EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007D0441

2007/441/KE: Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 18 ta’ Ġunju 2007 li tawtorizza lir-Repubblika Taljana sabiex tapplika miżuri ta’ deroga mill-Artikoli 26(1)(a) u 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

ĠU L 165, 27.6.2007, p. 33–34 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 09/12/2022

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/441/oj

27.6.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 165/33


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-18 ta’ Ġunju 2007

li tawtorizza lir-Repubblika Taljana sabiex tapplika miżuri ta’ deroga mill-Artikoli 26(1)(a) u 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

(2007/441/KE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)

F’ittra datata d-9 ta’ Ottubru 2006 u li ġiet reġistrata mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni fil-11 ta’ Ottubru 2006, l-Italja talbet awtorizzazzjoni sabiex tintroduċi miżuri ta’ deroga mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (2), li jirregolaw id-dritt ta’ persuna taxxabbli li tnaqqas il-VAT imħallsa fuq oġġetti ta’xiri, kif ukoll mid-dispożizzjonijiet li jeħtieġu dikjarazzjoni tat-taxxa fuq assi kummerċjali użati għal skopijiet privati.

(2)

Id-Direttiva 77/388/KEE ġiet sostitwita mid-Direttiva 2006/112/KE.

(3)

Skond l-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KEE, il-Kummissjoni ttrasmettiet, permezz ta’ ittra datata t-28 ta’ Frar 2007, lill-Istati Membri l-oħra t-talba magħmula mill-Italja. Permezz ta’ ittra datata l-21 ta’ Novembru 2006, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Italja li kellha l-informazzjoni kollha li hija kkunsidrat meħtieġa sabiex tivvaluta t-talba.

(4)

L-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE jistabbilixxi d-dritt ta’ persuna taxxabbli li tnaqqas il-VAT imposta fuq provvisti ta’ merkanzija u servizzi riċevuti minnha għall-użu fit-tranżazzjonijiet taxxabbli tagħha. L-Artikolu 26(1)(a) ta’ l-istess Direttiva tistipula li tiġi ddikjarata l-VAT meta xi assi kummerċjali jintuża b’mod privat.

(5)

Huwa diffiċli li jiġi identifikat preċiżament l-użu privat ta’ vetturi, u anki fejn dan ikun possibbli, il-mekkaniżmu meħtieġ spiss joħloq diffikultajiet. Taħt il-miżuri mitluba, l-ammont ta’ VAT fuq l-infiq eliġibbli għat-tnaqqis fir-rigward ta’ vetturi li ma jintużawx esklussivament għal skopijiet kummerċjali għandu jkun stabbilit f’rata perċentwali fissa, b’ċerti eċċezzjonijiet. Abbażi ta’ l-informazzjoni attwalment disponibbli, l-awtoritajiet Taljani jidhrilhom li rata ta’ 40 % tkun ġustifikabbli. Fl-istess waqt, sabiex ikun evitat l-intaxxar doppju, għandu jkun sospiż ir-rekwiżit li jittieħed kont tal-VAT fuq l-użu privat ta’ vettura, fejn din tkun suġġetta għal din ir-restrizzjoni. Dawn il-miżuri jistgħu jkunu ġġustifikati mill-ħtieġa tas-simplifikazzjoni tal-proċedura ta’ l-impożizzjoni tal-VAT u mill-ħtieġa tal-prevenzjoni ta’ l-evażjoni tat-taxxa li ssir permezz ta’ kontabbiltà skorretta.

(6)

Dawn il-miżuri ta’ deroga għandhom ikollhom limitu ta’ żmien, sabiex tkun permessa valutazzjoni ta’ l-effikaċja tagħhom u tal-perċentwal adatt, billi l-perċentwal propost huwa bbażat fuq konklużjonijiet inizjali dwar l-użu kummerċjali.

(7)

Fl-4 ta’ Novembru 2004, il-Kummissjoni ressqet proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 77/388/KEE, issa 2006/112/KE, fir-rigward tad-dritt għat-tnaqqis tal-VAT (3). Il-miżura ta’ deroga għandha tintemm mad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva proposta, jekk dan isir qabel id-data speċifikata f’din id-Deċiżjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B’deroga mill-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Italja hija b’dan awtorizzata sabiex tillimita għal 40 % id-dritt tat-tnaqqis tal-VAT imposta fuq l-infiq marbut mal-vetturi bil-mutur li ma jintużawx esklussivament għal skopijiet kummerċjali.

Artikolu 2

B’deroga mill-Artikolu 26(1)(a) tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Italja hija wkoll meħtieġa li ma tqisx bħala provvisti intaxxabbli ta’ servizzi bi ħlas l-użu għal skopijiet privati ta’ vetturi inklużi fl-assi ta’ negozju ta’ persuna taxxabbli fejn il-vettura kkonċernata tkun suġġetta għal restrizzjoni tad-dritt tat-tnaqqis taħt din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

L-infiq marbut ma’ vetturi huwa eskluż mir-restrizzjoni tad-dritt tat-tnaqqis kif awtorizzata minn din id-Deċiżjoni jekk il-vettura kkonċernata taqa’ fi kwalunkwe waħda minn dawn il-kategoriji li ġejjin:

il-vettura tifforma parti mill-istokk ta’ merkanzija tal-persuna taxxabbli fl-eżerċizzju ta’ l-attività tagħha;

il-vettura tintuża bħala taxi;

il-vettura tintuża għat-tagħlim minn skola tas-sewqan;

il-vettura tintuża għall-kiri jew leasing;

il-vettura tintuża minn rappreżentanti kummerċjali.

Artikolu 4

L-infiq relatat għandu jkopri x-xiri ta’ vettura, inklużi kuntratti ta’ muntaġġ u simili, il-manifattura, l-akkwist intra-Komunitarju, l-importazzjoni, il-leasing jew il-kiri, il-modifika, it-tiswija jew il-manutenzjoni, u l-infiq fuq provvisti jew servizzi mogħtija relattivament għal vetturi u għall-użu tagħhom, inklużi l-lubrikanti u l-karburant.

Artikolu 5

L-Artikolu 1 u 2 għandhom japplikaw għal kull vettura bil-mutur, minbarra t-tratturi li jintużaw fl-agrikoltura jew fil-forestrija, li tintuża normalment għall-ġarr ta’ persuni jew merkanzija fit-toroq b’massa massima awtorizzata ta’ mhux aktar minn 3 500 kilogramma u li jkollha mhux aktar minn tmien postijiet addizzjonalment għal dak tas-sewwieq.

Artikolu 6

Għandha tiġi preżentata valutazzjoni ta’ l-ewwel sentejn ta’ l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, inkluża reviżjoni tar-restrizzjoni perċentwali applikata, lill-Kummissjoni sentejn wara l-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, u f’kull każ qabel l-31 ta’ Diċembru 2009.

Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ regoli Komunitarji li jiddeterminaw l-infiq relatat mal-vetturi bil-mutur li ma jkunx eliġibbli għal tnaqqis totali tat-taxxa fuq il-valur miżjud, iżda mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2010.

Artikolu 8

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.

Magħmul fil-Lussemburgu, 18 ta’ Ġunju 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

F.-W. STEINMEIER


(1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2006/138/KE (ĠU L 384, 29.12.2006, p. 92).

(2)  ĠU L 145, 13.6.1977, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2006/98/KE (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 129).

(3)  ĠU C 24, 29.1.2005, p. 10.


Top