Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007D0394

    2007/394/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas- 7 ta’ Ġunju 2007 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 90/377/KEE li tikkonċerna l-proċedura Komunitarja biex tittejjeb it-trasparenza ta’ prezzijiet tal-gass u ta’ l-elettriku imposti fuq konsumaturi industrijali Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 148, 9.6.2007, p. 11–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 26/11/2008; Imħassar b' 32008L0092

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/394/oj

    9.6.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 148/11


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tas-7 ta’ Ġunju 2007

    li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 90/377/KEE li tikkonċerna l-proċedura Komunitarja biex tittejjeb it-trasparenza ta’ prezzijiet tal-gass u ta’ l-elettriku imposti fuq konsumaturi industrijali

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (2007/394/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/377/KEE tad-29 ta’ Ġunju 1990 li tikkonċerna l-proċedura Komunitarja biex tittejjeb it-trasparenza ta’ prezzijiet tal-gass u ta’ l-elettriku imposti fuq konsumaturi industrijali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6 tagħha,

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva 90/377/KEE tistipula dettalji li jikkonċernaw il-forma, il-kontenut u l-karatteristiċi l-oħrajn kollha ta’ l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-impriżi li jfornu l-gass jew l-elettriku lill-konsumaturi industrijali.

    (2)

    Il-metodoloġija użata biex tinġabar l-informazzjoni dwar il-prezz, jeħtieġ tinżamm aġġornata biex tirrifletti r-realtà tas-swieq kompetittivi ta’ l-elettriku u tal-gass, żviluppati skond id-Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2003 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam ta’ l-elettriku u li tħassar id-Direttiva 96/92/KE (2), u d-Direttiva 2003/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2003 rigward regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 98/30/KE (3), inkluż il-fatt li bosta fornituri issa huma attivi f’kull wieħed mis-swieq.

    (3)

    Id-Direttiva 90/377/KEE għandha għalhekk tiġi emendata skond dan.

    (4)

    Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 90/377/KEE.

    IDDEĊIDIET:

    Artikolu 1

    L-Annessi tad-Direttiva 90/377/KEE jinbidlu bit-test fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni se tidħol fis-seħħ fl-għoxrin ġurnata wara dik tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Magħmula fi Brussell, 7 ta’ Ġunju 2007.

    Għall-Kummissjoni

    Andris PIEBALGS

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 185, 17.7.1990, p. 16-24. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2006/108/KE (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 414)

    (2)  ĠU L 176, 15.7.2003, p. 37. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/653/KE (ĠU L 270, 29.9.2006, p. 72).

    (3)  ĠU L 176, 15.7.2003, p. 57.


    ANNESS

    ANNESS I

    PREZZIJIET TAL-GASS

    Il-prezzijiet tal-gass għall-konsumaturi industrijali (1) għandhom jinġabru u jiġu kkompilati skond il-metodoloġija li ġejja:

    (a)

    Il-prezzijiet li għandhom jiġu rrapportati huma dawk imħallsa mill-konsumaturi industrijali li jixtru l-gass naturali mqassam permezz tal-mains għall-użu tagħhom stess.

    (b)

    Huma meqjusa l-użi industrijali kollha tal-gass. Madankollu, is-sistema teskludi konsumaturi li jużaw il-gass:

    għall-ġenerazzjoni ta’ l-elettriku f’impjanti ta’ l-enerġija jew f’impjanti CHP,

    f’użi mhux ta’ l-enerġija (pereżempju, fl-industrija tal-kimika);

    f’ammonti ta’ ‘l fuq minn 4 000 000 Gigajoule (GJ) fis-sena.

    (ċ)

    Il-prezzijiet reġistrati għandhom ikunu bbażati fuq sistema ta’ kategoriji ta’ konsum standard definiti minn firxa ta’ konsum annwali tal-gass.

