull diskussjoni jew negozjati futuri bejn l-Istati Uniti u l-Komunità Ewropea, jew bejn xi waħda mill-Partijiet u kwalunkwe Stat dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta' PNR jew ta’ kull għamla oħra ta’ data;
WAQT LI JFITTXU li jsaħħu u jħeġġu l-kooperazzjoni bejn il-partijiet fl-ispirtu ta' sħubija transatlantika;
QABLU KIF ĠEJ:
|
(1) |
Abbażi ta' l-assigurazzjonijiet fl-ittra mid-DHS li jispjegaw is-salvagwardja tiegħu tal-PNR (l-ittra mid-DHS), l-Unjoni Ewropea ser tiżgura li trasportaturi bl-ajru li joperaw titjiriet tal-passiġġieri fl-ivjaġġar bl-ajru internazzjonali minn jew lejn l-Istati Uniti ta' l-Amerika jagħmlu disponibbli d-data tal-PNR li tinsab fis-sistemi ta' prenotazzjoni tagħhom kif meħtieġ mid-DHS. |
|
(2) |
Id-DHS ser minnufih jagħmel transizzjoni lejn sistema lineari għat-trasmissjoni ta' data minn tali trasportaturi bl-ajru mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2008 għal kull tali trasportatur bl-ajru li jkun implimenta tali sistema li tikkonforma mal-ħtiġiet tekniċi tad-DHS. Għal dawk it-trasportaturi bl-ajru li ma jimplimentawx tali sistema, is-sistemi attwali għandhom jibqgħu fis-seħħ sakemm it-trasportaturi jkunu implimentaw sistema li tikkonforma mal-ħtiġiet tekniċi tad-DHS. Għaldaqstant, id-DHS ser ikollu aċċess elettroniku għall-PNR mis-sistemi ta' prenotazzjoni tat-trasportaturi bl-ajru li jinsabu fit-territorju ta' l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea sakemm ikun hemm sistema sodisfaċenti li tippermetti t-trasmissjoni ta' tali data mit-trasportaturi bl-ajru. |
|
(3) |
Id-DHS għandu jipproċessa d-data tal-PNR li jirċievi u jittratta lis-suġġetti tad-data kkonċernati b'dak l-ipproċessar skond il-liġijiet applikabbli u r-rekwiżiti kostituzzjonali ta’ l-Istati Uniti u mingħajr diskriminazzjoni illeċita, b’mod partikolari abbażi ta’ ċittadinanza u tal-pajjiż ta’ residenza. L-ittra tad-DHS tippreżenta dawn is-salvagwardji kif ukoll oħrajn. |
|
(4) |
Id-DHS u l-UE, ser jirrevedu perjodikament l-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim, l-ittra mid-DHS, u l-linji poltiċi u l-prattiki ta' l-Istati Uniti u l-UE dwar il-PNR bil-ħsieb li jiżguraw reċiprokament it-tħaddim effettiv u l-protezzjoni tal-privatezza tas-sistemi tagħhom. |
|
(5) |
B'dan il-Ftehim, id-DHS jistenna li ma jkunx qed jiġi mitlub iwettaq miżuri ta' protezzjoni tad-data fis-sistema tal-PNR tiegħu li jkunu aktar stretti minn dawk applikati mill-awtoritajiet Ewropej għas-sistemi domestiċi tal-PNR tagħhom. Id-DHS ma jitlobx lill-awtoritajiet Ewropej biex jadottaw miżuri ta' protezzjoni tad-data fis-sistemi tal-PNR tagħhom li jkunu aktar stretti minn dawk applikati mill-Istati Uniti għas-sistema domestika tal-PNR tagħhom. Jekk ma jiġix sodisfatt dak li qed jistenna, id-DHS jirriżerva d-dritt li jissospendi d-dispożizzjonijiet rilevanti ta' l-ittra