EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007D0540

2007/540/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 30 ta’ Lulju 2007 li temenda r-Regolament (KE) Nru 2037/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-użu tal- halon 2402 fil-Bulgarija (notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 3594)

ĠU L 198, 31.7.2007, p. 35–36 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2009; Impliċitament imħassar minn 32009R1005

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/540/oj

31.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 198/35


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-30 ta’ Lulju 2007

li temenda r-Regolament (KE) Nru 2037/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-użu tal-halon 2402 fil-Bulgarija

(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 3594)

(2007/540/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 2037/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Ġunju 2000 dwar sostanzi li jnaqqsu s-saff ta’ l-ożonu (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(4)(iv) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Kummissjoni, matul ir-reviżjoni stipulata fl-Artikolu 4(4)(iv) tar-Regolament (KE) Nru 2037/2000, u wara konsultazzjoni ma’ l-Istati Membri, waslet għal dawn l-iskoperti li ġejjin dwar l-użu tal-halon 2402.

(2)

Il-produzzjoni tal-halon 2402 fil-pajjiżi żviluppati waqfet fl-1 ta’ Jannar 1994 skond l-obbligi tal-Protokoll ta’ Montreal dwar is-Sustanzi li Jnaqqsu s-Saff ta’ l-Ożonu. Minn dak iż-żmien, kwalunkwe halon 2402 li jkun meħtieġ, irid jinkiseb minn faċilitajiet ta’ ħażniet speċjalizzati li kienu żammew l-halon wara li jkunu intużaw xi alternattivi minfloku.

(3)

Il-halon 2402 għad għandu xi użi fil-Bulgarija għat-trażżin ta’ nirien u splużjonijiet fil-vetturi ta’ l-art, bastimenti navali u l-ajruplani militari. Ir-Rumanija rrapurtat li m’għandha l-ebda użu għall-halon 2402.

(4)

Il-bdil fit-tagħmir ta’ kontra n-nar magħmul mill-halon b’aġenti alternattivi ta’ protezzjoni kontra n-nirien għandu jqis id-disponibilità ta’ alternattivi jew teknoloġiji li huma aċċettabbli mill-punt ta’ l-ambjent u s-saħħa. L-attivitajiet ta’ tiswija biex jitwaħħal tagħmir li ma jiddependix fuq il-halon għall-protezzjoni kontra n-nirien u l-isplużjonijiet fl-użi militari għandhom bżonn li jkunu skedati b’tali mod li jevitaw kompromessi inaċċettabbli fil-kapaċità difensiva ta’ l-Istati Membri. Diversi drabi jkun hemm bżonn ta’ konsiderazzjonijiet baġitarji speċjali u ta’ perjodu ta’ żmien biex issir il-bidla għal alternattiva, sabiex jadattaw aġenti alternattivi ta’ protezzjoni li jaħdmu bla periklu u effettivament. Bħalissa, għal tali użi, ma jeżistu l-ebda alternattivi li huma teknoloġikament jew ekonomikament possibbli.

(5)

L-Artikolu 4(4)(v) tar-Regolament (KE) Nru 2037/2000 jirrikjedi li l-halon installat f’tagħmir li mhux elenkat bħala li għandu użu kruċjali fl-Anness VII, għandu jkun dikommissjonat qabel il-31 ta’ Diċembru 2003, u li l-halon għandu jkun irkuprat skond l-Artikolu 16. Sabiex jikkwalifika għall-eżenzjoni ta’ l-użu kritiku li tħalli l-użu kontinwu tal-halon 2402 fil-Bulgarija li daħlet fl-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Jannar 2007, l-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 2037/2000 għandu jiġi emendat biex jippermetti lil dan l-aġent tat-tifi tan-nar jintuża għal użi speċifiċi.

(6)

Ir-Regolament (KE) Nru 2037/2000 għandu għalhekk jiġi emendat.

(7)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma bi qbil ma’ l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skond l-Artikolu 18(1) tar-Regolament (KE) Nru 2037/2000,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 2037/2000 hu emendat kif jidher fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, 30 ta’ Lulju 2007.

Għall-Kummissjoni

Stavros DIMAS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 244, 29.9.2000, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).


ANNESS

Fl-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 2037/2000, qed jiġi miżjud dan li ġej:

“L-użu tal-halon 2402 fil-Bulgarija biss:

fl-ajruplani għall-protezzjoni tal-kompartimenti ta’ l-ekwipaġġ, għall-kisi ta’ barra tal-magni, il-kompartimenti tat-tagħbija u l-kompartimenti niexfa, u għall-inerting tat-tankijiet tal-fjuwil,

f’vetturi u bastimenti militari għall-protezzjoni ta’ spazji meħuda minn kompartimenti tal-persunal u tal-magni.”


Top