    (d)

    Il-prezzijiet se jinġabru darbtejn fis-sena, fil-bidu ta’ kull perjodu ta’ sitt xhur, (Jannar u Lulju) u se jirreferu għall-medja tal-prezz imħallsa mill-konsumaturi industrijali għall-gass fuq is-sitt xhur preċedenti. L-ewwel komunikazzjoni tad-dejta dwar il-prezz lill-Uffiċċju ta’ l-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej se tirreferi għas-sitwazzjoni fl-1 ta’ Jannar 2008.

    (e)

    Il-prezzijiet għandhom ikunu fil-valuta nazzjonali għal kull Gigajoule. Il-kejl ta’ l-unità ta’ l-enerġija użata jsir fuq bażi ta’ valur kalorifiku gross (GCV).

    (f)

    Il-prezzijiet għandhom jinkludu t-tariffi kollha li għandhom jitħallsu: it-tariffi tan-netwerk jingħaddu flimkien ma’ l-enerġija kkonsmata, jitnaqqas kwalunkwe roħs jew primjum, u jiżdiedu kwalunkwe tariffi oħra (il-kiri tal-meter, it-tariffi effettivi, eċċ.). It-tariffi tal-bidu għall-konnessjoni m’għandhomx jiġu inklużi.

    (g)

    Il-prezzijiet għandhom jiġu reġistrati bħala prezzijiet nazzjonali medji.

    (h)

    L-Istati Membri għandhom jiżviluppaw u jimplimentaw proċeduri effettivi f’termini ta’ nfiq sabiex jiżguraw sistema ta’ kompilazzjoni tad-dejta rappreżentattiva bbażata fuq ir-regoli li ġejjin:

    Il-prezzijiet se jirrappreżentaw prezzjijiet medji differenzjati, permezz ta’ l-ishma fis-swieq tal-fornituri tal-gass mistħarrġa, bħala fatturi taż-żidiet fl-għoli tal-ħajja. Prezzijiet medji aritmetiċi se jiġu pprovduti biss meta ċ-ċifri differenzjati ma jistgħux jiġu kkalkulati. F’kull każ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-istħarriġ ikopri sehem rappreżentattiv tas-suq nazzjonali.

    L-ishma tas-suq għandhom ikunu bbażati fuq il-kwantità tal-gass li għaliha nħarġet fattura mill-fornituri tal-gass lill-konsumaturi industrijali. Fejn hu possibbli, l-ishma tas-suq se jiġu kkalkulati separatament għal kull kategorija. L-informazzjoni użata għall-kalkolu tal-prezzijiet medji differenzjati se jkunu mmaniġġjati mill-Istati Membri filwaqt illi jiġu rispettati r-regoli ta’ kunfidenzjalità.

    Fl-interess tal-kunfidenzjalità, id-dejta li għandha x’taqsam mal-prezzijiet se tiġi kkomunikata biss fejn, fl-Istat Membru kkonċernat, hemm ta’ l-inqas tliet konsumaturi f’kull waħda mill-kategoriji msemmija fil-punt (j).

    (i)

    Tliet livelli ta’ prezzijiet għandhom jiġu pprovduti:

    Prezzijiet li jeskludu t-taxxi u l-levies.

    Prezzijiet li jeskludu l-VAT u taxxi oħra li jistgħu jiġu rkuprati.

    Prezzijiet li jinkludu t-taxxi, l-levies u l-VAT kollha.

    (j)

    Se jsir stħarriġ fuq il-prezzijiet tal-gass għall-kategoriji ta’ konsumaturi industrijali li ġejjin:

    Konsumaturi Industrijali

    Konsum annwali ta’ gass (GJ)

    L-inqas

    L-ogħla

    Kategorija-I1

     

    < 1 000

    Kategorija-I2

    1 000

    < 10 000

    Kategorija-I3

    10 000

    < 100 000

    Kategorija-I4

    100 000

    < 1 000 000

    Kategorija-I5

    1 000 000

    <= 4 000 000

    (k)

    Darba kull sentejn, flimkien mar-rapportar dwar il-prezz f’Jannar, għandha tiġi kkomunikata informazzjoni dwar is-sistema ta’ kompilazzjoni applikata, lill-Uffiċċju ta’ l-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, b’mod partikolari: deskrizzjoni ta’ l-istħarriġ u l-ambitu tiegħu (numru ta’ l-impriżi ta’ forniment li sar l-istħarriġ fuqhom, perċentwal aggregat tas-suq rappreżentat, eċċ.) u l-kriterji użati għall-kalkolu tal-prezzijiet medji differenzjati kif ukoll il-volumi aggregati ta’ konsum rappreżentati minn kull kategorija. L-ewwel komunikazzjoni relatata mas-sistema ta’ kompilazzjoni għandha tikkonċerna s-sitwazzjoni fl-1 ta’ Jannar 2008.