tad-DHS filwaqt li jwettaq konsultazzjonijiet ma' l-UE bil-ħsieb li tintlaħaq soluzzjoni minnufih u sodisfaċenti. Fil-każ li tiġi implimentata fl-Unjoni Ewropea jew f'wieħed jew aktar mill-Istati Membri tagħha sistema tal-PNR, li tirrikjedi li trasportaturi bl-ajru jagħmlu disponibbli lill-awtoritajiet data tal-PNR għal persuni li l-itinerarju tal-vjaġġ tagħhom jinkludi titjira lejn jew mill-Unjoni Ewropea, id-DHS għandu, strettament fuq bażi ta’ reċiproċità, jippromwovi attivament il-kooperazzjoni tat-trasportaturi bl-ajru fil-ġurisdizzjoni tiegħu. |
|
(6) |
Għall-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim, id-DHS hu meqjus li jiżgura livell xieraq ta' protezzjoni għad-data tal-PNR trasferita mill-Unjoni Ewropea. Fl-istess ħin, l-UE mhix ser tindaħal fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Uniti u pajjiżi terzi għall-iskambju ta' informazzjoni dwar passiġġieri minħabba raġunijiet ta' protezzjoni tad-data. |
|
(7) |
L-Istati Uniti u l-UE ser jaħdmu mal-partijiet interessati fl-industrija ta' l-avjazzjoni biex jippromwovu viżibbiltà akbar għal avviżi li jiddeskrivu s-sistemi tal-PNR (inklużi prattiki ta' rimedju u ġbir) lill-pubbliku li jivvjaġġa u ser iħeġġu lit-trasportaturi bl-ajru biex jagħmlu referenza għal u jinkorporaw dawn l-avviżi fil-kuntratt uffiċjali tat-trasport. |
|
(8) |
Ir-rimedju esklużiv fil-każ li l-UE tiddetermina li l-Istati Uniti jkunu kisru dan il-Ftehim huwa t-terminazzjoni ta' dan il-Ftehim u r-revoka tad-determinazzjoni ta' adegwatezza msemmija fil-paragrafu (6). Ir-rimedju esklużiv fil-każ li l-Istati Uniti jiddeterminaw li l-UE tkun kisret dan il-ftehim huwa t-terminazzjoni ta' dan il-Ftehim u r-revoka ta' l-ittra mid-DHS. |
|
(9) |
Dan il-Ftehim ser jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar wara d-data meta l-Partijiet ikunu skambjaw notifiki li jindikaw li huma kkonkludew il-proċeduri interni tagħhom għal dan il-għan. Dan il-Ftehim ser jiġi applikat b’mod proviżorju mid-data tal-firma. Kull Parti tista’ ttemm jew tissospendi dan il-Ftehim f' kull żmien b’notifika preżentata permezz tal-kanali diplomatiċi. It-terminazzjoni ser tieħu effett tletin (30) ġurnata mid-data tan-notifika ta’ terminazzjoni lill-Parti l-oħra sakemm xi waħda mill-Partijiet ma tqisx li perijodu ta' notifika iqsar ikun essenzjali għas-sigurtà nazzjonali jew għall-interessi ta' sigurtà interni tagħha. Dan il-Ftehim u kwalunkwe obbligu taħtu ser jiskadu u jieqfu minn kull effett seba' snin wara d-data ta' l-iffirmar sakemm il-partijiet ma jiddeċidux reċiprokament li jibdluh. |
Dan il-Ftehim mhux maħsub biex jidderoga minn jew jemenda l-liġijiet ta' l-Istati Uniti ta' l-Amerika jew ta' l-Unjoni Ewropea jew ta' l-Istati Membri tagħha. Dan il-Ftehim ma joħloq jew jikkonferixxi l-ebda dritt jew benefiċċju lil xi persuna jew entità, privata jew pubblika, oħra.
