Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007D0490

    2007/490/KE: Deċiżjoni tal-Kunsill tal- 5 ta’ Ġunju 2007 li tabroga d-Deċiżjoni 2003/89/KE dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv fil-Ġermanja

    ĠU L 183, 13.7.2007, p. 23–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/490/oj

    13.7.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 183/23


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tal-5 ta’ Ġunju 2007

    li tabroga d-Deċiżjoni 2003/89/KE dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv fil-Ġermanja

    (2007/490/KE)

    IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 104(12) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni,

    Billi:

    (1)

    Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/89/KE (1), wara rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 104(6) tat-Trattat, ġie deċiż li kien jeżisti defiċit eċċessiv fil-Ġermanja. Il-Kunsill innota li d-defiċit ġenerali tal-gvern kien ta’ 3,7 % tal-PGD fl-2002, ogħla sew mill-valur ta’ referenza tat-Trattat ta’ 3 % tal-PGD, filwaqt li d-dejn gross ġenerali tal-gvern kien mistenni li jilħaq 60,9 % tal-PGD, kemmxejn ogħla mill-valur ta’ referenza tat-Trattat ta’ 60 % tal-PGD.

    (2)

    Fil-21 ta’ Jannar 2003, skond l-Artikolu 104(7) tat-Trattat u l-Artikolu 3(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (2), il-Kunsill indirizza rakkomandazzjoni lill-Ġermanja bil-ħsieb li tiġi terminata s-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv malajr kemm jista’ jkun u sa mhux aktar tard mill-2004. Ir-rakkomandazzjoni ġiet pubblikata. Fid-dawl taċ-ċirkostanzi uniċi maħluqa mill-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2003 u tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea tat-13 ta’ Lulju 2004 (3), is-sena 2005 għandha tkun ikkunsidrata bħala l-iskadenza rilevanti għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv.

    (3)

    Skond il-Protokoll dwar il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv anness mat-Trattat, il-Kummissjoni tipprovdi d-data għall-implimentazzjoni tal-proċedura. Bħala parti mill-applikazzjoni ta’ dan il-Protokoll, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw id-data dwar id-defiċit u d-dejn tal-gvern u varjabbli assoċjati oħrajn darbtejn fis-sena, jiġifieri qabel l-1 ta’ April u qabel l-1 ta’ Ottubru, f’konformità ma’ l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3605/93 tat-22 ta’ Novembru 1993 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura tad-defiċit eċċessiv anness għat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (4).

    (4)

    Konsegwentement għal notifika provviżorja mogħtija mill-Ġermanja fi Frar 2006, id-data fil-fatt provduta mill-Kummissjoni (Eurostat) indikat li d-defiċit eċċessiv ma kienx ġie korrett sa l-2005. Filwaqt li aġixxa skond l-Artikolu 10(3) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, u abbażi ta’ rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, il-Kunsill fl-14 ta’ Marzu 2006 immedjatament ħa Deċiżjoni skond l-Artikolu 104(9) tat-Trattat fejn innotifika lill-Ġermanja biex tieħu l-miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit li huma kkunsidrati bħala neċessarji biex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv kemm jista’ jkun malajr u sa mhux aktar tard mill-2007 (5). Speċifikament, il-Kunsill iddeċieda li fl-2006 u l-2007, il-Ġermanja għandha tiżgura titjib kumulattiv fil-bilanċ nett aġġustat ċiklikament ta’ miżuri ta’ darba u dawk temporanji b’mill-inqas punt wieħed perċentwali.

    (5)

    Skond l-Artikolu 104(12) tat-Trattat, Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv għandha tiġi abrogata, meta, fil-fehma tal-Kunsill, id-defiċit eċċessiv fl-Istat Membru kkonċernat ikun ġie korrett.

    (6)

    Abbażi tad-data provduta mill-Kummissjoni (Eurostat) skond l-Artikolu 8 g(1) tar-Regolament (KE) Nru 3605/93 wara n-notifika mill-Ġermanja qabel l-1 ta’ April 2007 u tat-tbassir tar-Rebbiegħa 2007 tas-servizzi tal-Kummissjoni, huma kunsiljabbli l-konklużjonijiet li ġejjin:

    id-defiċit ġenerali tal-gvern, wara li tela’ minn 3,7 % tal-PGD fl-2002 għal 4,0 % tal-PGD fl-2003, tnaqqas għal 3,7 % tal-PGD fl-2004, għal 3,2 % tal-PGD fl-2005, u fl-aħħar għal 1,7 % tal-PGD fl-2006. Dan huwa inqas mill-mira ta’ 3,3 % tal-PGD stabbilit fl-aġġornament ta’ Frar 2006 tal-programm ta’ stabbiltà u ħafna anqas mill-valur ta’ referenza ta’ defiċit ta’ 3 % tal-PGD sena qabel l-iskadenza stabbilita mill-Kunsill,