    (l)

    Darba fis-sena, flimkien mar-rapportar dwar il-prezz f’Jannar, għandhom jiġu kkomunikati l-karatteristiċi u l-fatturi medji ewlenin li jaffettwaw il-prezzijiet irrapportati għal kull kategorija ta’ konsum, lill-Uffiċċju ta’ l-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej.

    L-informazzjoni għandha tinkludi:

    Fatturi medji ta’ piż għall-konsumaturi industrijali li jikkorrispondu għal kull kategorija tal-konsum ikkalkulati fuq bażi ta’ l-enerġija totali fornuta u d-domanda medja massima.

    Deskrizzjoni dwar l-iskonti mogħtija għall-fornimenti li jistgħu jkunu interrotti.

    Deskrizzjoni tat-tariffi fis-seħħ, kirjiet tal-meter jew kwalunkwe tariffi oħra rilevanti fuq livell nazzjonali.

    (m)

    Darba fis-sena, flimkien mar-rapportar ta’ Jannar, għandhom jiġu rrapportati wkoll ir-rati u l-metodu ta’ kalkolu kif ukoll deskrizzjoni tat-taxxi imposti fuq il-konsumaturi industrijali. Id-deskrizzjoni għandha tinkludi kwalunkwe levy mhux fiskali li tkopri l-ispejjeż tas-sistema u l-obbligi tas-servizz pubbliku.

    Id-deskrizzjoni tat-taxxi li għandha tiġi pprovduta se tinkludi tliet taqsimiet separati b’mod ċar:

    It-taxxi, il-levies, il-levies mhux fiskali, id-drittijiet u kwalunkwe tariffi fiskali oħra mhux identifikati fil-fatturi pprovduti lill-konsumaturi industrijali. L-elementi kollha deskritti f’dan il-punt se jiġu inklużi maċ-ċifri rrapportati għal-livell tal-prezz: ‘Prezzijiet li jeskludu t-taxxi u l-levies’.

    Taxxi u levies identifikati fil-fatturi pprovduti lill-konsumaturi industrijali u kkunsidrati bħala li ma jistgħux jiġu rkuprati. Għalhekk, l-elementi kollha deskritti f’dan il-punt se jiġu inklużi maċ-ċifri rrapportati għal-livell tal-prezz: ‘Prezzijiet li jeskludu l-VAT u taxxi oħra li jistgħu jiġu rkuprati’.

    Taxxa fuq il-Valur Miżjud (VAT) u taxxi oħra li jistgħu jiġu rkuprati fil-fatturi pprovduti lill-konsumaturi industrijali. L-elementi kollha deskritti f’dan il-punt se jiġu inklużi maċ-ċifri rrapportati għal-livell tal-prezz: ‘Prezzijiet li jinkludu t-taxxi, l-levies u l-VAT kollha’.

    Deskrizzjoni tat-taxxi, levies, levies mhux fiskali, drittijiet u kwalunkwe tariffi fiskali differenti applikabbli:

    It-Taxxa fuq il-Valur Miżjud.

    Drittijiet ta’ konċessjoni. Dawn normalment jirreferu għal liċenzji u drittijiet għall-okkupazzjoni ta’ art u proprjetà pubblika jew privata minn netwerks jew apparat ieħor tal-gass.

    Taxxi jew levies ambjentali. Dawn normalment jirreferu għall-promozzjoni tas-sorsi ta’ l-enerġija rinovabbli jew is-CHP jew bħala piż fuq l-emissjonijiet tas-CO2, SO2 jew aġenti oħra relatati mal-bidla fil-klima.