Dan il-Ftehim għandu jiġi mfassal f'żewġ kopji fil-lingwa Ingliża. Huwa għandu wkoll jiġi mfassal bil-Bulgaru, biċ-Ċek, bid-Daniż, bl-Estonjan, bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bil-Latvjan, bil-Litwan, bil-Malti, bl-Olandiż, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bir-Rumen, bis-Slovakk, bis-Sloven, bl-Ispanjol, bl-Iżvediż, bit-Taljan u bl-Ungeriż, u l-Partijiet għandhom japprovaw dawn il-verżjonijiet lingwistiċi. Ladarba approvati, il-verżjonijiet b'dawn il-lingwi għandhom ikunu ugwalment awtentiċi.
Magħmul fi Brussell, 23 ta’ Lulju 2007 u f'Washington, 26 ta’ Lulju 2007.
Għall-Unjoni Ewropea
Għall-istati Uniti ta’ l-Amerika
TRADUZZJONI
|
Is-sur Luis Amado |
|
President tal-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea |
|
175 Rue de la Loi |
|
1048 Brussell |
|
Il-Belġju |
Bi tweġiba ta' l-Unjoni Ewropea u biex ittenni l-importanza li l-gvern ta' l-Istati Uniti jagħti lill-protezzjoni tal-privatezza individwali, din l-ittra hija maħsuba biex tispjega kif id-Dipartiment tas-Sigurtà Interna ta’ l-Istati Uniti (DHS) jittratta l-ġbir, l-użu u l-ħażna ta' Reġistri ta’ l-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR). L-ebda waħda mil-linji politiċi ppreżentati hawnhekk ma toħloq jew tikkonferixxi xi dritt jew benefiċċju lil xi persuna jew parti, privata jew pubblika, u lanqas xi rimedju ieħor minbarra dawk speċifikati fil-Ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta' PNR minn trasportaturi bl-ajru lid-DHS iffirmat f’Lulju 2007 (il-“Ftehim”). Minflok, din l-ittra tipprovdi l-assikurazzjonijiet u tirrefletti l-linji politiċi li d-DHS japplika għad-data tal-PNR miksuba minn titjiriet bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea (PNR ta' l-UE) taħt il-liġi ta' l-Istati Uniti.
I. Għan għaliex jintuża l-PNR:
Id-DHS juża l-PNR ta' l-UE strettament għall-għan li jipprevjeni u jiġġieled: (1) it-terroriżmu u reati relatati; (2) reati serji oħra, inkluż il-kriminalità organizzata, li n-natura tagħhom hija transnazzjonali; u (3) il-ħarba minn mandati jew kustodja għar-reati deskritti hawn fuq. Il-PNR jista' jintuża fejn meħtieġ għall-protezzjoni ta' l-interessi vitali tas-suġġett tad-data jew ta' persuni oħra, jew fi kwalunkwe proċediment ġudizzjarju kriminali, jew kif meħtieġ mod ieħor mil-liġi. Id-DHS ser jinforma lill-UE rigward l-introduzzjoni ta' kwalunkwe leġislazzjoni ta' l-Istati Uniti li materjalment taffettwa d-dikjarazzjonijiet magħmula f'din l-ittra.
II. Kondiviżjoni ta' PNR:
Id-DHS jikkondividi d-data tal-PNR ta' l-UE għall-għanijiet imsemmija fl-artikolu I biss.
Id-DHS jittratta d-data tal-PNR ta' l-UE bħala sensittiva u konfidenzjali skond il-liġijiet ta' l-Istati Uniti u, fid-diskrezzjoni tiegħu, jipprovdi d-data tal-PNR lil dawk biss mill-awtoritajiet governattivi domestiċi b'funzjonijiet ta' l-infurzar tal-liġi, tas-sigurtà pubblika, jew tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, f'appoġġ għall-ġlieda kontra t-terroriżmu, każijiet relatati mal-kriminalità transnazzjonali u relatati mas-sigurtà pubblika (inklużi theddid, ħrib, individwi u rotot ta' tħassib) li jkunu qed jeżaminaw jew jinvestigaw, b'konformità mal-liġi, u skond ftehim bil-miktub u l-liġi ta' l-Istati Uniti dwar l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet governattivi ta' l-Istati Uniti. L-aċċess għandu jiġi limitat strettament u bir-reqqa għall-każijiet deskritti hawn fuq b'mod proporzjonali man-natura tal-każ.