    fis-snin preċedenti ta’ kondizzjonijiet ċikliċi favorevoli, il-Ġermanja ma kinitx ħolqot biżżejjed libertà baġitarja biex jiġi akkomodat il-perijodu mtawwal ta’ tkabbir bil-mod bejn l-2002 u l-2005 b’medja ta’ tkabbir reali tal-PGD ta’ 0,5 % fis-sena. Serje ta’ qtugħ fit-taxxi, imwettqa sa l-2005, kienu piż ieħor fuq il-baġit, filwaqt li l-miżuri ta’ kontrobilanċ fuq in-naħa ta’ l-infiq ġew implimentati biss wara xi dewmien. Miżuri ta’ konsolidazzjoni inkludew it-trażżin tas-salarji fis-settur pubbliku, flimkien ma’ tnaqqis fin-numru tal-persunal, ir-riforma tas-sistema tas-saħħa pubblika fl-2004, tnaqqis fis-sussidji u l-investiment pubbliku, iżda wkoll il-fatt li t-tkabbir baxx tas-salarji fis-settur privat naqqsu l-ħlasijiet għall-pensjonijiet. Barra minn hekk, fl-2006, it-taxxi diretti, speċjalment dawk relatati mal-profitti, iġġeneraw dħul aktar qawwi milli kienu bassru l-iżviluppi ekonomiċi. Il-bilanċ aġġustat ciklikament tjieb mill-2002 ‘il quddiem, mingħajr ir-rikors għal miżuri ta’ darba sinifikanti. B’mod partikolari fl-2006, il-bilanċ strutturali stmat, bl-esklużjoni ta’ miżuri ta’ darba u dawk temporanji, bħala perċentwal tal-PGD tjieb bi kważi punt perċentwali wieħed,

    għall-2007, it-tbassir tar-Rebbiegħa 2007 tas-servizzi tal-Kummissjoni jipprevedi li d-defiċit jitnaqqas iżjed għal 0,6 % tal-PGD, minħabba tkabbir qawwi kontinwat fil-PGD u, b’mod partikolari, iż-żieda fir-rata standard tal-VAT minn 16 % għal 19 % minn Jannar 2007 (m’hi previżta l-ebda miżura ta’ darba). Fin-notifika tar-Rebbiegħa 2007, l-awtoritajiet Ġermaniżi stmaw li d-defiċit ta’ l-2007 ikun ta’ 1,2 % tal-PGD. Barra minn hekk, is-servizzi tal-Kummissjoni jbassru titjib fil-bilanċ strutturali bħala perċentwal tal-PGD li jammonta għal Formula ta’ punt perċentwali fl-2007. B’hekk, jidher li l-Ġermanja tikkonforma mat-titjib rakkomandat fil-bilanċ strutturali ta’ mill-inqas punt perċentwali wieħed f’termini kumulattivi fl-2006 u l-2007. Għall-2008, it-tbassir tar-Rebbiegħa jipprevedi, b’linji politiċi li ma jinbidlux, tnaqqis ulterjuri fid-defiċit għal 0,3 % tal-PGD. Dan jindika li d-defiċit tnaqqas għal inqas mil-limitu ta’ 3 % tal-PGD b’mod kredibbli u sostenibbli. B’linji politiċi li ma jinbidlux, id-defiċit strutturali huwa mistenni li jonqos marġinalment biss fl-2008. Dan għandu jitqies kontra l-isfond tal-ħtieġa li jsir progress lejn l-objettiv ta’ żmien medju għall-pożizzjoni baġitarja, li għall-Ġermanja hija baġit ibbilanċjat f’termini strutturali,

    wara li tela’ minn 60,3 % tal-PGD fl-2002 għal massimu ta’ 67,9 % tal-PGD fl-2005, il-proporzjon ta’ dejn għall-PGD stabilizza fl-2006 u huma mistenni li jonqos għal 65,4 % tal-PGD fl-2007 u għal madwar 63Formula % sa l-2008 (fuq bażi li l-linji politiċi ma jinbidlux) skond it-tbassir tar-Rebbiegħa 2007 tas-servizzi tal-Kummissjoni, biex b’hekk jersaq eqreb lejn il-valur ta’ referenza aktar malajr milli previst fl-aġġornament l-aktar reċenti tal-programm ta’ stabbiltà.

    (7)

    Fil-fehma tal-Kunsill, id-defiċit eċċessiv fil-Ġermanja ġie korrett u għalhekk id-Deċiżjoni 2003/89/KE għandha tiġi abrogata,

    ADOTTA DIN ID-DECIZJONI:

    Artikolu 1

    Minn valutazzjoni ġenerali jirriżulta li s-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv fil-Ġermanja ġiet korretta.

    Artikolu 2

    Id-Deċiżjoni 2003/89/KE hija b’dan abrogata.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

    Magħmul fil-Lussemburgu, 5 ta’ Ġunju 2007.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    F. TEIXEIRA DOS SANTOS


    (1)  ĠU L 34, 11.2.2003, p. 16.

    (2)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1056/2005 (ĠU L 174, 7.7.2005, p. 5).

    (3)  Kawża C-27/04, Kummissjoni v. Kunsill, [2004] Ġabra I-6649.

    (4)  ĠU L 332, 31.12.1993, p. 7. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2103/2005 (ĠU L 337, 22.12.2005, p. 1).

    (5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/344/KE (ĠU L 126, 13.5.2006, p. 20).


    Top