    Taxxi jew levies oħra marbuta mas-settur ta’ l-enerġija: obbligi/tariffi tas-servizz pubbliku, levies għall-iffinanzjar ta’ awtoritajiet regolatorji ta’ l-enerġija, eċċ.

    Taxxi jew levies oħra mhux marbuta mas-settur ta’ l-enerġija: taxxi fiskali nazzjonali, lokali u reġjonali fuq l-enerġija kkonsmata, taxxi fuq id-distribuzzjoni tal-gass, eċċ.

    Taxxi fuq d-dħul, taxxi fuq proprjetà, żejt għall-karozzi, taxxi għall-użu tat-toroq, taxxi fuq liċenzji tat-telekomunikazzjoni, radju, reklamar, tariffi għal-liċenzji, taxxi fuq l-iskart, eċċ. mhux se jitqiesu u huma esklużi minn din id-deskrizzjoni peress li dawn huma, bla ebda dubju, parti mill-ispejjeż ta’ l-operaturi u japplikaw ukoll għal industriji jew attivitajiet oħra.

    (n)

    Fi Stati Membri fejn kumpanija waħda tkopri l-bejgħ industrijali kollu, it-tagħrif jista’ jiġi nnotifikat minn dik il-kumpanija. Fi Stati Membri fejn joperaw iktar minn kumpanija waħda, it-tagħrif għandu jiġi nnotifikat minn korp indipendenti ta’ l-istatistika.

    ANNESS II

    PREZZIJIET TA’ L-ELETTRIKU

    Il-prezzijiet ta’ l-elettriku għall-konsumaturi industrijali (2) li għandhom jinġabru u jiġu kkompilati skond il-metodoloġija li ġejja:

    (a)

    Il-prezzijiet li għandhom jiġu rrapportati huma prezzijiet imħallsa mill-konsumaturi industrijali li jixtru l-elettriku għall-użu tagħhom stess.

    (b)

    Għandhom jitqiesu l-użi kollha industrijali ta’ l-elettriku.

    (ċ)

    Il-prezzijiet reġistrati għandhom ikunu bbażati fuq sistema ta’ kategoriji ta’ konsum standard definiti minn firxa ta’ konsum annwali ta’ l-elettriku.

    (d)

    Il-prezzijiet se jinġabru darbtejn fis-sena, fil-bidu ta’ kull perjodu ta’ sitt xhur, (Jannar u Lulju) u se jirreferu għall-medja tal-prezz imħallsa mill-konsumaturi industrijali għall-elettriku fuq is-sitt xhur preċedenti. L-ewwel komunikazzjoni tad-dejta dwar il-prezz lill-Uffiċċju ta’ l-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej se tirreferi għas-sitwazzjoni fl-1 ta’ Jannar 2008.

    (e)

    Il-prezzijiet għandhom ikunu fil-valuta nazzjonali għal kull kWh.

    (f)

    Il-prezzijiet għandhom jinkludu t-tariffi kollha applikabbli: it-tariffi tan-netwerk jingħaddu flimkien ma’ l-enerġija kkonsmata, jitnaqqas kwalunkwe roħs jew primjum, u jiżdiedu kwalunkwe tariffi oħra (tariffi skond id-domanda, il-kummerċjalizzazzjoni, il-kiri tal-meter, eċċ.). It-tariffi tal-bidu għall-konnessjoni m’għandhomx jiġu inklużi.

    (g)

    Il-prezzijiet għandhom jiġu reġistrati bħala prezzijiet nazzjonali medji.