Id-data tal-PNR ta' l-UE tiġi skambjata biss ma' awtoritajiet governattivi oħra f'pajjiżi terzi wara konsiderazzjoni ta' l-użu/i maħsub tar-riċevitur u l-kapaċità li jipproteġi l-informazzjoni. Minbarra ċirkostanzi ta' emerġenza, kwalunkwe tali skambju ta' data jseħħ skond ftehim espliċitu bejn il-partijiet li jinkorporaw protezzjonijiet għall-privatezza tad-data li jistgħu jitqabblu ma' dawk applikati għall-PNR ta' l-UE mid-DHS, kif deskritt fit-tieni paragrafu ta' dan l-artikolu.
III. Tipi ta' Informazzjoni Miġbura:
Il-biċċa l-kbira ta' l-elementi li jinsabu fid-data tal-PNR jistgħu jinkisbu mid-DHS hekk kif jeżamina l-biljett ta' l-ajru ta' l-individwu u dokumenti oħra ta' l-ivvjaġġjar skond l-awtorità għall-kontroll normali tal-fruntieri, iżda l-kapaċità li jirċievi din id-data b'mod elettroniku ttejjeb sinifikattivament il-kapaċità tad-DHS li jiffoka fuq aspetti ta' riskju għoli, u b'hekk tiffaċilita u tissalvagwardja l-ivvjaġġjar bona fide.
Tipi ta' EU PNR Miġbura:
|
(1) |
Kodiċi lokalizzatur tar-rekord tal-PNR, |
|
(2) |
Data ta' prenotazzjoni/ ħruġ tal-biljett |
|
(3) |
Data/i tal-vjaġġ previst |
|
(4) |
Isem/Ismijiet |
|
(5) |
Informazzjoni disponibbli dwar vjaġġaturi frekwenti u benefiċċji (jiġifieri biljetti b'xejn, titjib fil-klassi ta' l-ivvjaġġjar, eċċ) |
|
(6) |
Ismijiet oħra fil-PNR, inkluż in-numru ta' vjaġġjvaturi fil-PNR |
|
(7) |
Kull informazzjoni ta' kuntatt disponibbli (inkluż informazzjoni ta' l-oriġinatur) |
|
(8) |
Kull informazzjoni disponibbli dwar il-ħlas/fattura (mhux inkluż dettalji oħra dwar it-transazzjoni marbuta ma' karta ta’ kreditu jew kont u mhux marbuta mat-transazzjoni ta' l-ivvjaġġjar) |
|
(9) |
Itinerarju tal-vjaġġ għal PNR speċifiku |
|
(10) |
Aġenzija ta' l-ivvjaġġjar/aġent ta' l-ivvjaġġjar |
|
(11) |
Informazzjoni dwar kondiviżjoni tal-kodiċi |
|
(12) |
Informazzjoni maqsuma/diviża |
|
(13) |
Status ta' l-ivvjaġġjar tal-passiġġier (inklużi konfermi u status tar-reġistrazzjoni) |
|
(14) |
Informazzjoni dwar il-biljett, inklużi n-numru tal-biljett, biljetti mingħajr ritorn u Stima Awtomatika tal-Prezz tal-Biljett |
|
(15) |
Kull informazzjoni dwar il-Bagalji |
|
(16) |
Informazzjoni dwar is-siġġu, inkluż in-numru tas-siġġu |
|
(17) |
Rimarki ġenerali inkluża informazzjoni dwar talba għal servizz speċjali (SSR), informazzjoni dwar servizz ieħor (OSI) u informazzjoni dwar servizz speċjali (SSI) |
|
(18) |
Kwalunkwe informazzjoni APIS miġbura |
|
(19) |
It-tibdil storiku kollu lill-PNR elenkat fin-numri 1 sa 18 |
Safejn data sensittiva tal-PNR ta' l-UE (jiġifieri, data personali li tiżvela l-oriġini tar-razza jew etnika, l-opinjoni politika, it-twemmin reliġjuż jew filosofiku, sħubija fi trade union, u data dwar is-saħħa u l-ħajja sesswali ta' l-individwu), kif speċifikat mill-kodiċi u t-termini tal-PNR li d-DHS identifika f'konsultazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea, hija inkluża fit-tipi ta' data tal-PNR ta' l-UE ta' hawn fuq, id-DHS juża sistema awtomatizzata li tiffiltra dawk il-kodiċi u t-termini sensittivi tal-PNR u ma jużax din l-informazzjoni. Sakemm id-data ma tkunx aċċessata għal każ eċċezzjonali, kif deskritt fil-paragrafu li jmiss, id-DHS iħassar fil-pront id-data sensittiva tal-PNR ta' l-UE.
