EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007D0322

2007/322/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta’ l- 4 ta’ Mejju 2007 li tistipula miżuri ta’ ħarsien dwar l-użi ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom it- tolylfluanid li jwassal għall-kontaminazzjoni ta’ l-ilma għax-xorb (notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 1865) Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 119, 9.5.2007, p. 49–50 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/322/oj

9.5.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 119/49


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

ta’ l-4 ta’ Mejju 2007

li tistipula miżuri ta’ ħarsien dwar l-użi ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom it-tolylfluanid li jwassal għall-kontaminazzjoni ta’ l-ilma għax-xorb

(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 1865)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2007/322/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(2) tagħha,

Billi:

(1)

It-tolylfluanid hija sustanza attiva inkluża fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/6/KE (2).

(2)

Fit-23 ta’ Frar 2007 il-Ġermanja għarrfet lill-Kummissjoni li sar magħruf dan l-aħħar li t-tolylfluanid jista’ jkollu effett mhux mistenni fuq l-ilma għax-xorb. B’mod speċifiku, l-użu ta’ ċertu prodott ta’ ħarsien għall-pjanti “Euparen M WG” li fih it-tolylfluanid, iwassal għall-formazzjoni ta’ prodott metaboliku tat-tolylfluanid, jiġifieri dimethylsulfamide, li wisq probabbli jinsab fil-ħamrija, u fl-ilma ta’ taħt l-art u l-ilma tal-wiċċ. Permezz ta’ proċess ta’ preparazzjoni għall-ilma għax-xorb (ożonizzazzjoni) dan il-metabolit jinbidel f’nitrosamin (NDMA) li huwa ta’ ħsara għas-saħħa.

(3)

Sustanzi oħra attivi bi struttura molekulari simili bħat-tolylfluanid jistgħu jgħaddu mill-istess mogħdija ta’ degradazzjoni.

(4)

In-nitrosamini huma suspettati jew pruvati bħala sustanzi ġenotossiċi u karċinoġeniċi u l-preżenza tagħhom fl-ilma għax-xorb tista’ tiġi evitata.

(5)

L-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 91/414/KEE jistipula li jekk Stat Membru għandu raġuni valida biex iqis li prodott li awtorizza jew hu obbligat li jawtorizza skond l-Artikolu 10 jikkostitwixxi riskju għas-saħħa tal-bniedem jew ta’ l-annimali jew għall-ambjent, jista’ jirrestrinġi b’mod proviżorju jew jipprojbixxi l-użu u/jew il-bejgħ ta’ dak il-prodott fuq it-territorju tiegħu. Għandu minnufih jgħarraf lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b’dan filwaqt li jagħti r-raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu.

(6)

Skond tagħrif li wasal, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, l-Irlanda, Spanja, l-Italja, il-Lussemburgu, l-Awstrija, il-Polonja, l-Iżvezja u r-Renju Unit diġà ssospendew l-użu għal barra ta’ prodotti li fihom it-tolylfluanid.

(7)

L-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 91/414/KEE jistipula li għandha tittieħed deċiżjoni dwar il-kwistjoni f’livell Komunitarju. F’dan il-każ, jeħtieġu miżuri urġenti biex jiżguraw li l-użu ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom it-tolylfluanid ma jwasslux għall-kontaminazzjoni ta’ l-ilma għax-xorb. Il-problema mhijiex ristretta għal Stat Membru wieħed biss, billi l-kontaminazzjoni ta’ l-ilma ta’ taħt l-art jew ta’ l-ilma għax-xorb jista’ jkollhom effetti tul il-fruntieri nazzjonali. Kif stipulat fid-disa’ premessa, id-Direttiva 91/414/KEE timmira lejn livell għoli ta’ ħarsien fir-rigward tas-saħħa, ta’ l-ilma ta’ taħt l-art u ta’ l-ambjent. Il-ħames premessa tad-Direttiva 91/414/KEE turi li din għandha l-għan ukoll li tipprevjeni ostakoli żejda għall-kummerċ. Miżuri unilaterali mill-Istati Membri jistgħu jwasslu għal livelli differenti ta’ ħarsien, u jistgħu wkoll ifixklu l-kummerċ fil-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti. B’konsegwenza ta’ dan, jeħtieġ li jiġu adottati miżuri f’livell Komunitarju.

(8)

Fil-każ preżenti, it-twissija permezz tat-tikkettjar mhijiex biżżejjed biex tħares is-saħħa tal-bniedem.

(9)

Jista’ jinġabar tagħrif addizzjonali li jippermetti lill-Kummissjoni tirrevedi d-Direttiva 91/414/KEE jekk meħtieġ fir-rigward tat-tolylfluanid. Għandu wkoll jiġi investigat jekk l-istess problemi jistgħux jitfaċċaw fir-rigward ta’ sustanzi oħrajn li attwalment qed jiġu valutati jew li diġà ġew valutati f’livell Komunitarju. B’konsegwenza ta’ dan, kull Stat Membru li nħatar bħala relatur għall-valutazzjoni ta’ sustanza attiva skond id-Direttiva 91/414/KEE għandu jinvestiga mingħajr dewmien jekk l-użu tal-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom dik is-sustanza jistgħux iwasslu għal tħassib simili għal dan.

(10)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Istati Membri li fihom jintuża l-ożonu għat-trattament ta’ l-ilma għax-xorb għandhom ivarjaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjonijiet tagħhom ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom it-tolylfluanid billi jipprojbixxu kwalunkwe użu li jista’ jwassal għall-kontaminazzjoni ta’ l-ilma ta’ taħt l-art jew ta’ l-ilma tal-wiċċ minħabba fit-tolylfluanid jew il-prodottii metaboliċi tiegħu, li jirriżulta fil-kontaminazjoni ta’ l-ilma għax-xorb bin-nitrosamini matul il-proċess ta’ ożonizzazzjoni.

Artikolu 2

Għas-sustanzi attivi li għalihom huma relaturi, l-Istati Membri għandhom jinvestigaw mingħajr dewmien jekk l-użu tal-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom sustanzi bħal dawn, jistgħux iwasslu għal tħassib simili. Jekk l-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 1 għandhom xi indikazzjonijiet li n-nitrosamini huma ffurmati u qed jikkontaminaw l-ilma għax-xorb huma għandhom jieħdu miżuri simili bħal dawk stipulati fl-Artikolu 1.

Artikolu 3

L-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 1 għandhom jiżguraw li n-notifikaturi, li fuq it-talba tagħhom it-tolylfluanid ġie inkluż fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE iressqu lill-Istat Membru Relatur fi żmien tliet xhur mid-data ta’ notifika ta’ din id-deċiżjoni, studji dwar

(a)

l-imġiba lissija ta’ din is-sustanza attiva, u

(b)

il-kundizzjonijiet li fihom il-formazzjoni ta’ nitrosamini jistgħu jiġu esklużi.

Artikolu 4

L-Istati Membri ikkonċernati bl-Artikoli 1 u 2 għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni minnufih dwar il-miżuri mittieħda. Fi żmien tliet xhur mid-data ta’ notifika ta’ din id-deċiżjoni, huma għandhom ukoll iressqu quddiem il-Kummissjoni deskrizzjoni ġenerali ta’ l-azzjonijiet li ħadu minħabba f’din id-Deċiżjoni.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, 4 ta’ Mejju 2007.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2007/25/KE (ĠU L 106, 24.4.2007, p. 34).

(2)  ĠU L 12, 18.1.2006, p. 21.


Top