    (h)

    L-Istati Membri għandhom jiżviluppaw u jimplimentaw proċeduri effettivi f’termini ta’ nfiq sabiex jiżguraw sistema ta’ kompilazzjoni tad-dejta rappreżentattiva bbażata fuq ir-regoli li ġejjin:

    Il-prezzijiet se jirrappreżentaw prezzijiet medji differenzjati permezz ta’ l-użu tas-sehem fis-suq ta’ l-impriżi li jfornu l-elettriku li ġew mistħarrġa bħala fatturi taż-żidiet fl-għoli tal-ħajja. Prezzijiet medji aritmetiċi se jkunu pprovduti biss meta l-figuri differenzjati ma jistgħux jiġu kkalkulati. F’kull każ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-istħarriġ ikopri sehem rappreżentattiv tas-suq nazzjonali.

    L-ishma tas-suq għandhom ikunu bbażati fuq il-kwantità ta’ elettriku li għaliha nħarġet fattura mill-fornituri ta’ l-elettriku lill-konsumaturi industrijali. Fejn hu possibbli, l-ishma tas-suq se jiġu kkalkulati separatament għal kull kategorija. L-informazzjoni użata biex jiġu kkalkulati l-prezzijiet medji differenzjati se tkun immaniġġjata mill-Istati Membri, filwaqt illi jkunu rrispettati r-regoli tal-kunfidenzjalità.

    Fl-interess tal-kunfidenzjalità, id-dejta li għandha x’taqsam mal-prezzijiet se tiġi kkomunikata biss fejn, fl-Istat Membru kkonċernat, hemm ta’ l-inqas tliet konsumaturi f’kull waħda mill-kategoriji msemmija fil-punt (j).

    (i)

    Għandhom jiġu pprovduti tliet livelli ta’ prezzijiet:

    Prezzijiet li jeskludu t-taxxi u l-levies.

    Prezzijiet li jeskludu l-VAT u taxxi oħra li jistgħu jiġu rkuprati.

    Prezzijiet li jinkludu t-taxxi, l-levies u l-VAT kollha.

    (j)

    Se jsir stħarriġ fuq il-prezzijiet ta’ l-elettriku għall-kategoriji ta’ konsumaturi industrijali li ġejjin:

    Konsumatur Industrijali

    Konsum annwali ta’ l-elettriku (MWh)

    L-inqas

    L-ogħla

    Kategorija-IA

     

    < 20

    Kategorija-IB

    20

    < 500

    Kategorija-IC

    500

    < 2 000

    Kategorija-ID

    2 000

    < 20 000

    Kategorija-IE

    20 000

    < 70 000

    Kategorija-IF

    70 000

    <= 150 000

    (k)

    Darba kull sentejn, flimkien mar-rapportar dwar il-prezz f’Jannar, għandha tiġi kkomunikata informazzjoni dwar is-sistema ta’ kompilazzjoni applikata lill-Uffiċċju ta’ l-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, b’mod partikolari: Deskrizzjoni ta’ l-istħarriġ u l-ambitu tiegħu (l-għadd ta’ fornituri mistħarrġa, il-perċentwal aggregat tas-suq rappreżentat, eċċ.) u l-kriterji użati għall-kalkolu tal-prezzijiet medji differenzjati kif ukoll tal-volumi aggregati ta’ konsum li kull kategorija tirrappreżenta. L-ewwel komunikazzjoni relatata mas-sistema ta’ kompilazzjoni għandha tikkonċerna s-sitwazzjoni fl-1 ta’ Jannar 2008.

    (l)

    Darba fis-sena, flimkien mar-rapportar dwar il-prezz f’Jannar, għandhom jiġu kkomunikati l-karatteristiċi u l-fatturi medji ewlenin li jaffettwaw il-prezzijiet reġistrati għal kull kategorija ta’ konsum, lill-Uffiċċju ta’ l-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej.

    L-informazzjoni li għandha tingħata għandha tinkludi:

    Il-fatturi medji ta’ konsum mill-konsumaturi industrijali li jikkorrispondu ma’ kull kategorija ta’ konsum, ikkalkulati fuq bażi ta’ l-enerġija totali pprovduta u l-medja tad-domanda massima.

    Tabella li tindika l-limiti tal-vultaġġ għal kull pajjiż.

    Deskrizzjoni tat-tariffi fis-seħħ, kirjiet tal-meter jew kwalunkwe tariffi oħra rilevanti fuq livell nazzjonali.