Jekk meħtieġ f'każ eċċezzjonali fejn il-ħajja tas-suġġett tad-data jew ta' oħrajn tista' tkun ipperikolata jew iddanneġġjata serjament, uffiċjali tad-DHS jistgħu jeħtieġu u jużaw informazzjoni fil-PNR ta' l-UE barra dik elenkata hawn fuq, inkluża data sensittiva. F'dak il-każ, id-DHS ser iżomm rekord ta' l-aċċess għal kwalunkwe data sensittiva fil-PNR ta' l-UE u ser iħassar id-data fi żmien 30 jum ladarba jkun inkiseb l-għan li għalih ġiet aċċessata d-data u ż-żamma tagħha mhix meħtieġa bil-liġi. Normalment id-DHS ser jagħti notifika fi żmien 48 siegħa lill-Kummissjoni Ewropea (DG JLS) li tali data, inkluża data sensittiva, ġiet aċċessata.
IV. Aċċess u Rimedju:
Id-DHS ħa deċiżjoni politika li jestendi l-protezzjonijiet amministrattivi ta' l-Att dwar il-Privatezza lid-data tal-PNR maħżuna fl-ATS irrispettivament miċ-ċittadinanza jew il-pajjiż ta' residenza tas-suġġett tad-data, inkluża data relatata ma' ċittadini Ewropej. B'mod konsistenti mal-liġi ta' l-Istati Uniti, id-DHS iżomm ukoll sistema aċċessibbli minn individwi, irrispettivament miċ-ċittadinanza jew il-pajjiż ta' residenza tagħhom, sabiex tipprovdi rimedju għal persuni li jfittxu informazzjoni dwar il-PNR jew il-korrezzjoni tal-PNR. Dawn il-linji politiċi huma aċċessibbli fuq is-sit web tad-DHS, www.dhs.gov
Barra minn hekk, il-PNR mogħtija minn jew f'isem individwu għandha tkun żvelata lill-individwu skond l-Att dwar il-Privatezza ta' l-Istati Uniti u l-Att dwar il-Libertà ta' l-Informazzjoni ta' l-Istati Uniti (FOIA). Il-FOIA tippermetti lil kwalunkwe persuna (irrispettivament miċ-ċittadinanza jew il-pajjiż ta' residenza) aċċess għar-rekords ta' aġenzija federali ta' l-Istati Uniti, ħlief safejn tali rekords (jew parti minnhom) huma protetti mill-iżvelar permezz ta' eżenzjoni applikabbli taħt l-FOIA. Id-DHS ma jiżvelax data tal-PNR lill-pubbliku, ħlief lis-suġġetti tad-data jew l-aġenti tagħhom skond il-liġi ta' l-Istati Uniti. Talbiet għal aċċess għal informazzjoni identifikabbli personalment li tinsab fil-PNR li ngħatat minn dak li għamel it-talba tista' tiġi ppreżentata lil FOIA/PA Unit, Office of Field Operations, U.S. Customs and Border Protection, Room 5.5-C, 1300 Pennsylvania Avenue, NW, Washington, DC 20229 (telefon: (202) 344-1850 u fax: (202) 344-2791).
