Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007D0265

2007/265/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas- 26 ta' April 2007 li temenda l-Anness E tad-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE biex tinkludi miżuri tas-saħħa supplimentari għall-kummerċ tan-naħal ħaj, u sabiex taġġorna l-mudelli taċ-ċertifikati tas-saħħa (notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 1811) Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 114, 1.5.2007, pp. 17–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 20/04/2021; Impliċitament imħassar minn 32016R0429

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/265/oj

1.5.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 114/17


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-26 ta' April 2007

li temenda l-Anness E tad-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE biex tinkludi miżuri tas-saħħa supplimentari għall-kummerċ tan-naħal ħaj, u sabiex taġġorna l-mudelli taċ-ċertifikati tas-saħħa

(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 1811)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2007/265/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE tat-13 ta’ Lulju 1992 li tistabbilixxi l-ħtiġijiet dwar saħħa ta’ l-annimali li jirregolaw il-kummerċ u l-importazzjoni fil-Komunità ta’ annimali, semen, ova u embrijuni mhux suġġetti għal ħtiġijiet ta’ saħħa ta’ l-annimali stabbiliti f’regoli speċifiċi tal-Komunità li hemm referenza għalihom fl-Anness A(1) ta’ Direttiva 90/425/KEE (1), u b’mod partikolari fl-Artikolu 22 tagħha,

Billi:

(1)

Il-mudell taċ-ċertifikat għall-kummerċ intra-Komunitarju tan-naħal ħaj (Apis mellifera) hu stipulat fil-Parti 2 ta’ l-Anness E tad-Direttiva 92/65/KEE. F’dan iċ-ċertifikat tas-saħħa, m’hemm l-ebda rekwiżiti tas-saħħa ta’ l-annimali f’dak li għandu x’jaqsam mal-ħanfusa ż-żgħira tal-ġarar tan-naħal (Aethina tumida) jew it-Tropilaelaps mite (Tropilaelaps spp.), peress li dawn l-impestazzjonijiet qatt ma ġew irreġistrati fil-Komunità.

(2)

Madankollu, sabiex tiġi riflessa t-theddida potenzjali ta’ dawn l-annimali ta’ ħsara, il-preżenza tagħhom hi issa suġġetta għal notifika ta’ l-OIE obbligatorja (l-Uffiċċju Internazzjonali tal-Mard Epiżootiku) u ġew stipulati miżuri ta’ ħarsien dwar l-importazzjoni ta’ naħal ħaj minn pajjiżi terżi fid-Deċiżjoni 2003/881/KE (2).

(3)

Minkejja dawn il-miżuri, jekk dawn l-annimali ta’ ħsara jiddaħħlu fil-Komunità, jeħtieġ li jitwaqqfu miżuri ta’ ħarsien supplimentari sabiex jillimitaw il-firxa tal-mard mal-Komunità kollha. Għalhekk jeħtieġ li ċ-ċertifikat għall-kummerċ intra-Komunitarju għal naħal ħaj u naħal bagħal jiġi vverifikat sabiex jintroduċi rekwiżiti għas-saħħa ta’ l-annimali rigward l-impestazzjonijiet tal-ħanfusa ż-żgħira tal-ġarar tan-naħal u t-Tropilaelaps mite.

(4)

Dawn ir-rekwiżiti għandhom ikunu mmirati biex jillimitaw il-movimenti tan-naħal ħaj (Apis mellifera) u n-naħal bagħal (Bombus spp.) miż-żoni infettati. B’kunsiderazzjoni tal-ħila tal-ħanfusa ż-żgħira tal-ġarar tan-naħal u t-Tropilaelaps mite li jinfirxu malajr, iż-żona li għandha titqies taħt restrizzjoni fil-każ ta’ tifqigħa ta’ din il-marda għandha tkun mill-inqas 100 kilometru ‘l bogħod mill-post infettat.

(5)

Barra minn hekk, Sistema Esperta tal-Kontroll tal-Kummerċ (Traces), sistema veterinarja kompjuterizzata integrata, twaqqfet skond id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/623/KE (3). Sabiex Traces taħdem b’mod effettiv kemm jista’ jkun, il-mudelli għaċ-ċertifikati għall-kummerċ intra-Komunitarju għandhom ikunu kompatibbli ma’ din is-sistema elettronika.

(6)

Għalhekk, iċ-ċertifikati tas-saħħa fl-Anness E tad-Direttiva 92/65/KEE għandhom ikunu emendati sabiex iħaffu l-operazzjoni ta’ Traces, u ċ-ċertifikat tas-saħħa fil-Parti 2 ta’ l-Anness E, barra minn hekk, għandu jkun emendat biex jinkludi l-miżuri tas-saħħa supplimentari għall-kummerċ tan-naħal ħaj u n-naħal bagħal.

(7)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness E għad-Direttiva 92/65/KEE huwa ssostitwit bl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Mejju 2007.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, 26 ta’ April 2007.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 268, 14.9.1992, p. 54. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2004/68/KE (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 321).

(2)   ĠU L 328, 17.12.2003, p. 26. Id-Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2005/60/KE (ĠU L 25, 28.1.2005, p. 64).

(3)   ĠU L 216, 28.8.2003, p. 58.


ANNESS

“ANNESS

L-ewwel Parti –   Ċertifikat tas-Saħħa għall-kummerċ ta’ l-annimali mill-irziezet

Image 1

Test ta 'immaġni

Image 2

Test ta 'immaġni

Image 3

Test ta 'immaġni

Il-Parti 2 –   Ċertifikat tas-saħħa għall-kummerċ tal-kolonji tan-naħal/irġejjen tan-naħal u tan-naħal bagħal

Image 4

Test ta 'immaġni

Image 5

Test ta 'immaġni

Il-Parti 3 –   Ċertifikat tas-saħħa għall-kummerċ ta’ l-annimali, sperma, embrijuni jew ova minn entitajiet, istituti jew ċentri approvati

Image 6

Test ta 'immaġni

Image 7

Test ta 'immaġni

Top