    (m)

    Darba fis-sena, flimkien mar-rapportar dwar il-prezz ta’ Jannar, għandhom jiġu rapportati wkoll ir-rati u l-metodu ta’ kalkolu kif ukoll deskrizzjoni tat-taxxi imposti għall-bejgħ ta’ l-elettriku fuq il-konsumaturi industrijali. Id-deskrizzjoni għandha tinkludi kwalunkwe levy mhux fiskali li tkopri l-ispejjeż tas-sistema u l-obbligi tas-servizz pubbliku.

    Id-deskrizzjoni dwar it-taxxi li għandha tiġi pprovduta se tinkludi tliet taqsimiet separati b’mod ċar:

    It-taxxi, il-levies, il-levies mhux fiskali, id-drittijiet u kwalunkwe tariffi fiskali oħra mhux identifikati fil-fatturi pprovduti lill-konsumaturi industrijali. L-elementi kollha deskritti f’dan il-punt se jiġu inklużi maċ-ċifra rrapportata għal-livell tal-prezz: ‘Prezzijiet li jeskludu t-taxxi u l-levies’.

    Taxxi u levies identifikati fil-fatturi pprovduti lill-konsumaturi industrijali u kkunsidrati bħala li ma jistgħux jiġu rkuprati. L-elementi kollha deskritti f’dan il-punt se jiġu inklużi maċ-ċifri rrapportati għal-livell tal-prezz: ‘Prezzijiet li jeskludu l-VAT u taxxi oħra li jistgħu jiġu rkuprati’.

    Taxxa fuq il-Valur Miżjud (VAT) u taxxi oħra li jistgħu jiġu rkuprati fil-fatturi pprovduti lill-konsumaturi industrijali. L-elementi kollha deskritti f’dan il-punt se jiġu inklużi maċ-ċifri rrapportati għal-livell tal-prezz: ‘Prezzijiet li jinkludu t-taxxi, l-levies u l-VAT kollha’.

    Deskrizzjoni tat-taxxi, levies, levies mhux fiskali, drittijiet u kwalunkwe tariffi fiskali differenti li jistgħu jkunu applikabbli:

    It-Taxxa fuq il-Valur Miżjud.

    Drittijiet ta’ konċessjoni. Dawn normalment jirreferu għal-liċenzji u t-tariffi għall-okkupazzjoni ta’ art u proprjetà pubblika jew privata min-netwerks jew apparat ieħor ta’ l-elettriku.

    Taxxi jew levies ambjentali. Dawn normalment jirreferu jew għall-promozzjoni ta’ sorsi ta’ l-enerġija rinnovabbli jew is-CHP, jew bħala piż għas- CO2, SO2 jew emissjonijiet minn aġenti oħra relatati mal-bidla fil-klima.

    Taxxi għal-Spezzjonijiet Nukleari jew għal spezzjonijiet oħra: tariffi għad-dekommissjonar nukleari, spezzjonijiet u tariffi għall-istallazzjonijiet nukleari, eċċ.

    Taxxi jew levies oħra marbuta mas-settur ta’ l-enerġija: Obbligi/tariffi tas-servizz pubbliku, levies għall-iffinanzjar ta’ l-awtoritajiet regolatorji ta’ l-enerġija, eċċ.

    Taxxi jew levies oħra mhux marbuta mas-settur ta’ l-enerġija: taxxi fiskali nazzjonali, lokali u reġjonali fuq l-enerġija kkonsmata, taxxi fuq id-distribuzzjoni ta’ l-elettriku, eċċ.

    Taxxi fuq id-dħul, taxxi fuq proprjetà, taxxi tas-sisa fuq il-prodotti taż-żejt u l-fjuwil li mhumiex għall-ġenerazzjoni ta’ l-elettriku, żejt għall-karozzi, taxxi għall-użu tat-toroq, taxxi fuq il-liċenzji għat-telekomunikazzjoni, radju, reklamar, tariffi għal-liċenzji, taxxi fuq l-iskart, eċċ., mhux se jitqiesu u huma esklużi minn din id-deskrizzjoni peress li huma parti, mingħajr ebda dubju, mill-ispejjeż ta’ l-operaturi u japplikaw għal industriji jew attivitajiet oħra.