F'ċerti ċirkostanzi eċċezzjonali, id-DHS jista' jeżerċita l-awtorità tiegħu taħt l-FOIA biex jiċħad jew jipposponi żvelar ta' parti mir-rekord tal-PNR jew kollu kemm hu għal rikjedent ta' l-ewwel parti, skond it-Titolu 5 tal-Kodiċi ta' l-Istati Uniti, Taqsima 552(b). Taħt l-FOIA kwalunkwe rikjedent għandu l-awtorità li jikkontesta b'mod amministrattiv u ġudizzjarju deċiżjoni tad-DHS li ma jiżvelax informazzjoni.
V. Infurzar:
Miżuri ta' infurzar amministrattivi, ċivili, u kriminali huma disponibbli taħt il-liġi ta' l-Istati Uniti għall-ksur tar-regoli ta' privatezza ta' l-Istati Uniti u ta' żvelar mhux awtorizzat ta' rekords ta' l-Istati Uniti. Dispożizzjonijiet rilevanti jinkludu iżda m'humiex limitati għat-Titolu 18 tal-Kodiċi ta' l-Istati Uniti (United States Code), Taqsimiet 641 u 1030 u Titolu 19, Kodiċi tar-Regolamenti Federali (Code of Federal Regulations), Taqsima 103.34.
VI. Notifika:
Id-DHS ta informazzjoni lill-pubbliku li jivvjaġġja dwar l-ipproċessar minnu ta' data tal-PNR permezz ta' pubblikazzjonijiet fil-Federal Register (Reġistru Federali) u fuq is-sit web tiegħu. Id-DHS ser jagħti wkoll lil-linji ta' l-ajru forma ta' notifika li tikkonċerna l-ġbir tal-PNR u l-prattiċi ta' rimedju li għandhom ikunu disponibbli għall-wiri fil-pubbliku. Id-DHS u l-UE ser jaħdmu mal-partijiet interessati fl-industrija ta' l-avjazzjoni biex jippromwovu viżibbiltà akbar ta' din in-notifika.
VII. Żamma ta' data:
Id-DHS iżomm id-data tal-PNR ta' l-UE f'database analitika attiva għal seba' snin, u wara dan iż-żmien id-data titressaq għal status inattiv u mhux operattiv. Data fi stat inattiv ser tinżamm għal tmien snin u tista' tkun aċċessata biss bl-approvazzjoni ta' uffiċjal anzjan tad-DHS maħtur mis-Segretarju tas-Sigurtà Interna (Secretary of Homeland Security) u biss b'rispons għal każ, theddida jew riskju identifikabbli. Aħna nistennew li d-data tal-PNR ta' l-UE għandha titħassar fl-aħħar ta' dan il-perijodu; mistoqsijiet dwar jekk u meta għandha tinqered id-data tal-PNR miġbura skond din l-ittra ser ikunu indirizzati mid-DHS u l-UE bħala parti minn diskussjonijiet futuri. Data li hija relatata ma' każ jew investigazzjoni speċifiċi tista' tinżamm f'database attiva sakemm il-każ jew l-investigazzjoni jiġu arkivjati. Hija l-intenzjoni tad-DHS li tirrevedi l-effett ta' dawn ir-regoli ta' żamma fuq operazzjonijiet u investigazzjonijiet abbażi ta' l-esperjenza tiegħu matul is-seba' snin li ġejjin. Id-DHS ser jiddiskuti r-riżultati ta' din ir-reviżjoni ma' l-UE.
Il-perijodi ta' żamma msemmija hawn fuq japplikaw ukoll għal data tal-PNR ta' l-UE miġbura abbażi tal-Ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti, tat-28 ta’ Mejju 2004 u tad-19 ta’ Ottubru 2006.
VIII. Trasmissjoni:
Wara n-negozjati riċenti tagħna, intom tifhmu li d-DHS huwa lest li jimxi mgħaġġel kemm jista' jkun lejn sistema “lineari” tat-trasmissjoni ta' PNR minn linji ta' l-ajru li joperaw titjiriet bejn l-UE u l-Istati Uniti għad-DHS. Tlettax-il linja ta' l-ajru diġà adottaw dan l-approċċ. Ir-responsabbiltà li tinbeda transizzjoni lejn sistema “lineari” taqa' fuq it-trasportaturi bl-ajru, li jridu jpoġġu għad-dispożizzjoni r-riżorsi biex ibiddlu s-sistemi tagħhom u jaħdmu mad-DHS biex jikkonformaw mal-ħtiġiet tekniċi tad-DHS. Id-DHS minnufih ser jagħmel transizzjoni lejn tali sistema għat-trasmissjoni ta' data minn tali trasportaturi bl-ajru mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2008 għal kull tali trasportatur bl-ajru li jkun implimenta sistema li tikkonforma mal-ħtiġiet tekniċi kollha tad-DHS. Għal dawk it-trasportaturi bl-ajru li ma jimplimentawx tali sistema, is-sistema attwali għandha tibqa' fis-seħħ sakemm it-trasportaturi jkunu implimentaw sistema li hija kompatibbli mal-ħtiġiet tekniċi tad-DHS għat-trasmissjoni ta' data tal-PNR. It-transizzjoni għal sistema “lineari”, madankollu, ma tagħti l-ebda diskrezzjoni lil-linji ta' l-ajru biex jiddeċiedu meta, kif u liema data jallineaw. Dik id-deċiżjoni hija konferita lid-DHS mil-liġi ta' l-Istati Uniti.
Taħt ċirkostanzi normali d-DHS ser jirċievi trasmissjoni inizjali ta' data tal-PNR 72 siegħa qabel tluq skedat u wara jirċievi aġġornamenti kif meħtieġ biex tkun żgurata l-preċiżjoni tad-data. Li jkun żgurat li d-deċiżjonijiet jittieħdu abbażi ta' data fil-ħin u kompluta hija fost is-salvagwardji l-aktar essenzjali għall-protezzjoni tad-data personali u d-DHS jaħdem ma' trasportaturi individwali biex jibni dan il-kunċett fis-sistemi lineari tagħhom. Id-DHS jista' jeħtieġ il-PNR qabel 72 siegħa qabel it-tluq skedat tat-titjira, meta jkun hemm indikazzjoni li aċċess aktar kmieni jkun meħtieġ biex jgħin fir-rispons għal theddida speċifika għal titjira, sett ta' titjiriet, rotta, jew ċirkostanzi oħrajn assoċjati ma' l-għanijiet definiti fl-artikolu I. Fl-eżerċizzju ta' din id-diskrezzjoni, id-DHS ser jaġixxi b'ġudizzju u b'mod proporzjonat.
IX. Reċiproċità:
Matul in-negozjati riċenti tagħna aħna ftiehma li d-DHS jistenna li ma jkunx qed jiġi mitlub iwettaq miżuri ta' protezzjoni tad-data fis-sistema tal-PNR tiegħu li jkunu aktar stretti minn dawk applikati mill-awtoritajiet Ewropej għas-sistemi domestiċi tal-PNR tagħhom. Id-DHS ma jitlobx lill-awtoritajiet Ewropej biex jadottaw miżuri ta' protezzjoni tad-data fis-sistemi tal-PNR tagħhom li jkunu aktar stretti minn dawk applikati mill-Istati Uniti għas-sistema domestika tal-PNR tagħhom. Jekk ma tiġix sodisfatta l-aspettattiva tiegħu, id-DHS jirriżerva d-dritt li jissospendi d-dispożizzjonijiet rilevanti ta' l-ittra tad-DHS filwaqt li jwettaq konsultazzjonijiet ma' l-UE bil-ħsieb li tintlaħaq soluzzjoni minnufih u sodisfaċenti. Fil-każ li fl-Unjoni Ewropea jew f'wieħed jew aktar mill-Istati Membri tagħha tiġi implimentata sistema ta' informazzjoni dwar il-passiġġieri tal-linji ta' l-ajru, li tirrikjedi li trasportaturi bl-ajru jagħmlu disponibbli lill-awtoritajiet data tal-PNR għal persuni li l-itinerarju tal-vjaġġ tagħhom jinkludi titjira bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea, id-DHS bi ħsiebu, strettament fuq bażi ta' reċiproċità, jippromwovi attivament il-koperazzjoni tat-trasportaturi bl-ajru fil-ġurisdizzjoni tiegħu.