    (n)

    Darba fis-sena, flimkien mar-rapportar dwar il-prezz f’Jannar, għandu jiġi nnotifikat lill-Uffiċċju ta’ l-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, it-tqassim tal-prezzijiet ta’ l-elettriku fil-komponenti ewlenin tagħhom. Dan it-tqassim tal-prezzijiet ta’ l-elettriku fil-komponenti ewlenin tagħhom se jkun ibbażat fuq il-metodoloġija li ġejja:

    Il-prezz sħiħ ta’ l-elettriku għall-kategorija ta’ konsum jista’ jitqies bħala s-somma globali tal-prezzijiet tan-‘Netwerk’, il-prezzijiet għall-‘Enerġija u l-Forniment’ (jiġifieri, mill-ġenerazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni, minbarra n-netwerks) u t-taxxi u l-levies kollha.

    Il-prezz tan-‘Netwerk’ huwa l-proporzjon bejn id-dħul relatat mat-tariffi tat-trażmissjoni u d-distribuzzjoni u (jekk possibbli) il-volum korrispondenti ta’ kWh għal kull kategorija ta’ konsum. Jekk il-volumi separati ta’ kWh għal kull kategorija mhumiex disponibbli, għandhom jiġu pprovduti stimi tagħhom.

    Il-prezz ta’ ‘l-Enerġija u l-Forniment’ huwa l-prezz totali mingħajr il-prezz tan-‘Netwerk’ u mingħajr it-taxxi u l-levies kollha.

    Taxxi u levies. Għal dan il-komponent, tqassim addizzjonali se jiġi pprovdut:

    Taxxi u levies fuq il-prezzijiet tan-‘Netwerk’.

    Taxxi u levies fuq il-prezzijiet ta’ ‘l-Enerġija u l-Forniment’.

    VAT u taxxi oħra li jistgħu jiġu rkuprati.

    NOTA: Jekk is-servizzi komplementari jiġu identifikati separatament, dawn jistgħu jiġu allokati f’wieħed miż-żewġ komponenti ewlenin kif ġej:

    Il-prezz tan-‘Netwerk’ se jinkludi l-ispejjeż li ġejjin: It-tariffi tat-trażmissjoni u d-distribuzzjoni, it-telf tat-trażmissjonijiet u d-distribuzzjoni, l-ispejjeż tan-netwerk, is-servizz ta’ wara l-bejgħ, l-ispejjeż tas-servizz tas-sistema u l-kiri tal-meter.

    Il-prezz ta’ ‘l-Enerġija u l-Forniment’ se jinkludi l-ispejjeż li ġejjin: Il-ġenerazzjoni, l-aggregazzjoni, l-enerġija ta’ bilanċ, l-ispejjeż ta’ l-enerġija fornuta, is-servizzi lill-klijent, l-immaniġġjar ta’ wara l-bejgħ, il-metering u spejjeż oħra ta’ forniment.

    Spejjeż oħra speċifiċi. Dawn jirrappreżentaw spejjeż li la huma spejjeż tan-netwerk, la spejjeż ta’ ‘l-Enerġija u l-Forniment’ u lanqas taxxi. Jekk jeżistu spejjeż bħal dawn, għandhom jiġu rrapportati separatament.

    (o)

    Fl-Istati Membri, meta kumpanija waħda tkopri l-bejgħ industrijali kollu, l-informazzjoni għandha tkun ikkomunikata minn dik il-kumpanija. Fi Stati Membri fejn joperaw iktar kumpaniji, l-informazzjoni għandha tkun ikkomunikata minn korp indipendenti ta’ l-istatistika.


    (1)  Konsumaturi industrijali jistgħu jinkludu utenti mhux residenzjali.

    (2)  Konsumaturi industrijali jistgħu jinkludu wkoll konsumaturi mhux residenzjali.


    Top