Sabiex irawwem il-koperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja, id-DHS ser jinkoraġġixxi t-trasferiment ta' informazzjoni analitika li ġejja mid-data tal-PNR mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Uniti għall-awtoritajiet tal-pulizija u dawk ġudizzjarji ta' l-Istati Membri konċernati u, fejn adatt, lill-Europol u l-Eurojust. Id-DHS jistenna li l-UE u l-Istati Membri tagħha ser jinkoraġġixxu bl-istess mod lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom biex jipprovdu informazzjoni analitika li ġejja mid-data tal-PNR lid-DHS u lil awtoritajiet konċernati oħrajn ta' l-Istati Uniti.
X. Reviżjoni:
Id-DHS u l-UE ser jirrevedu perjodikament l-implimentazzjoni tal-ftehim, din l-ittra, il-linji politiċi u l-prattiki ta' l-Istati Uniti u l-UE dwar il-PNR u kwalunkwe każ li fih kienet aċċessata data sensittiva, bil-għan li jsir kontribut lill-operat effettiv u l-protezzjoni tal-privatezza tal-prattiċi tagħna għall-ipproċessar tal-PNR. Fir-reviżjoni, l-UE ser tkun irrappreżentata mill-Kummissarju għall-Ġustizzja, il-Libertà u s-Sigurtà, u d-DHS ser ikun irrappreżentat mis-Segretarju tas-Sigurtà Interna, jew minn uffiċjal aċċettat b'mod reċiproku li kull parti tista' tiftiehem li taħtar. L-UE u d-DHS ser jiddeterminaw b'mod reċiproku l-modalitajiet dettaljati tar-reviżjonijiet.
L-Istati Uniti ser ifittxu b'mod reċiproku informazzjoni dwar sistemi tal-PNR ta' l-Istati Membri bħala parti minn din ir-reviżjoni perjodika, u rappreżentanti ta' l-Istati Membri li jżommu sistemi ta' PNR ser ikunu mistiedna biex jipparteċipaw fid-diskussjonijiet.
Aħna fiduċjużi li din l-ispjega kienet ta' għajnuna għalikom biex tifhmu kif aħna nittrattaw id-data tal-PNR ta' l-UE.
TRADUZZJONI
|
Segretarju Michael Chertoff |
|
Dipartiment tas-Sigurtà Interna ta' l-Istati Uniti |
|
Washington DC 20528 |
Grazzi ħafna għall-ittra tagħkom lill-Presidenza tal-Kunsill u lill-Kummissjoni li tispjega kif id-DHS jittratta d-data tal-PNR.
L-assigurazzjonijiet spjegati fl-ittra tagħkom mogħtija lill-Unjoni Ewropea jippermettu lill-Unjoni Ewropea tqis, għall-għanijiet tal-ftehim internazzjonali ffirmat bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta' PNR f’Lulju 2007 li d-DHS jiżgura livell adegwat ta' protezzjoni tad-data.
Abbażi ta' dan it-tagħrif, l-UE ser tieħu l-passi neċessarji kollha biex tiskoraġġixxi lil organizzazzjonijiet internazzjonali jew pajjiżi terzi milli jinterferixxu fi kwalunkwe trasferiment ta' PNR ta' l-UE lill-Istati Uniti. L-UE u l-Istati Membri tagħha ser iħeġġu wkoll lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom biex jipprovdu informazzjoni analitika li ġejja minn data tal-PNR lid-DHS u lil awtoritajiet konċernati oħrajn ta' l-Istati Uniti.
Nistennew bil-ħerqa li naħdmu magħkom u ma' l-industija ta' l-avjazzjoni biex niżguraw li l-passiġġieri jkunu infurmati dwar kif il-gvernijiet jistgħu jużaw l-informazzjoni tagħhom.